Language of document : ECLI:EU:T:2019:679

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Varjetajiet ta’ pjanti – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Varjetà ta’ tuffieħ Cripps Pink – Artikoli 10 u 116 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 – Oriġinalità – Perijodu ta’ grazzja derogatorju – Kunċett ta’ esplojtazzjoni tal-varjetà – Evalwazzjoni kummerċjali – Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 874/2009 – Provi prodotti tardivament quddiem il-Bord tal-Appell – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑112/18,

Pink Lady America LLC, stabbilita f’Yakima, Washington (l-Istati Uniti), irrappreżentata inizjalment minn R. Manno u S. Travaglio, sussegwentement minn R. Manno, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad, F. Mattina u M. Garcia Monco‑Fuente, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Western Australian Agriculture Authority (WAAA), stabbilita f’South Perth (l-Awstralja), irrappreżentata minn T. Bouvet u L. Romeskemm, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell taċ-CPVO tal‑14 ta’ Settembru 2017 (Każ A 007/2016), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn il-WAAA u Pink Lady America,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, I. S. Forrester (Relatur) u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Frar 2018,

wara li rat ir-risposta taċ-CPVO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Mejju 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Mejju 2018,

wara s-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid‑29 ta’ Awwissu 1995, il-predeċessur fid-dritt tal-Western Australian Agriculture Authority (WAAA, l-Awtorità Agrikola tal-Awstralja tal-Punent), id-Department of Agriculture and Food Western Australia (id-Dipartiment tal-Agrikoltura u tal-Ikel tal-Awstralja tal-Punent, iktar ’il quddiem id-“Dipartiment”), ippreżenta applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 16, p. 390, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Il-varjetà ta’ pjanta li għaliha saret l-applikazzjoni għal dritt hija l-varjetà Cripps Pink, varjetà ta’ tuffieħ li tappartjeni għall-ispeċi Malus domestica Borkh. Il-varjetà inkwistjoni ġiet żviluppata minn John Cripps (iktar ’il quddiem “dak li jkabbar”), riċerkatur fi ħdan id-diviżjoni “Industriji Botaniċi” tad-Dipartiment, billi dakkar il-varjetajiet Golden Delicious u Lady Williams.

2        Il-formola ta’ applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti kienet tindika li l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tas-siġar tat-tuffieħ Cripps Pink fi ħdan l-Unjoni Ewropea seħħet fl‑1994, fi Franza, u li l-ewwel kummerċjalizzazzjoni barra mill-Unjoni, u iktar preċiżament fl-Awstralja, kienet seħħet fl-1988.

3        Fit‑12 ta’ Marzu 1996, iċ-CPVO informa lir-rappreżentant tad-Dipartiment li l-varjetà Cripps Pink ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ oriġinalità fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

4        F’Lulju 1996, id-Dipartiment spjega li s-sena 1988 kellha titqies bħala d-data tal-“ewwel tħawwil fl-Awstralja b’mod esperimentali”. Għalhekk, id-Dipartiment indika li d-data rilevanti, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku, kienet dik ta’ Lulju 1992, data li fiha s-siġar tat-tuffieħ Cripps Pink kienu ġew ikkummerċjalizzati fir-Renju Unit taħt l-isem kummerċjali Pink Lady.

5        Fil‑15 ta’ Jannar 1997, iċ-CPVO ta d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti Nru 1640 lill-varjetà Cripps Pink.

6        Fis‑26 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti, Pink Lady America LLC, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti relatat mal-varjetà Cripps Pink skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, filwaqt li enfasizzat il-fatt li d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti inkwistjoni ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ oriġinalità previsti fl-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament. Fid‑19 ta’ Settembru 2016, permezz tad-Deċiżjoni Nru NN 17, iċ-CPVO ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti.

7        Fit‑18 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti appellat quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO filwaqt li invokat evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi miċ-CPVO u għaldaqstant talbet lill-Bord tal-Appell jirrettifika d-Deċiżjoni Nru NN 17 tad‑19 ta’ Settembru 2016 u jiddikjara d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti inkwistjoni null u bla effett minħabba assenza ta’ oriġinalità skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku. Sussidjarjament, ir-rikorrenti talbet li d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti jiġi ddikjarat null u bla effett minħabba assenza ta’ oriġinalità skont l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 116 tal-istess regolament.

8        Permezz tad-Deċiżjoni A 007/2016 tal‑14 ta’ Settembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti bħala infondat, filwaqt li qies, b’mod partikolari, li hija ma kinitx ipproduċiet provi li l-varjetà Cripps Pink kienet ġiet mibjugħa jew mogħtija lil terzi, barra mill-Unjoni, minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu, għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tal-varjetà qabel id‑29 ta’ Awwissu 1989.

9        Il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, fl-ewwel lok, li kien hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament bażiku fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perijodu ta’ grazzja fir-rigward tal-bejgħ jew tal-għoti mwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni (punt II B 3 tad-Deċiżjoni kkontestata); fit-tieni lok, li diversi provi kienu jistabbilixxu li kienu twettqu testijiet għall-finijiet ta’ evalwazzjoni kummerċjali li, madankollu, ma setgħux jitqiesu, fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku, bħala li jikkostitwixxu esplojtazzjoni tal-varjetà kkontestata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (punti II B 8 sa 10 tad-Deċiżjoni kkontestata); u, fl-aħħar nett, fit-tielet lok, li kienu jeżistu fatturi tal-mixtla Olea Nurseries li jattestaw li l-varjetà Cripps Pink kienet inbiegħet minnha fl‑1985, iżda li ebda prova ma kienet tippermetti li jitqies li dan il-bejgħ kien twettaq bil-kunsens ta’ dak li jkabbar, filwaqt li għall-kuntrarju l-provi juru li l-varjetà inkwistjoni kienet ingħatat biss għal finijiet ta’ testijiet (punti II B 10 sa 12 tad-Deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti Nru 1640, mogħti fir-rigward tal-varjetà Cripps Pink, minħabba assenza ta’ oriġinalità, skont l-Artikoli 10 u 20 tar-Regolament bażiku;

–        tikkundanna liċ-CPVO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11      Iċ-CPVO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż taċ-CPVO.

12      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba intiża għall-annullament tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti Nru 1640, mogħti fir-rigward tal-varjetà Cripps Pink

13      Permezz tat-tieni kap ta’ talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti Nru 1640, mogħti fir-rigward tal-varjetà Cripps Pink, null u bla effett.

14      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell taċ-CPVO, fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolament bażiku. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mid-dipartimenti taċ-CPVO u lanqas, għaldaqstant, sabiex tannulla jew tbiddel dawn id-deċiżjonijiet.

