Language of document : ECLI:EU:T:2004:336

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’Awla Estiża)

18 ta’ Novembru 2004 (*)

“Għajnuna mogħtija mill-Istat – Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent – Kumpannija ta’ l-azzar – Prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KE – Skema ta' għajnuna approvata – Għajnuna ġdida –Bidu tal-proċedura formali – Termini – Drittijiet tad-difiża – Aspettattivi leġittimi – Motivazzjoni – Applikabbiltà tal-Linji gwida tal-Komunità ratione temporis – Skop ambjentali ta’ l-investiment”

Fil-kawża T-176/01,

Ferriere Nord SpA, stabbilita f’Osoppo (l-Italja), irrappreżentata minn W. Viscardini Donà u G. Donà, avukati,

rikorrenti,

sostnuta mir-

Repubblika Taljana, irrappreżentata inizjalment minn U. Leanza, bħala aġent, sussegwentement minn I. Braguglia u M. Fiorilli, avvocati dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/829/KE, KEFA, tat-28 ta’ Marzu 2001 dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat li l-Italja qed tikkunsidra li tagħti lil Ferriere Nord SpA [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 310, p. 22), min-naħa l-oħra, talba għal indennizz tad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti wara l-imsemmija deċiżjoni.

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 87 jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara ta’ kull deroga, l-għajnuna mogħtija mill-Istat safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tirriżulta anti-kompetittiva inkwantu hija tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet.

2        L-Artikolu 88 KE jirregola l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward ta' l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti l-għajnuna ġdida, billi jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni fil-każ ta’ għajnuna li tkun inkompatibbli mas-suq komuni u jistabbilixxi s-setgħat tal-Kunsill.

3        L-Artikolu 174 KE jipprovdi li l-politika tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent għandha bħala għanijiet, b'mod partikolari, is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, kif ukoll il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

4        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1), dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jġibu fit-tmiem il-proċedura formali ta’ eżami, jgħid:

“6.      […] Il-Kummissjoni għandha tipprova kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni f’perijodu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat”.

5        L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2496/96/KEFA, tat-18 ta’ Diċembru 1996, li tistabbilixxi regoli Komunitarja għall-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 338, p. 42), li hija applikabbli sat-22 ta’ Lulju 2002, kien jipprovdi, dwar il-proċedura:

“1. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata fil-ħin sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 2 sa 5. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tiġi informata bil-proġetti intiżi għall-applikazzjoni ta' l-iskemi kollha ta’ għajnuna eżistenti li huma diġà suġġett ta’ deċiżjoni meħuda bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet għas-settur ta' l-azzar tat-Trattat KE […]

2. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata fil-ħin sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, u mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2001, dwar kull proġett ta’ trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi lill-impriżi ta’ l-azzar, (taħt il-forma ta’ ishma, ta’ għoti ta’ kapital, ta’ garanziji fuq is-self, ta’ indennizz jew ta’ miżuri ekwivalenti) min-naħa ta’ l-Istati Membri, awtoritajiet reġjonali jew lokali jew korpi oħrajn.

[…]

5. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li intervent finanzjarju partikolari jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 1 jew jekk hija tiddubita għajnuna partikolari hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni preżenti, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan u tistieden lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri sabiex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk, wara li tkun irċeviet dawn l-osservazzjonijiet u wara li tkun tat il-possibbiltà lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jirrispondi għalihom, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna li mhijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni, hija għandha tieħu deċiżjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa l-għajnuna in kwistjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88 tat-Trattat japplikaw fil-każ li Stat Membru ma jikkonformax ruħu ma' l-imsemmija deċiżjoni.

6. Jekk, mid-data ta’ l-irċevuta tan-notifika ta' kwalunkwe proposta, jgħaddi terminu ta' xahrejn mingħajr ma l-Kummissjoni tkun bdiet il-proċedura prevista fil-paragrafu 5 jew mingħajr ma, b'xi mod ieħor, tkun iddikjarat il-pożizzjoni tagħha, il-miżuri ppjanati jistgħu jiġu implementati bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jkun informa lill-Kummissjoni minn qabel b'din l-intenzjoni […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU C 72, 1994, p. 3; iktar ’il quddiem: “Il-Linji gwida ta’ l-1994”), li l-perijodu tal-validità tagħhom skada fil-31 ta’ Diċembru 1999, ġie pprorogat darbtejn, l-ewwel sat-30 ta’ Ġunju 2000 (ĠU C 14, 2000, p. 8) u wara sal-31 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 184, 2000, p. 25), kienu japplikaw għas-setturi kollha rregolati mit-Trattat KE, inklużi dawk suġġetti għal regoli Komunitarji speċifiċi fil-qasam ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat (punt 2). Fil-punt 3 huma kienu jindikaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari għall-għajnuna għall-investiment:

“3.2.1. Fil-limiti tal-linji ta’ gwida preżenti, tista’ tiġi awtorizzata l-għajnuna għall-investimenti fl-artijiet (jekk ikunu strettament meħtieġa sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ ħarsien ta’ l-ambjent), f'bini, stallazzjonijiet u tagħmir, intiża sabiex titnaqqas jew jiġu eliminati t-tniġġis u l-inkonvenjenzi jew sabiex jiġu adattati l-metodi ta' produzzjoni bil-għan li jitħares l-ambjent, tista' tkun awtorizzata fil-limiti stabbiliti minn dawn il-Linji gwida. L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu strettament limitati għall-ispejjeż ta' investiment addizzjonali neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent. L-ispejjeż ta' investimenti ġenerali li ma jaqgħux taħt il-ħarsien ta' l-ambjent għandhom jiġu esklużi. B'hekk, fil-każ ta' stallazzjonijiet ġodda jew ta' sostituzzjoni, l-ispejjeż ta' l-investimenti bażiċi intiżi sempliċement sabiex joħolqu jew jissostitwixxu l-kapaċità tal-produzzjoni, mingħajr ma jtejbu s-sitwazzjoni mill-aspett ambjentali, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni [...]. F'kull każ, l-għajnuna li tidher li hija intiża għall-miżuri ta' ħarsien ta' l-ambjent, iżda li, fir-realtà, hija intiża għal investiment ġenerali, mhijiex koperta minn dawn il-Linji gwida [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Il-punt 3 tal-Linji gwida ta’ l-1994 kien jipprovdi wkoll il-kundizzjonijiet partikolari għal awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna intiża sabiex tgħin lill-impriżi jadattaw ruħhom għad-dispożizzjonijiet obbligatorji ġodda jew sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi josservaw livelli ta’ protezzjoni ogħla minn dawk stabbiliti mid-dispożizzjonijiet obbligatorji, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji.

8        Il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna ta' l-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent (ĠU C 37, 2001, p. 3, iktar ’il quddiem: “Il-Linji gwida ta’ l-2001”), li ssostitwew il-Linji gwida ta’ l-1994, jipprovdu fil-punt 7 tagħhom li huma japplikaw għall-għajnuna intiża għall-ħarsien ta’ l-ambjent fis-setturi kollha rregolati mit-Trattat KE, inklużi dawk suġġetti għal regoli Komunitarji speċifiċi dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

9        Rigward ir-referenza għal standards ta’ l-ambjent, il-punti 20 u 21 tal-Linji gwida jindikaw li l-kunsiderazzjoni fit-tul ta' l-eżiġenzi ta' l-ambjent titlob li l-prezzijiet jirriflettu bir-reqqa l-ispejjeż u li l-ispejjeż relatati mal-ħarsien ta’ l-ambjent iridu jiġu kompletament assimilati; konsegwentement il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-għoti ta’ għajnuna mhijiex iktar iġġustifikata fil-każ ta’ investimenti intiżi biss sabiex l-impriżi jikkonformaw ma’ standards tekniċi ġodda jew eżistenti tal-Komunità, ħlief fil-każ ta’ intrapriżi żgħar u medji (l-SMEs) sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw ruħhom għal standards ġodda tal-Komunità, u li dan jista’ jkun utli wkoll bħala inċentiv għall-impriżi biex jilħqu livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak mitlub mill-istandards tal-Komunità.

10      Rigward l-investimenti kkunsidrati, il-punt 36 (l-ewwel sentenza) tal-Linji gwida l-2001 jgħid:

“L-investimenti kkonċernati huma investimenti fl-art illi huma strettament meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-ambjenti, l-investimenti fil-bini, fl-impjanti u fit-tagħmir maħsub sabiex inaqqas jew jelimina t-tniġġis u l-inkonvenjenti, u l-investimenti sabiex jadattaw il-metodi bil-għan illi jħarsu l-ambjent.”

11      Rigward l-ispejjeż eliġibbli, il-punt 37, fl-ewwel tliet paragrafi tiegħu, jispeċifika:

“L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati strettament għall-ispejjeż extra [addizzjonali] ta' l-investiment li jkunu meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-ambjent.

Dan għandu jkollu l-konsegwenzi illi ġejjin:

Billi l-ispiża ta' l-investiment fil-ħarsien ta' l-ambjent ma tistax tiġi faċilment identifikabbli fl-ispiża totali, il-Kummissjoni ser tqis l-għanijiet u l-metodi trasparenti tal-kalkoli, p.e. l-ispiża ta' investiment li jkun teknikament paragonabbli iżda li ma joffrix l-istess grad ta' ħarsien lill-ambjent.

Fil-każijiet kollha, l-ispejjeż kollha eliġibbli jridu jkunu kkalkulati netti mill-benefiċċji illi joħorġu minn żjieda eventwali fil-kapaċità, iffrankar fl-ispejjeż illi jkunu saru fl-ewwel ħames snin tal-ħajja ta' l-investiment u l-produzzjoni anċillari addizzjonali matul dak il-perijodu ta' ħames snin”.

12      Il-Linji gwida ta’ l-2001 jipprovdu li huma applikabbli minn meta jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (punt 81), li saret fit-3 ta’ Frar 2001. Barra minn hekk, il-punt 82 tagħhom jispeċfika:

“Il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-linji gwida għall-proġetti kollha ta' għajnuna nnotifikati illi fir-rigward tagħhom hija tkun mitluba tieħu deċiżjoni wara illi l-linji gwida jkunu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, anke meta l-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida […]”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13      Fl-1978, ir-Reġjun Awtonomu Taljan ta' Friuli‑Venezia Giulia adotta miżuri sabiex jiffavorixxi l-inizjattivi meħuda mill-industriji għall-ħarsien ta’ l-ambjent. L-iskema in kwistjoni, li tirriżulta mill-Artikolu 15(1) tal-Liġi Reġjonali Nru 47, tat-3 ta’ Ġunju 1978, ġiet emendata bl-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 23, tat-8 ta’ April 1982, u wara bl-Artikolu 34 tal-Liġi Reġjonali Nru 2 ta’ l-20 ta’ Jannar 1992, ġiet approvata mill-Kummissjoni [l-ittra SG (92) D/18803, tat-22 ta’ Diċembru 1992] u adottata definittivament permezz tal-Liġi Reġjonali Nru 3, tat-3 ta’ Frar 1993. L-Artikolu 15(1), tal-Liġi Reġjonali Nru 47 tat-3 ta’ Ġunju 1978, kif emendat l-aħħar permezz tal-Liġi Reġjonali Nru 3, tat-3 ta’ Frar 1993, jipprovdi:

“L-Amministrazzjoni Reġjonali hija awtorizzata tagħti lill-impriżi industrijali li jkunu ilhom joperaw almenu għal sentejn, u li jipproponu li jintroduċu jew jibdlu proċessi u stallazzjonijiet ta’ produzzjoni bil-għan li jnaqqsu l-kwantità jew il-periklu tal-ħruġ, skart u emissjonijiet prodotti jew it-tniġġis tal-ħoss jew li jtejbu l-kwalità ta’ l-ambjent tax-xogħol, b’konformità ma’ l-istandards il-ġodda stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tas-settur, għajnuna finanzjarja ta' ammont massimu ta’ 20 % f’sussidju gross ekwivalenti ta’ l-ispejjeż meqjusa eliġibbli”.

14      Fl-1998, ir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia vvota għal krediti ġodda sabiex tiġi ffinanzjata l-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni fl-1992. L-Artikolu 27(ċ), punt 16, tal-Liġi Reġjonali Nru 3 tat-12 ta’ Frar 1998, dwar ir-rifinanzjament tal-Liġi Reġjonali Nru 2, ta’ l-20 ta’ Jannar 1992, kien jipprovdi għal krediti ta' baġit ta' 4 500 miljun Lira Taljana (ITL) fis-sena għall-perijodu 1998‑2000. Din il-miżura ta’ rifinanzjament ġiet approvata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 1998, SG (98) D/7785.

