Language of document : ECLI:EU:T:2021:260

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

12 ta’ Mejju 2021 (*)

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Skambji kummerċjali mat-territorji taħt okkupazzjoni militari – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Nuqqas manifest ta’ kompetenzi tal-Kummissjoni – Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Politika kummerċjali komuni – Artikolu 207 TFUE – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Artikolu 215 TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011”

Fil-Kawża T‑789/19,

Tom Moerenhout, residenti f’Humbeek (il-Belġju), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn G. Devers, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral u S. Delaude, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1567 tal‑4 ta’ Settembru 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali” (ĠU 2019, L 241, p. 12),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Tom Moerenhout u sitt ċittadini oħra li isimhom jidher fl-anness, ipproponew inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali” (iktar ’il quddiem il-“proposta IĊE”), li ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea fil‑5 ta’ Lulju 2019 għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49).

2        Il-proposta IĊE kellha bħala skop:

“Ir-regolazzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ entitajiet tal-Okkupant ibbażati jew li joperaw f’territorji okkupati billi ma jitħallewx prodotti li joriġinaw minn hemm milli jidħlu fis-suq tal-UE.”

3        Skont il-proposta IĊE, l-għan tagħha kien:

“Il-Kummissjoni, bħala l-Gwardjan tat-Trattati, għandha tiżgura l-konsistenza tal-politika u l-konformità tal-Unjoni mad-drittijiet fundamentali u mad-dritt internazzjonali fl-oqsma kollha tal-liġi tal-UE, inkluża l-politika kummerċjali komuni (PKK). Għandha tipproponi atti legali li ma jippermettux lill-entitajiet legali tal-UE milli kemm jimportaw prodotti li joriġinaw minn insedjamenti illegali f’territorji okkupati u milli jesportaw lejn tali territorji, sabiex tiġi ppreżervata l-integrità tas-suq intern u biex ma tingħatax għajnuna jew assistenza lill-kontinwazzjoni ta’ tali sitwazzjonijiet illegali.”

4        Sussegwentement, taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u tad-dritt internazzjonali”, ir-rikorrenti ċċitaw l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(5), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 21 TUE kif ukoll l-Artikolu 2(1), l-Artikoli 3 u 205, u l-Artikolu 207(1) u (2) TFUE. Huma rreferew ukoll għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 tal‑20 ta’ Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 2, p. 30), għar-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (ĠU 2019, L 30, p. 1), għas-sentenzi tat‑30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus (C‑84/95, EU:C:1996:312), u tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91), kif ukoll għal ċerti dispożizzjonijiet u sorsi tad-dritt internazzjonali, fosthom b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-opinjonijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

5        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1567 tal‑4 ta’ Settembru 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali” (ĠU 2019, L 241, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat ir-reġistrazzjoni tal-proposta IĊE.

6        Il-Kummissjoni mmotivat dan ir-rifjut, fil-premessi 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“(5)      Att legali li jkopri s-suġġett tal-proposta għal [IĊE] jista’ jiġi adottat biss abbażi tal-Artikolu 215 […] TFUE.

(6)      Madankollu, prerekwiżit biex att legali jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 215 […] TFUE huwa li jkun hemm deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE] li jipprovdi għall-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjalment jew kompletament, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-pajjiż terz ikkonċernat. Il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tippreżenta proposti għal tali deċiżjoni. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni korrispondenti adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE], il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tippreżenta proposta għall-adozzjoni ta’ att legali abbażi tal-Artikolu 215 […] TFUE.

(7)      Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta għal [IĊE] taqa’ b’mod manifest ’il barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament [Nru 211/2011], meħud flimkien mal-Artikolu 2, il-punt 1, [ta’ dan ir-regolament].”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

8        Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fit‑30 ta’ Jannar 2020.

9        Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fl‑20 ta’ April 2020.

10      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fid‑9 ta’ Lulju 2020.

11      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

12      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2021.