15      Għaldaqstant, it-tieni kap ta’ talbiet intiż għall-annullament tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti Nru 1640, mogħti fir-rigward tal-varjetà Cripps Pink, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

16      Insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 10 u 20 tar-Regolament bażiku kif ukoll l-Artikolu 116 tal-imsemmi regolament billi essenzjalment qies li l-varjetà Cripps Pink kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ oriġinalità fil-mument tal-għoti tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tagħha. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku, il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kif ukoll l-Artikolu 50(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas‑17 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament bażiku rigward il-proċedimenti quddiem iċ-CPVO (ĠU 2009, L 251, p. 3), billi ddikjara inammissibbli l-provi prodotti tardivament mir-rikorrenti matul il-proċedimenti amministrattivi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali taċċetta provi li ma ġewx prodotti matul il-proċedimenti amministrattivi.

1.      Fuq l-ewwel motiv

17      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament bażiku. Fit-tieni lok, hija tqis li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta bbaża ruħu fuq il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti tat‑2 ta’ Diċembru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-UPOV”), kif irriveduta fid‑19 ta’ Marzu 1991, sabiex japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Fit-tielet lok, hija tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell fir-rigward tar-rekwiżit ta’ orġinalità fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku.

a)      Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament bażiku

18      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta applika l-perijodu ta’ grazzja derogatorju ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 116 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali fi ħdan l-Unjoni peress li l-ewwel ma ħax inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku; skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku, id-deroga prevista fl-Artikolu 116 tar-Regolament bażiku tista’ tiġi applikata biss “sakemm dak li jrabbi [jkabbar] jirriserva d-dritt esklużiv għall-għoti ta’ dawn u kostitwenti tal-varjetajiet oħra, u ma ssir l-ebda għotja oħra”, fatt li barra minn hekk għandu jiġi pprovat minn dan tal-aħħar.

19      Iċ-CPVO, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta dan l-argument.

20      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku jipprevedi li drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti għandhom jingħataw għal varjetajiet li huma distinti, uniformi, stabbli u ġodda. Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li jirregola l-kriterju ta’ oriġinalità, dak li jkabbar varjetà jibbenefika minn perijodu ta’ grazzja li matulu huwa jista’ jbigħ jew jagħti mingħajr madankollu ma jikkomprometti l-oriġinalità tal-varjetà. It-tul ta’ dan il-perijodu ta’ grazzja jvarja skont jekk l-għoti jseħħx fi ħdan jew barra l-Unjoni.

21      Għaldaqstant, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“1. Varjetà tkun meqjusa li tkun ġdida jekk, fid-data ta’ l-applikazzjoni stabbilta skond l-Artikolu 51, il-kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetajiet ma jkunux ġew mibjugħa jew b’mod ieħor mogħtija lil ħaddieħor, mill-, jew bil-kunsens ta’, min irrabbihom [ikabbarhom] skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 11, għal għanijiet ta’ l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet:

(a) aktar kmieni minn sena qabel ’il fuq imsemmija data, fit-territorju tal-Komunità;

(b) aktar kieni minn erba’ snin jew, fil-każ ta’ siġar u dwieli, aktar kmieni minn sitt snin qabel l-imsemmija data, barra t-territorju tal-Komunità.”

22      Skont l-Artikolu 116(1) tar-Regolament bażiku:

“Minkejja l-Artikolu 10(1)(a) u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(2) u (3),varjetà tkun meqjusa li tkun ġdida wkoll fil-każi meta l-kostitwenti tal-varjetà jew il-materjal maħsud tagħha ma jkunux inbiegħu jew b’xi mod ieħor saru disponibbli lill-oħrajn, mill-jew bil-kunsens ta’ dak li jkabbar, fit-territorju tal-Komunità għall-għanijiet ta’ l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet, aktar kmieni minn erba’ snin, fil-każ ta’ siġar jew ta’ dwieli mhux aktar kmieni minn sitt snin, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jekk id-data ta’ l-applikazzjoni tkun fi żmien sena minn dik id-data.”

23      Skont l-Artikolu 118 tar-Regolament bażiku:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.      L-Artikoli 1, 2, 3, 5 sa 29 u 49 sa 106 għandhom ikunu japplikaw sa mis‑27 ta’ April 1995 […]”

24      Id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 flimkien mal-Artikolu 116 tar-Regolament bażiku hija għaldaqstant l‑1 ta’ Settembru 1994, id-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament bażiku fil-Ġurnal Uffiċjali.

25      L-effett tal-Artikolu 116 tar-Regolament bażiku huwa li jestendi l-perijodu ta’ grazzja previst fl-Artikolu 10(1)(a) tal-imsemmi regolament minn sena qabel l-applikazzjoni għal dritt għal erba’, jew anki sitt snin f’dak li jirrigwarda s-siġar, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ kienet l‑1 ta’ Settembru 1988 għall-bejgħ u l-għoti fit-territorju tal-Unjoni.

26      Fir-rigward tal-perijodu ta’ grazzja għall-bejgħ u l-għoti barra mit-territorju tal-Unjoni, hekk kif stabbilit mill-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma hijiex affettwata mill-Artikolu 116 tal-imsemmi regolament.

27      F’dan il-każ, huwa stabbilit mill-fajl li l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti kienet ġiet ippreżentata mill-predeċessur fid-dritt tal-intervenjenti fid‑29 ta’ Awwissu 1995.

28      Għaldaqstant, din kienet ġiet ippreżentata fil-perijodu ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament bażiku.

29      Kien b’hekk b’mod korrett li l-Bord tal-Appell qies fil-punti II B 2 u 3 tad-Deċiżjoni kkontestata li, f’dan il-każ, żewġ perijodi ta’ grazzja kienu applikabbli, jiġifieri, l-ewwel nett, perijodu ta’ sitt snin qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament bażiku għall-bejgħ u għall-għoti ġewwa t-territorju tal-Unjoni u, it-tieni nett, perijodu ta’ sitt snin qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għall-bejgħ jew għall-għoti barra minn dan it-territorju.

30      Issa, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt II B 4 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ma kienet ġiet prodotta ebda prova li turi li kien twettaq bejgħ jew għoti, minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu, ġewwa l-Unjoni iktar minn sitt snin qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-varjetà ta’ siġar tat-tuffieħ Cripps Pink ġewwa l-Unjoni seħħet fl‑1992 fir-Renju Unit.

31      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta, hekk kif jirriżulta mill-punt II B 4 tad-Deċiżjoni kkontestata, illimita ruħu jeżamina l-effett tal-provi prodotti mir-rikorrenti, fir-rigward tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament bażiku, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetà kinux ġew mibjugħa jew mogħtija b’mod ieħor lil terzi minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku, għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tal-varjetà, barra mit-territorju tal-Unjoni, qabel id‑29 ta’ Awwissu 1989.

