Language of document : ECLI:EU:T:2012:202

Kawża T-326/11

Brainlab AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Trade mark Komunitarja verbali BrainLAB — Assenza ta’ talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark — Kanċellazzjoni tat-trade mark wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni — Applikazzjoni għal restitutio in integrum — Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Notifika

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 47(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regoli 29 u 67)

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Restitutio in integrum — Kundizzjonijiet — Viġilanza mitluba miċ-ċirkustanzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 81(1))

1.      Meta proprjetarja tkun fdat l-amministrazzjoni tas-sorveljanza tat-trade mark Komunitarja tagħha lil rappreżentant professjonali u li hija tkun informat b’dan, kif suppost lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), dan tal-aħħar huwa wkoll obbligat li josserva din l-għażla billi jindirizza l-komunikazzjonijiet uffiċjali ta’ servizz tiegħu lill-imsemmi rappreżentant maħtur, b’mod li dan ikun jista’ jiddefendi l-interessi tal-mandatarju tiegħu bi grad ta’ viġilanza superjuri li huwa mistenni li jeżerċita fir-rwol tiegħu ta’ professjonist ikkwalifikat. F’dan ir-rigward, l-UASI ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regola 29 tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, billi jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet jobbligawh li jinforma lill-proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja, iżda mhux lir-rappreżentant professjonali tagħha, bl-iskadenza imminenti tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Fil-fatt, dan l-argument jinterpreta b’mod ħażin ir-Regola 67 tar-Regolament Nru 2868/95, li tipprovdi li, jekk kien inħatar rappreżentant, in-notifiki kollha għandhom jintbagħtu lilu.

(ara l-punti 47-49)

2.      Mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-Trade Mark Komunitarja jirriżulta li r-restitutio in integrum hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda hija li l-parti tkun għamlet dak kollu meħtieġ fid-dawl taċ-ċirkustanzi u t-tieni, li l-ostaklu għall-konformità tal-parti kellu bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju.

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-obbligu li jsir dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi jaqa’, l-ewwel nett, fuq il-proprjetarju tat-trade mark. B’hekk, jekk il-proprjetarju jiddelega l-funzjonijiet amministrattivi relatati mat-tiġdid ta’ trade mark, huwa għandu jiżgura li l-persuna magħżula minnu jkollha l-garanziji neċessarji li jippermettu l-preżunzjoni ta’ eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija funzjonijiet. Minħabba d-delega ta’ dawn il-funzjonijiet, il-persuna magħżula hija, l-istess bħall-proprjetarju, suġġetta għall-imsemmi obbligu li jsir dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, billi din tal-aħħar taġixxi f’isem u għan-nom tal-proprjetarju, l-atti tagħha għandhom jitqiesu bħala li huma dawk tal-proprjetarju.

It-termini “minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” li jidhru fl-Artikolu 81(1) tal-imsemmi regolament jeħtieġu, fil-każ ta’ mandatarju speċjalizzat, it-twaqqif ta’ sistema interna ta’ verifika u sorveljanza għat-termini li teskludi ġeneralment in-nuqqas ta’ osservanza volontarja ta’ dawn it-termini, kif ukoll li tavża dwar id-direttivi rigward il-proċeduri quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Minn dan isegwi li huma biss avvenimenti ta’ natura eċċezzjonali u, għalhekk, imprevedibbli skont l-esperjenza li jistgħu jagħtu lok għal restitutio in integrum.

(ara l-punti 36-38, 41)