Language of document : ECLI:EU:C:2015:825

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili –Regolament (KE) Nru 805/2004– Titolu Eżekuttiv Ewropew għal talbiet mhux kontestati – Kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni – Drittijiet tad-debitur – Eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑300/14,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Atwerpens, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Imtech Marine Belgium NV

vs

Radio Hellenic SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

ikkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, J.-C. Halleux u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u E. Pedrosa, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Imtech Marine Belgium NV (iktar 'il quddiem “Imtech Marine”), stabbilita fil-Belġju, u Radio Hellenic SA (iktar 'il quddiem “Radio Hellenic”), stabbilita fil-Greċja, dwar it-talba għal ċertifikazzjoni, bħala titolu eżekuttiv Ewropew fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 ta’ sentenza mogħtija f’kontumaċja dwar kreditu li fih klawżola penali u interessi ta’ dewmien.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-punt 2 tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jipprovdi li deċiżjoni ma hijiex rikonoxxuta jekk “meta jkun b’nuqqas ta’ dehra [kontumaċi], il-konvenut ma kienx ġie servut [nnotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”.

 Ir-Regolament Nru 805/2004

4        Skont il-premessi 10 sa 14, 18 u 19 tar-Regolament Nru 805/2004:

“(10) Fejn qorti fi Stat Membru tkun tat sentenza fuq talba mhux kontestata fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti, it-tneħħija ta’ xi verifiki fl-Istat Membru ta’ l-infurzar hija intrinsikament marbuta u dipendenti fuq l-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

(11)      Dan ir-Regolament ifittex li jippromwovi d-drittijiet fundamentali u jagħti kont tal-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar 'il quddiem il-‘Karta’]. B’mod partikolari, huwa jfittex li jassigura ir-rispett sħiħ għal dritt ta' smigħ ġust kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta.

(12)      Għandhom jiġu stabbiliti standards minimi għall-proċeduri li jwasslu għas-sentenza sabiex jiġi żgurat li d-debitur ikun informat dwar l-azzjoni fil-qorti kontrih, il-ħtiġiet għall-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċeduri li jikkontesta t-talba u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tiegħu fi żmien bizzejjed u b’dak il-mod li huwa ikun jista’ jirranġa [jorganizza] għad[id]-difiża tiegħu.

(13)      Minħabba d-differenzi bejn l-Istati membri fir-rigward tar-regoli tal-proċedura ċivili u speċjalment dawk li jiregolaw in-notifika tad-dokumenti, huwa meħtieġ li tiġi preskritta definizzjoni speċifika u dettaljata dwar dawk l-istandards minimi. B’mod partikolari, kull metodu ta’ notifika li huwa bbażat fuq assunzjonijiet legali fir-rigward tat-twettieq ta’ dawk l-istandards minimi ma għandhomx jitqiesu bħala suffiċjenti għaċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala Ordni Ewropew ta' Infurzar.

(14)      Il-metodi kollha ta’ notifika elenkati fl-Artikoli 13 u 14 huma karatterizzati jew b’ċertezza sħiħa (Artikolu 13) jew bi probabbiltà kbira ħafna (Artikolu 14) li d-dokument notifikat wasal għand l-indirizzat. Fit-tieni kategorija, is-sentenza għandha biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk l-Istat Membru ta’ l-oriġini ikollu mekkaniżmu adattat li jippermetti lid-debitur li japplika għal reviżjoni tas-sentenza taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 19 f’dawk il-każi eċċezzjonali fejn, minkejja l-konformità ma’ l-Artikolu 14, id-dokument ma ikunx wasal għand l-indirizzat.

[…]

(18)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Mmebri tiġġustifika l-istima mill-qorti ta’ Stat Membru wieħed li l-kondizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar ikunu mħarsa biex jippermettu li sentenza għandha tkun infurzata fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr reviżjoni ġudizzjarja ta’ l-applikazzjoni kif imiss ta’ l-istandards minimi proċedurali fl-Istat Membru fejn għandha tiġu nfurzata s-sentenza.

(19)      Dan ir-Regolament ma jimplikax xi obbligi għall-Istati Membri li jadattaw il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom għall-istandards proċedurali minimi stipulati fih. Huwa jipprovdi inċentivi għal dak il-għan billi jagħmel disponibbli infurzar aktar effiċjenti u mgħaġġel tas-sentenzi fi Stati Membri oħra biss jekk dawk l-istandards minimi jitħarsu.”

