Language of document : ECLI:EU:T:2008:533

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

26 ta’ Novembru 2008


Kawża T-284/07 P


L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

vs

Adelaida López Teruel

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ammissibbiltà – Invalidità – Talba għall-konvokazzjoni ta’ Kumitat tal-Invalidità – Kompetenza limitata tal-Awtorità tal-Ħatra”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Mejju 2007, López Teruel vs UASI (F-97/06, ĠU C 237, p. 24), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) huwa kkundannat għall-ispejjeż.


Sommarju


1.      Appell – Ammissibbiltà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-kawża inkwistjoni – Parti li tilfet, parzjalment jew totalment, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 9)

2.      Appell – Aggravji – Stħarriġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-determinazzjoni tas-suġġett tar-rikors magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

3.      Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness  I, Artikolu 11(1))

4.      Uffiċjali – Invalidità – Ftuħ tal-proċedura ta’ invalidità

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78; Anness  VIII, Artikolu 13(1))

5.      Appell – Aggravji – Aggravju ppreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness  I, Artikolu 11(1))

6.      Uffiċjali – Invalidità – Ftuħ tal-proċedura ta’ invalidità – Kundizzjonijiet –Ftuħ ta’ proċedura fuq talba tal-parti interessata – Kompetenza limitata tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78; Anness  VIII, Artikolu 13( 1))


1.      Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-appelli stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huma evalwati, esklużivament, fir-rigward tal-kawża inkwistjoni, parti tista’ tappella minn sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija bbażata fuq prinċipji stabbiliti minn sentenza oħra li saret res judicata, u dan anki jekk, fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun eżamina kwistjonijiet ta’ liġi simili. Effettivament, il-fatt li l-motivi ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li saret res judicata jilqgħu motiv ma jostakolax lill-appellant ammissibbli milli jikkontesta, f’kawża oħra, l-evalwazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel ta’ motiv simili għal dak eżaminat fis-sentenza li saret res judicata.

Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa biżżejjed li parti tkun tilfet parzjalment jew totalment sabiex tkun tista’ tappella quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

(ara l-punti 23-26)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kunsill vs Chvatal et, C‑432/98 P u C‑433/98 P, Ġabra p. I‑8535, punti 22 u 24; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 16 ta’ Jannar 2007, Gesner vs UASI, F‑119/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra


2.      Id-determinazzjoni tas-suġġett tar-rikors f’sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ appell. Ir-rikors jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, l-att promotur li fih il-partijiet huma obbligati jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża.

(ara l-punti 33, 34)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punt 41; Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, Ġabra p. I‑12041, punti 51 sa 57


3.      Hija l-qorti tal-ewwel istanza biss, f’dan il-każ it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li għandha ġurisdizzjoni li, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każijiet fejn ineżattezza sostanzjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li kien ippreżentat lilha, u li, min-naħa l-oħra, tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-iżnaturament tal-provi li jiġu mressqa quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, inkwantu qorti tal-appell. Tali żnaturament għandu jkun jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwzzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punti 46, 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 85; Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 107 u 108; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Lulju 2007, Beau vs Il-Kummissjoni, T‑252/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 45 sa 47


4.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jwettaq l-ebda żball ta’ liġi meta jibbaża ruħu fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 13(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jevalwa l-legalità ta’ talba ta’ uffiċjal għall-konvokazzjoni ta’ Kumitat tal-Invalidità. Fil-fatt, mit-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li uffiċjal li għandu anqas minn 65 sena li, matul il-perijodu li fih jikseb drittijiet għall-pensjoni, jiġi rikonoxxut mill-Kumitat tal-Invalidità bħala persuna milquta minn invalidità totali permanenti, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-pożizzjoni fil-bracket tal-karriera tiegħu u li, għal din ir-raġuni huwa obbligat li jissospendi s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet, għandu dritt, sakemm iddum din l-inkapaċità, għal benefiċċju ta’ invalidità. Sabiex tkun żgurata l-effikaċja ta’ dan id-dritt, li jista’ jkun rikonoxxut biss fit-tmiem tal-proċedura ta’ invalidità, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan id-dritt jinkludi neċessarjament, għal dan l-uffiċjal, id-dritt li jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra tiftaħ l-imsemmija proċedura.

(ara l-punti 65-67)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Mejju 1984, Bähr vs Il-Kummissjoni, 12/83, Ġabra p. 2155, punti 12 u 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Frar 2003, Nardone vs Il-Kummissjoni, T‑59/01, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑323, punti 31 u 32


5.      Peress li, fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, argument imqajjem f’appell li ma kienx ġie invokat fil-kuntest tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

(ara l-punti 72, 73)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 59; Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Novembru 2002, Glencore u Compagnie Continentale vs Il-Kummissjoni, C‑24/01 P u C‑25/01 P, Ġabra p. I‑10119, punt 62; Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Settembru 2006, El Corte Inglés vs UASI u Pucci, C‑104/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40


6.      L-Awtorità tal-Ħatra, meta jkollha quddiemha talba ta’ uffiċjal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ invalidità, bħala regola, għandha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ippreċiżati fl-Artikolu 13(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tibda l-imsemmija proċedura. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-imsemmija awtorità kompetenza limitata, fis-sens li hija obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ invalidità meta tikkonstata li l-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma sodisfatti. F’dan ir-rigward, jekk jiġi ammess li l-fatt li l-kawża titressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità huwa sempliċement fakultattiv għall-amministrazzjoni dan imur kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet, peress li tali kundizzjonijiet ta’ tressiq ineħħu l-effikaċja tad-dritt mogħti lill-uffiċjal permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija awtorità, li mhijiex kompetenti sabiex tagħmel evalwazzjonijiet ta’ natura medika, tista’ tiċħad talba għall-konvokazzjoni ta’ Kumitat tal-Invalidità biss fejn ikollha elementi oġġettivi u mhux ikkontestati li jeskludu l-fatt li r-rekwiżiti sostantivi tal-imsemmija dispożizzjonijiet huma sodisfatti.

Barra minn hekk, mhuwiex kontradittorju li jiġi kkonstatat li l-Awtorità tal-Ħatra teżerċita kompetenza limitata fil-qasam tal-konvokazzjoni ta’ Kumitat tal-Invalidità filwaqt li, fl-istess ħin, jiġi rrikonoxxut li jista’ jkun hemm elementi ta’ evalwazzjoni fl-eżerċizzju ta’ tali kompetenza. Fil-fatt, l-imsemmija awtorità għandha dritt tistħarreġ jekk xi wieħed mir-rekwiżiti għall-eżerċizzju tal-kompetenza limitata tagħha mhumiex sodisfatt, mingħajr, madankollu, ma għandha marġni ta’ diskrezzjoni.

(ara l-punti 78-82)