Language of document : ECLI:EU:T:2021:737

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

tat-22 ta' Ġunju 2005(*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali PAPERLAB – Raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni – Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Sinjal deskrittiv"

Fil-kawża T-19/04,

Metso Paper Automation Oy, stabbilita f'Helsinki (Il-Finlandja), rappreżentata minn J. Tanhuanpää, Avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), rappreżentat minn S. Laitinen, bħala aġent,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-17 ta’ Novembru 2003 (Każ R 842/2002-1), li tikkonċerna applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Komunitarja PAPERLAB,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET

EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Jannar 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-26 ta’ April 2004,

wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-13 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali PAPERLAB.

3       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 9 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "apparat tal-kompjuter u strumenti ta' kejl għall-istudju u l-ittestjar tal-karta".

4       Permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta' Settembru 2002, l-eżaminatur rrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94 għar-raġuni li t-trade mark mitluba ma kellhiex karattru distintiv u kienet tiddeskrivi l-prodotti kkonċernati skond l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

5       Fl-14 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6       Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Novembru 2003, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Novembru 2003, l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, min-naħa, ikkonferma d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur safejn din irrifjutat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, u min-naħa l-oħra, irrinvija l-każ quddiem l-eżaminatur sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għat-trade mark abbażi ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

7       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali PAPERLAB abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94;

–       tikkundanna lill-UASI għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

8       L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

 Id-dritt

9       B'sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

 Argumenti tal-partijiet

10     Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark PAPERLAB mhijiex deskrittiva tal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, iżda hija biss evokattiva. Hija tressaq tliet argumenti f'dan ir-rigward.

11     L-ewwelnett, ma tista' tiġi stabbilita ebda rabta diretta bejn it-trade mark PAPERLAB u l-prodotti kkonċernati. Il-kelma "paperlab" huwa isem inventat, peress illi t-tqegħid flimkien tal-kliem "paper" u "lab" mhuwiex normali. It-trade mark PAPERLAB għandha post u funzjoni partikolari fuq is-suq rilevanti, peress illi l-pubbliku mmirat huwa ffurmat biss minn grupp żgħir ta' persuni speċjalizzati fl-industrija tal-karta.

12     Sabiex turi, mill-bidunett, in-nuqqas ta' rabta bejn it-trade mark PAPERLAB u l-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, ir-rikorrenti analizzat is-sinjifikat tal-kliem "paper" u "lab" u sostniet li l-element prinċipali tas-sinjal PAPERLAB hija l-kelma "lab". Diversi definizzjonijiet ta' din ta' l-aħħar juru li din il-kelma (jew il-kelma "laboratorju") tindika kamra, bini jew post użat sabiex isiru testijiet xjentifiċi, riċerka jew tagħlim tax-xjenza, jew, ukoll, post fejn jiġu prodotti mediċini jew prodotti kimiċi. Teżisti differenza vera fis-sinjifikat bejn, min-naħa, post, u min-naħa l-oħra, apparat, bħalma huma l-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Għalhekk, hekk kif il-konsumatur jara jew jisma' l-kelma "paperlab" huwa ma jistax jirrealizza li din tirreferi għal apparat u mhux għal bini jew post fejn jaħdmu x-xjentisti.

13     Fir-rigward tan-natura inventata tat-trade mark PAPERLAB, ir-rikorrenti ssostni li dan is-sinjal verbali jirriżulta minn kostruzzjoni oriġinali tal-kliem "paper" u "lab", imqegħdin flimkien sabiex jiffurmaw struttura mhux normali li ma tikkostitwixxix espressjoni li hija magħrufa fil-lingwa Ingliża. Din l-invenzjoni lessikali, bħal fil-każ tat-trade mark BABY-DRY (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 40), tagħti karattru distintiv lit-trade mark hekk iffurmata, li jippermettilha tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri l-identifikazzjoni ta' l-intrapriża li tkun poġġiet il-prodotti fis-suq.