13      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 211/2011, sa fejn il-Kummissjoni żnaturat il-proposta IĊE billi injorat l-iskop veru tagħha li kien jirrigwarda miżura fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, billi l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament, sa fejn il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-azzjoni mixtieqa mill-proposta IĊE setgħet tiġi adottata biss abbażi tal-Artikolu 215 TFUE. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tal-istess regolament, sa fejn il-Kummissjoni injorat bażijiet legali oħra li magħhom il-proposta IĊE hija manifestament marbuta.

16      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

17      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jifformulaw, essenzjalment, tliet ilmenti li jikkonċernaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

18      L-ewwel, il-Kummissjoni naqset milli tispjega r-raġuni għalfejn qieset li l-Artikolu 207(2) TFUE ma kienx jikkostitwixxi bażi legali adatta għall-azzjoni mixtieqa fil-proposta IĊE, minkejja r-riferiment espress għal din id-dispożizzjoni kif ukoll għar-Regolament 2019/125 fl-imsemmija proposta. Ir-rikorrenti jqisu, fil-fatt, li mill-proposta IĊE jirriżulta li din kienet tirrigwarda miżura li taqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni.

19      It-tieni, peress li l-Kummissjoni qieset li kien biss l-Artikolu 215 TFUE dwar miżuri adottati fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) li seta’ jikkostitwixxi bażi legali adatta għall-proposta IĊE, hija kellha tispjega r-raġunijiet għalfejn qieset li l-għan ewlieni tal-imsemmija proposta kien miżura fil-qasam tal-PESK iktar milli miżura relatata mal-politika kummerċjali komuni.

20      It-tielet, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 215 TFUE. Issa, ir-riferiment globali għal dan l-artikolu bħala bażi legali għall-miżura msemmija fil-proposta IĊE ma jippermettix li tkun magħrufa r-raġuni għaliex il-projbizzjoni prevista mill-imsemmija proposta għandha taqa’ taħt miżuri restrittivi kontra pajjiżi (abbażi tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu), iktar milli miżuri restrittivi kontra persuni (abbażi tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu).

21      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk tali proposta tissodisfax il-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

23      B’mod partikolari, fost l-imsemmija kundizzjonijiet, l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini tiġi rreġistrata mill-Kummissjoni, sakemm din “ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”. Huwa biss jekk proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini tkun, fid-dawl tal-iskop u tal-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, addizzjonali mogħtija mill-organizzaturi b’applikazzjoni tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, li hija tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini skont din id-dispożizzjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 50, u tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 54).

24      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, meta tirrifjuta li tirreġistra proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bil-motivi għal dan ir-rifjut.

25      Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini ma tkunx irreġistrata huwa ta’ natura li jaffettwa l-effettività stess tad-dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw inizjattiva taċ-ċittadini, stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE. Konsegwentement, tali deċiżjoni għandha tindika b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw l-imsemmi rifjut (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑646/13, EU:T:2017:59, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fil-fatt, iċ-ċittadin li jkun ippreżenta proposta għal inizjattivi taċ-ċittadini għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għalfejn din ma tkunx ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni, b’tali mod li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li quddiemha tressqet tali proposta, li tevalwaha, iżda wkoll li tispeċifika d-diversi motivi tad-deċiżjoni ta’ rifjut fid-dawl tal-impatt tagħha fuq l-eżerċizzju effettiv tad-dritt stabbilit mit-Trattat. Dan jirriżulta min-natura stess ta’ dan id-dritt, li, hekk kif ġie rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, huwa intiż sabiex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑646/13, EU:T:2017:59, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      It-twettiq tal-għanijiet, imfakkra fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 211/2011, li jikkonsistu fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli, ikun serjament kompromess fl-assenza ta’ motivazzjoni kompleta f’deċiżjoni ta’ rifjut (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑646/13, EU:T:2017:59, punt 29).

28      L-obbligu li l-organizzaturi jiġu informati bil-motivi għar-rifjut li l-proposta IĊE tagħhom tiġi rreġistrata, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika, f’dak li jirrigwarda l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti legali stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28).

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa minn din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; ara, ukoll, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati, li jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet ikkonċernati jinvokaw quddiemhom matul proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li huma għandhom jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169, u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Storck vs UASI, C‑96/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:537, punt 21).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata.