15      Ferriere Nord SpA (iktar ’il quddiem “Ferriere”) hija impriża fis-settur ta’ l-industrija ta’ l-azzar, tal-mekkanika u tal-metallurġija stabbilita f’Osoppo, fir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia. Hija tipproduċi prodotti ta’ l-azzar li xi wħud minnhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA u oħrajn taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE. L-impriża, li hija waħda mill-produtturi Ewropej prinċipali tal-gożwajer issaldjat bl-elettriku, fl-1999 kisbet fatturat ta’ EUR 210 800 000, li minnu 84% fl-Italja, 11% fil-bqija ta' l-Unjoni Ewropea u 5% fil-bqija tad-dinja.

16      B'ittra tas-26 ta’ Marzu 1997, Ferriere talbet għajnuna finanzjarja mingħand ir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia, skond l-Artikolu 15 tal-Liġi Reġjonali Nru 47, tat-3 ta’ Ġunju 1978, kif emendata, sabiex tibni stallazzjoni ġdida għall-produzzjoni ta’ gożwajer issaldjat bl-elettriku, b’teknoloġija innovattiva, tali li tnaqqas it-tniġġis u l-emissjonijiet ta' ħoss u biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-investiment totali kien jammonta għal 20 biljun Lira Taljana.

17      B'digriet reġjonali tat-8 ta’ Ottubru 1998, ir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia ddeċieda li jagħti lil Ferriere kontribuzzjoni ekwivalenti għal 15% ta’ l-ispiża ammissibbli, jiġifieri ITL 1 650 000 000 (EUR 852 154).

18      B'ittra tat-18 ta’ Frar 1999, li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni rċieva fil-25 ta’ Frar, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika sistematika tal-proġetti ta’ trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi lil impriżi ta’ l-azzar prevista mill-Artikolu 6(1) u (2), tad-Deċiżjoni 2496/96, bl-intenzjoni tagħhom li jagħtu lill-impriża ta’ l-azzar Ferriere għajnuna mogħtija mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent, b'applikazzjoni tal-Liġi Reġjonali Nru 47, tat-3 ta’ Ġunju 1978, kif emendata.

19      In-notifika kienet tikkonċerna għajnuna għall-investiment fi stallazzjonijiet li jħaddmu proċess kontinwu ta' l-ikkastjar u f’linja ġdida għall-produzzjoni tal-gożwajer ta’ l-azzar. Il-ħlas ta’ l-għajnuna li tikkonċerna dan it-tieni investiment ġiet sospiża mill-awtoritajiet Taljani sabiex jiġu evitati d-diffikultajiet li l-Italja jkollha tiffaċċja li jistgħu jinqalgħu fil-każ ta' rimbors wara deċiżjoni Komunitarja li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli.

20      B'ittra tat-3 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5), tad-Deċiżjoni Nru 2496/96 rigward l-għajnuna C 35/99 – Italja – Ferriere Nord (ĠU C 288, 1999, p. 39).

21      B'ittra tat-3 ta’ Awwissu 1999 tar-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia lir-rappreżentanza permanenti ta’ l-Italja fl-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni li l-investiment li jirrigwarda l-linja ġdida għall-produzzjoni tal-gożwajer ta’ l-azzar kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, għaliex il-gożwajer ta’ l-azzar issaldjat bl-elettriku maħdum b'dan it-tagħmir mhuwiex prodott KEFA, li huwa kien konformi ma' għanijiet ta' ħarsien tas-saħħa u ta' l-ambjent u li l-miżura kienet taqa’ taħt il-punt 3.2.1. tal-Linji gwida ta’ l-1994.

22      Ferriere u European Independent Steelworks Association (EISA), b'ittri tal-5 u ta’ l-4 ta’ Novembru 1999 rispettivament sostnew li l-kuntest ġuridiku rilevanti għall-finijiet ta’ l-eżami tal-miżura ta’ l-għajnuna kien it-Trattat KE.

23      B'ittra tal-25 ta’ Lulju 2000, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni li fuq talba ta' Ferriere, kienu qed jirtiraw il-parti tan-notifika relatata ma' l-investiment tal-KEFA fir-rigward ta’ stallazzjonijiet tal-proċess kontinwu ta' l-ikkastjar u jikkonfermaw il-parti tan-notifika relatata ma' l-investiment għal-linja tal-laminazzjoni, li kienet tikkonċerna prodotti ta’ l-azzar barra mill-ambitu tal-KEFA; u talbu lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni, skond l-Artikolu 88(3) KE, dwar il-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni.

24      B'ittra ta’ l-14 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward ta’ l-għajnuna C 45/00 – L-Italja – Ferriere Nord SpA favur investimenti f’linja ġdida tal-laminazzjoni għall-produzzjoni ta’ gożwajer ta’ l-azzar (ĠU 2000, C 315, p. 4). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet tesponi, b'mod partikolari, li peress li Ferriere hija impriża li ma kinitx iżżomm kontijiet separati għall-attivitajiet tagħha skond jekk kinux jaqgħu taħt it-Trattat KEFA jew taħt it-Trattat KE, hija kellha tiżgura li l-attivitajiet tal-KEFA ma jgawdux mill-għajnuna.

25      Ferriere ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha f’ittra tat-13 ta’ Novembru 2000, li fiha enfasizzat is-separazzjoni bejn l-attivitajiet tagħha KEFA u l-attivitajiet tagħha KE u sostniet l-importanza ta' l-għan ambjentali ta' l-investiment tagħha, billi indikat li l-għajnuna kienet taqa’ taħt l-iskema approvata fl-1992 u hija kienet konformi mal-punti 3.2.1. tal-Linji gwida ta’ l-1994.

26      B'ittra lill-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Diċembru 2000, il-‘UK Iron and Steel Association’ qalet li l-għajnuna għandha tiġi eżaminata mill-aspett tad-dispożizzjonijiet tal-KEFA u li l-investiment propost kellu skop li kien biċ-ċar ekonomiku.

27      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2001, ir-Repubblika Taljana kkonfermat li l-għajnuna għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-Trattat KE.

28      Fit-28 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/829/KE, KEFA, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat li l-Italja kienet qed tikkunsidra tagħti lill-Ferriere Nord SpA (ĠU L 310, 2001, p. 22; id-“deċiżjoni kkontestata”).

29      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tesponi li l-gożwajer issaldjat, li jkun maħdum f'unità separata ta’ l-impriża bl-użu tal-linja l-ġdida tal-laminazzjoni, mhuwiex prodott KEFA u għalhekk li l-għajnuna għandha tiġi vvalutata fid-dawl tat-Trattat KE. Hija tindika li l-għajnuna finanzjarja proposta tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat.

30      Il-Kummissjoni tqis li l-investiment, intiż sabiex itejjeb il-kompetittività ta’ l-impriża u biex jissostitwixxi tagħmir qadim, huwa essenzjalment ibbażat fuq raġunijiet ekonomiċi, li xorta kien isir u li għalhekk ma jiġġustifikax l-għoti ta’ għajnuna għal-ħarsien ta’ l-ambjent. L-effetti pożittivi tiegħu, mil-lat tal-ħarsien ta’ l-ambjent u tal-kundizzjonijiet ta' xogħol, huma inerenti fi stallazzjoni ġdida. Il-Kummissjoni tosserva li, fin-nuqqas ta’ standards ekoloġiċi mandatorji li jimponu l-bini ta’ linja ġdida għall-produzzjoni ta’ gożwajer ta’ l-azzar, l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni individwali ta’ skema li diġà ġiet approvata. Fl-aħħar nett, hija tindika li, anki jekk jiġi presuppost skop ambjentali predominanti, ma tistax tiġi distinta l-parti relatata mal-ħarsien ta’ l-ambjent mill-ispiża totali ta’ l-investiment, kif jitolbuh il-Linji gwida ta’ l-2001.

31      Konsegwentement, il-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni u ma tistax tiġi implementata. Hija ordnat lir-Repubblika Taljana sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-Deċiżjoni u ġabet fi tmiem il-proċedura li kienet inbdiet fir-rigward ta’ l-għajnuna C 35/99 - Italja - Ferriere Nord (ara l-punt 20 iktar 'il fuq).

 Il-proċedura

32      Ferriere ressqet dan ir-rikors permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Lulju 2001 skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE.

33      Fit-22 ta’ Novembru 2001, ir-Repubblika Taljana talbet li tiġi ammessa tintervjeni in sostenn tal-konklużjonijiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet ta’ l-14 ta’ Jannar 2002 il-President ta’ l-Ewwel Awla Estiża ammetta l-intervent.

34      B'deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2003 (ĠU C 184, p. 32), l-Imħallef Relatur ġie assenjat, għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2003 sal-31 ta’ Awwissu 2004, għar-Raba’ Awla Estiża, li konsegwement, ġiet assenjata din il-kawża.

35      B'miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata lill-partijiet fit-28 ta’ Ottubru 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Taljana sabiex jipproduċu dokumenti leġiżlattivi u amministrattivi rigward l-iskema ta’ l-għajnuna approvata fl-1992 u biex jindikaw jekk sussegwentement hija ġietx emendata. Barra minn hekk, hija talbet lir-rikorrenti biex tindika l-elementi li, fl-opinjoni tagħha, kienu jippermettu l-identifikazzjoni ta' l-ispiża ta’ l-investiment marbut mal-ħarsien ta’ l-ambjent.

36      B'ittri tas-26 ta’ Novembru 2003, il-partijiet ikkonformaw ruħhom mat-talbiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

37      Il-partijiet instemgħu fit-trattazzjoni orali u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tal-15 ta' Jannar 2004.

 It-talbiet tal-partijiet

38      Ferriere titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata:

–        tordna lill-Kummissjoni tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata lilha b'din id-deċiżjoni, flimkien ma’ l-imgħax bir-rata statutarja applikabbli fl-Italja u ammont li jieħu in kunsiderazzjoni r-rivalutazzjoni monetarja, it-tnejn li huma kkalkolati fuq l-ammont ta’ l-għajnuna mis-26 ta’ April 1999 ’il quddiem;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

39      Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq il-leġittimità tad-deċiżjoni kkontestata

41      In sostenn tar-rikors tagħha, Ferriere ssostni motivi proċedurali u motivi fuq il-mertu.

 Fuq il-proċedura

42      Ir-rikorrenti tiżviluppa sitt motivi proċedurali, bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx legittimament tagħti bidu ghall-proċedura formali ta’ eżami ta’ l-għajnuna, li hija ma osservatx it-termini proċedurali li hija kisret id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-obbligu li tagħti deċiżjoni mmotivata.

 Dwar l-ewwel motiv proċedurali, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx legittimament tagħti bidu għal proċedura formali ta’ eżami ta’ l-għajnuna

–        L-argumenti tal-partijiet

43      Ferriere ssostni li l-Kummissjoni tat bidu, illeġittimament, għall-proċedura formali, l-ewwel darba, fit-3 ta’ Ġunju 1999, u t-tieni darba fl-14 ta’ Awwissu 2000, peress li l-għajnuna in kwistjoni tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema awtorizzata. Il-Kummissjoni kellha tagħlaq il-każ, innotifikat bi żball, wara li kkonstatat li kien konformi ma’ l-iskema approvata. B'hekk il-bidu tal-proċedura formali fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ preżenti jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta' abbuż ta' poter.

44      Ir-Repubblika Taljana, li tallega użu ħażin tal-poteri, issostni li l-Kummissjoni kellha tillimita ruħha li tieħu nota tan-notifika u mingħajr ma teżaminaha bħala għajnuna individwali.

45      Il-Kummissjoni ssostni li kienet iġġustifikata li tibda l-proċedura formali ta’ eżami. Minn naħa, hija ssostni li l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw l-għajnuna fuq talba tar-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia, billi l-għajnuna ma kinitx ikkunsidrata hija koperta bl-iskema approvata; li, fit-tieni notifika, tal-25 ta’ Lulju 2000, il-Gvern Taljan talabha tieħu pożizzjoni fuq proġett ta’ għoti ta’ għajnuna ġdida fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 88(3), KE u billi bl-ebda mod ma ġie sostnut li l-għajnuna kienet koperta bl-iskema approvata, hija ma kellha l-ebda raġuni biex tkompli b’iktar investigazzjonijiet. Min-naħa ’l oħra, l-awtoritajiet Taljani, min-notifika ta’ l-għajnuna, indikaw li ma kinux jeżistu standards mandatorji, kuntrarjament għal dak li kienet teżiġi l-iskema approvata. Il-Kummissjoni żżid li, wara li kkonstatat, wara verifika, li l-proġett ta' għajnuna ma kienx kopert bi skema eżistenti, hija eżaminatu fid-dawl tal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ.