5        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħtiġiet għal ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar”, jipprovdi fil-paragrafu 6 tiegħu:

“1.      Sentenza dwar talba mhux kontestata mwassla fi Stat Membru għandha, ma’ l-applikazzjoni f’kull żmien tal-qorti ta’ oriġini, tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk:

a)      is-sentenza hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-oriġini;

b)      is-sentenza ma tkunx f’konflitt mar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni kif preskritti fit-taqsimiet 3 u 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 44/2001; u

c)      il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu ħarsu l-ħtiġiet kif stipulati fil-Kapitolu III fejn talba ma tkunx kontestata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ); u

d)      is-sentenza kienet ingħatat fl-Istat Membru tad-domiċilju tad-debitur skont it-tifsira tal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, fil-każi fejn:

–        it-talba ma tkunx kontestata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ); u

–        tkun tirrelata ma’ kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur, li għal fini tagħha tista’ titqies bħala li tkun barra n-negozju jew professjoni tagħha; u

–        id-debitur ikun il-konsumatur.”

6        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 805/2004, intitolat “Ħruġ ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar għandu jinħareġ bl-użu tal-formola standard fl-Annessi.

2.      Iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar għandu jinħareġ fil-lingwa tas-sentenza.”

7        L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Korrezzjoni jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar”, jistabbilixxi:

“1.      Iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar għandu, fuq applikazzjoni mill-qorti ta’ oriġini, jiġi

a)      korrett fejn, minħabba żball materjali, ikun hemm diskrepanza bejn is-sentenza u ċ-ċertifikat;

b)      rtirat fejn ikun ċar li ikun ingħata bi żball, wara li jingħata kont tal-ħtiġiet preskritti f’dan ir-Regolament.

2.      Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tgħodd għall-korrezzjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar.

3.      Applikazzjoni għall-korrezzjoni jew l-irtirar ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar tista’ ssir bl-użu tal-formola standard fl-Anness VI.

4.      Ma jista’ jsir ebda appell kontra l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar.”

8        L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Notifika bil-prova li d-debitur ikun irċeviha”, jipprovdi:

“1.      Id-dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jista’ ikun ġie notifikat lid-debitur permezz ta’ xi wieħed mill-metodi li ġejjin:

a)      notifika attestata permezz ta’ konferma ta’ riċevuta, inkluża d-data tar-riċevuta, li tkun iffirmata mid-debitur;

b)      notifika personali attestata permezz ta’ dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li teffettwa n-notifika li tiddikjara li d-debitur ikun irċieva d-dokument jew ikun irrifjura li jirċevih mingħajr ġustifikazzjoni legali, u d-data tan-notifika;

c)      servizz postali attestat permezz ta’ konferma tar-riċeviment inkluża d-data tar-riċeviment, li tiġi ffirmata u mibgħuta lura mid-debitur;

d)      notifika permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal fax jew posta elettronika, attestata permezz tal-konferma tar-riċeviment inkluża d-data tar-riċeviment, li tiġi ffirmata u mibgħuta lura mid-debitur.

2.      Kull taħrika għal smigh tal-qorti li tkun ġiet notifikata lid-debitur skont il-paragrafu 1 jew bil-fomm fis-smigħ tal-qorti ta’ qabel dwar l-istess talba u dikjarata fil-minuti ta’ dak is-smigħ tal-qorti ta’ qabel.”

9        Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 805/2004, intitolata “Notifika mingħajr prova ta’ riċeviment mid-debitur”, jipprovdi:

“1.      In-notifikata’ dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jew xi ċitazzjoni tal-qorti lid-debitur tista’ wkoll tiġi effettwata permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

a)      notifika personali fl-indirizz personali tad-debitur lill-persuni li jkunu jgħijxu fl-istess familja bħal dik tad-debitur jew ikunu mpjegati hemm;

b)      fil-każ ta’ debitur li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, notifika personali fil-post tan-negozju tad-debitur lill-persuni li huma mpjegati mid-debitur;

c)      id-depożitu tad-dokument fil-kaxxa ta’ l-ittri tad-debitur;

d)      id-depożitu tad-dokument f’uffiċċju postali jew ma’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid fil-kaxxa ta’ l-ittri tad-debitur tan-notifika bil-miktub ta’ dak id-depożitu, kemm-il darba n-notifika bil-miktub tiddikjara b’mod ċar il-karattru tad-dokument bħala dokument tal-qorti jew l-effett legali tan-notifika bħala li teffettwa n-notifika u li jkun inbeda jiddekorri ż-żmien għall-finijiet tal-limiti taż-żmien;

e)      servizz postali mingħajr prova skont il-paragrafu 3 fejn id-debitur ikollu l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru tal-oriġini;

f)      mezzi elettroniċi attestati permezz ta’ konferma awtomatika tat-twassil, kemm-il darba d-debitur ikun espressement aċċetta dan il-metodu ta’ notifika bil-quddiem.