32      F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 6 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li att legali li jikkonċerna l-iskop tal-proposta IĊE jista’ jiġi adottat biss abbażi tal-Artikolu 215 TFUE (premessa 5) u li hija ma kinitx kompetenti sabiex tippreżenta proposta ta’ att legali fuq din il-bażi (premessa 6). Hija spjegat li l-proposta IĊE ma taqax, għalhekk, manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament (premessa 7).

33      Għalhekk mill-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha fuq motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li hija ma kinitx kompetenti sabiex tissottometti proposta ta’ att legali li tista’ tissodisfa l-għan tal-proposta IĊE, peress li l-unika bażi legali applikabbli kienet, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 215 TFUE.

34      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li kien biss att adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE li seta’ jissodisfa l-għan tal-proposta IĊE. Barra minn hekk, minkejja li mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta impliċitament li l-Kummissjoni qieset li d-dispożizzjonijiet l-oħra invokati mir-rikorrenti fil-proposta IĊE tagħhom, b’mod partikolari l-Artikolu 207 TFUE, ma setgħux jikkostitwixxu bażi legali adatta għall-miżura koperta mill-proposta IĊE, il-Kummissjoni lanqas ma spjegat ir-raġunament tagħha f’dan ir-rigward.

35      B’hekk, in-natura suffiċjenti ta’ tali motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

36      L-ewwel, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-assenza manifesta ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissottometti proposta ta’ att legali li tista’ tissodisfa l-iskop u l-għan tal-proposta IĊE. Din l-assenza manifesta ta’ kompetenza hija spjegata mill-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-azzjoni proposta kienet taqa’ esklużivament taħt il-PESK.

37      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-iskop u tal-għanijiet tal-proposta IĊE konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq u, konsegwentement, fir-rigward tal-bażi legali applikabbli, kellha importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-argumenti tal-Kummissjoni, din kellha tipprovdi, fid-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjoni dwar l-analiżi tagħha tal-bażi legali adatta.

38      Issa, huwa evidenti li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li tillimita ruħha, essenzjalment, li tinvoka l-Artikolu 215 TFUE bħala l-unika bażi legali possibbli ta’ att li jippermetti li jiġi ssodisfatt l-għan tal-proposta IĊE, ma tippermettix li jinftiehem ir-raġunament relatat mal-għażla ta’ din il-bażi legali. Ir-riferiment, fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-assenza ta’ setgħa tal-Kummissjoni sabiex tadotta “deċiżjoni […] li [t]ipprovdi għall-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjalment jew kompletament, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-pajjiż terz ikkonċernatt”, li jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 215(1) TFUE, fl-ebda każ ma jsostni din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn hija qieset li l-miżura prevista mill-proposta IĊE kellha tiġi kklassifikata neċessarjament u unikament bħala li tkopri att li jipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar fis-sens tal-Artikolu 215(1) TFUE.

39      It-tieni, il-kontenut tal-proposta IĊE jikkostitwixxi element ta’ kuntest rilevanti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 29 u 36 sa 39).

40      F’dan il-każ, fil-proposta IĊE, ir-rikorrenti rreferew b’mod espliċitu, u diversi drabi, għall-politika kummerċjali komuni kif ukoll għal dispożizzjonijiet li jirrigwardaw dan il-qasam.

41      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti indikaw, fit-taqsima tal-proposta IĊE relatata mal-għan tagħha, li l-Kummissjoni kellha tiżgura “l-konsistenza tal-politika u l-konformità tal-Unjoni mad-drittijiet fundamentali u mad-dritt internazzjonali fl-oqsma kollha tal-liġi tal-UE, inkluża l-politika kummerċjali komuni” (punt 3 iktar ’il fuq), u, fit-taqsima dwar l-iskop tal-imsemmija proposta, l-adozzjoni ta’ miżura għar-“regolazzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali” mat-territorji okkupati (punt 2 iktar ’il fuq).