–       Il-kunsiderazzjoniet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

46      Huwa paċifiku li fit-3 ta’ Ġunju 1999 u fl-14 ta’ Awwissu 2000 l-awtoritajiet Taljani ġew innotifikati b’żewġ deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura formali.

47      Mill-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 1992, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, li tapprova l-iskema ta’ għajnuna favur il-ħarsien ta’ l-ambjent proposta mir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iddikjarat l-opinjoni tagħha fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, li taħthom l-iskema in kwistjoni kienet ġiet innotifikata lilha mill-awtoritajiet Taljani fit-23 ta’ Jannar 1992, u mhux fil-kuntest tat-Trattat KEFA.

48      Barra minn hekk, skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 2496/96 li jipprovdu li l-Kummissjoni għandha tiġi informata bil-proġetti ta’ għajnuna li fir-rigward tagħhom tkun diġà ddeċidiet skond it-Trattat KE, fit-18 ta’ Frar 1999 l’awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-proġett ta’ għajnuna favur il-ħarsien ta’ l-ambjent li kellhom il-ħsieb jagħtu lir-rikorrenti. L-informazzjoni mogħtija f’din in-notifika, li l-għajnuna ngħatat b'applikazzjoni tal-Liġi Reġjonali Nru 47 tat-3 ta’ Ġunju 1978, kif emendata bil-Liġi Reġjonali Nru 2 tat-2 ta’ Jannar 1992 innotifikata dak iż-żmien lill-Komunità Ewropea b'eżitu pożittiv, hija irrilevanti, għaliex l-approvazzjoni kienet saret fil-kuntest tat-Trattat KE u f’ċirkustanzi bħal dawn, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq tad-Deċiżjoni Nru 2496/96 kienu jobbligaw lill-Istat Membru, każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jinnotifika proġett ta’ għajnuna li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA.

49      Meta l-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-proġett li tressaq quddiemha mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 2496/96 dwar għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar, hija setgħet leġittimament, skond l-Artikolu 6(5) ta’ din id-deċiżjoni, imsemmija fil-punt 5 iktar 'il fuq, tagħti bidu għall-proċedura formali, kif għamlet fit-3 ta’ Ġunju 1999.

50      Għaldaqstant, Ferriere mhijiex iġġustifikata ssostni li l-Kummissjoni kienet inizjalment imxiet b’mod illeġittimu meta tat bidu għall-proċedura formali.

51      Fir-rigward tat-tieni ftuħ tal-proċedura formali, għandu jiġi mfakkar li meta l-Kummissjoni jkollha quddiemha għajnuna li tkun allegatament saret b'applikazzjoni ta' skema awtorizzata qabel, ma tistax teżaminaha immedjatament skond it-Trattat. Qabel ma tibda kwalunkwe proċedura, hija għandha teżamina jekk l-għajnuna hijiex koperta mill-iskema ġenerali u jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni li tapprovaha. Jekk hija ma tagħmilx dan, il-Kummissjoni tista’, kull darba li teżamina miżura individwali ta’ għajnuna, tibdel id-deċiżjoni tagħha ta' approvazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna, li tkun diġà ġiet eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 87 tal-KE. Dan jista’ jqiegħed fil-periklu l-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' rispett ta’ l-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant għajnuna li tikkostiwixxi applikazzjoni stretta u previdibbli tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni li tapprova l-iskema ġenerali ta’ għajnuna titqies bħala għajnuna eżistenti, li ma teħtieġx li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lanqas li tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 87 KE. (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni C-321/99 P, Ġabra p. I-4287, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F'dan il-każ, meta fil-25 ta’ Lulju 2000, l-awtoritajiet Taljani rtiraw parti mill-ewwel notifika u kkonfermaw l-istess notifika rigward l-għajnuna dwar il-linja għall-produzzjoni ta’ gożwajer ta’ l-azzar, kif issemma fil-punt 23 iktar 'il fuq, huma talbu espliċitament lill-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-proġett ta’ għajnuna skond l-Artikolu 88(3) KE, li jikkonċerna l-għajnuna ġdida, u mhux fil-kuntest tal-kooperazzjoni permanenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri stabbilita bl-Artikolu 88(1) KE, li jirrigwarda l-għajnuna eżistenti.

53      Minbarra dan, minkejja li l-ittra tar-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia tal-15 ta’ Frar 1999, annessa man-notifika tat-18 ta’ Frar 1999, li baqgħet valida għall-parti tan-notifika li nżammet, kienet tirreferi għall-iskema approvata, l-awtoritajiet Taljani ma sostnewx li l-għajnuna fir-rigward ta’ l-investiment ta' Ferriere kienet tinkludi miżura ta' applikazzjoni ta’ l-imsemmija iskema. Barra minn hekk, u sussidjarjament, għalkemm l-iskema approvata, imsemmija fil-punt 13 iktar 'il fuq, tirreferi għall-investimenti li jġibu titjib mill-aspett tal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol “skond ir-regoli l-ġodda stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tas-settur”, l-ittra msemmija iktar 'il fuq kienet tippreċiża li Ferriere ma kinitx suġġetta għal regoli mandatorji jew għal obbligi legali oħra, li, prima facie, jqajjem dubji jekk il-proġett innotifikat jikkorrispondix ma' l-iskema approvata.

54      F’dawk iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ l-ambigwità ta’ l-ittra tal-15 ta’ Frar 1999 u tal-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma sostnewx, mat-tieni notifika, li l-miżura ta’ għajnuna mogħtija lil Ferriere kienet tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema approvata meta dawn l-istess awtoritajiet darbtejn ħadu l-inizjattiva li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-proġett ta’ għajnuna in kwistjoni, u t-tieni darba nnotifikawh fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88(3) tal-KE, bħala għajnuna ġdida li dwar il-kompatibbiltà tagħha huma talbu espliċitament lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi, fl-ittra tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2000, ma jirriżultax li l-Kummissjoni mxiet b’mod illeġittimu meta tat bidu għall-proċedura formali għat-tieni darba.

55      Ir-referenza li Ferriere u r-Repubblika Taljana għamlu għall-kawżi “Italgrani” u “Tirrenia”, li kienu eżaminati qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Italja vs il-Kummissjoni C‑47/91, imsejħa “Italgrani”, Ġabra p. I‑4635, u tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il- Kummissjoni C‑400/99, imsejħa “Tirrenia”, Ġabra p. I‑7303), hija irrelevanti. F’dawn Il-kawżi l-Kummissjoni kienet tat bidu għall-proċedura formali wara lmenti u l-Gvern Taljan sostna li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi kkonċernati kienet taqa’, fil-każ ta’ Italgrani, fl-ambitu ta’ skema approvata u, fil-każ ta’ Tirrenia, fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti (is-sentenzi Italgrani, punti 6 u 12 iċċitati iktar 'il fuq, u Tirrenia, punti 8, 24 u 25 iċċitati iktar 'il fuq). Fis-sentenza Italgrani l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kontestazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-“għajnuna individwali li hija strettament konformi mad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni”, titqiegħed f'periklu l-prinċipji tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali (is-sentenza Italgrani, punt 24 iktar 'il fuq).

56      Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li jista’ jiġi traspost għal dan il-każ, li jikkonċerna għajnuna individwali nnotifikata lill-Kummissjoni bħala għajnuna ġdida skond l-Artikolu 88(3) KE.

57      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li Ferriere mhijiex iġġustifikata targumenta li l-proċedura formali kienet inbdiet b’mod illeġittimu u lanqas li kien hemm ksur tal-prinċipji ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar it-tieni motiv proċedurali, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma osservatx it-termini proċedurali

–       L-argumenti tal-partijiet

58      Ferriere ssostni li l-Kummissjoni qabżet it-termini proċedurali stabbiliti fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat f’żewġ aspetti. Minn naħa, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura formali fit-3 ta’ Ġunju 1999, iktar minn tliet xhur wara n-notifika, meta, skond it-testi u l-ġurisprudenza, hija kellha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn minn meta ssir in-notifika ta’ għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma osservatx it-terminu ta’ 18-il xahar impost fuqha bl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/99 biex tieħu deċiżjoni wara li jkun ingħata bidu għal proċedura formali, peress li kienu għaddew 20 xahar qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Ferriere żżid li minkejja li l-perijodu ta' 18-il xahar mhuwiex mandatorju, jista’ jiġi pprorogat biss bi qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

59      Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-dewmien li bih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 7(6), tar-Regolament Nru 659/1999 u li hija ma qablitx ma’ estensjoni tat-terminu għall-għeluq tal-proċedura formali. Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali meta, fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, iddikjarat magħluqa l-proċedura li kienet nbdiet fil-kuntest tat-Trattat KEFA wara n-notifika tat-18 ta’ Frar 1999.

60      Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv ibbażat fuq id-dewmien eċċessiv tal-proċedura mhuwiex fondat. Fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura formali, hija tosserva li n-notifika inizjali kienet saret fuq il-bażi ta’ regoli li rriżultaw irrilevanti; għal din ir-raġuni hija ma setgħetx tiġi mġiegħla tirreaġixxi fit-terminu ta’ xahrejn li japplika normalment, u li l-awtoritajiet Taljani ma kinux informawha bl-intenzjoni tagħhom li jimplementaw l-għajnuna. Dwar id-dewmien tal-proċedura formali ta’ eżami formali, il-Kummissjoni ssostni li l-perijodu ta’ 18-il xahar li jinsab fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 mhuwiex mandatorju. Minbarra dan, peress li d-deċiżjoni kkontestata, tat-28 ta’ Marzu 2001, hija bbażata fuq it-tieni deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura formali, ta’ l-14 ta’ Awwissu 2000, it-tul reali tal-proċedura kien ta’ seba’ xhur u nofs.

–       Il-kunsiderazzjoniet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

61      Rigward l-ewwel deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura formali, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet rilevanti, li jikkonċernaw notifika li ssir fil-kuntest tat-Trattat KEFA, huma dawk li jinsabu fl-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni Nru 2496/96 u mhux, kif indikat b’mod żbaljat mill-partijiet, dawk ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999, li japplikaw għat-tieni notifika.

62      L-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni Nru 2496/96 isemmi terminu ta’ xahrejn li meta jiskadi, jekk ma tkunx inbdiet proċedura formali, jistgħu jiġu implementati l-miżuri ta’ għajnuna ppjanati bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jkun informa minn qabel lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu. Din id-dispożizzjoni ma timponix fuq il-Kummissjoni terminu taħt piena ta’ nullità iżda, b'mod konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tistedinha biex taġixxi bl-attenzjoni mistħoqqa u tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat biex jimplementa l-miżuri ta’ għajnuna darba jkun għadda l-perijodu ta’ xahrejn, bil-kundizzjoni li jkun informa minn qabel lill-Kummissjoni li għandu l-ħsieb jagħmel dan (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Diċembru 1973, Lorenz 120/73 Ġabra p.1471, punt 6, ta' l-20 ta' Marzu 1984, Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 11).

63      Issa, huwa paċifiku li l-awtoritajiet Taljani ma informawx lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jħallsu l-għajnuna in kwistjoni. L-intervenjenti ma tistax issostni li hija ma tatx estensjoni tat-terminu lill-Kummissjoni, peress li mekkaniżmu bħal dan mhuwiex previst fl-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni Nru 2496/96. Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni, li kienet irċeviet in-notifika fil-25 ta’ Frar 1999, tat bidu għall-proċedura formali biss fit-3 ta' Ġunju 1999, jiġifieri tliet xhur u disat ijiem iktar tard, dan it-terminu, li matulu l-awtoritajiet Taljani ma kkuntattjawx lill-Kummissjoni skond il-proċeduri stabbiliti fid-dispożizzjoni iktar 'il fuq, ma jidhirx eċċessiv fiċ-ċirkustanzi tal-każ. F'kull każ, mill-kliem ta’ l-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni Nru 2496/96 ma jirriżultax li proċedura formali li nbdiet iktar minn xahrejn wara n-notifika hija għal din ir-raġuni vvizzjata b'nullità.

64      Konsegwentement, Ferriere mhijiex iġġustifikata ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illeġittima minħabba li l-proċedura formali nbdiet tard.