32      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell seta’ japplika perijodu ta’ grazzja biss wara li jkun l-ewwel eżamina jekk dak li jkabbar kienx żamm id-dritt esklużiv tiegħu ta’ għoti fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku.

33      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku:

“2. L-għoti ta’ kostitwenti tal-varjetajiet lil xi korp uffiċjali għal għanijiet statutorji, jew lil xi ħadd ieħor fuq il-bażi ta’ xi relazzjoni kuntrattwali jew legali oħra unikament għar-riproduzzjoni, riproduzzjoni, moltiplikazzjoni, kondizzjonar jew ħażna, ma għandux jitqies li jkun għotja lil ħaddieħor fit-tifsira tal-paragrafu 1, sakemm dak li jrabbi [jkabbar] jirriserva d-dritt esklużiv għall-għoti ta’ dawn u kostitwenti tal-varjetajiet oħra, u ma ssir l-ebda għotja oħra. Iżda, dik l-għotja tal-kostitwenti tal-varjetajiet għandha titqies li tkun għotja skond il-paragrafu 1 jekk dawn il-kostitwenti jkunu ripetutament użati fil-produzzjoni ta’ varjetajiet mħallta u jekk ikun hemm għoti ta’ kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetajiet mħallta.

Bl-istess mod, l-għoti tal-kostitwenti tal-varjetajiet minn kumpanija jew ditta skond it-tifsira tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat lil dawk il-kumpaniji jew ditti ma għandux jitqies li tkun għotja lil ħaddieħor, jekk xi waħda minnhom tkun tappartjeni kollha kemm hi lill-oħra jew jekk it-tnejn ikunu jappartjenu kollha kemm huma lil xi tielet kumpanija jew ditta, sakemm ma ssir ebda għotja oħra. Din id-disposizzjoniji ma għandhiex tapplika għal soċjetajiet kooperattivi.”

34      Konsegwentement, din id-dispożizzjoni hija intiża li tippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom ċerti sitwazzjonijiet legali jaqgħu jew ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ għoti għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tal-varjetà fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku. Kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda tallega r-rikorrenti, ma hijiex għalhekk kwistjoni ta’ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex għoti jkun jista’ jitqies bħala li ma jeqridx l-oriġinalità.

35      Peress li l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku ma tqum fil-każ preżenti u peress li r-rikorrenti baqgħet ma ressqet ebda argument insostenn ta’ tali dimostrazzjoni, kien b’mod korrett li l-Bord tal-Appell ma applikax din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament bażiku għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-UPOV kif irriveduta fid19 ta’ Marzu 1991

36      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell interpreta l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tal-UPOV kif irrivedut fid‑19 ta’ Marzu 1991. Issa, skont ir-rikorrenti, sa fejn il-bejgħ tas-siġar tat-tuffieħ Cripps Pink seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament bażiku u ta’ din il-verżjoni tal-Konvenzjoni tal-UPOV, il-Bord tal-Appell kien imissu rrefera għall-Konvenzjoni tal-UPOV hekk kif irriveduta fit‑23 ta’ Ottubru 1978, li ma ssemmix l-għan tal-esplojtazzjoni tal-varjetà.

37      Iċ-CPVO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

38      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti jammonta għal li jiġi argumentat li hemm lok li jiġi injorat il-kliem “għal għanijiet ta’ l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet”, li jinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku, waqt l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

39      Tali argument ma jistax jiġi milqugħ, peress li kemm il-Bord tal-Appell kif ukoll il-Qorti Ġenerali għandhom l-obbligu japplikaw b’mod sħiħ u komplet id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

40      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-disgħa u għoxrin premessa tar-Regolament bażiku tippreċiża li “[…] [dan ir-regolament jieħu] akkont tal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti bħal ma huma l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (Konvenzjoni UPOV) […]”, li, f’dan il-każ, hija l-Konvenzjoni tal-UPOV hekk kif irriveduta fid‑19 ta’ Marzu 1991, u li, anki jekk il-Bord tal-Appell irrefera għaliha, hemm lok li jiġi kkonstatat li huwa, għaldaqstant, għamel dan b’mod korrett.

41      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda riferiment għal xi verżjoni tal-Konvenzjoni tal-UPOV. Għall-kuntrarju, mill-punt II B tad-Deċiżjoni kkontestata, bit-titolu “Fuq il-mertu”, jirriżulta b’mod ċar li l-Bord tal-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tar-rekwiżit ta’ oriġinalità tal-varjetà Cripps Pink biss fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

42      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-Deċiżjoni kkontestata u għalhekk għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell relatata mar-rekwiżit ta’ oriġinalità

1)      Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

43      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku jipprevedi li drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti għandhom jingħataw għal varjetajiet li huma distinti, uniformi, stabbli u ġodda.

44      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom varjetà għandha titqies bħala ġdida.

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kundizzjonijiet — fosthom dawk relatati, b’mod partikolari, mal-oriġinalità — previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku jikkostitwixxu kundizzjonijiet sine qua non għall-għoti ta’ dritt Komunitarju. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, id-dritt mogħti jkun illegali u jkun fl-interess ġenerali li jiġi ddikjarat null u bla effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C‑546/12 P, EU:C:2015:332, punt 52).

46      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament bażiku, iċ-CPVO għandu jiddikjara dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti null u bla effett jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 10 ma kinux issodisfatti fil-mument tal-għoti tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

47      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 53a(2) tar-Regolament Nru 874/2009, it-talba mressqa quddiem iċ-CPVO bil-għan tal-ftuħ tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew dik imressqa bil-għan tal-proċedimenti ta’ revoka, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, għandhom jinkludu elementi probatorji u fattwali li jnisslu dubji serji dwar il-validità tad-dritt Komunitarju.

48      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti li tkun qiegħda titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti għandha tipproduċi provi u elementi fattwali sostanzjali li fuqhom ikunu jistgħu jiġu bbażati dubji serji dwar il-legalità tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti wara l-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 tal-imsemmi regolament (sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C‑546/12 P, EU:C:2015:332, punt 57, u tat‑23 ta’ Novembru 2017, Aurora vs CPVO – SESVanderhave (M 02205), T‑140/15, EU:T:2017:830, punt 58).

49      Kienet għaldaqstant ir-rikorrenti li kellha tipproduċi, insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, provi jew elementi fattwali sostanzjali li jistgħu jqajmu dubji serji f’moħħ iċ-CPVO fir-rigward tal-legalità tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti f’dan il-każ.

50      Għalkemm hemm lok li jiġi mistoqsi jekk, f’dan il-każ, il-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kinux ta’ natura li joħolqu dubji serji dwar il-legalità tad-dritt mogħti lill-intervenjenti, għandu madankollu jiġi kkonstatat li ċ-CPVO ammetta li kienu jeżistu dubji serji li jistgħu jiġġustifikaw eżami mill-ġdid tal-varjetà Cripps Pink permezz tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u beda l-proċedura kontradittorja. Barra minn hekk, tali evalwazzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma taffettwax il-possibbiltà għaċ-CPVO, jew għall-Bord tal-Appell, li sussegwentement jiċħad it-talba fuq il-mertu.