2.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhix ammissibbli jekk l-indirizz tad-debitur ma jkunx magħruf b’ċertezza.

3.      Notifika skont il-paragrafu 1(a) sa (d), għandha tkun attestata permezz ta’:

a)      dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li effettwat in-notifika, li jindika:

i)      il-metodu tas-servizz użat; u

ii)      id-data tas-servizz; u

iii)      fejn id-dokument ikun ġie notifikat lil persuna li ma tkunx id-debitur, l-isem ta’ dik il-persuna u r-relazzjoni tagħha mad-debitur,

jew

b)      rikonoxximent ta’ riċevuta mill-persuna notifikata, għall-finijiet tal-paragrafi 1(a) u (b).”

10      L-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Standards minimi għar-reviżjoni f’każi eċċezzjonali” huwa fformulat kif ġej:

“1.      B’żieda ma’ l-Artikoli 13 sa 18, sentenza tista’ biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk id-debitur ikollu d-dritt, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, li japplika għar-reviżjoni tas-sentenza fejn:

a)      i)     id-dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jew, fejn tapplika, iċ-ċitazzjoni, kien notifikat b’wieħed mill-metodi li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 14; u

ii)      in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

jew

b)      id-debitur ma setgħax joġġezzjona għat-talba minħabba forza maġġuri, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr xi ħtija minn-naħa tiegħu,

kemm-il darba f’kull każ huwa jaġixxi minnufih.

2.      Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ l-Istati Membri li jagħtu aċċess għal reviżjoni tas-sentenza taħt kondizzjonijiet aktar ġenerużi minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.”

11      L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 805/2004, bit-titolu “Rifjut ta’ infurzar” jipprovdi:

“1.      L-infurzar għandu, ma l-applikazzjoni mid-debitur, jiġi rifjutat mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-infurzar jekk is-sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija qabel f’xi Stat Membru jew pajjiż terz, kemm-il darba:

a)      is-sentenza preċedenti tkun involviet l-istess kawża ta’ azzjoni u kienet bejn l-istess partijiet; u li fiha:

b)      is-sentenza preċedenti ngħatat fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jew tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni; u li fiha:

ċ)      l-irrikonċiljabilità ma kienitx u ma setgħatx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċeduri tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.

2.      Taħt ebda ċirkostanzi ma għandha s-sentenza jew iċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

12      Skont l-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni li tirrelata ma’ proċeduri ta’ rimedji, lingwi u awtoritajiet”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar:

a)      proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar imsemmija fl-Artikolu 10(2) u għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 19(1);

[…]”

 Id-dritt Belġjan

13      Skont l-Artikolu 50 tal-kodiċi ġudizzjarju:

“It-termini preskrittivi ma jistgħux jitnaqqsu jew jiġu estiżi, lanqas bil-kunsens tal-partijiet, ħlief fil-każijiet u skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi.

Madankollu, jekk it-terminu stabbilit għall-appell jew għall-oppożizzjoni fl-Artikoli 1048, 1051 u 1253c(c) u (d) jibda jiddekorri u jiskadi matul il-vaganzi ġudizzjarji, jiġi estiż sal-ħmistax-il jum tas-sena ġudizzjarja li jmiss”.

14      L-Artikolu 55 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Meta l-liġi tipprovdi li jiġu estiżi t-termini mogħtija lill-parti li ma jkollhiex la domiċilju, la residenza fil-Belġju u lanqas indirizz għan-notifiki f’dan il-pajjiż, it-termini previsti għandhom jiżdiedu bi:

1       ħmistax-il jum, meta l-parti tkun tgħix f’pajjiż konfinanti jew fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja [u tal-Irlanda ta’ Fuq];

2       tletin jum, jekk tkun tgħix f’pajjiż ieħor fl-Ewropa, u

3       tmenin jum, meta tkun tgħix xi mkien ieħor fid-dinja”.

15      L-Artikolu 860 ta’ dan il-kodiċi jistipula:

“Irrispettivament mill-formalità li titħalla barra jew li ma tiġix osservata, ma jista’ jiġi ddikjarat null ebda att proċedurali jekk il-liġi ma tkunx espressament iddikjarat in-nullità.