14     Fir-rigward tal-post u tal-funzjoni partikolari tat-trade mark PAPERLAB fis-suq rilevanti, ir-rikorrenti tfakkar li l-pubbliku mmirat, li ngħatat definizzjoni tiegħu mill-Bord ta' l-Appell, huwa kompost minn numru żgħir ta' tekniċi u inġiniera speċjalizzati fl-industrija tal-karta, li jeżaminaw mill-qrib il-prodott u t-trade mark marbuta miegħu. Għalhekk, dan il-pubbliku jista' perfettament jifhem is-sens klassiku tal-kliem "paper" u "lab" filwaqt li japprezza l-karattru distintiv tat-tqegħid flimkien ta' dawn iż-żewġ kelmiet u ta' l-użu tagħhom biex jindikaw apparat elettroniku u mhux servizz.Barra minn hekk, min-naħa, ebda terza persuna ma tuża il-kelma "paperlab" u lanqas għandha bżonn jew interess partikolari sabiex tużaha għall-attivitajiet kummerċjali tagħha, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark PAPERLAB ma tillimitax id-dritt ta' intrapriżi terzi, peress illi xorta jistgħu jużaw il-kliem "paper", "laboratory" u "lab" separatament jew flimkien.

15     It-tieninett, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark PAPERLAB ġiet reġistrata, għal prodotti identiċi, fil-Finlandja, kif ukoll għal prodotti simili, fil-Benelux, fil-Ġappun u f'ċerti pajjiżi anglo-sassoni (l-Istati Uniti u l-Kanada), fejn is-sinjifikat, bl-Ingliż, tal-kliem "lab", "paper" jew "laboratory" mhuwiex dubjuż għall-pubbliku mmirat. In-numru għoli ta' dawn ir-reġistrazzjonijiet hija indikazzjoni ċara li t-trade mark PAPERLAB għandha karattru reġistrabbli fuq livell komunitarju.

16     It-tieletnett, l-UASI kien aċċetta r-reġistrazzjoni ta' trade marks bi kliem magħqudin flimkien b'mod simili bħal mod kif huma użati l-kliem biex jiffurmaw it-trade mark PAPERLAB għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9, b'mod partikolari, għal apparat għal ċirkuwiti elettroniċi jew aċċessorji tal-kompjuter. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex koerenti mad-deċiżjonijiet ta' l-UASI. Ir-rikorrenti tirreferi b'mod partikolari, għat-trade marks IQ-PAPER, PAPERMARK, PAPERPAD, PAPERGATE u PAPERMASTER.

17     Fir-risposta tiegħu, l-UASI jaqbel mal-pożizzjoni tal-Bord ta' l-Appell, li jistabbilixxi li t-trade mark PAPERLAB hija deskrittiva.

18     L-ewwelnett, fir-rigward tas-sinjifikat tal-kliem "paper" u "lab", għall-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u għall-pubbliku mmirat, it-trade mark PAPERLAB tiddeskrivi bl-Ingliż, b'mod sempliċi u dirett, il-funzjoni mistennija jew l-għan li għalih il-prodotti kkonċernati jintużaw, minħabba fir-rapport dirett u speċifiku biżżejjed li jeżisti bejn is-sinjal PAPERLAB u l-prodotti kkonċernati. Konsegwentement, dan is-sinjal jinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala apparat ta' studju tal-karta u l-prodotti tal-karta u mhux bħala laboratorju fis-sens klassiku tal-kelma.

19     Lanqas jista' jingħad li t-tqegħid flimkien tal-kliem "paper" u "lab" fis-sinjal PAPERLAB mhuwiex normali fir-rigward tas-sintassi u, għall-kuntrarju, dan jikkorrispondi għall-mod normali u grammatikament korrett li permezz tiegħu ssir referenza għat-tipi ta' prodotti kkonċernati. Dawn iż-żewġ kelmiet huma ovvjament suxxettibbli li jiġu użati fil-lingwaġġ ta' kuljum mill-pubbliku kkonċernat sabiex jindikaw il-karatteristiċi tal-prodotti. Għalhekk il-kelma "paperlab" ma tistax tikkonferixxi karattru distintiv fuq it-trade mark mitluba, peress illi hija qatt ma jista' jkollha sinjifikat differenti minn dak li għandhom il-kliem "paper" u "lab" fil-lingwaġġ ta' kuljum, kuntrarjament għall-kliem magħqudin flimkien fil-każ li wassal għas-sentenza Procter & Gamble vs UASI, ċitata aktar 'il fuq. B'hekk l-UASI jaqbel ma' l-analiżi li saret mir-rikorrenti fir-rigward tal-pubbliku speċjalizzat, iżda jikkonkludi li huwa preċiżament minħabba l-esperjenza u l-għarfien tiegħu li dan il-pubbliku speċjalizzat huwa kapaċi li jifhem is-sens tekniku eżatt tal-kelma "paperlab". Għal dan il-pubbliku, it-trade mark PAPERLAB twassal messaġġ ċar u dirett, jiġifieri li r-rikorrenti tipprovdi apparat ikkonċepit bħal laboratorju għall-istudju u l-ittestjar tal-karta.

