Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Mejju 2013 - Gemeente Nijmegen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-251/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Gemeente Nijmegen (Nijmegen, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: H. Janssen u S. van der Heul, avukati)

Konvenuta:Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 1152 finali, tas-6 ta' Marzu 2013, sa fejn tikkonċerna l-allegata għajnuna ta' Gemeente lil NEC;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-2003, il-gemeente Nijmegen (muniċipalità ta' Nimègue) bniet kumpless sportiv multifunzjonali De Eendracht f'Goffertpark, ħdejn l-istadju tal-futbol Goffert Stadion. Kemm Goffert Stadion kif ukoll De Eendracht huma mikrija mill-assoċjazzjoni tal-futbol professjonali ta' Nijmegen NEC. Il-kuntratt tal-kirja marbut ma' De Eendracht ippreveda b'mod partikolari, favur NEC, l-għażla tal-akkwist ta' De Eendracht.

Matul in-nofs tal-2009, il-muniċipalità fasslet proġett sabiex tibdel parti kbira tal-Goffertpark f'park tal-isports ta' livell għoli u ta' innovazzjoni (PSI). Kien ġie speċifikament previst li l-Goffert Stadion eżistenti (jew estiż) u De Eendracht, fost l-oħrajn, jiġu inkorporati fil-PSI.

Fl-2008 u fl-2009, NEC għarrfet lill-muniċipalità li kellha l-intenzjoni teżerċita l-għażla ta' akkwist tagħha marbuta ma' De Eendracht. Din l-intenzjoni kienet tmur kontra l-pjanijiet tal-muniċipalità dwar il-PSI. NEC ikkonfermat li kienet lesta tirrevoka l-għażla ta' akkwist tagħha marbuta ma' De Eendracht kontra ħlas. Fuq bażi ta' stima indipendenti, il-prezz tax-xiri mill-ġdid kien ta' EUR 2.22 miljuni. Il-muniċipalità ħallset dan l-ammont lil NEC.

B'deċiżjoni tas-6 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li fil-kuntest tagħha x-xiri mill-muniċipalità tal-għażla tal-akkwist hija kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-muniċipalità tikkontesta din id-deċiżjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni, mingħajr ma tipprovdi motivazzjoni f'dan ir-rigward, tal-fatt li l-muniċipalità applikat l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-bejgħ ta' artijiet  sabiex tevalwa l-valur tal-għażla tal-akkwist marbuta ma' De Eendracht.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq eċċess ta' poter tal-Kummissjoni, fuq żball ta' liġi, fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u/jew fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li x-xiri tal-għażla ta' akkwist marbuta ma' De Eendracht tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew li fi kwalunkwe każ, jeżistu provi biżżejjed li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq skadenza ta' terminu raġonevoli għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, tar-regoli proċedurali u/jew fuq applikazzjoni żbaljata tad-dritt.

____________

1 - Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta'għajnuna Statali dwar bejgħ ta'artijiet u bini ta'awtoritajiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 143).