It-termini previsti għall-preżentata ta’ appellhuma termini preskrittivi.

It-termini l-oħrajn ikunu preskrittivi biss meta l-liġi tipprevedi hekk.”

16      Skont l-Artikolu 1047 tal-istess kodiċi:

“Kull sentenza f’kontumaċja tista’ jsirilha oppożizzjoni, ħlief għall-eċċezzjonijiet previst mil-liġi.”

17      L-Artikolu 1048 tal-kodiċi ġudizzjarju jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għat-termini stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imperattivi sopranazzjonali u internazzjonali, it-terminu għall-oppożizzjoni huwa ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 792.

Jekk il-parti kontumaċi la kellha domiċilju, la residenza fil-Belġju u lanqas indirizz għal skopijiet ta’ notifika f’dan il-pajjiż, it-terminu ta’ oppożizzjoni jiġi estiż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55.”

18      L-Artikolu 1051 tal-kodiċi ġudizzjarju jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għat-termini stabbiliti fid-dispożizzjonijiet sopranazzjonali u internazzjonali, it-terminu sabiex jitressaq appell huwa ta’ xahar jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 792.

Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni wkoll għall-parti li tkun innotifikat is-sentenza.

Jekk waħda mill-partijiet li tkun ġiet innotifikata jew li tkun inħarġet notifika tad-deċiżjoni fuq talba tagħha ma jkollha la domiċilju, la residenza u lanqas indirizz għal skopijiet ta’ notifika fil-Belġju, it-terminu għall-appell għandu jiġi estiż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Imtech Marine wettqet diversi servizzi għal Radio Hellenic, u din tal-aħħar kellha tħallas għal dan ammont ta’ EUR 23 506.99. Skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Imtech Marine, klawżola penali ta’ 10 %, u interessi moratorji b’rata annwali ta’ 12 %, huwa dovuti fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas.

20      Minkejja diversi intimazzjonijiet, Radio Hellenic naqset milli twettaq l-obbligi tagħha ta’ ħlas.

21      Permezz ta’ ċitazzjoni ffirmata fil-25 ta’ Marzu 2013, Imtech Marine talbet lir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen (qorti tal-kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju) li tikkundanna lil Radio Hellenic għall-ħlas ta’ somom dovuti u li s-sentenza li fiha din il-kundanna tkun, abbażi tar-Regolament Nru 805/2004, iċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew. Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2013, dik il-qorti ddikjarat din it-talba ammissibbli u parzjalment fondata. Radio Hellenic ġiet ikkundannata fil-kontumaċja li tħallas l-ammont ta’ EUR 23 506.99, miżjuda bil-klawsola penali ta’ 10 % u interessi għal dewmien. Madankollu, l-imsemmija qorti qieset li ma tistax tiċċertifika din is-sentenza bħala ordni eżekuttiv Ewropew, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni interna adegwata.

22      Fit-3 ta’ Settembru 2013, Imtech Marine appellat kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-appell tagħha, hija titlob li s-sentenza li tingħata tkun iċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew skont ir-Regolament Nru 805/2004.

23      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni dwar jekk id-dritt Belġjan huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 805/2004 hija effettivament dibattibbli, bl-istess mod bħas-setgħat rispettivi tal-qorti u tar-reġistratur dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala titolu eżekuttiv Ewropew. In-nuqqas tal-leġiżlatur nazzjonali jista’ joħloq inċertezza ġuridika għall-persuna fil-kawża. Minkejja l-effett dirett tal-imsemmi regolament, il-qrati Belġjani juru li huma ftit disposti għal tali ċertifikazzjonijiet bħal dawn.

24      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fir-rigward tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid msemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004, it-terminu għall-preżentata ta’ appell kontra deċiżjoni mogħtija in kontumaċja jista’, fid-dritt Belġjan, jiskadi qabel ma d-debitur kien seta’ eżerċitah.