65      Fir-rigward taż-żmien li ħadet il-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, iċċitat fil-punt 4 iktar 'il fuq, li japplika għall-miżura ta’ għajnuna in kwistjoni, jipprovdi li l-Kummissjoni, safejn hu possibbli, għandha tagħmel minn kollox sabiex tadotta deċiżjoni fi żmien 18-il xahar mill-bidu tal-proċedura u dan il-perijodu jista’ jiġi pprorogat bi qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

66      F'dan il-każ, dan it-terminu japplika għall-proċedura li saret wara t-tieni notifika, effettwata skond it-Trattat KE, u mhux, kif issostnieh ir-rikorrenti, għall-proċedura li seħħet wara l-ewwel notifika, effettwata skond it-Trattat KEFA.

67      Ċertament id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għaż-żewġ Trattati, issemmi referenza l-ewwel notifika, li saret fil-25 ta’ Frar 1999 skond it-Trattat KEFA u, fl-Artikolu 3 tagħha, tiddikjara li l-proċedura li kienet nbdiet wara dik in-notifika hija magħluqa. Madankollu, din l-ewwel notifika kienet ġiet irtirata fil-25 ta’ Lulju 2000 permezz tat-tieni notifika, fir-rigward tal-proġetti ta' għajnuna KEFA. Din it-tieni notifika, li ssostitwiet in-notifika ta’ qabel, ikkonfermat li l-Kummissjoni kienet qed tiġi mitluba teżamina l-proġett ta’ għajnuna in kwistjoni, din id-darba b’referenza għat-Trattat KE. Dwar dan il-punt, waqt is-seduta l-awtoritajiet Taljani spjegaw l-problemi ta’ kwalifika li jqumu fil-każ ta’ intervent favur impriżi ta’ l-azzar bħar-rikorrenti, li joperaw fil-kamp taż-żewġ Trattati. Għall-bqija, l-evalwazzjoni taż-żmien li għadda mill-ewwel deċiżjoni li tat bidu għall-proċedura formali, meħuda fit-3 ta’ Ġunju 1999, għandha ssir fid-dawl tad-Deċiżjoni Nru 2496/96, li, madankollu, ma tistabbilixxix terminu li fih għandha tiġi adottata deċiżjoni wara l-ftuħ ta’ proċedura formali.

68      Konsegwentement, huwa b’effett mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta' l-14 ta’ Awwissu 2000, li seħħet wara t-tieni notifika tal-proġett ta’ għajnuna, ibbażata fuq it-Trattat KE, li għandu jiġi evalwat it-tul ta’ din il-proċedura, u dan, fid-dawl ta’ l-eżiġenzi tar-Regolament Nru 659/1999.

69      Peress li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fit-28 ta’ Marzu 2001, jiġifieri fi żmien seba’ xhur u 14-il ġurnata mill-bidu tal-proċedura formali, it-terminu ta’ 18-il xahar imsemmi fil-punt 65 iktar 'il fuq, li huwa indikattiv u jista’ jiġi pprorogat, ġie rispettat. Għalhekk ir-rikorrenti, mhijiex iġġustifikata ssostni li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata wara t-termini stabbiliti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F'kull każ, anki jekk jiġi presuppost li tittieħed in kunsiderazzjoni d-data ta’ l-ewwel deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura formali, it-3 ta' Ġunju 1999, it-tul tal-proċedura jkun ftit inqas minn 22 xahar, li ma jkunx ifisser li l-perijodu indikattiv ta’ 18-il xahar imsemmi iktar 'il fuq kien inqabeż irraġonevolment (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 139).

70      Lanqas ma jidher li l-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali mar-Repubblika Taljana, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ kkaratterizzati mill-fatt li l-impriża kienet involuta f'żewġ tipi ta' attivitajiet u żammet sett wieħed ta’ kontijiet, li ntbagħtu żewġ notifiki suċċessivi, skond it-Trattat KEFA u mbagħad skond it-Trattat KE, u li l-Kummissjoni kienet meħtieġa tivverifika n-natura eżatta – KEFA jew KE – ta’ l-attività li tgawdi mill-għajnuna. L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiddikjara magħluqa l-proċedura mibdija wara n-notifika magħmula fil-kuntest tat-Trattat KEFA, jillimita ruħu, f’dan il-kuntest, li jiġbed il-konklużjoni formali meħtieġa tal-proċedura mibdija fit-3 ta’ Ġunju 1999.

71      Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li Ferriere mhijiex ġustifikata ssostni li l-Kummissjoni kisret it-termini proċedurali. Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar it-tielet motiv proċedurali, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

72      Ferriere ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża fl-applikazzjoni tagħha tal-linji gwida suċċessivi dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent. Fil-fatt, wara li tat bidu għall-proċedura formali taħt il-Linji gwida ta’ l-1994, hija adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-Linji gwida ta’ l-2001, mingħajr ma stiednet lir-Repubblika Taljana u lil dawk ikkonċernati sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-linji gwida l-ġodda.

73      Il-Kummissjoni ssostni li fil-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, l-uniku intitolat għad-drittijiet tad-difiża huwa l-Istat Membru, destinatarju tad-deċiżjonijiet. Il-konvenuta żżid li r-rikorrenti ġiet informata bil-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, li hija ressqet, darbtejn osservazzjonijiet li ġew meħuda in kunsiderazzjoni u li hija setgħet tressaq osservazzjonijiet ġodda wara l-pubblikazzjoni tal-Linji gwida ta’ l-2001. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ evalwazzjoni baqgħu, essenzjalment, l-istess bil-linji gwida l-ġodda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

74      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-motiv ta' Ferriere għandu jiġi eżaminat mhux mill-aspett tad-drittijiet tad-difiża, li l-Istati biss huma intitolati għalihom fil-qasam ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat, iżda fir-rigward tad-dritt li għandhom dawk “ikkonċernati”, bis-saħħa ta' l-Artikolu 88(2) KE, li jressqu osservazzjonijiet waqt il-fażi ta’ eżami msemmija minn din id-dispożizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni T-228/99 u T-233/99, Ġabra II-435, punti 122 sa 125).

75      Huwa paċifiku li meta ġew ippubblikati l-Linji gwida ta’ l-2001, il-partijiet ikkonċernati kienu diġà ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, b’referenza għal-Linji gwida ta’ l-1994. Mil-Linji gwida ta’ l-2001, b’mod partikolari mill-introduzzjoni tagħhom, jirriżulta li dawn huma intiżi sabiex ikomplu fejn ħallew il-Linji gwida ta’ l-1994 u sabiex jiddefinixxu l-approċċ ġdid tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ l-iżviluppi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-kunċetti, tar-regolamenti u tal-politika fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-ambjent. Jekk jiġi presuppost li l-Kummissjoni, bħalma sostniet li kellha d-dritt tagħmel, setgħet tapplika b’mod leġittimu l-Linji gwida l-ġodda meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, - kwistjoni li ser tiġi eżaminata fil-punti 134 sa 140 iktar 'il quddiem, hija ma setgħetx - mingħajr ma tikser id-drittijiet tal-proċedura ta’ dawk ikkonċernati, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq prinċipji ġodda, introdotti bil-Linji gwida ta’ l-2001, mingħajr ma tistieden lil dawk ikkonċernati jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

76      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna inkompatibbli għal żewġ motivi ta' natura differenti, jiġifieri li r-raġuni prinċipali għall-investiment kienet ta' natura ekonomika (il-premessa 31), peress li l-vantaġġi fuq il-livell ambjentali kienu jirrappreżentaw konsegwenzi marġinali ta’ dan l-investiment (premessa 33), u li l-ispiża addizzjonali ta' l-investiment għall-ambjent ma setgħetx tiġi iżolata. (il-premessa 32).

77      Fir-rigward ta’ dawk il-motivi, il-prinċipji stabbiliti miż-żewġ Linji gwida huma essenzjalment identiċi, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 31 (nota tal-qiegħ Nru 3) tad-deċiżjoni kkontestata. Il-linji gwida ta' l-2001 bħal dawk ta' l-1994 jipprovdu li l-investiment bil-għan tal-ħarsien ta’ l-ambjent huwa eliġibbli (punt 3.2.1 tal-Linji gwida ta’ l-1994 u punt 36 tal-Linji gwida ta’ l-2001, iċċitati rispettivament fil-punti 6 u 10 iktar 'il fuq), u l-Linji gwida ta’ l-1994 jeskludu espliċitament l-għoti ta’ għajnuna li tidher li hija intiża għal miżuri ta’ ħarsien ta’ l-ambjent, iżda li, fir-realtà, hija intiża għal investiment ġenerali. Iż-żewġ Linji gwida jinkludu wkoll l-istess metodu ta’ kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli għal għajnuna (punt 3.2.1 tal-Linji gwida ta’ l-1994 u punt 37, iċċitati fil-punt 11 iktar 'il fuq, tal-Linji gwida ta’ l-2001).

78      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li t-tneħħija ta’ ċerti dettalji fil-Linji gwida ta’ l-2001 mhijiex mingħajr konsegwenzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ stallazzjonijiet ġodda li għalihom l-iskema ta’ l-1994, fl-opinjoni tagħha, kienet tippermetti l-għoti ta’ għajnuna bil-kundizzjoni li dawn l-istallazzjonijiet ikollhom impatt pożittiv fuq l-ambjent. Fuq dan il-punt, Ferriere ssostni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li, ladarba l-Linji gwida ta’ l-1994, fil-punt 3.2.1, kienu jeskludu, fil-każ ta’ investimenti ġodda jew investiment ta’ sostituzzjoni, l-ispiża bażi ta’ l-investimenti intiżi sabiex joħolqu jew jibdlu l-kapaċità tal-produzzjoni mingħajr ma jtejbu s-sitwazzjoni mill-aspett ambjentali, dan kien ifisser, a contrario, li l-għajnuna setgħet tingħata għal stallazzjoni ġdida li għandha impatt pożittiv għall-ħarsien ta' l-ambjent.

79      Madankollu, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jikkonċernaw fir-realtà d-determinazzjoni, imsemmija fil-punt 3.2.1 tal-Linji gwida ta’ l-1994, ta' l-ispejjeż eliġibbli għal miżura ta’ għajnuna, u li għandhom "ikunu strettament limitati għall-ispejjeż ta' investiment addizzjonali neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent" Il-Linji gwida, iċċitati fil-punt 6 iktar 'il fuq jippreċiżaw li "B'hekk, fil-każ ta' stallazzjonijiet ġodda jew ta' sostituzzjoni, l-ispejjeż ta' l-investimenti bażiċi intiżi sempliċement sabiex joħolqu jew jissostitwixxu l-kapaċità tal-produzzjoni, mingħajr ma jtejbu s-sitwazzjoni mill-aspett ambjentali, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni." Għaldaqstant il-kliem tal-Linji gwida ta’ l-2001 ma jistax jitqies li jemenda d-dispożizzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, kemm jekk l-investiment jikkonċerna stallazzjoni ġdida kif ukoll jekk jikkonċerna stallazzjoni qadima, l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent biss jikkwalifikaw għal miżura ta’ għajnuna u għalkemm il-Linji gwida ta’ l-2001 ma jinkludux l-istess preċiżjoni bħal-Linji gwida ta’ l-1994, tibqa’ tapplika din l-istess kundizzjoni ta’ eliġibbiltà.

80      Għaldaqstant jidher li l-Kummissjoni ma siltet l-ebda prinċipju u kriterju ta’ evalwazzjoni mil-Linji gwida l-ġodda li biddlu l-analiżi tagħha ta’ l-għajnuna nnotifikata. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma nħassitx il-ħtieġa li dawk ikkonċernati jerġgħu jiġu kkonsultati. Ir-rikorrenti setgħet tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha, miġbura fil-premessi 13 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni, li huma essenzjalment identiċi fiż-żewġ Linji gwida, li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni.

81      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq motivi li fuqhom ir-rikorrenti ma setgħetx tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha u, għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 88(2) KE ma ġewx miksura mill-Kummissjoni.

82      Għaldaqstant Ferriere mhijiex iġġustifikata ssostni li d-drittijiet tad-difiża, mifhuma hawnhekk bħala d-drittijiet proċedurali li l-Artikolu 88(2) KE, jirrikonoxxi lill-partijiet konċernati, ġew miksura. Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar ir-raba’ motiv proċedurali, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Ferriere ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni dovuta ta’ l-aspettattivi leġittimi ta' natura proċedurali. Fil-fatt, ladarba l-Kummissjoni qatt ma talbet lill-awtoritajiet Taljani jew lir-rikorrenti sabiex jipproduċu dokumenti li jistabbilixxu l-iskop ambjentali ta’ l-investiment, fl-opinjoni tar-rikorrenti, hija ma setgħetx, fid-deċiżjoni tagħha, tiddikjara leġittimament li hija ma kienet ingħatat l-ebda dokument f’dan ir-rigward.