51      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku, matul il-proċedimenti quddiemu, iċ-CPVO għandu jinvestiga l-fatti ex officio, sa fejn dawn jaqgħu taħt l-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 ta’ dan l-istess regolament.

52      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku japplika għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C‑546/12 P, EU:C:2015:332, punt 46).

53      Iċ-CPVO għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dritt ta’ varjetà ta’ pjanta, fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, li huwa jeżerċita fuq il-bażi tal-provi prodotti quddiemu mill-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, hekk kif tfakkar fil-punt 46 iktar ’il fuq, huwa għandu l-obbligu li jiddikjara d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti null u bla effett jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 jew 10 tar-Regolament bażiku ma kinux issodisfatti fil-mument tal-għoti tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti kkonċernat.

54      Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 73 tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-Qorti Ġenerali hija mitluba tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell taċ-CPVO, billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa minnhom fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti sottomessi lilhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell taċ-CPVO, jekk ikun meħtieġ billi teżamina jekk dawn il-bordijiet wettqux klassifikazzjoni legali eżatta tal-fatti tal-kawża jew jekk l-evalwazzjoni tal-fatti sottomessi lill-imsemmija bordijiet hijiex ivvizzjata bi żbalji (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Bord tal-Appell huma r-riżultat ta’ evalwazzjonijiet kumplessi li jaqgħu taħt il-qasam tal-botanika jew tal-ġenetika, li jeħtieġu perizja jew għarfien xjentifiku jew tekniku partikolari, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali jista’ jkun dak ta’ żball manifest (sentenzi tal‑15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77, u tad‑19 ta’ Novembru 2008, Schräder vs CPVO (SUMCOL 01), T‑187/06, EU:T:2008:511, punti 59 sa 63). Madankollu dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ.

56      Fil-fatt, sa fejn l-eżami tal-kwistjoni tal-oriġinalità, inkwistjoni f’dan il-każ, ma jeżiġix perizja jew għarfien tekniku partikolari, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq stħarriġ tal-legalità sħiħ jew komplet (sentenzi tal‑15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77, u tad‑19 ta’ Novembru 2008, SUMCOL 01, T‑187/06, EU:T:2008:511, punt 65).

2)      Fuq l-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ oriġinalità fir-rigward tal-bejgħ jew tal-għoti mwettaq barra mill-Unjoni

57      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li kienet ir-rikorrenti, li kienet talbet id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti fir-rigward tal-varjetà Cripps Pink, li kellha tipproduċi l-provi li jippermettu lill-Bord tal-Appell jikkonkludi li r-rekwiżit ta’ oriġinalità ma kienx issodisfatt fil-mument tal-għoti tal-imsemmi dritt.

58      Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 34 iktar ’il fuq, peress li l-funzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku hija biss li jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li taħthom ċertu tip ta’ għoti ma jikkostitwixxix għoti “lil ħaddieħor”, ir-rikorrenti ma tistax tisħaq li l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu ssodisfatti fil-każijiet kollha sabiex bejgħ jew għoti ma jkunx jeqred l-oriġinalità. Fil-fatt, sabiex bejgħ jew għoti mwettaq barra mill-Unjoni qabel il-perijodu ta’ grazzja ma jkunx jeqred l-oriġinalità, huwa biżżejjed, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku, li l-bejgħ jew l-għoti lil terz ma jitwettaqx minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu “għal għanijiet ta’ l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet”, kundizzjoni li hija distinta minn dawk previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ dan l-istess regolament.

59      Għaldaqstant, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-provi prodotti mill-partijiet, kienx b’mod korrett li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-bejgħ jew l-għoti lil terz ma kienx twettaq minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu għall-finijiet tal-esplojtazzjoni kummerċjali tal-varjetà inkwistjoni qabel id‑29 ta’ Awwissu 1989.

60      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat il-provi prodotti quddiemu.

61      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li mid-dikjarazzjoni solenni ta’ dak li jkabbar tas‑6 ta’ Awwissu 2015 jirriżulta li, fl‑1984, fil-kuntest ta’ programm ta’ għażla ta’ tuffieħ, huwa għażel il-varjetajiet Pink Lady u Sundowner għal testijiet addizzjonali. Din ix-xhieda hija kkorroborata minn dokument kontemporanju, jiġifieri memorandum bit-titolu “Apple breeding programm” mibgħut, fit‑3 ta’ Settembru 1984, minn dak li jkabbar lill-Kap tad-Diviżjoni “Riċerka Botanika” tad-Dipartiment. F’dan il-memorandum, dak li jkabbar talab, f’dan ir-rigward, awtorizzazzjoni għar-rilaxx fl-industrija tal-varjetajiet Pink Lady u Sundowner “għal testijiet approfonditi u evalwazzjoni taħt kundizzjonijiet kummerċjali”.

62      Mid-dikjarazzjoni solenni ta’ dak li jkabbar tas‑6 ta’ Awwissu 2015, jirriżulta wkoll li n-noti miktubin bl-idejn magħmula fuq il-memorandum tat‑3 ta’ Settembru 1984 jirriflettu r-riżultat tal-laqgħa tiegħu mal-Kap tad-Diviżjoni “Ortikultura” tad-Dipartiment, tat‑3 ta’ April 1985, li matulha kien ġie diskuss il-kontenut tal-imsemmi memorandum. B’mod partikolari, mid-dikjarazzjoni solenni ta’ dak li jkabbar jirriżulta li l-annotazzjoni “Two varieties, Sundowner and Pink Lady to be released” (rilaxx ta’ żewġ varjetajiet, Sundowner u Pink Lady) tfisser li t-talba tiegħu għar-rilaxx fl-industrija tal-imsemmija varjetajiet “għal testijiet approfonditi u evalwazzjoni taħt kundizzjonijiet kummerċjali” kienet ġiet approvata.