20     Lanqas huwa neċessarju li dakinhar ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni s-sinjal ikun effettivament użat għal għanijiet deskrittivi tal-prodotti jew tal-karatteristiċi ta' dawn il-prodotti, iżda huwa biżżejjed li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu użati għal tali għanijiet.

21     It-tieninett, l-UASI jindika li, jekk deċiżjonijiet nazzjonali ta' reġistrazzjoni jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-eżami ta' l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji, huwa ma jkunx marbut minnhom.

22     It-tieletnett, meta jeżamina applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u jrid jevalwa jekk teżistix raġuni assoluta ta' rifjut abbażi ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jiddeċiedi fir-rigward tal-karatteristiċi proprji tat-trade mark mitluba u b'referenza għall-prodotti u għas-servizzi kif deskritti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għalhekk, l-eżistenza ta' deċiżjonijiet preċedenti ta' l-UASI li fihom aċċetta r-reġistrazzjoni ta' trade marks li kellhom xi similaritajiet mat-trade mark PAPERLAB, ma torbotx lill-UASI fl-evalwazzjoni tiegħu ta' l-eżistenza possibbli, fil-każ in eżami, ta' raġuni assoluta ta' rifjut, speċjalment minħabba li t-trade marks imsemmija mir-rikorrenti huma differenti mit-trade mark PAPERLAB peress illi din ma tużax l-istess kliem u tikkonċerna prodotti u servizzi oħra li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

23     Skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi". Barra minn hekk l-Artikolu 7(2) ta' l-istess regolament jgħid li "l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità".

24     Is-sinjali u indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-pubbliku mmirat, jindikaw direttament, jew b'referenza għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodott jew is-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni [sentenza Procter & Gamble vs UASI, ċitata aktar 'il fuq, punt 39, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Novembru 2003, HERON Robotunits vs UASI (ROBOTUNITS), T-222/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34]

25     Jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa' taħt l-interdizzjoni stabbilita f'din id-dispożizzjoni, hemm bżonn illi jkollu rapport dirett u konkret biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni b'tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista' jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni jew ta' waħda mill-karatteristiċi tagħhom [ara, f'dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Lulju 2004, Lissotschenko u Hentze vs UASI (LIMO), T-311/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30].

26     Sabiex trade mark li tkun magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn diversi elementi tkun ikkunsidrata bħala deskrittiva skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat karattru deskrittiv għal kull wieħed minn dawn l-elementi. Tali karattru għandu ukoll jiġi kkonstatat għan-neoloġiżmu jew għall-kelma stess [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Jannar 2005, Wieland-Werke vs UASI (SnTEM, SnPUR, SnMIX), T-367/02 sa 369/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31].

27     Barra minn hekk, trade mark magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn diversi elementi li kull wieħed minnhom jiddeskrivi il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni hija hi stess deskrittiva tal-karatteristiċi ta' dawn il-prodotti jew servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ħlief jekk teżisti differenza perċettibbli bejn in-neoloġiżmu jew l-kelma u s-sempliċi totalità ta' l-elementi li jiffurmawha. Dan jippreżumi li, għar-raġuni tal-karattru mhux normali tat-tqegħid flimkien tal-kliem li jirreferu għall-imsemmija prodotti u servizzi, in-neoloġiżmu jew il-kelma joħolqu impressjoni differenti biżżejjed minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda ta' l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-elementi li jiffurmawhom, b'mod li l-kelma tipprevali fuq it-totalità ta' l-imsemmija elementi (sentenza SnTEM, SnPUR, SnMIX, ċitata aktar 'il fuq, punt 32). F'dan ir-rigward, l-analiżi tal-kelma in kwistjoni fid-dawl tar-regoli lessikali u grammatikali xierqa hija ukoll rilevanti [ara, f'dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ROBOTUNITS, ċitata aktar 'il fuq, punt 39, u tat-30 ta' Novembru 2004, Geddes vs UASI (NURSERYROOM), T-173/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21].

28     F'dan il-każ, il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark PAPERLAB huma apparat tal-kompjuter u strumenti ta' kejl għall-istudju u l-ittestjar tal-karta. Peress illi l-prodotti kkonċernati jikkonsistu f'apparat speċjalizzat, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti huwa effettivament iffurmat minn persuni speċjalizzati u konsumaturi li għandhom esperjenza fis-settur ta' l-apparat tal-kompjuter u ta' l-istrumenti ta' kejl għall-istudju u l-ittestjar tal-karta u jitkellem bl-Ingliż.

