Language of document : ECLI:EU:F:2015:103

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

21 ta’ Settembru 2015

Kawża F‑72/11

Anastasios Anagnostu et

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċeduri ta’ promozzjoni 2010 u 2011 – Rata multiplikatriċi ta’ referenza – Artikolu 6(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Miżuri tranżitorji għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2011 – Artikolu 9 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali promossi – Interess ġuridiku”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih A. Anagnostu u l-24 rikorrenti l-oħra jitolbu prinċipalment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi l-limiti ta’ promozzjoni fil-gradi AD 13 u AD 14 għall-proċeduri ta’ promozzjoni 2010 u 2011 u, it-tieni nett, l-annullament tal-lista tal-uffiċjali promossi fil-gradi AD 13 u AD 14 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2010 kif ukoll dik tad-deċiżjoni impliċita tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħti promozzjoni lil numru ikbar ta’ uffiċjali fil-gradi AD 13 jew AD 14.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Novembru 2010 li ma jagħtux promozzjoni lil Antoulas, Bruni, Nicolaidou-Kallergis u Xanthopoulos huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati 16 % tal-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati 16 % tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti minbarra Antoulas, Bruni, Nicolaidou-Kallergis u Xanthopoulos għandhom ibatu 84 % mill-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati jbatu 84 % mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni tal-iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni – Att preparatorju – Esklużjoni – Att li jista’ jiġi kkontestat inċidentalment fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45 u 90(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rati ta’ multiplikazzjoni ta’ riferiment – Deċiżjoni tal-iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni – Rikors ippreżentat kontra rifjut ta’ promozzjoni – Neċessità li wieħed juri l-possibbiltà li jilħaq il-limitu ta’ promozzjoni – Assenza ta’ lmenti personali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament l-uniċi miżuri li jipproduċu effetti legali obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi tbiddel, b’mod serju, is-sitwazzjoni legali tiegħu. Meta dawn jinvolvu atti jew deċiżjonijiet li l-preparazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, b’mod partikolari matul proċedura interna, bħal dik dwar l-proċedura fil-qasam tal-promozzjoni previst mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxu biss atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv l-pożizzjoni tal-istituzzjoni wara din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-miżuri intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, ma jagħmlux ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u jistgħu jiġu kkontestati biss b’mod inċidentali matul rikors kontra l-atti li jistgħu jiġu annullati.

L-iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni, kemm fir-rigward tal-limiti indikattivi jew tal-limiti definittivi, jikkostitwixxi biss wieħed mill-istadji suċċessivi tal-proċedura ta’ promozzjoni, li jsir permezz tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-uffiċjali promossi fl-okkażjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni. Madankollu, huwa biss fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ din il-lista li l-pożizzjoni legali tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi tista’ tiġi affettwata. Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet tal-iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni jikkostitwixxu atti preparatorji tad-deċiżjoni tal-Awtorità li jistabbilixxu l-lista tal-uffiċjali promossi.

Madankollu, anki jekk dawn l-atti preparatorji ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu, il-legalità tagħhom tista’ dejjem tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni definittiva.

Għaldaqstant, il-kap tat-talba intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni huwa inammissibbli.

(ara l-punti 38 sa 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, Vicente Nuñez vs Il‑Kummissjoni, T‑10/99, EU:T:2000:60, punt 28; tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il‑Parlament, T‑24/01, EU:T:2003:52, punti 32 u 33, u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, EU:T:2003:77, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Mejju 2007, Crespinet vs Il-Kummissjoni, T‑261/04, EU:T:2007:122, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tat-13 ta’ Diċembru 2006, Aimi et vs Il‑Kummissjoni, F‑47/06, EU:F:2006:134, punt 64

2.      Uffiċjal ma huwiex awtorizzat jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ biss jargumenta, insostenn ta’ rikors għal annullament, ilmenti li huma personali għalih. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit l-interess tiegħu li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġix promoss, minħabba li r-rata ta’ promozzjoni allegatament applikabbli fil-grad ikkonċernat ma ġietx osservata, huwa l-obbligu tal-uffiċjal li juri li, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tiegħu u, b’mod partikolari, tan-numru totali ta’ punti ta’ promozzjoni li kien akkumula, ma kienx eskluż li seta’ jilħaq il-limitu ta’ promozzjoni, jekk ir-rata msemmija iktar ’il fuq kienet ġiet applikata.

Madankollu, kull proċedura ta’ promozzjoni hija neċessarjament indipendenti mill-proċeduri ta’ promozzjoni li jiġu qabel jew li jiġu wara, billi l-uffiċjali li l-merti tagħhom għandhom jitqabblu u l-kriterji definiti biex wieħed jipproċedi għal dan il-paragun huma speċifiċi għal kull proċedura ta’ promozzjoni. Għaldaqstant, l-unika ċirkustanza li n-nuqqas ta’ promozzjoni għall-gradi kkonċernati ta’ numru ikbar ta’ uffiċjali skont il-proċedura ta’ promozzjoni kkonċernata, tista’ teżerċita effett fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti fuq il-listi ta’ mertu għall-gradi kkonċernati matul proċeduri ta’ promozzjoni sussegwenti u, għaldaqstant, li ddewwem il-promozzjoni tagħhom ma jaffettwax b’mod dirett u immedjat is-sitwazzjoni legali tagħhom.

(ara l-punti 56, 57 u 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-24 ta’ April 2009, Sanchez Ferriz et vs Il‑Kummissjoni, T‑492/07 P, EU:T:2009:116, punti 26 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Schönberger vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑26/14 P, EU:T:2014:887, punt 39