84      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ilment magħmul mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha dwar il-fatt li l-prova ta’ l-iskop ambjentali ta’ l-investiment ma kinitx ingħatat, jikser ir-regoli dwar l-oneru tal-prova, għaliex kienet proċedura ta' kontroll ta’ kompatibbiltà mat-Trattat u mhux proċedura ta' awtorizzazzjoni, l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

85      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma kisritx il-prinċipju ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u li l-Gvern Taljan u l-impriża ġew kjarament mistiedna permezz tad-deċiżjonijiet li taw bidu għall-proċedura formali sabiex iġibu l-provi rigward l-iskop ambjentali ta’ l-investiment.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

86      Il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, minn naħa, l-elementi li l-Kummissjoni kellha titlob mill-partijiet ikkonċernati, u min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar il-prova.

87      L-ewwel nett, Ferriere tikkritika lill-Kummissjoni li ma talbithiex, u lanqas lir-Repubblika Taljana, sabiex tipprovdi dokumentazzjoni relatata ma' l-iskop ambjentali ta’ l-investiment, imbagħad fid-deċiżjoni tagħha hija indikat li ma kienet ingħatat l-ebda dokument dwar dan il-punt (premessa 30).

88      Il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, invokat mir-rikorrenti jimplika li l-Kummissjoni, waqt il-proċedura ta' eżami ta' għajnuna mogħtija mill-Istat, għandha tikkunsidra l-aspettattivi leġittimi li l-partijiet ikkonċernati jista’ jkollhom bħala riżultat ta’ dak li ntqal fid-deċiżjoni li tat bidu għall-proċedura. (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni T‑6/99, Ġabra p. II‑1523, punt 126) u, sussegwentement, li hija ma tibbażax id-deċiżjoni finali tagħha fuq in-nuqqas ta’ l-elementi li, fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-partijiet ikkonċernati ma setgħux iqisu li għandhom jipprovdulha.

89      Mid-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 1999 li tat bidu għall-proċedura formali, imsemmija fil-punt 20 iktar 'il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni indikat f’din id-deċiżjoni li hija kellha dubji jekk l-iskop prinċipali ta’ l-investiment kienx il-ħarsien ta’ l-ambjent, li f’dan l-istadju hija kienet tqis li l-impatt tiegħu, f'dan ir-rigward, kien limitat ħafna u li jidhrilha li l-vantaġġi allegati għall-ħarsien ta’ l-ambjent kienu jikkonċernaw pjuttost il-ħarsien tal-ħaddiema, u li dan ma kien jaqa’ la taħt l-ambitu tal-kodiċi ta' l-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar u lanqas taħt il-Linji gwida ta’ l-1994. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li d-deċiżjoni li jsiru l-investimenti meħtieġa għal raġunijiet ekonomiċi minħabba li l-istallazzjonijiet kienu qodma ħafna ma kinitx eliġibbli għal għajnuna.

90      Fid-deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Awwissu 2000 li tat bidu għall-proċedura formali, imsemmija fil-punt 24 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tat indikazzjonijiet dwar l-ewwel evalwazzjoni tagħha ta' l-investiment mill-aspett tal-ħarsien ta’ l-ambjent. Hija indikat li l-awtoritajiet Taljani ma kinux taw prova li l-iskop prinċipali ta’ l-akkwist tal-linja ġdida għall-produzzjoni ta’ gożwajer ta’ l-azzar kien jikkonsisti fit-titjib tal-ħarsien ta’ l-ambjent jew tal-kundizzjonijiet ta' xogħol tal-ħaddiema u li, bil-kontra, kien jidher li l-Ferriere kienet essenzjalment ippruvat tissostitwixxi jew iżżid il-kapaċità tagħha ta’ produzzjoni bl-akkwist ta’ tagħmir produttiv ħafna. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dik il-fażi ta’ l-eżami tagħha, kien jidhrilha li l-effetti ta' l-investiment fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u fuq l-ambjent huma biss konsegwenzi marġinali ta’ l-investiment.

91      Indikazzjonijiet bħal dawn, li ġew ukoll ripetuti, kienu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex l-awtoritajiet Taljani u r-rikorrenti jqisu ruħhom mistiedna jipproduċu l-provi kollha rilevanti li kapaċi juru li l-investiment kellu skop prinċipalment ambjentali. Għaldaqstant l-ilment ta' Ferriere ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi ta' natura proċedurali ma jistax jiġi milqugħ.

92      It-tieni nett, Ferriere ssostni li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjonijiet mingħajr ma wettqet il-kontrolli konkreti li hija kellha twettaq. Ir-Repubblika Taljana żżid li l-prova li l-iskop ta’ l-investiment ma kienx ambjentali kellha tinġab mill-Kummissjoni u li d-deċiżjoni kienet taqleb l-oneru tal-prova.

93      Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għall-proċedura formali, huma l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali ta’ l-għajnuna li għandhom iressqu l-argumenti tagħhom sabiex juru li l-proġett ta’ għajnuna jikkorrispondi għall-eċċezzjonijiet previsti fl-applikazzjoni tat-Trattat, billi l-iskop tal-proċedura formali huwa proprju dak li l-Kummissjoni tkun informata kompletament dwar l-elementi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13).

94      Minkejja li l-Kummissjoni hija meħtieġa tesprimi b’mod ċar id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni meta tagħti bidu għal proċedura formali sabiex tippermetti lill-Istat Membru u lill-partijiet ikkonċernati sabiex iwieġbu bl-aħjar mod possibbli, jibqa’ l-fatt li huwa l-kompitu ta’ min japplika għall-għajnuna li jneħħi dawk id-dubji u li jipprova li l-investiment tiegħu jissodisfa l-kundizzjoni għall-għoti ta’ l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni C‑17/99, Ġabra paġ I‑2481, punti 41 u 45 sa 49). Għaldaqstant kien imiss lir-Repubblika Taljana u lil Ferriere li jippruvaw li l-investiment in kwistjoni kien eliġibbli għal għajnuna għall-ħarsien ta’ l-ambjent u, b’mod partikolari, li huwa kellu l-iskop ambjentali mitlub miż-żewġ settijiet ta’ Linji gwida suċċessivament applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 49, u tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni C‑113/00, Ġabra p. I‑7601, punt 70).

95      Mill-proċess u, b’mod partikolari mid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni, li kienet esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni u rċeviet l-osservazzjonijiet tat-terzi interessati u tar-Repubblika Taljana dwar il-proġett in kwistjoni, għamlet analiżi preċiża u argumentata ta’ l-elementi sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha, fil-premessi 23 sa 36 tad-deċiżjoni tagħha, kif kien l-obbligu tagħha li tagħmel.

96      Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li Ferriere mhijiex iġġustifikata ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi waqt il-proċedura. Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar il-ħames motiv proċedurali, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

–       L-argumenti tal-partijiet

97      Ferriere ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta żbaljat fl-identifikazzjoni tal-bażi ġuridika rilevanti – it-Trattat KEFA u mbagħad it-Trattat KE – u meta tat bidu għall-proċedura formali fir-rigward tal-miżura ta’ l-applikazzjoni ta’ skema awtorizzata.

98      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Wara li saru suċċessivament żewġ notifiki, l-ewwel skond it-Trattat KEFA u mbagħad skond it-Trattat KE, hija kellha teżamina l-għajnuna fid-dawl taż-żewġ Trattati, peress li f'dan il-każ l-impriża ta’ l-azzar ma kinitx iżżomm żewġ kontijiet separati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

99      Mill-proċess jirriżulta li Ferriere hija impriża ta’ l-azzar li tipproduċi prodotti li wħud minnhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA u oħrajn taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE; li l-awtoritajiet Taljani l-ewwel innotifikaw l-għajnuna in kwistjoni fuq il-bażi tat-Trattat KEFA; li waqt il-proċedura amministrattiva r-Repubblika Taljana u Ferriere sussegwentement indikaw li l-gożwajer ta’ l-azzar, li jiġu maħdum fil-linja li għaliha kien ippjanat l-investiment, ma kienx prodott KEFA iżda prodott KE; u li kienet saret notifika ġdida fuq il-bażi tat-Trattat KE. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti spjegat waqt is-seduta li kien diffiċli li jiġi determinat il-kuntest ġuridiku rilevanti fil-każ ta’ impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma koperti miż-żewġ Trattati.

100    Barra minn hekk, fil-każ ta’ impriża ta’ l-azzar li ma żżommx kontijiet separati, bħal Ferriere, il-Kummissjoni kellha raġun tivverifika li l-għajnuna in kwistjoni ma tiġix imdawra favur attivitajiet taħt il-KEFA (is-sentenza ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punti 74 u 125).

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi imputata b'allegati żbalji proċedurali, meta ma kienx ċert, sa mill-bidu, jekk l-investiment kienx relatat mat-Trattat KEFA jew mat-Trattat KE; meta l-għajnuna ppjanata kienet ġiet innotifikata lilha suċċessivament taħt kull wieħed miż-żewġ Trattati; u meta f'kull każ hija kienet mistennija tivverifika li l-għajnuna ma kellhiex mnejn tkun ta' benefiċċju ta’ attivitajiet oħra barra dawk li għalihom l-għajnuna tkun ingħatat. Huwa ċar li l-ħtieġa tal-Kummissjoni li tivverifika l-bażi legali għad-deċiżjoni tagħha ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

102    Barra minn hekk, mill-aspett strettament proċedurali, il-fatt li ngħata bidu għal żewġ proċeduri formali, f’dan il-każ, ma jurix nuqqas ta’ osservazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sakemm, kif intqal b’risposta għall-ewwel motiv (punti 50, 54 u 57 iktar 'il fuq), dawn iż-żewġ proċeduri kienu nbdew b’mod leġittimu wara n-notifiki magħmula mill-awtoritajiet Taljani. Dwar l-argument ta' Ferriere rigward il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba li kien ingħata bidu għall-proċedura formali meta hija fil-fatt miżura għall-applikazzjoni ta’ skema approvata, huwa jidħol fil-kwistjoni tal-mertu, li hija jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-miżura ta’ għajnuna in kwistjoni kinitx tikkostitwixxi tali miżura, u għalhekk se jiġi eżaminat flimkien ma’ l-ewwel motiv dwar il-mertu (ara punti 116‑128, infra).

103    Minn dak li ntqal jirriżulta li Ferriere mhijiex iġġustifikata ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzoni tajba. Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar is-sitt motiv proċedurali, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

104    Ferriere ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha meta limitat ruħha li tiddikjara, fil-premessa 30 (nota tal-qiegħ Nru 1), li ma kinux jeżistu limiti speċifiċi għat-tip ta’ stallazzjoni in kwistjoni.

105    Il-Kummissjoni ssostni li ma setgħetx tinvoka motivi oħra għajr in-nuqqas ta' regoli kkonstatati minnha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

106    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-mertu tal-motivazzjoni, li jirriżulta mil-legalità tal-mertu ta' l-att in kwistjoni. Il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u turi r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod ċar u mhux ekwivoku sabiex jippermetti lil dawk ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-mod kif hija fformulata, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punti 15 u 16, u tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni C‑114/00, Ġabra p. I‑7657, punti 62 u 63).

107    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ma jidhirx li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, naqset mill-obbligu tagħha li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata.

108    Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tikkwota, fil-premessa 1 (nota tal-qiegħ Nru 3), l-Artikolu 15(1) tal-Liġi Reġjonali Nru 47, tat-3 ta’ Ġunju 1978, kif emendata, ikkwotata fil-punt 13 iktar 'il fuq, li jipprovdi li tista’ tingħata għajnuna għall-investimenti mwettqa mill-impriżi industrijali li jadattaw il-proċessi jew l-istallazzjonijiet tagħhom għal standards ġodda stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet applikabbli għas-settur. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-premessa 14, għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti rigward l-eżistenza ta’ valuri ta' limitu mandatorji li l-istallazzjoni tagħha tosserva u, f’dan ir-rigward, tiddikjara fil-premessa 30 (nota tal-qiegħ Nru 1), li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-kumpannija, ma hemm l-ebda limiti speċifiċi stabbiliti għal dan it-tip ta’ stallazzjoni. Il-motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ regoli obbligatorji għall-istallazzjoni ta' Ferriere, huwa espost b’mod ċar f’kuntest ġuridiku u fattwali li ppermetta lir-rikorrenti li tifhem is-sens tiegħu.

