Language of document : ECLI:EU:F:2013:151

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

17 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑69/11

BF

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċedura intiża sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur — Rapport tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni — Motivazzjoni — Assenza — Illegalità tad-deċiżjoni ta’ ħatra — Kundizzjonijiet”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu BF, rikorrent, essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, tat-18 ta’ Novembru 2010, li taħtar lil Z bħala Direttur tar-Riżorsi Umani, u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri, tal-istess jum, li tiċħad il-kandidatura tiegħu għal dan l-impjieg, kif ukoll għall-kumpens għad-dannu materjali u morali subit.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Novembru 2010 li permezz tagħhom il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea ħatret lil Z bħala Direttur tar-Riżorsi Umani u ċaħdet il-kandidatura ta’ BF għal dan l-impjieg huma annullati. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea sabiex mill-proċess jitneħħew l-Annessi A 7 u A 11 tar-rikors. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn BF.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti bl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u bir-regoli ta’ kondotta adottati għall-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(2))

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur — Rapport tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(2))

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur — Rapport tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni vvizzjat b’irregolarità proċedurali — Konsegwenzi

1.      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Awtorità tal-Ħatra għandha fit-tqabbil tal-merti tal-persuni li jkunu tefgħu l-kandidatura tagħhom għal pożizzjonijiet vakanti, b’mod partikolari meta l-pożizzjoni li għandha timtela tikkorrispondi għall-gradi l-iktar għoljin tal-amministrazzjoni, bħalma hija l-pożizzjoni ta’ direttur fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri, għandha ssir b’osservanza tar-regoli rilevanti kollha, jiġifieri b’osservanza mhux biss tal-avviż ta’ reklutaġġ, iżda wkoll ta’ regoli ta’ kondotta possibbli li l-awtorità tkun ipprovdiet għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, bħalma huma direttivi interni fil-qasam tar-reklutaġġ. Tali regoli interni għaldaqstant jagħmlu parti mill-qafas legali li l-Awtorità tal-Ħatra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, ma tistax tinjora mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet li jkunu wassluha tagħmel hekk, taħt piena li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżerċizzju tal-prerogattivi wiesgħa li tista’ tinvoka din l-awtorità kompetenti huwa limitat, konsegwentement, għall-verifika prinċipalment li din tal-aħħar tkun żammet mal-limiti mhux kritikabbli, skont proċedura nieqsa minn irregolaritajiet, u li ma tkunx użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha fit-tqabbil tal-merti tal-kandidati b’mod manifestament żbaljat jew għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom din ġiet mogħtija lilha.

(ara l-punti 40 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Marzu 1995, Kotzonis vs CES, T‑586/93, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata; 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T-43/04, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F-46/07, punt 67; 30 ta’ Jannar 2013, Wahlström vs Frontex, F‑87/11, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura intiża li timtela l-pożizzjoni ta’ direttur, il-motivazzjoni tar-rapport li l-Kumitat ta’ Preselezzjoni għandu jippreżenta lill-Awtorità tal-Ħatra skont ir-regoli proċedurali interni li jeżiġu “rapport motivat” ma tistax tkun ikkostitwita biss mill-indikazzjoni tal-isem tal-kandidat jew tal-kandidati magħżula u tismija tal-adozzjoni, b’unanimità jew le, tal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni, jew saħansitra tfakkira tal-proċedura u tal-kriterji ta’ evalwazzjoni segwiti. Din għandha tinkludi l-elementi kollha ta’ evalwazzjoni neċessarji li jippermettu lill-imsemmija awtorità teżerċita b’mod korrett, fi tmiem il-proċedura ta’ preselezzjoni, il-prerogattivi wiesgħa tagħha fil-qasam tal-ħatra, b’osservanza stretta tar-regoli u l-kundizzjonijiet li hija stess tkun stabbilixxiet volontarjament, li jippermettulha tifhem l-evalwazzjoni, magħmula mill-Kumitat ta’ Preselezzjoni, tal-kandidati magħżula u sussegwentement twettaq, hija stess, fi tmiem eżami komparattiv, l-għażla tal-kandidat l-iktar xieraq għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ta’ reklutaġġ.

Indikazzjonijiet orali qosra ħafna mogħtija mill-President tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni matul il-preżentazzjoni orali tiegħu f’ebda każ ma jistgħu jissostitwixxu rapport bil-miktub li jiddeskrivi ammont minimu ta’ elementi fattwali li jippermettu, bl-oġġettività kollha neċessarja, li wieħed jagħraf u jiddeċiedi liema mill-kandidati proposti mill-Kumitat ta’ Preselezzjoni għandu jintgħażel.

(ara l-punti 44 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament, C‑150/03 P, punti 46 u 48 sa 50

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, punti 31 u 32; 18 ta’ Settembru 2003, Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T-73/01, punt 60

3.      Irregolarità proċedurali għandha tiġi ssanzjonata permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jekk jiġi stabbilit li hija setgħet tinfluwenza l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni. L-assenza ta’ motivazzjoni ta’ rapport tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni, meta dan il-kumitat għandu, skont regoli proċedurali interni, jippreżenta lill-Awtorità tal-Ħatra b’rapport motivat, tikkostitwixxi irregolarità kkaratterizzata fil-proċedura ta’ reklutaġġ.

(ara l-punt 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Diċembru 1993, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑58/92, punt 63; Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71