42      Min-naħa l-oħra, fit-taqsima “Dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u tad-dritt internazzjonali” tal-proposta IĊE, ir-rikorrenti ċċitaw diversi dispożizzjonijiet dwar il-politika kummerċjali komuni (punt 4 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, huma semmew l-Artikolu 207(1) u (2) TFUE, li jipprevedi b’mod partikolari li l-miżuri li jiddefinixxu l-kuntest li fih tiġi implimentata l-politika kummerċjali tal-Unjoni għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li jiddeċiedu permezz ta’ regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif ukoll l-Artikolu 3 TFUE, li minnu jirriżulta li l-politika kummerċjali komuni hija qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk, huma rreferew għal żewġ regolamenti adottati fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, li jirregolaw l-iskambju ta’ ċerti tipi ta’ prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi, li jikkundizzjonawh b’mod partikolari għal sistema ta’ awtorizzazzjoni, kif ukoll għal żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li jaqgħu f’dan il-qasam.

43      Għaldaqstant, mill-informazzjoni inkluża fil-proposta IĊE jirriżulta li r-rikorrenti xtaqu li l-Kummissjoni tissottometti proposta ta’ att ta’ politika kummerċjali komuni abbażi tal-Artikolu 207 TFUE.

44      Il-Kummissjoni tirrileva, ġustament, li hija ma kinitx obbligata ssemmi fid-deċiżjoni kkontestata l-assenza ta’ rilevanza ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet u sorsi allegati ta’ dritt imsemmija mir-rikorrenti fil-proposta IĊE.

45      Madankollu, fid-dawl tar-riferimenti espliċiti u repetuti għall-politika kummerċjali komuni fil-proposta IĊE, u b’mod partikolari għall-Artikolu 207 TFUE, hija l-Kummissjoni, f’dan il-każ, li għandha tispjega r-raġunijiet li wassluha tikkonkludi, b’mod impliċitu, li l-miżura msemmija fil-proposta IĊE, fid-dawl tal-iskop u tal-għan tagħha, ma kinitx taqa’ taħt dan il-qasam u ma setgħetx, għaldaqstant, tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 207 TFUE. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda motivazzjoni f’dan ir-rigward.

46      Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata, essenzjalment, fuq il-kunsiderazzjoni li l-proposta IĊE ma taqax manifestament taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni li l-imsemmija proposta ma setgħetx tkun marbuta mal-politika kummerċjali komuni għandha importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, b’differenza mill-PESK, il-politika kummerċjali komuni hija qasam li fih il-Kummissjoni hija awtorizzata tifformula proposta ta’ att tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 207 TFUE.

47      It-tielet, in-natura suffiċjenti jew le tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi evalwata fid-dawl tal-għanijiet tal-Artikolu 11(4) TUE, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u tar-Regolament Nru 211/2011 li jikkonsistu fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli. Kif tfakkar fil-punti 25 sa 27 iktar ’il fuq, minħabba dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni għandha turi b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw ir-rifjut li l-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini tiġi rreġistrata.

48      Issa, fl-assenza ta’ motivazzjoni kompleta, l-introduzzjoni eventwali ta’ proposta IĊE ġdida, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-proposta, tkun serjament kompromessa, bl-istess mod kif ikun serjament kompremess it-twettiq tal-għanijiet imfakkra fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 211/2011, li jikkonsistu fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u fil-fatt li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑646/13, EU:T:2017:59, punt 29). Fil-fatt, huwa biss billi esponiet b’mod adegwat ir-raġunijiet li wassluha tikkunsidra li l-miżura msemmija fil-proposta IĊE kienet taqa’ esklużivament taħt il-PESK u ma kinitx marbuta mal-politika kummerċjali komuni li l-Kummissjoni kkonformat mal-għan tal-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika, konformement mal-Artikolu 11(4) TUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE kif ukoll mal-għanijiet tar-Regolament Nru 211/2011.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tippreċiża wkoll, fid-deċiżjoni kkontestata, liema paragrafu tal-Artikolu 215 TFUE kien japplika għall-miżura prevista mill-proposta IĊE, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix biżżejjed elementi li jippermettu lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni tal-proposta IĊE u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan ir-rifjut. Konsegwentement, din id-deċiżjoni ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011.

50      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

51      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1567 tal4 ta’ Settembru 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali” hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Mejju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.