29     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta' rabta diretta bejn it-trade mark PAPERLAB u l-prodotti kkonċernati, huwa kostanti li din it-trade mark hija komposta minn żewġ elementi distinti, jiġifieri l-kelma "paper" u l-kelma "lab". Min-naħa l-kelma "paper" hija referenza diretta għall-iskop u għalhekk għal karatteristika tal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Min-naħa l-oħra, il-kelma "lab" tiddeskrivi funzjoni tal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Fil-fatt, huwa kostanti li l-kelma "lab" tindika laboratorju u li l-iskop tal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark huwa l-istudju u l-ittestjar tal-karta, attivitajiet li normalment isiru ġewwa jew minn laboratorju. Ċertament, l-ewwel sinjifikat tal-kelma "lab" huwa post u mhux apparat. Madankollu, dan is-sinjifikat għandu jiġi analizzat b'referenza għall-prodotti indikati fl-applikazzjoni għat-trade mark. F'din il-perspettiva, il-kelma "lab" tista' perfettament tiddeskrivi apparat intiz għall-istudju u l-ittestjar.

30     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-pubbliku mmirat jifhem is-sinjifikat ta' kull waħda minn dawn il-kliem "paper" u "lab" bħala li jirreferu rispettivament għall-karta u għal laboratorju. Għalhekk, jirriżulta li l-kliem li jifforma t-trade mark PAPERLAB għandu jiġi kkunsidrat li jiddeskrivi waħda mill-karatteristiċi jew funzjonijiet tal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark.

31     Barra minn hekk, il-pubbliku mmirat jifhem li s-sinjal PAPERLAB jirreferi għal sistema kkonċepita bħal laboratorju għall-istudju u l-ittestjar tal-karta, kif ġie rilevat tajjeb mill-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, minħabba l-konoxxenza tiegħu ta' l-Ingliż u l-għarfien tekniku tal-prodott u ta' l-industrija tal-karta, dan il-pubbliku esperjenzat u kkwalifikat jaf perfettament in-natura, il-karatteristiċi u l-użu mistenni ta' l-apparat tal-kompjuter u l-istrumenti ta' kejl intiżi għall-istudju u l-ittestjar tal-karta. Għalhekk it-trade mark PAPERLAB tista' tiġi assoċjata mal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni. Huwa għalhekk preċiżament minħabba s-sengħa u l-esperjenza ta' dan il-pubbliku li dan ta' l-aħħar huwa kapaċi jifhem is-sens tekniku eżatt tal-kelma "paperlab", kuntrarjament għal dak li ntqal mir-rikorrenti.

32     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti dwar il-karattru inventiv tat-trade mark PAPERLAB, jidher li ma jistax jingħad li l-kelma "paperlab" mhijiex normali fl-istruttura tagħha. Għall-kuntrarju, is-sinjal in kwistjoni, peress illi jqiegħed il-kliem "paper" u "lab" fl-ordni korretta in vista tal-grammatika Ingliża, ma joħloqx, għall-pubbliku rilevanti, impressjoni mbegħda biżżejjed minn dik li tirriżulta mis-sempliċi tqegħid flimkien tal-kliem sabiex jibdlilhom is-sens jew l-iskop tagħhom. Għalhekk, mhuwiex ser jiġi pperċepit bħala xi ħaġa li mhijiex normali min-naħa tal-pubbliku mmirat. Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell ma naqasx milli japplika l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Procter & Gamble vs UASI, ċitata aktar 'il fuq (punti 43 u 44), tenut kont li, fil-każ in eżami, it-trade mark mitluba ma tikkostitwixxix invenzjoni lessikali.

33     Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell kkonstata ġustament li t-trade mark PAPERLAB tiddeskrivi, bl-Ingliż, b'mod sempliċi u dirett il-funżjoni mistennija mill-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Fil-fatt, is-sinjal verbali PAPERLAB ma joħloqx impressjoni mbegħda biżżejjed minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda tal-kliem "paper" u "lab". Barra minn hekk, is-sinjal "paperlab" jista' ukoll jiġi pperċepit li jindika waħda mill-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti in kwistjoni, peress illi l-prodotti huma apparat tal-kompjuter u strumenti tal-kejl li kienu kkonċepiti sabiex jaħdmu bħal laboratorju veru li jista' jinġarr, bil-għan li jinkisbu, fuq il-post, is-servizzi li normalment huma pprovduti f'laboratorju.