63      Barra minn hekk, fir-rigward tal-għoti mwettaq lill-mixtliet Olea Nurseries u How Green Nursery fl‑1985, l-intervenjenti ppreżentat, matul il-proċedimenti amministrattivi, żewġ ittri mibgħuta minn dak li jkabbar, fil‑31 ta’ Mejju 1985, lil dawn iż-żewġ mixtliet. Permezz ta’ dawn l-ittri, dak li jkabbar kien informa lill-imsemmija mixtliet li xi siġar imlaqqma tal-varjetajiet Sundowner u Pink Lady kienu ser ikunu disponibbli fix-xitwa u li huma setgħu jkunu interessati jirċevuhom “sabiex ikollhom sors ta’ brokki u jkunu jistgħu jipproduċu siġar sabiex jbigħuhom lill-produtturi tal-frott jekk qatt id-Dipartiment jirrakkomanda t-tħawwil tagħhom fil-ġonna kummerċjali b’siġar tal-frott”. Barra minn hekk, dak li jkabbar spjega fid-dikjarazzjoni solenni tiegħu tas‑6 ta’ Awwissu 2015 li, f’Awwissu 1985, huwa kien iddistribwixxa “għal finijiet ta’ testijiet u ta’ evalwazzjoni 12‑il siġra Cripps Pink u 12‑il siġra Cripps Red” lill-mixtliet Olea Nurseries u How Green Nursery u lil tmien arboristi, u li l-intenzjoni kienet li jiġi evalwat l-andament tal-varjetajiet f’“ambjent differenti minn stazzjon ta’ riċerka”.

64      Fl-aħħar nett, mid-dikjarazzjoni solenni ta’ dak li jkabbar tas‑6 ta’ Awwissu 2015 u mill-Bulettin tad-Dipartiment Nru 4169 bit-titolu “Apple varieties for Western Australia orchards” (Varjetajiet ta’ tuffieħ għall-ġonna b’siġar tal-frott tal-Awstralja tal-Punent) jirriżulta li kien biss f’Novembru 1990 li d-Dipartiment irrakkomanda li l-arboristi tal-frott jikkoltivaw il-varjetà Cripps Pink.

65      Għalhekk, il-kontenut tal-ittri indirizzati lill-mixtliet, meħud waħdu, ċertament ma jippermettix li jiġi konkluż, hekk kif jafferma l-Bord tal-Appell fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-varjetà inkwistjoni kienet ġiet irrilaxxata biss għal finijiet ta’ testijiet. Madankollu, il-provi deskritti iktar ’il fuq, meħuda kollha kemm huma, jikkonfermaw li l-għoti tal‑1985 kien twettaq “għal finijiet ta’ testijiet u ta’ evalwazzjoni”.

66      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, il-fatt li l-provi jirreferu għal testijiet kummerċjali u mhux għal testijiet botaniċi ma huwiex rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku jirreferi speċifikament għall-“esplojtazzjoni tal-varjetajiet”.

67      Ġie deċiż li għoti għall-finijiet ta’ testijiet fuq il-varjetà li ma jimplikax il-bejgħ jew l-għoti lil terzi għal finijiet ta’ esplojtazzjoni tal-varjetà ma jeqridx l-oriġinalità fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku (sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Kiku vs CPVO – Sächsisches Landesamt für Umwelt, Landwirtschaft und Geologie (Pinova), T‑765/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2019:244, punt 74).

68      Hemm lok li jitqies li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “esplojtazzjoni” tal-varjetà fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku jirrigwarda esplojtazzjoni għal skopijiet ta’ lukru, hekk kif juru wkoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku relatati mad-drittijiet ta’ esplojtazzjoni kuntrattwali, iżda jeskludi, min-naħa l-oħra, it-testijiet kummerċjali intiżi għall-evalwazzjoni tal-varjetajiet f’kundizzjonijiet kummerċjali fuq tipi differenti ta’ art u f’sistemi agrikoli differenti, sabiex jiġi ddeterminat il-valur tagħhom għall-klijenti.

69      Għaldaqstant, kien mingħajr ma wettaq żball li l-Bord tal-Appell irrefera għad-deċiżjoni tiegħu tat‑2 ta’ Diċembru 2008, fil-Każ A 009/2008, li fiha huwa qies li dak li kien importanti fir-rirgward tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku kien li jkun hemm “xewqa manifesta li jsir bejgħ”. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq din id-deċiżjoni sabiex jiċħad il-valur probatorju tal-provi prodotti minnha għandu jiġi miċħud.

70      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif indikat l-intervenjenti matul is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell, it-“testijiet kummerċjali” f’dan il-każ kellhom l-għan li jevalwaw il-varjetajiet f’kundizzjonijiet kummerċjali fuq tipi differenti ta’ art u f’sistemi agrikoli differenti, sabiex jiġi ddeterminat il-valur tagħhom għall-klijenti. It-testijiet b’hekk ippermettew li jiġi ssorveljat l-andament tal-varjetà inkwistjoni f’kundizzjonijiet ta’ art ħafna iktar rappreżentattivi, li ssir evalwazzjoni fuq iċ-ċiklu kollu ta’ tkabbir u li tiġi pprovduta lill-produtturi iktar data dwar l-andament.

71      Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti huma kkorroborati, minn naħa, mid-dikjarazzjoni solenni ta’ dak li jkabbar tas‑6 ta’ Awwissu 2015 u, min-naħa l-oħra, mid-dikjarazzjoni solenni kuntrarja ta’ Geoffrey Godley, konsulent agrikolu mad-Dipartiment, tat‑13 ta’ Jannar 2015. Fil-fatt, mid-dikjarazzjoni ta’ dak li jkabbar tas‑6 ta’ Awwissu 2015 jirriżulta li l-għan tad-distribuzzjoni tal-varjetà Cripps Pink lill-mixtliet u lill-arboristi “kien li wieħed jara kif is-siġar kienu jaġixxu f’ambjent differenti minn stazzjon ta’ riċerka”. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni ta’ G. Godley jirriżulta li huwa jirrikonoxxi li kien ipparteċipa, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, fl-attivitajiet “ta’ evalwazzjoni kummerċjali”, li kienu jikkonsistu fil-ġbir ta’ informazzjoni mingħand il-produtturi “dwar ir-rendiment, il-ħsad, il-ħażna, l-imballaġġ, l-ispedizzjoni u r-reazzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tat-tuffieħ.”

72      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti matul is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell mill-espert tekniku fuq it-tuffieħ taċ-CPVO jirriżulta li l-evalwazzjoni kummerċjali hija prattika komuni fl-għażla tat-tuffieħ. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-espert indika li l-għażla tat-tuffieħ isseħħ f’żewġ stadji: l-ewwel stadju li jikkonsisti fit-twettiq ta’ riċerki għall-ittestjar u għall-għażla tal-varjetajiet, u t-tieni stadju li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-użu kummerċjali tas-siġar tat-tuffieħ.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell kien korrett meta kkonkluda li l-evalwazzjoni kummerċjali ma kinitx tammonta għall-esplojtazzjoni kummerċjali u li, għaldaqstant, il-bejgħ jew l-għoti mwettqa għal finijiet ta’ testijiet qabel il-perijodu ta’ grazzja ma kinux jikkostitwixxu ċirkustanza li teqred l-oriġinalità.