109    B'hekk Ferriere mhijiex iġġustifikata ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni. Konsegwentement is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

110    Jirriżulta minn dak li ntqal li s-sitt motivi relatati mal-proċedura, għandhom ilkoll jiġu miċħuda.

 Fuq il-mertu

111    Sabiex issostni r-rikors tagħha, Ferriere tiżviluppa tliet tipi ta’ motivi fuq il-mertu: l-ewwel nett, li l-investiment tagħha jikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ta’ skema approvata u mhux għajnuna ġdida; it-tieni nett, li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata fuq il-bażi tal-Linji gwida ta’ l-1994 u mhux tal-Linji gwida ta’ l-2001; u t-tielet nett, li l-investiment tagħha għandu għan ambjentali li, fuq għal din ir-raġuni, jagħmlu eliġibbli għal għajnuna għall-ħarsien ta’ l-ambjent.

 Dwar l-ewwel motiv fuq il-mertu, ibbażat fuq il-fatt li l-investiment ta' Ferriere jikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ta’ skema approvata u mhux għajnuna ġdida

–       L-argumenti tal-partijiet

112    Ferriere ssostni li l-investiment tagħha kien jaqa’ taħt l-iskema reġjonali approvata mill-Kummissjoni fl-1992 u kienet sempliċement miżura ta’ applikazzjoni, b’tali mod li, bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni injorat id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħha stess.

113    Il-Kummissjoni tat interpretazzjoni żbaljata ta’ l-iskema ta' għajnuna approvata fl-1992, peress li l-adattazzjoni għall-“istandards stabbiliti bil-leġiżlazzjoni” ma tirreferix għall-“istandards mandatorji ta’ l-ambjent”, iżda tista’ tinftiehem bħala adattazzjoni għal standards purament indikattivi u għaldaqstant mhux vinkolanti. Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-filosofija tal-Linji gwida ta’ l-1994 u l-2001, li jinkludu din in-natura ta’ l-għajnuna bħala inċentiv. Barra minn hekk, il-Linji gwida ta’ l-2001 jipprovdu għall-possibbiltà li tista’ tiġi awtorizzata għajnuna għal investimenti magħmula fin-nuqqas ta’ regoli mandatorji. Minbarra dan, jeżistu regoli ambjentali rigward l-emissjonijiet ta' tniġġis jew it-tniġġis tal-ħoss u regoli intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' xogħol bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji, u li ġew ikkunsidrati fl-ikkompletar ta’ l-istallazzjoni l-ġdida tar-rikorrenti.

114    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-għajnuna in kwistjoni taqa’ taħt l-iskema approvata fl-1992. Barra minn hekk, fl-1998 il-Kummissjoni awtorizzat ir-rifinanzjament fi kliem li juri, kif jidher ukoll mil-Linji gwida ta’ l-1994 u ta' l-2001, li l-għoti ta’ l-għajnuna mhuwiex suġġett għall-eżistenza ta’ standards mandatorji. Għaldaqstant il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-iskema approvata.

115    Il-Kummissjoni ssostni li l-għajnuna in kwistjoni mhijiex konformi ma’ l-iskema approvata fl-1992. Dik l-iskema tistabbilixxi bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għal għajnuna li l-investiment ikkonċernat jirrigwarda l-adattazzjoni għall-istandards il-ġodda fis-settur. Issa, skond il-Kummissjoni, l-istallazzjonijiet preċedenti ta' Ferriere kien jissodisfaw l-istandards eżistenti, u l-istallazzjoni l-ġdida m’għandha l-ebda konnessjoni mad-dħul fis-seħħ ta’ standards ġodda. L-istandards li għalihom tirreferi r-rikorrenti la huma ġodda u lanqas vinkolanti, jiġifieri qed jiġu invokati għall-ewwel darba f’din l-istanza. Il-konvenut iżid li t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' xogħol u l-azzjonijiet meħuda ġewwa l-fabbriki favur is-sigurtà u l-iġjene m’humiex miżuri għall-ħarsien ta’ l-ambjent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

116    Il-kwistjoni jekk l-għajnuna in kwistjoni tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema approvata fl-1992 jew għajnuna ġdida tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-imsemmija skema, iċċitata fil-punt 13 iktar 'il fuq, li tgħid li huma eliġibbli għal għajnuna l-investimenti li għandhom l-għan li jintroduċu titjib mill-aspett ta’ l-ambjent jew tal-kundizzjonijiet ta' xogħol “skond l-istandards il-ġodda stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-settur”.

117    Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li fis-settur ta’ attività li fiha hija mdaħħla l-impriża kandidata għall-għajnuna jridu jiġu applikati xi standards, li għandhom ikunu ġew introdotti reċentement u li l-investiment, sabiex ikun eliġibbli għall-għajnuna, għandu jrendi l-istallazzjoni konformi ma' l-imsemmija standards.

118    Din l-interpretazzjoni hija korroborata miċ-ċirkustanzi li fihom, waqt l-eżami tal-proġett ta' l-iskema ta’ għajnuna, ġiet introdotta l-kundizzjoni dwar l-adattament għal standards ġodda. Jirriżulta minn żewġ ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rappreżentazzjoni permanenti ta’ l-Italja li fl-ewwel waħda, dik tal-21 ta’ Mejju 1992, il-Kummissjoni kienet saqsiet jekk, skond l-iskema ppjanata, l-għoti ta’ l-għajnuna kinitx bil-kundizzjoni ta' l-adattament għal standards leġiżlattivi ġodda u, fit-tieni ittra, tad-9 ta’ Settembru 1992, kienet indikat mingħajr ekwivoku, li “l-iskop ta’ l-għajnuna [kellu] jkun dak li jiffaċilita l-adattament ta’ l-impriżi għal obbligi ġodda imposti mill-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam ta' eliminazzjoni tat-tniġġis”.

119    Ma saret l-ebda emenda għal din l-iskema, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-adattament għal standards ġodda, meta l-Kummissjoni b'ittra tat-18 ta’ Settembru 1998, tat il-kunsens tagħha għar-rifinanzjament ta’ l-iskema approvata fl-1992. Is-sinteżi ta’ l-iskema awtorizzata inkluża f’din l-ittra ma jistax jiġi interpretat bħala emenda ta’ l-imsemmija skema. Għall-bqija, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni, fir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 36 iktar 'il fuq, iddikjaraw li l-proċedura mibdija fl-1998 kienet tirrigwarda sempliċi rifinanzjament ta’ l-iskema eżistenti mingħajr ma kienet taffettwa l-kontenut jew il-portata tagħha.

120    It-talba ta’ Ferriere tas-26 ta’ Marzu 1997 għal għajnuna indirizzata lir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia, ma kienet issemmi ebda standard li l-istallazzjoni kellha tfittex li tirrispetta. Barra minn hekk, l-ittra tar-Reġjun tal-15 ta’ Frar 1999, annessa man-notifika ta’ l-awtoritajiet Taljani tat-18 ta’ Frar 1999, imsemmija fil-punti 53 u 54 iktar 'il fuq, tindika espliċitament li ma jeżistux standards mandatorji jew obbligi legali oħra li għalihom l-impriża hija suġġetta u żżid li l-investiment, magħmul sabiex itejjeb ir-riżultati mill-aspett ta’ l-ambjent, imur lil 'hinn mill-istandards tal-Komunità. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punti 53 u 54 iktar 'il fuq, fil-mument tat-tieni notifika l-awtoritajiet Taljani ma sostnewx li l-għajnuna mogħtija lil Ferriere kienet tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema approvata.

121    Ċertament, waqt il-proċedura amministrattiva Ferriere, fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Novembru 2000, imsemmija fil-punt 25 iktar 'il fuq, irreferiet, mingħajr ma indikat il-bażi legali, għal "valuri limitu" stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, filwaqt li ppreċiżat li huma kienu wkoll jikkonformaw mal-linji gwida tad-Direttiva tal-Kunsill, 96/61/KE, ta’ l-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, p. 26), li ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 372 ta’ l-4 ta’ Awwissu 1999, jiġifieri f’data wara l-applikazzjoni tagħha għal għajnuna u n-notifika ta’ Frar 1999. Madankollu, dawn it-testi, li minnhom infushom ma jinkludux valuri f'ċifri, jillimitaw ruħhom għal rakkomandazzjonijiet għall-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjonijiet fil-qasam ta' stallazzjonijiet industrijali li m’għandhom l-ebda rabta mal-każ ikkonċernat.

122    Fir-rikors tagħha, Ferriere rreferiet ukoll għad-Direttiva tal-Kunsill, 86/188/KEE, tat-12 ta’ Mejju 1986, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji dovuti għall-espożizzjoni għall-ħoss fuq ix-xogħol [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 137, p. 28), implementata fl-Italja permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 277, tal-15 ta’ Awwissu 1991, u għamlet referenza, permezz ta’ nota fil-qiegħ, għal diversi testi ta' dritt Komunitarju jew nazzjonali li jistabbilixxu valuri limitu li magħhom jikkonforma l-investiment tagħha. Fir-rigward tad-dritt Komunitarju, ir-rikorrenti ssemmi d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU L 377, p. 20), emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/31/KE tas-27 ta’ Ġunju 1994, (ĠU L 168, p. 28), u trasposta fl-Italja permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 22, tal-5 ta’ Frar 1997. Ir-rikorrenti ssemmi wkoll testi ta' dritt nazzjonali, b’mod partikolari d-digriet Nru 203 tal-President tar-Repubblika, ta’ l-24 ta’ Mejju 1988, dwar l-emissjonijiet ta' dħaħen u ta' trab fl-atmosfera, il-Liġi Nru 447 tas-26 ta’ Ottubru 1995, dwar l-emissjonijiet ta’ ħsejjes barra mill-istallazzjonijiet industrijali u waħda mid-digrieti ta' applikazzjoni tagħha, id-Digriet ta' applikazzjoni tal-President tal-Kunsill tal-Ministri Nru 675900, ta’ l-14 ta’ Novembru 1997.

123    Madankollu, indipendentament mill-fatt li fis-26 ta’ Marzu 1997, id-data li fiha ntalbet l-għajnuna, il-biċċa l-kbira ta' dawn ir-rekwiżiti ma kinux ġodda, waqt il-proċedura ta’ amministrazzjoni u fl-istanza preżenti Ferriere ma identifikatx l-istandards li kienu previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet u li l-investiment tagħha jadotta l-istallazzjoni industrijali b'mod konformi magħhom. Peress li din l-informazzjoni ma ngħatatx u, minħabba f'hekk, ma setgħetx tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ din id-deċiżjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni 234/84, Ġabra p. 263, punti 11 u 16). Barra minn hekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju invokati, jirriżulta, minn naħa, li d-Direttiva 86/188 kienet tikkonċerna l-għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema u l-protezzjoni u s-sorveljanza medika tal-ħaddiema esposti għal ċerti livelli ta’ ħsejjes fuq il-post tax-xogħol tagħhom, iżda ma tittrattax l-istandards li għandhom jiġu mħarsa mill-impriżi. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-proċess li Ferriere tipproduċi skart perikoluż bħal dak imsemmi mid-Direttiva 91/689 u li hija, għaldaqstant, affettwata mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

124    B'hekk, għandu jiġi kkonstatat li Ferriere ma kinitx f’pożizzjoni li tindika, la waqt il-proċedura amministrattiva u lanqas, waqt dawn il-proċedimenti,, liema huma eżattament l-istandards ġodda, applikabbli fis-settur li hija teżerċita l-attività tagħha, li magħhom kien intiż li jkun konformi l-investiment tagħha. L-argumenti bbażati fuq dispożizjonijiet tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt nazzjonali, li mhumiex ġodda jew li mhumiex marbuta ma’ l-għotja ta’ l-għajnuna in kwistjoni, huma parzjalment inammissibbli, għaliex ġew mqajma għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, u parzjalment infondati, peress li mhumiex relatati ma’ l-investiment in kwistjoni. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li Ferriere ma ppruvatx ir-relazzjoni bejn l-investiment tagħha u standards ġodda li jikkonċernaw is-settur tagħha.

