Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshofs (il-Ġermanja) fil-21 ta’ Diċembru 2023 – konektra GmbH u LN vs USM U. Schärer Söhne AG

(Kawża C-795/23, konektra)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: konektra GmbH, LN

Konvenut: USM U. Schärer Söhne AG

Domandi preliminari

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija adita bid-domandi preliminari sussegwenti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni 1 :

Fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ arti applikata, teżisti relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni taħt id-dritt tad-disinni u l-protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur fis-sens li, meta tkun qiegħda tiġi eżaminata l-oriġinalità ta’ dawn ix-xogħlijiet fid-dawl tad-drittijiet tal-awtur, għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-għażliet liberi u kreattivi tad-disinjatur rekwiżiti ogħla, fatt li ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ xogħlijiet?

Meta tkun qiegħda tiġi eżaminata l-oriġinalità fid-dawl tad-drittijiet tal-awtur, huwa neċessarju li wieħed jibbaża ruħu (wkoll) fuq il-perċezzjoni suġġettiva tad-disinjatur fir-rigward tal-proċess kreattiv u d-disinjatur għandu b’mod partikolari ikun għamel l-għażliet liberi u kreattivi b’mod intenzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala tali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ fejn, meta tkun qiegħda tiġi eżaminata l-oriġinalità, ikun neċessarju li wieħed jibbaża ruħu b’mod deċiżiv fuq il-punt dwar jekk, u sa fejn, ix-xogħol huwa l-espressjoni oġġettiva ta’ kreazzjoni artistika: jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll għal dan l-eżami ċirkustanzi sussegwenti għall-mument li fih tkun inħolqot il-kreazzjoni, determinanti għall-evalwazzjoni tal-oriġinalità, bħall-preżentazzjoni tal-kreazzjoni f’wirjiet tal-arti jew f’mużewijiet, jew anki r-rikonoxximent tagħha fl-oqsma speċjalizzati?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.