34     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz ta' l-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-kelma "paperlab" ma tintużax fil-lingwaġġ ta' kuljum u li din il-kelma mhijiex fid-dizzjunarju. Sabiex l-UASI jirrifjuta reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet, li jiffurmaw it-trade mark imsemmija f'din id-dispożizzjoni, ikunu effettivament użati, fil-mument ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, sabiex jiddeskrivu prodotti jew servizzi bħal dawk li għalihom tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew karatteristiċi ta' dawn il-prodotti jew ta' dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem ta' din l-istess dispożizzjoni, li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal tali għanijiet. Skond din id-dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni ta' sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk, mill-inqas f'wieħed mis-sinjifikati potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p.I-12447, punt 32). Barra minn hekk, l-UASI m'għandux l-obbligu li juri li dan is-sinjal jidher fid-dizzjunarju. In-natura reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti kif interpretata mill-qorti Komunitarja. Għalhekk, kien biżżejjed li sabiex ħa d-deċiżjoni tiegħu l-Bord ta' l-Appell applika l-kriterju tal-karattru deskrittiv, kif interpretat mill-ġurisprudenza, mingħajr ma ġġustifika lilu nnifsu bil-preżentata ta' elementi ta' prova [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, Telepharmacy Solutions vs UASI (TELEPHARMACY SOLUTIONS), T-289/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54]

35     Peress illi ġie stabbilit li s-sinjal PAPERLAB jista' jiddeskrivi wieħed mill-funzjonijiet tal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark PAPERLAB, l-argument dwar il-possibiltà li terzi jużaw il-kliem ġenerali "paper", "lab" jew "laboratory" separatament jew flimkien, mhuwiex rilevanti.

36     Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ewwel argument tar-rikorrenti huwa infondat.

37     It-tieni argument tar-rikorrenti, bbażat fuq l-eżistenza ta' deċiżjonijiet nazzjonali dwar reġistrazzjoni tat-trade mark PAPERLAB għal prodotti identiċi jew simili, ukoll huwa infondat. Peress illi s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn ġabra ta' regoli u għanijiet li huma speċifiċi għaliha, l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47]. Għalhekk, in-natura reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. L-UASI u, jekk ikun il-każ, il-qorti Komunitarja mhumiex marbutin li jimxu fuq deċiżjoni, meħuda fuq livell ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz, li taċċetta n-natura reġistrabbli ta' dan is-sinjal bħala trade mark nazzjonali. Dan huwa l-każ anki jekk tali deċiżjoni ġiet meħuda b'applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata skond l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), jew ukoll f'pajjiż li huwa fiż-żona lingwistika li joriġina minnha s-sinjal verbali in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 47].

38     F'dan il-każ, ma jidhirx li l-Bord ta' l-Appell naqas milli japplika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti fl-analiżi tan-natura reġistrabbli tas-sinjal PAPERLAB bħala trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza ċitata aktar 'il fuq, huwa seta' liberament jevalwa l-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark PAPERLAB intalbet f'żewġ pajjiżi ta' lingwa Ingliża (l-Istati Uniti u l-Kanada) u minn dan jiġbed il-konklużjonijiet rigward is-soluzzjoni li għandha tiġi adottata għar-reġistrazzjoni tat-trade mark PAPERLAB.

39     It-tielet argument tar-rikorrenti, bbażat fuq reġistrazzjonijiet ta' trade marks li l-UASI aċċetta fil-passat u li kienu ffurmati b'mod simili għal dak tat-trade mark PAPERLAB, huwa ukoll infondat. Min-naħa, it-trade marks ċitati mir-rikorrenti jistgħu jiġu distinti mit-trade mark mitluba PAPERLAB peress illi dawn jindikaw prodotti u servizzi differenti minn dawk ikkonċernati fil-każ in eżami. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet ta' l-Appell għandhom jieħdu skond ir-Regolament Nru 40/94 għandhom jittieħdu skond is-setgħa li għandhom taħt dan ir-regolament u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, in-natura reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti kif interpretata mill-qorti Komunitarja u mhux fuq il-bażi ta' prassi, allegatament differenti, segwita fil-passat mill-Bordijiet ta' l-Appell fid-deċiżjonijiet tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 2002, SAT.1 vs UASI (SAT.2), T-323/00, Ġabra p. II-2839, punt 60, mhux invalidat fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra].

40     Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-uniku motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, m'għandux jiġi milqugħ. Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

41     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, konformement mat-talbiet ta' l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Ġunju 2005.

H. Jung

 

H. Legal

Reġistratur

 

Il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.