25      Kien f’dan il-kuntest li l-Hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Anwterpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li ma jiġix applikat direttament ir-Regolament Nru 805/2004 għal talbiet mhux kontestati, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 288 TFUE, peress li:

–        il-leġiżlatur Belġjan ma ttrasponiex ir-regolament iċċitat iktar ’il fuq fil-leġiżlazzjoni Belġjana u

–        il-leġiżlatur Belġjan naqas – anki jekk il-leġiżlazzjoni Belġjana tipprevedi l-oppożizzjoni u l-appell – li jistabbilixxi proċedura ta’ eżami mill-ġdid?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda negattiva, peress li regolament (KE) huwa direttament applikabbli, x’għandu jinftiehem bil-kliem ‘eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni’ fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004? Għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ eżami mill-ġdid biss fil-każ fejn tkun ġiet iffirmata jew innotifikata taħrika jew att promotur bil-mod previst fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, fi kliem ieħor mingħajr ma l-firma jew in-notifika tkun akkumpanjata minn prova li waslet? Billi tipprevedi l-oppożizzjoni skont l-Artikoli 1047 et seq tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan u l-appell skont l-Artikoli 1050 et seq tal-istess kodiċi, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma tagħtix biżżejjed garanziji sabiex tissodisfa l-kriterji tal-proċedura ta’ ‘eżami mill-ġdid’ prevista fl-Artikolu 19(1) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq?

3)      L-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, li jippermetti li jiġu pprorogati t-termini ta’ skadenza msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 860, fl-Artikoli 55 u 1048 tal-istess kodiċi f’każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi straordinarji indipendenti mill-volontà tal-persuna kkonċernata, jagħti protezzjoni biżżejjed skont l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament Nru 805/2004?

4)      Iċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux ikkontestati huwa att tal-qorti li t-talba tiegħu għandha tiġi fformulata fl-att promotur? F’każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti għandha tiċċertifika d-deċiżjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar, u r-Reġistratur għandu joħroġ iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar?

F’każ ta’ risposta negattiva, il-kompitu ta’ ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jista’ jaqa’ fuq ir-reġistratur?

5)      Fil-każ fejn iċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar ma tikkostitwixxix att tal-qorti, l-applikant – li ma jkunx uża l-att promotur sabiex jitlob l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar – jista’ sussegwentement jitlob lir-reġistratur, wara li d-deċiżjoni tkun saret res judicata, sabiex jiċċertifika d-deċiżjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar?”

26      Talba għal informazzjoni ntbagħtet lill-qorti tar-rinviju fis-7 ta’ Awwissu 2014, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fis-16 ta’ Ottubru 2014.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 805/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu, fid-dritt intern, proċedura ta’ eżami mill-ġdid kif hemm fl-imsemmi fl-Artikolu 19.

28      L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprovdi li deċiżjoni tista’ biss tiġi ċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew jekk id-debitur ikollu d-dritt, taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ l-oriġini, li jitlob eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni inkwistjoni. Issa, skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 805/2004, dan ir-regolament ma jimponix fuq l-Istati Membri li jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għall-istandards proċedurali minimi stipulati fih, lanqas, għaldaqstant, li tiġi istitwita proċedura speċifika ta’ eżami mill-ġdid fis-sens tal-imsemmi Artikolu 19.

29      L-unika konsegwenza tal-assenza ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid hija, kif jipprevedi l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 805/2004 stess, l-impossibbiltà li d-deċiżjoni tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew fil-kundizzjonijiet li din tal-aħħar issemmi.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi u irrispettivament mill-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 30(1)(a) tal-imsemmi regolament, proċedura ta’ eżami mill-ġdid li teżisti, jekk ikun il-każ, fid-dritt intern, ta’ Stat Membru li, konformement mal-kliem tal-istess regolament, jagħżel li ma jadattax il-leġiżlazzjoni tiegħu, ma tistax tikser l-Artikolu 288 TFUE.

31      Għaldaqstant għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 805/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu, fid-dritt intern, proċedura ta’ eżami mill-ġdid kif hemm fl-imsemmi fl-Artikolu 19.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

32      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, taħt liema ċirkustanzi l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jissuġġetta ċ-ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropej ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja.

33      L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jipprevedi li, fl-ipoteżijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) ta’ dan l-artikolu, deċiżjoni tista’ biss tiġi ċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew jekk id-debitur ikollu d-dritt, taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, li jitlob eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni inkwistjoni.

34      L-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 805/2005 hija dik li skontha l-att promotur jew att ekwivalenti ġie nnotifikat lid-debitur b’wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, peress li n-notifika madankollu ma saritx fi żmien utli sabiex tista’ tipprepara d-difiża tagħha, mingħajr nuqqas min-naħa tagħha.

35      Taqa’ fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament Nru 805/2004 l-ipoteżi li d-debitur ma setax jikkontesta kreditu għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew wara ċirkustanzi straordinarji, mingħajr ma kien hemm nuqqas min-naħa tiegħu. Din l-ipoteżi tista’ wkoll tikkonċerna sitwazzjoni fejn l-impediment jippersisti fl-istadju fejn huma miftuħ it-terminu għall-preżentata ta’ appell kontra d-deċiżjoni inkwistjoni.