125    Għalhekk, mhemmx bżonn li jiġi evalwat jekk l-istandards imsemmija mill-iskema ta’ għajnuna approvata għandhomx jiġu kkunsidrati bħala standards mandatorji jew indikattivi jew li jiġi stabbilit jekk kull standard introdott wara t-tqegħid fl-użu fis-snin 70 ta’ l-istallazzjoni li għandu jiġi sostitwit, għandux jiġi kkwalifikat bħala għajnuna, kif issostni l-Ferriere, peress illi r-rikorrenti naqset milli tidentifika kwalunkwe standard, li magħhom xtaqet tikkonforma l-istallazzjoni tagħha. Bl-istess mod, l-argument li l-Linji gwida ta’ l-1994 u ta' l-2001 kienu jippermettu l-għoti ta’ għajnuna, bħala inċentiv, fin-nuqqas ta’ regoli mandatorji jew fil-każijiet fejn l-investiment imur lil ’hinn mill-istandards li għandhom jiġu rispettati, mhuwiex rilevanti hawnhekk, billi d-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-iskema approvata titlob li, sabiex l-investiment ikun eliġibbli għal għajnuna, għandu jkun intiż għall-adattament ta’ l-istallazzjoni għal standards ġodda li japplikaw għas-settur.

126    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema approvata, iżda tikkostitwixxi miżura ġdida.

127    Barra minn hekk jirriżulta li l-argument ta' Ferriere, imsemmi fil-punt 102 iktar 'il fuq, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi tat bidu għal proċedura formali fir-rigward ta’ miżura ta’ applikazzjoni ta’ skema approvata lanqas ma jista' jiġi aċċettat.

128    Konsegwentement, l-ewwel motiv fuq il-mertu għandu jiġi miċħud.

 Dwar it-tieni motiv fuq il-mertu, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata fir-rigward tal-Linji gwida ta’ l-1994 u mhux fir-rigward ta’ dawk ta’ l-2001.

–       L-argumenti tal-partijiet

129    Ferriere ssostni li l-investiment tagħha kellu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Linji gwida ta’ l-1994. Id-deċiżjoni kkontestata għandha bażi ġuridika żbaljata. L-għajnuna kellha tiġi evalwata skond il-kriterji previsti mil-Linji gwida ta’ l-1994 u mhux b’referenza għal dawk tal-Linji gwida ta’ l-2001. Il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi dwar dan il-punt.

130    Ir-rikorrenti tistrieħ fuq l-illeġittimità tal-punt 82 tal-Linji gwida ta’ l-2001 (iċċitat fil-punt 12 iktar 'il fuq) kif ġie interpretat mill-Kummissjoni. Skond Ferriere, il-Linji gwida l-ġodda setgħu jiġu applikati għall-għajnuna li kienet diġà ġiet innotifikata fil-każ safejn ikun diġà ngħata bidu għal proċedura formali fir-rigward ta’ dik l-għajnuna.

131    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-għajnuna kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-Linji gwida ta’ l-1994, li kienu fis-seħħ fil-mument li ġiet mogħtija l-għajnuna, jiġifieri fit-8 ta’ Ottubru 1998, u mhux skond id-dritt fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

132    Il-Kummissjoni ssostni li l-proġett ta' għajnuna ppjanata ma kienx kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida ta’ l-2001 u li lanqas ma seta' jiġi awtorizzat taħt il-Linji gwida ta’ l-1994.

133    Barra minn hekk, il-konvenuta ssostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-punt 82 tal-Linji gwida ta’ l-2001 ma tqajmitx fir-rikors u għalhekk hija inammissibbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal Prim’Istanza. F'kull każ, hija tqis li l-punt 82 jillimita ruħu li jipprovdi għall-applikazzjoni immedjata ta' l-iskema l-ġdida skond il-prinċipji ġenerali ta’ applikazzjoni tal-liġi ratione temporis, fatt li ma jikser bl-ebda mod il-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

134    Il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ proġett ta’ għajnuna intiż għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandha tiġi evalwata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 KE u 87 KE moqrija flimkien u fil-kuntest tal-Linji gwida tal-Komunità li l-Kummissjoni adottat qabel għall-fini ta’ dan l-eżami. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta bil-Linji gwida jew komunikazzjonijiet li hija tadotta fil-qasam ta' kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, safejn huma ma jiddevjawx mir-regoli tat-Trattat u safejn jiġu aċċettati mill-Istati Membri (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 53). Għaldaqstant dawk ikkonċernati huma ġġustifikati li jinvokaw dawn il-Linji gwida u l-Qorti tivverifika jekk il-Kummissjoni osservatx ir-regoli li hija stess imponiet fuqha nfisha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T‑35/99, Ġabra p. II‑261, punti 74 u 77).

135    F’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jiġi stabbilit liema Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tapplika sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha.

136    L-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma espliċitament fir-risposta hija ammissibbli, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ladarba hija tikkostitwixxi l-estensjoni, fil-punti 12 sa 18 tar-risposta, ta’ motiv imqajjem impliċitament fil-punt 54 tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punt 142).

137    Jirriżulta mill-punti 81 u 82 tal-Linji gwida ta’ l-2001 (ara punt 12 iktar 'il fuq) li dawn il-Linji gwida daħlu fis-seħħ fid-data li fiha ġew ippubblikati, jiġifieri fit-3 ta’ Frar 2001, u li mbagħad il-Kummissjoni kellha tapplika d-dispożizzjonijiet għall-proġetti kollha ta’ għajnuna nnotifikati, anki dawk innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tal-Linji gwida. Kuntrarjament għall-interpretazzjoni tar-rikorrenti, l-applikazzjoni immedjata tal-Linji gwida l-ġodda ma hija suġġetta għall-ebda riżerva, u għalhekk ma teskludix il-każ, bħal dak in kwistjoni, fejn ikun ingħata bidu għal proċedura formali.

138    Minn naħa, l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 81 u 82, li jispiraw ruħhom mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 254(2) KE, dwar id-dħul fis-seħħ tar-regolamenti u d-direttivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jibdew mill-prinċipju li, ħlief fil-każ ta’ derogi, l-atti ta’ l-istituzzjonijiet huma applikabbli immedjatament (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31, u tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS, C‑122/96, Ġabra p. I‑5325, punti 12 sa 14).

139    Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ ma jistax jiġi invokat b’mod utli l-prinċipju ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, għaliex dan jikkonċerna, bħall-prinċipju taċ-ċertezza legali, sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet ġodda (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1993, Grusa Fleisch C‑34/92, Ġabra p. I‑4147, punt 22). Issa, Ferriere mhijiex f'sitwazzjoni bħal din, iżda fis-sitwazzjoni temporanja li fiha Stat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni bi proġett ta’ għajnuna ġdida u jkun talabha teżamina l-kompatibbiltà tiegħu mar-regoli tal-Komunità, peress li l-għoti ta’ għajnuna jiddependi mir-riżultat ta’ dak l-eżami. Barra minn hekk, u f'kull każ, peress li ż-żewġ Linji gwida suċċessivi kienu essenzjalment identiċi, kif intqal qabel (ara l-punt 77 hawn fuq), l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti ma setgħux jiġu affettwati.

140    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata kienet adottata legalment b'applikazzjoni tal-Linji gwida ta’ l-2001, li daħlu fis-seħħ fit-3 ta’ Frar 2001.

 Dwar it-tielet motiv fuq il-mertu, ibbażat fuq il-fatt li l-investiment ta' Ferriere segwa skop ambjentali li għamlu eliġibbli għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali

–       L-argumenti tal-partijiet

141    Ferriere ssostni li l-investiment tagħha kien eliġibbli għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali. Fil-fatt, huwa jilħaq l-għanijiet tal-politika Komunitarja ta’ l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 174 KE u jissodisfa l-eżiġenzi tad-direttivi u rakkomandazzjonijiet tal-Komunità. B’mod partikolari, l-investiment iwassal għal titjib mill-aspett tat-tniġġis ta’ l-atmosfera, ta' l-eliminazzjoni ta’ skart perikoluż, tat-tniġġis tal-ħoss u ta’ l-ambjent ta' xogħol. Dawn it-tnejn ta' l-aħħar jissemmew espliċitament fid-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-iskema approvata.

142    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li kien possibbli li mill-ispiża totali tiġi iżolata l-ispiża li tikkorrispondi għall-ħarsien ta’ l-ambjent, li r-Reġjun stima għal 11-il biljun ITL fuq investiment ta’ 20 biljun.

143    Il-Kummissjoni injorat l-iskop ambjentali tal-proġett u qieset, b’mod arbitrarju, li l-iskop ekonomiku ta’ l-investiment kien predominanti, filwaqt li l-għan tal-proċess il-ġdid kien preċiżament dak li jrendi s-sistema ta’ produzzjoni waħda ekoloġika. Ir-rikorrenti tippreċiża li, minkejja li huwa loġiku li stallazzjoni ġdida tkun iktar effiċjenti ekonomikament minn waħda qadima, il-linja l-qadima għall-produzzjoni tal-gożwajer ta’ l-azzar kienet għadha perfettament sodisfaċenti mill-aspett funzjonali u teknoloġiku u ġiet mibdula b'tagħmir ġdid sabiex jiġu eliminati l-iżvantaġġi li l-proċess il-qadim kien jirrappreżenta għall-ambjent.

144    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-investiment in kwistjoni kien ġie stabbilit, prinċipalment, minn raġunijiet marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent.

145    Il-Kummissjoni ssostni li l-għajnuna ma kinitx ġustifikata f’dan il-każ għaliex l-investiment xorta kien isir għal raġunijiet mhux konnessi mal-ħarsien ta’ l-ambjent, peress li t-tnaqqis tal-ħsejjes u tat-tniġġis kien jikkostitwixxi l-konsegwenza meħtieġa u intrinsika ta’ għażla ekonomika u teknoloġika predominanti u inevitabbli. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li jiġu iżolati l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma’ l-aspett ambjentali. Il-Kummissjoni żżid li d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, jekk wieħed jassumi li huma ammissibbli, ma jistax ikollhom impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet adottata fid-dawl ta’ l-elementi li saru magħrufa lilha matul il-proċedura amministrattiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

146    Il-Kummissjoni ddikjarat li l-għajnuna hija inkompatibbli għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 30 iktar 'il fuq, jiġifieri li l-investiment, li kien intiż sabiex tagħmir qadim jiġi sostitwit bi stallazzjoni innovattiva, ma kienx ibbażat fuq skopijiet ambjentali, iżda kien qed isir għal skopijiet ekonomiċi u industrijali, li kienu jeskludu l-għoti ta’ għajnuna għall-ħarsien ta’ l-ambjent. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-vantaġġi għall-ħarsien ta’ l-ambjent kienu inerenti fil-proċess, fatt li ma kienx jippermetti li mill-ispiża totali ta’ l-investiment tiġi iżolata dik il-parti li tikkorrispondi għall-ħarsien ta’ l-ambjent (il-premessi 29 u 31 sa 33 tad-deċiżjoni).

147    Il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent jiddependi mill-iskop ta’ l-investiment li għalih qed tintalab l-għajnuna. B'hekk, il-Linji gwida ta’ l-2001 (punti 36 u 37, iċċitati fil-punti 10 u 11 iktar 'il fuq), li huma identiċi f’dan ir-rigward għal-Linji gwida ta’ l-1994 (il-punt 3.2.1, iċċitat fil-punt 6 iktar 'il fuq), isemmu l-investimenti intiżi biex inaqqsu jew jeliminaw tniġġis jew inkonvenjenzi, jew biex jiġu adattati l-metodi ta’ produzzjoni, u jiddikjaraw li l-investiment addizzjonali marbut mal-ħarsien ta’ l-ambjent biss huwa eliġibbli għall-għajnuna. L-eliġibbiltà għal miżura ta' għajnuna ta’ investiment għall-ħarsien ta’ l-ambjent li, b'mod partikolari, jissodisfa l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, tassumi li dawn il-kunsiderazzjonijiet, minnhom infushom, mhumiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-investiment fl-għamla magħżula.

148    Jirriżulta, fil-fatt, mill-istruttura tal-Linji gwida ta’ l-2001, li hija identika f’dan ir-rigward għal dik tal-Linji gwida ta’ l-1994, li kwalunkwe investiment li jadatta l-istallazzjoni għal standards, obbligatorji jew mhumiex, nazzjonali jew Komunitarji, jew li jmur lil ’l hemm minn dawn l-istandards jew li jsir fin-nuqqas ta’ kwalunkwe standard, mhuwiex eliġibbli għal għajnuna, iżda biss investiment li l-għan innifsu tiegħu jkun din l-effiċjenza fuq il-livell ambjentali.

149    Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tiddikjara li l-proġett ma kienx kompatibbli mas-suq komuni safejn huwa ma kienx jissodisfa dan ir-rekwiżit.

150    Għalhekk, huwa irrilevanti l-fatt li r-rikorrenti ssostni li l-investiment tagħha jintroduċi titjib mill-aspett tal-ħarsien ta’ l-ambjent, bħalma huwa wkoll il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi l-vantaġġi ta’ l-investiment mill-aspett tal-ħarsien ta’ l-ambjent jew tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema.

