Language of document : ECLI:EU:T:2015:142

Kawża T‑251/13

Gemeente Nijmegen

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija minn komun Olandiż favur klabb professjonali tal-futbol — Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE — Miżura ta’ għajnuna implementata kompletament fid-data tad-deċiżjoni — Ammissibbiltà — Att li jista’ jiġi kkontestat”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Marzu 2015

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti preparatorji – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali li qed tiġi implementata u li hija kklassifikata provviżorjament bħala għajnuna ġdida – Inklużjoni

(Artikoli 107(1) TFUE, 108(3) TFUE u 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali li ma għadhiex qed tiġi implementata – Esklużjoni

(Artikoli 107(1) TFUE, 108(2) u (3) TFUE, u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 11(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27, 28)

2.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkun att li jista’ jiġi kkontestat, sa fejn hija jista’ jkollha effetti legali awtonomi, jiġifieri meta deċiżjoni bħal din tipproduċi effett legali vinkolanti li huwa suffiċjentement immedjat u ċert, fuq l-Istat Membru li huwa d-destinatarju tiegħu u fuq il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

Dan huwa partikolarment il-każ tal-obbligu ta’ sospensjoni, li huwa r-responsabbiltà tal-Istat Membru, ta’ miżura ta’ għajnuna li qed tiġi implementata mingħajr ma ġiet innotifikata u li għadha qed tiġi implementata fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija adottata. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li qed tiġi implementata u li tkun ikklassifikata bħala għajnuna ġdida mill-Kummissjoni tibdel neċessarjament il-portata legali tal-miżura kkunsidrata, kif ukoll is-sitwazzjoni legali tal-impriżi li jkunu l-benefiċjarji tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tkomplija tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura. Din il-konklużjoni hija l-każ mhux biss fejn il-miżura li qed tiġi implementata hija kkunsidrata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bħala għajnuna eżistenti iżda wkoll fil-każ fejn dawn l-awtoritajiet jemmnu li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 29-31)

3.      Ma tistax tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura tal-għajnuna implementata kompletament. Fil-fatt, b’differenza minn deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li qed tiġi implementata, tali deċiżjoni li tikkonċerna miżura tal-għajnuna implementata kompletament ma tagħtix lok, bħala prinċipju, għal effetti legali awtonomi, minħabba nuqqas ta’ effett legali vinkolanti suffiċjentement immedjat u ċert fir-rigward tal-Istat Membru destinatarju u l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. Minn naħa, tali miżura ma tistax tiġi sospiża, minħabba li kienet diġà ġiet implementata kompletament fid-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata. Min-naħa l-oħra, minħabba fil-kontenut tagħha u l-portata tagħha, deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali fir-rigward ta’ miżura implementata ma tistax tiġġenera, għall-Istat Membru kkonċernat, l-obbligu li tittieħed azzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE, li l-Kummissjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti meta tikkunsidra li tirrikjedi mill-Istat Membru kkonċernat li jirkupra provviżorjament l-għajnuna.

F’dan ir-rigward, anki meta l-qorti nazzjonali, adita b’talba f’dan is-sens, tkun tista’ tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, kemm jekk il-miżura qed tiġi implementata jew le fid-data tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dan ma jagħtix lil din id-deċiżjoni effett legali vinkolanti suffiċjentement immedjat u ċert. Fil-fatt, l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li tadotta miżuri ta’ salvagwardja f’tilwima li tista’ twassal għal miżura ta’ għajnuna tirrikjedi li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali miżuri, jiġifieri jekk ma jkunx hemm dubju dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, jekk l-implementazzjoni tal-għajnuna tkun imminenti jew tkun diġà twettqet u jekk ma jkunux ġew ikkonstatati ċirkustanzi eċċezzjonali li jagħmlu l-irkupru inadegwat. Għalhekk ma hemm l-ebda obbligu assolut u inkundizzjonat li jeħtieġ li l-qorti nazzjonali awtomatikament timxi fuq l-evalwazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, l-inċertezza kummerċjali u l-perċezzjonijiet tal-operaturi l-oħra dwar is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna ma jistgħux jitqiesu li huma effetti legali vinkolanti, peress li dawn huma sempliċi konsegwenzi ta’ fatt u mhux effetti legali vinkolanti li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija intiża li tipproduċi.

(ara l-punti 37, 38, 40, 41, 44-46, 51)