74      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

75      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet solenni prodotti mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha l-ewwel tiġi vverifikata l-kredibbiltà tal-informazzjoni inkluża fih. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom dan tħejja, id-destinatarju tiegħu u għandu jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, dan jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE‑Zentral (Salvita), T‑303/03, EU:T:2005:200, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, anki meta dikjarazzjoni tkun ġiet redatta skont l-Artikolu 78(1)(g) tar-Regolament bażiku, din jista’ jingħatalha valur probatorju, meta din tkun saret minn persuni assoċjati mar-rikorrenti, biss jekk din tkun ikkorroborata minn provi oħra (ara, id-digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2013, SOUTHERN SPLENDOUR, T‑367/11, mhux ippubblikat, EU:T:2013:585, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Boomkwekerij van Rijn‑de Bruyn vs CPVO – Artevos (Oksana), T‑767/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:494, punt 99).

76      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat, li l-persuni mitluba mir-rikorrenti jagħmlu dikjarazzjonijiet solenni jirreferu għal fatti li seħħew iktar minn tletin sena ilu. It-tieni nett, f’dak iż-żmien, ma kien hemm ebda leġiżlazzjoni fis-seħħ relatata mad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fl-Awstralja u, għaldaqstant, il-persuni mitluba jipprovdu dawn id-dikjarazzjonijiet solenni ma kellhom ebda għarfien tal-kuntest ġuridiku relatat mar-rekwiżiti marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti. It-tielet nett, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni ta’ dak li jkabbar tas‑6 ta’ Awwissu 2015, id-dikjarazzjonijiet solenni prodotti mir-rikorrenti ma humiex sostnuti minn provi kontemporanji tal-fatti. Għaldaqstant, minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, li l-valur probatorju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet solenni jibqa’ limitat.

77      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatturi prodotti mir-rikorrenti relatati mal-bejgħ li kien twettaq mill-mixtla Olea Nurseries fl‑1987, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif għamel il-Bord tal-Appell, li, anki jekk il-fatturi pprovduti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti amministrattivi jagħtu prova li l-mixtla Olea Nurseries biegħet il-varjetà Cripps Pink, dawn ma jikkostitwixxux prova li dak li jkabbar kien ta l-kunsens tiegħu għall-“esplojtazzjoni kummerċjali” tal-imsemmija varjetà. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li mill-ittri mibgħuta lill-mixtliet Olea Nurseries u How Green Nursery fl‑1985 jirriżulta b’mod ċar li dak li jkabbar kien offrielhom siġar tal-varjetajiet Sundowner u Pink Lady fil-każ li d-“[D]ipartiment [ji]rrakkomanda li l-ġonna kummerċjali b’siġar tal-frott iħawluhom” u li ebda prova ma kienet ġiet prodotta fir-rigward tal-fatt li, sa Novembru 1990, kienet saret tali rakkomandazzjoni.

78      Barra minn hekk, il-fatt li d-Dipartiment afferma, matul il-proċedimenti amministrattivi quddiem iċ-CPVO, li, bejn l‑1985 u l‑1990 l-uffiċjali tiegħu “kienu strettament involuti fit-tħawwil ta’ ttestjar fil-ġonna kummerċjali b’siġar tal-frott li lilhom id-Dipartiment kien ipprovda siġar u brokki” iservi biss sabiex jikkorrobora l-għan sperimentali tal-għoti mwettaq matul dan il-perijodu. Dan ma jurix, hekk kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, li d-Dipartiment kien jaf dwar jew kien ta l-kunsens tiegħu għall-bejgħ imwettaq mill-mixtliet.

79      Barra minn hekk, dan l-aħħar fatt jiddistingwi l-każ inkwistjoni minn dak tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat‑2 ta’ Lulju 2013, fil-Każ A 007/2013 dwar il-varjetà ta’ lanġas Oksana. F’dak il-każ, il-provi kienu jagħtu prova li d-distribuzzjoni tal-kostitwenti tal-varjetajiet ma kinitx is-suġġett ta’ riżerva u kienet konformi mal-intenzjoni espressa ta’ dak li jkabbar li l-materjal jiġi ddistribwit mingħajr restrizzjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li d-Deċiżjoni kkontestata tikkontradixxi d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat‑2 ta’ Lulju 2013, fil-Każ A 007/2013 dwar il-varjetà Oksana għandu jiġi miċħud.

80      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-provi l-oħra msemmija fil-punt 44 tar-rikors, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn huma dokumenti sussegwenti għall-fatti li taw lok għal din il-kawża jew dokumenti li fihom dikjarazzjonijiet vagi li ma jippermettux li jiġi konkluż li l-varjetà Cripps Pink kienet ġiet mibjugħa jew mogħtija lil terzi, minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu, għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tagħha qabel il-perijodu ta’ grazzja.

81      F’dan is-sens, hemm lok li jiġi rrilevat li l-komunikat stampa bit-titolu “Il-Produtturi tal-Frott Imħeġġa Jħawlu Varjetajiet Ġodda ta’ Tuffieħ” huwa ddatat it‑8 ta’ Settembru 1992 u jinkludi dikjarazzjonijiet vagi u ġenerali tal-Ministru tal-Agrikoltura tal-Awstralja tal-Punent fiż-żmien tal-fatti. Fil-fatt, anki jekk minn dan il-komunikat jirriżulta li, fid-data tiegħu, l-imsemmi Ministru kien afferma li t-tuffieħ Pink Lady u Sundowner “kien ġie rrilaxxat lill-produtturi fl-1985”, minn dan ma jistax neċessarjament jiġi dedott li dan kien rilaxx għall-finijiet tal-esplojtazzjoni kummerċjali tal-varjetà Cripps Pink. Barra minn hekk, fir-rigward tal-artiklu ppubblikat fl-1993 fir-rivista Hort Science minn dak li jkabbar u mill-kollegi tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan jikkorrobora d-dikjarazzjoni ta’ dak li jkabbar li l-varjetà Cripps Pink ġiet iddistribwita lill-industrija għal finijiet ta’ evalwazzjoni kummerċjali fl‑1986. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ dak li jkabbar it-tuffieħ, is-Sur Atherton, magħmula waqt ix-xandira televiżiva bit-titolu ‘Tickled Pink’, li abbażi tagħha “Pink Lady kienet għadha kif daħlet fix-xena”, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li din hija dikjarazzjoni ambigwa li ma tippermettix li jiġi dedott li l-esplojtazzjoni kummerċjali tal-varjetà Cripps Pink kienet seħħet qabel il-perijodu ta’ grazzja.

82      Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda r-rapport tal-Kumitat ta’ Kontroll Parlamentari Awstraljan, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa kumitat ta’ kontroll parlamentari li tlaqqa’ diversi snin wara l-fatti, jiġifieri fl‑1995. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tar-relatur tal-opinjoni tal-intervenjenti, E.J. Charlton, quddiem dan il-kumitat ta’ kontroll, li t-tuffieħ kien ġie prodott kummerċjalment għall-ewwel darba fl‑1986 jew fl‑1987, hija fformulata b’mod ambigwu u ma tippermettix li jiġi konkluż li l-varjetà nbiegħet jew ingħatat għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tagħha qabel il-perijodu ta’ grazzja.