151    Ċertament, huwa possibbli li proġett jkollu fl-istess waqt l-għan ta' titjib tal-produttività ekonomika u l-għan ta' ħarsien ta’ l-ambjent, iżda l-eżistenza ta’ dan it-tieni għan ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi konstatazzjoni li t-tagħmir il-ġdid għandu impatt inqas negattiv fuq l-ambjent mit-tagħmir il-qadim, billi dan jista’ jikkostitwixxi sempliċement effett kollaterali ta’ bidla fit-teknoloġija għal skopijiet ekonomiċi jew tat-tiġdid ta’ tagħmir użat. Biex f’każ bħal dan jista’ jiġi aċċettat li l-investiment li ser jirċievi l-għajnuna għandu skop parzjalment ambjentali, għandu jiġi stabbilit li l-istess prestazzjoni ekonomika setgħet tinkiseb bl-użu ta’ tagħmir inqas għoli, iżda ta’ ħsara ikbar għall-ambjent.

152    Is-soluzzjoni tal-kawża, għalhekk, ma tiddependix mill-kwistjoni jekk l-investiment iġibx titjib ambjentali jew jekk huwa jmurx lil ’hinn mill-istandards ambjentali eżistenti, iżda, prinċipalment, fuq jekk ikunx sar bl-iskop li jġib titjib bħal dan.

153    Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-għan tal-proċess il-ġdid kien li jrendi s-sistema ta’ produzzjoni waħda ekoloġika, kif imfisser fid-dettall fl-annessi B u C tat-talba tagħha għal għajnuna tas-26 ta’ Marzu 1997. Dawn id-dokumenti jikkonfermaw li l-proċess il-ġdid għall-produzzjoni ta’ gożwajer ta’ l-azzar issaldjat bl-elettriku, awtomatizzat kompletament, huwa avvanzat mill-aspett teknoloġiku, bil-konsegwenzi li l-ħoss ta’ l-impjant jitnaqqas u l-emissjonijiet tat-trab jiġu eliminati. Għaldaqstant huma jikkonfermaw l-interess ta' tali stallazzjoni minn aspett ekonomiku u industrijali, li huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment.

154    Ferriere ssostni wkoll li l-istallazzjoni li kellha qabel kien għadha taħdem b’mod perfettament sodisfaċenti meta ddeċidiet li tibdlu bl-għan li tikseb teknoloġija innovattiva li telimina l-iżvantaġġi għall-ambjent tal-proċess il-qadim. F’dan ir-rigward, id-dokumenti prodotti għall-ewwel darba mar-replika, li konsegwentement ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, ma jista’ jkollhom l-ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 16). Għall-bqija, dawn id-dokumenti juru, l-iżjed, li l-impriża kienet qed tippjana li tikseb stallazzjoni innovattiva ġdida sa mill-1993‑1994. Barra minn hekk, il-fatt, li jidher li huwa aċċettat mill-Kummissjoni fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-linja ġdida ta’ laminazzjoni ma kinitx tinvolvi żjieda fil-kapaċità ta' produzzjoni, ma jipprovax l-iskop ambjentali ta’ l-investiment.

155    Fil-qosor, jidher li Ferriere kellha tagħmir li kellu ’l fuq minn 25 sena li hija xtaqet tibdel bi stallazzjoni ġdida li tagħmel użu minn teknoloġija innovattiva u li jkun attrezzat biex iħares l-ambjent bħal kull tagħmir ġdid ieħor. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-investiment jirriżulta minn deċiżjoni ta’ l-impriża li timmodernizza t-tagħmir ta' produzzjoni tagħha u li, f'kull każ, kien isir f’dik l-għamla.

156    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li ma kienx ġie stabbilit li l-investiment kellu skop ġenwinament ambjentali. Il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-vantaġġi ta’ l-investiment għall-ħarsien ta’ l-ambjent kienu inerenti f'din l-istallazzjoni innovattiva. L-evalwazzjoni tagħha, taħt dan l-aspett, mhijiex arbitrarja. Barra minn hekk, l-analiżi tal-vantaġġi ta’ l-investiment mill-aspett tal-kundizzjonijiet ta' xogħol ma tinkludix il-kontradizzjoni ta' motivi kif qed tilmenta r-rikorrenti, peress li skond il-punt 6 tal-Linji gwida ta’ l-2001 l-azzjonijiet li huma intiżi għas-sigurtà u l-iġjene mhumiex koperti minn dawn il-Linji gwida.

157    It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata, minbarra li tikkonstata n-nuqqas ta’ skop ambjentali ta' l-investiment, tosserva li l-ispiża ta’ l-investiment assenjata għall-ħarsien ta’ l-ambjent ma setgħetx tiġi iżolata mill-ispiża globali ta’ l-operazzjoni. Issa, dan il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex superfluwu, peress li jekk il-proġett magħżul kien jinvolvi spiża addizzjonali meta mqabbel ma’ proġett differenti u ipotetiku li jagħti l-istess prestazzjoni ekonomika f’kundizzjonijiet ambjentali inqas favorevoli, setgħet tinġibed il-konklużjoni li l-investiment kellu skop ambjentali (ara punt 151 iktar 'il fuq).

158    Fuq dan il-punt, Ferriere ssostni li l-iskop ambjentali ta’ l-investiment tagħha jikkorrispondi għal dik il-parti ta’ l-ispiża totali ta' l-imsemmi investiment li ġiet irrikonoxxuta bħala eliġibbli mir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia, jiġifieri 11-il biljun ITL (EUR 5.68 miljun).

159    Mistiedna b'mistoqsija bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza, imsemmija fil-punt 35 iktar 'il fuq, sabiex tippreċiża l-elementi li fuqhom l-ispiża ta’ l-investiment addizzjonali għall-ħarsien ta' l-ambjent setgħet tiġi evalwata għall-ammont ta’ 11-il biljun Lira Taljana mill-20 biljun li kienu jirrappreżentaw l-ispiża totali ta’ l-investiment, Ferriere limitat ruħha li tirreferi għall-evalwazzjoni magħmula mir-Reġjun. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li kien diffiċli tagħmel distinzjonijiet f’każ ta’ proċess ta’ produzzjoni li, fih innifsu, itejjeb il-ħarsien ta’ l-ambjent, u hija indikat li r-Reġjun kien eskluda l-ispejjeż ta’ natura ġenerali.

160    L-ittri ta' Ferriere lir-Reġjun, tas-26 ta’ Mejju u s-26 ta’ Ġunju 1998, prodotti fil-proċess, li jagħtu spjegazzjoni fid-dettall tal-bilanċ ta’ l-investiment fid-diversi komponenti tiegħu, ma jagħtux risposta għad-domanda magħmula. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni komplementari li permezz tagħha jista' jinftiehem il-metodu li ntuża sabiex ġie konkluż li l-11-il biljun Lira Taljana msemmija iktar 'il fuq kienu jikkorrispondu għall-ispiża ambjentali ta’ l-investiment. Minkejja li wieħed jifhem id-diffikultà li tiġi iżolata din l-ispiża f’każ bħal dak in kwistjoni, fejn il-vantaġġi għall-ambjent huma inerenti fil-proċess ta’ produzzjoni, il-prinċipji stabbiliti mil-Linji gwida ta’ l-2001, li huma simili għal dawk tal-Linji gwida ta’ l-1994, jeskludu li l-ispiża totali ta’ l-investiment tista’ tkun eliġibbli għal għajnuna u jeżiġu li jiġu identifikati l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tal-ħarsien ta’ l-ambjent.

161    Issa, la r-rikorrenti u lanqas ir-Repubblika Taljana ma taw spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, huma ma tawx spjegazzjoni tal-proċess li adotta r-Reġjun Awtonomu ta' Friuli‑Venezia Giulia sabiex stabbilixxa l-ammont ta’ l-investiment li seta’ jgawdi mill-għajnuna.

162    Konsegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni setgħet issostni legalment li ma kienx possibbli li, fil-kuntest ta’ l-investiment, tiġi iżolata l-ispiża li kienet assenjata speċifikament għall-ħarsien ta’ l-ambjent.

163    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li ma kienx possibbli li tingħata għajnuna għall-ħarsien ta’ l-ambjent għall-investiment tal-Ferriere.

164    Minn dak li ntqal hawn fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet legalment tiddikjara li l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni. Konsegwentement, Ferriere u r-Repubblika Taljana, m’għandhomx dritt jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għal din ir-raġuni l-konklużjonijiet intiżi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu allegat

 L-argumenti tal-partijiet

165    Ferriere ssostni li hija sofriet danni mill-fatt li l-illeġittimità tad-deċiżjoni kkontestata, li tippreġudika l-libertà ta’ l-inizjattiva ekonomika u d-dritt ta' proprjetà, tal-ftuħ tal-proċedura formali u taż-żmien sabiex tinġieb fit-tmiem. Peress li ma setgħetx tagħmel użu mill-għajnuna li r-Reġjun kien lest li jagħtiha, hija kellha tirrikorri għall-kreditu sabiex tiffinanzja l-investiment u ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tuża l-ammont antiċipat minnha għal skopijiet oħra.

166    Ir-rikorrenti titlob kumpens għall-perijodu li matulu ma setgħetx tagħmel użu mill-għajnuna. Il-kumpens għandu jikkorrispondi għal ammont li bih ikunu jistgħu jitħallsu l-imgħaxijiet legali u l-kumpens tad-dannu dovut għall-iżvalutazzjoni monetarja, u għandu jiġi kkalkulat mis-26 ta’ April 1999, id-data li tikkorrispondi għat-tmiem tal-perijodu ta’ xahrejn minn meta kienet irċevuta n-notifika, fil-25 ta’ Frar 1999, data li fiha l-Kummissjoni kellha tirrikonoxxi l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna.

167    Il-Kummissjoni ssostni li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet li jinvolvu r-responsabbiltà. Hija tindika li, fost id-drittijiet fundamentali, huma dawk biss li jħarsu ċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi li teorikament jistgħu jidħlu fil-kategorija tar-regoli li l-ksur tagħhom irendu lill-istituzzjonijiet responsabbli. Barra minn hekk, f’dan il-każ, in-natura gravi u manifesta tal-ksur hija madankollu nieqsa. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ma turix l-preġudizzju fuq il-libertà ta’ l-inizjattiva ekonomika u tad-dritt ta' proprjetà.

168    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-danni allegati la huma ċerti u lanqas jistgħu jiġu stabbiliti, peress li l-impriżi m’għandhomx id-dritt li jirċievu għajnuna mill-Istat, u wisq inqas f’data fissa. Ir-rikorrenti żżid li, anki jekk l-għajnuna kellha taqa’ taħt l-ambitu ta’ skema awtorizzata, id-dewmien fil-ħlas tagħha mhuwiex attribwibbli lill-Kummissjoni, iżda lill-awtoritajiet Taljani li għażlu li jinnotifikaw l-għajnuna u mbagħad li jissospendu l-ħlas. It-talba għal ħlas ta’ l-imgħax fuq l-arretrati mhijiex fondata fir-rigward tal-kumpens għad-danni. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-iżvalutazzjoni monetarja, ir-realtà tad-dannu mhijiex stabbilita.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

169    It-talba ta' Ferriere għal kumpens, ippreżentata fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 235 KE u 288 KE, tattiva r-responsabbiltà delittwali tal-Komunità bħala riżultat tad-dannu li hija sofriet minħabba l-illeġittimità tad-deċiżjoni kkontestata.

170    Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex il-Komunità tkun responsabbli delittwalment ir-rikorrenti għandha tipprova l-illeġittimità ta’ l-aġir imputat lill-istituzzjoni kkonċernata, li d-dannu huwa reali u li tkun teżisti rabta ta’ kawżalità bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterrane vs Il-KEE 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’istanza tat-28 ta’ Novembru 2002, Scan Office Design vs Il-Kummissjoni T‑40/01, Ġabra p. II‑5043, punt 18). Fil-każ li ma tiġix sodisfatta xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud kompletament mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde‑Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37).

171    Peress illi ma ġietx sodisfatta l-ewwel kundizzjoni li minnha tiddependi r-responsabbiltà delittwali tal-Komunità skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, dwar l-illeġittimità ta’ l-att ikkontestat, it-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda kompletament mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din ir-responsabbiltà, jiġifieri r-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu invokat.

172    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors irid jiġi miċħud kompletament.

 Fuq l-ispejjeż

173    Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom meta jintervjenu fil-kawża.

174    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skond it-talbiet ta' din ta' l-aħħar.

175    Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla estiża)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Legal

Tiili

Meij

Vilaras

 

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2004

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.