83      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument li d-Dipartiment qatt ma esprima l-intenzjoni li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew li jinvoka drittijiet ta’ dak li jkabbar fl-Awstralja, dan il-fatt huwa irrilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk varjetà tissodisfax ir-rekwiżit ta’ oriġinalità fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, hemm biss lok li jitqies il-bejgħ jew l-għoti lil terzi, minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu, għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tal-varjetà qabel il-perijodu ta’ grazzja, liema bejgħ u għoti jeqirdu l-oriġinalità.

84      Fil-ħames lok, fir-rigward tad-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Proprjetà Industrijali taċ-Ċilì li tannulla d-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tal-varjetà Cripps Pink f’dik il-ġurisdizzjoni minħabba nuqqas ta’ oriġinalità, minn naħa, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku stabbilixxew il-forma unika u esklużiva ta’ dritt Komunitarju ta’ proprjetà industrijali għall-varjetajiet ta’ pjanti. Għaldaqstant, iċ-CPVO u, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Unjoni ma humiex marbuta b’deċiżjoni meħuda fil-livell ta’ pajjiż terz (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2017, Barmenia Krankenversicherung vs EUIPO (Mediline), T‑810/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:749, punt 37).

85      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha ssemmi din id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Proprjetà Industrijali taċ-Ċilì f’nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża taħt il-punt 26 tar-rikors, li fih hija tindika li “d-Dipartiment qatt ma esprima l-intenzjoni li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew li jinvoka drittijiet ta’ dak li jkabbar fl-Awstralja”. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna msemmija iktar ’il fuq, hemm indikat: “Qiegħed isir riferiment b’mod partikolari għall-intervista ma’ dak li jkabbar irreġistrata fis‑17 ta’ Mejju 2010 fi Floreat, l-Awstralja tal-Punent […] fil-kuntest tad-deċiżjoni tat-[T]ribunal tal-Proprjetà Industrijali taċ-Ċilì li kienet invalidat iċ-ċertifikat Ċilen ta’ POV Nru 34/95 [..]”. Ma jsir ebda riferiment ieħor għal din id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Proprjetà Industrijali taċ-Ċilì fir-rikors u barra minn hekk din ma hijiex inkluża fl-annessi tar-rikors. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma tislet ebda konsegwenza minn din id-deċiżjoni fuq il-validità tad-Deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax toħodha inkunsiderazzjoni.

86      Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kien b’mod korrett li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux jagħtu prova tal-fatt li l-varjetà Cripps Pink kienet ġiet mibjugħa jew mogħtija lil terzi, barra mill-Unjoni, minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu, għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tal-varjetà qabel id‑29 ta’ Awwissu 1989.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk il-provi prodotti mir-rikorrenti kinux suffiċjenti sabiex jitqajmu dubji serji u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ċ-CPVO u, sussegwentement, il-Bord tal-Appell ma pproċedewx għaċ-ċaħda ab initio tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti taqra parzjalment id-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija deċiżjoni tuża, ċertament b’mod żbaljat, il-kliem “dubji serji” tal-Artikolu 53a tar-Regolament Nru 874/2009 fl-evalwazzjoni tagħha tal-provi, din tindika b’mod ċar li r-rikorrenti ma pproduċietx provi li l-varjetà Cripps Pink kienet ġiet mibjugħa jew mogħtija lil terzi, barra mill-Unjoni, minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu, għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tagħha. Barra minn hekk, ma huwiex għaliex il-Bord tal-Appell ikkonkluda fi tmiem il-proċedimenti, fid-dawl tal-fatti u tal-provi kollha prodotti mill-partijiet, li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma jqajmux dubji serji fir-rigward tal-validità tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti inkwistjoni, li d-deċiżjoni inizjali li jinfetħu l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija żbaljata. Fil-fatt, meta, fit-tmiem ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iċ-CPVO jikkonkludi li l-provi ma jqajmux dubji serji, dan ikun ifisser li d-dubji serji li ċ-CPVO kellu meta rċieva t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jkunu tneħħew.

88      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq it-tieni motiv

89      Insostenn tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kif ukoll l-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 874/2009.

90      Permezz tal-ewwel parti tal-motiv, hija ssostni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta eskluda bħala tardivi provi li hija kienet ipproduċiet quddiemu u, permezz tat-tieni parti tal-motiv, hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tirrikonoxxi l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi quddiemha.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti tardivament matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

91      Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti pproduċiet provi ġodda matul is-seduta orali quddiem il-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, iċ-CPVO u l-intervenjenti ma rċevewx kopja ta’ dawn il-provi qabel l-imsemmija seduta, hekk kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti f’dik l-okkażjoni.

92      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u tal-Artikolu 53a(4) tar-Regolament Nru 874/2009, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, fl-assenza ta’ spjegazzjonijiet raġonevoli jew aċċettabbli li jiġġustifikaw il-produzzjoni tardiva, kien hemm lok li dawn il-provi ġodda jiġu ddikjarati inammissibbli.

93      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell b’hekk kiser l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku u l-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u li kien imissu ġie applikat l-Artikolu 81 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-kumplessità ta’ din il-kawża u peress li l-provi prodotti tardivament jikkostitwixxu fatt li ġie emendat matul il-proċedimenti, il-Bord tal-Appell kien imissu ta seduta addizzjonali skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 874/2009.

94      Iċ-CPVO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

95      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku, iċ-CPVO għandu l-obbligu, matul il-proċedimenti quddiemu, jeskludi l-fatti li ma jkunux ġew invokati jew il-provi li ma jkunux ġew prodotti fit-terminu stabbilit miċ-CPVO. Barra minn hekk, l-Artikolu 53a(4) tar-Regolament Nru 874/2009 jipprevedi li ċ-CPVO ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas id-dokumenti, jew partijiet minnhom, li ma ġewx ippreżentati fit-terminu stabbilit miċ-CPVO.

96      Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 874/2009 jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-provi prodotti barra mit-terminu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 81 tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet proċedurali fir-Regolament Nru 874/2009 jew f’dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tal-imsemmi regolament, iċ-CPVO għandu japplika l-prinċipji tal-liġi proċedurali ġeneralment irrikonoxxuti fl-Istati Membri, u li, skont ir-rikorrenti, kien, f’dan il-każ, obbliga liċ-CPVO jirreferi għall-imsemmija prinċipji, ma huwiex applikabbli f’din il-kawża.

97      Barra minn hekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma għandux setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-provi prodotti barra mit-terminu. Għall-kuntrarju, hekk kif isostni ċ-CPVO, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li ċ-CPVO huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi ppreżentati jew prodotti tardivament.

98      Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħha li l-Bord tal-Appell kien imissu aċċetta l-provi prodotti tardivament, sa fejn, skont din il-ġurisprudenza, xejn ma jista’ jipprekludi milli jittieħdu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali, li sempliċement jiżdiedu ma’ provi oħra prodotti fit-terminu stabbilit, sakemm il-provi inizjali ma jkunux mingħajr rilevanza, iżda ġew ikkunsidrati insuffiċjenti mill-parti l-oħra (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Rehbein vs UASI – Dias Martinho (OUTBURST), T‑214/08, EU:T:2012:161, punt 53). Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali fil-qasam tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea relatati mal-prova tal-użu, li abbażi tagħhom, jekk l-opponent ma jipprovdix prova tal-użu tat-trade mark fit-terminu stabbilit, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jiċħad l-oppożizzjoni, dispożizzjonijiet li ma għandhomx ekwivalenti fil-qasam tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti. Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata b’analoġija għal dan il-każ.

99      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), l-EUIPO jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li huma ma jkunux ipproduċew fil-ħin preskritt. Madankollu, dan l-artikolu huwa limitat jippermetti lill-EUIPO ma jiħux inkunsiderazzjoni l-provi prodotti barra mit-terminu, filwaqt li l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku jobbliga liċ-CPVO jeskludi dawn il-provi tardivi.

100    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-provi prodotti tardivament fil-qasam tat-trade marks, hija madankollu ppreċiżat li l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija provi addizzjonali bl-ebda mod ma kien jikkostitwixxi “favur” mogħti lil parti jew lil oħra, iżda kellu jkun ir-riżultat ta’ eżerċizzju oġġettiv u motivat tas-setgħa diskrezzjonali tal-EUIPO. F’dan is-sens, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti tardivament jista’ jkun iġġustifikat meta l-EUIPO jqis, minn naħa, li l-provi prodotti tardivament jistgħu prima facie jkollhom rilevanza reali u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedimenti li fih isseħħ din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi relatati miegħu ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 44, u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 38).

101    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti pproduċiet il-provi inkwistjoni matul is-seduta orali quddiem il-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, u hekk kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti matul din is-seduta, iċ-CPVO u l-intervenjenti ma rċevewx kopja ta’ dawn il-provi qabel is-seduta. Fit-tieni lok, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ma tat l-ebda spjegazzjoni li tiġġustifika l-produzzjoni tardiva tal-provi. Fil-fatt, fir-rigward tal-ittra tal-Ministru tal-Agrikoltura tal‑15 ta’ Jannar 1990 u tad-dikjarazzjonijiet solenni ta’ Allan Price u ta’ John Paterson, ir-rikorrenti sostniet li dawn il-provi kienu disponibbli biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Bord tal-Appell, jiġifieri s‑7 ta’ Settembru 2017. Madankollu, hekk kif ikkonstata b’mod korrett il-Bord tal-Appell fid-Deċiżjoni kkontestata, tali spjegazzjoni ma tidhirx li hija kredibbli peress li l-imsemmija ittra kienet issemmiet preċedentement fil-proċedimenti. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet solenni ta’ A. Price u ta’ J. Paterson, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn huma ddatati qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, fir-rigward tal-artikli tal-istampa, dawn setgħu jinkisbu preċedentement, għaliex, hekk kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tas‑26 ta’ Settembru 2017, dawn huma pubblikazzjonijiet li huma disponibbli fuq l-internet.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kellu jeskludi l-provi inkwistjoni.

103    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja meta ddikjara li l-provi inkwistjoni kienu inammissibbli.

104    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kien imissu ta seduta addizzjonali, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 874/2009, talbiet għal seduti addizzjonali huma inammissibbli, ħlief fir-rigward tat-talbiet ibbażati fuq fatti li jkunu nbidlu maż-żmien. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma ntalbet ebda seduta addizzjonali. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq l-ammissibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali tal-provi mhux prodotti matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

105    Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tiddikjara ammissibbli tliet provi li ma ġewx prodotti matul il-proċedimenti amministrattivi. Dawn huma dikjarazzjoni solenni ffirmata fit‑23 ta’ Jannar 2018 minn dak li jkabbar, li dak iż-żmien kellu 90 sena, dikjarazzjoni solenni ffirmata fl‑20 ta’ Jannar 2018 mis-Sur u mis-Sinjura Green, il-proprjetarji tal-mixtla How Green Nursery fid-data tal-fatti, u dikjarazzjoni solenni ta’ dak li jkabbar it-tuffieħ, is-Sur Atherton, iffirmata fit‑8 ta’ Frar 2018.

106    Iċ-CPVO u l-intervenjenti jsostnu li dawn il-provi huma inammissibbli.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-Qorti Ġenerali hija mitluba tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa minnu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti li jkunu ġew sottomessi lill-imsemmi bord, iżda hija ma tistax, min-naħa l-oħra, twettaq tali stħarriġ billi tieħu inkunsiderazzjoni fatti ġodda prodotti quddiemha (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Lulju 2017, Oksana, T‑767/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:494, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ ta’ legalità, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid il-fatti fid-dawl ta’ dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Oksana, T‑767/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:494, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    F’dan il-każ, peress li l-provi ma kinux ġew prodotti fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, dawn għandhom, għaldaqstant, jiġu ddikjarati inammissibbli.

109    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell għamel nota żbaljata tal-fatti u evalwazzjoni żbaljata u parzjali tal-provi. Fil-fatt, l-ammissibbiltà ta’ prova ġdida ma tistax tkun suġġetta għall-fatt li l-eżitu ta’ deċiżjoni partikolari jkun favorevoli jew le għal parti fil-proċeduri. Barra minn hekk, il-fatt li dawn huma provi addizzjonali li jsaħħu t-talba tar-rikorrenti huwa wkoll irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Oksana, T‑767/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:494, punt 32).

110    Barra minn hekk, hekk kif irrileva b’mod korrett iċ-CPVO, ir-rikorrenti ma tat ebda spjegazzjoni li turi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li ssir taf dwar il-fatti kkonċernati fi stadju preċedenti. Issa, fid-dawl tal-fatt li dawn huma dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ xhieda mitluba mir-rikorrenti lill-persuni kkonċernati, din tal-aħħar setgħet tiġbor din ix-xhieda matul il-proċedimenti amministrattivi.

111    Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda element intiż li jispjega r-raġuni preċiża li għaliha d-dokumenti inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, minkejja li dawn huma ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha, dawn id-dokumenti għandhom jiġu esklużi mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, Safe Skies vs EUIPO – Travel Sentry (TSA LOCK), T‑60/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:164, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu, jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet taċ-CPVO u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Pink Lady America LLC hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Forrester

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Settembru 2019.

E. Coulon

Ir-Reġistratur

 

      Il-President


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.