36      Għalkemm l-Istati Membri jistgħu jkunu stabbilixxew, fid-dritt nazzjonali tagħhom, proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ deċiżjonijiet speċifika għall-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 19(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 805/2004, ma huwiex lanqas eskluż li l-proċeduri li eżistew, fi Stat Membru, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament jippermettu lid-debitur li jitlob tali eżami mill-ġdid. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 30(1)(a) tal-imsemmi regolament, il-proċeduri inkwistjoni, in-natura vinkolanti, skont l-Artikolu 288 TFUE, tal-elementi kollha ta’ dan l-istess regolament fiha l-obbligu għall-qorti adita b’talba għal ċertifikazzjoni li teżamina jekk il-kundizzjoni prevista f’dan ir-rigward fl-Artikolu 19(1) tal-istess regolament tkunx issodisfatta, jiġifieri jekk id-dritt intern jippermettix b’mod effettiv u mingħajr eċċezzjoni li ssir talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-imsemmija ipoteżijiet.

37      Kif l-Avukat Ġenerali irrileva fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn jista’ jkunu rimedji li jirrispettaw b’mod suffiċjenti d-drittijiet tad-difiża tad-debitur u d-dritt għal smigħ ġust, imsemmija fil-premessi 10 u 11 tar-Regolament Nru 805/2005, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u li r-Regolament Nru 805/2004 jirreferi għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini.

38      Issa, sabiex jiġu rrispettati l-imsemmija drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq iggarantiti mill-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hemm lok li jiġi rikjest li, sabiex jikkostitwixxu proċedura ta’ eżami mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004, interpretat fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan tal-aħħar, ir-rimedji inkwistjoni għandhom jippermettu, l-ewwel nett, eżami mill-ġdid komplet tad-deċiżjoni, fid-dritt u fil-fatt.

39      It-tieni nett, l-imsemmija rimedji għandhom jippermettu lid-debitur jinvoka waħda mill-ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 19(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, li jitlob tali eżami mill-ġdid lil hinn mit-termini ordinarji previsti mid-dritt nazzjonali sabiex issir oppożizzjoni jew isir appell mid-deċiżjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu estiżi dawn it-termini, hekk li dawn tal-aħħar jerġgħu jibdew jiddekorru, l-iktar kmieni, mill-jum meta d-debitur effettivament kellu l-possibbiltà li jieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni jew li jippreżenta appell.

40      Sabiex jintlaħqu, speċifikatament, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament Nru 805/2004, id-dritt intern għandu jippermetti tali estensjoni tat-termini għal-preżentata ta’ appell kemm f’każ ta’ forza maġġuri kif ukoll fil-preżenza ta’ ċirkustanzi straordinarji indipendenti mir-rieda tad-debitur, u mingħajr ebda nuqqas min-naħa tiegħu, peress li din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti.

41      L-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju tindika li l-ordinament Belġjan jipprovdi prinċipalment żewġ rimedji sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-oppożizzjoni, imfassla speċifikament sabiex tikkontesta s-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja, prevista fl-Artikoli 1047 et seq tal-kodiċi ġudizzjarju, u l-appell, previst fl-Artikoli 1050 et seq tal-kodiċi ġudizzjarju. Hija l-qorti tar-rinviju, li hija biss li għandha kompetenza sabiex tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha, li għandha tiġbed il-konsegwenzi tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004 mogħtija fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza u li tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfax il-kundizzjonijiet minimi ta’ proċedura li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi. F’ipoteżi bħal din, u sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra rikjesti għal dan il-għan jkunu ssodisfatti, hija din il-qorti li għandha tagħmel din iċ-ċertifikazzjoni.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġu interpretat fis-sens li, sabiex tagħmel ċertifikazzjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew ta’ deċiżjoni mogħtija f’kontumaċja, il-qorti adita b’tali talba għandha tiżgura li d-dritt intern tagħha jippermetti, effettivament u mingħajr eċċezzjoni, eżami mill-ġdid komplet, fid-dritt u fil-fatt, ta’ tali deċiżjoni fiż-żewġ ipoteżijiet ta’ din id-dispożizzjoni u li jippermetti li jkunu estiżi t-termini sabiex isir appell kontra deċiżjoni dwar talba mhux kontestata, mhux biss fil-każ ta’ forza maġġuri, iżda wkoll meta ċirkustanzi straordinarji oħra, indipendenti mir-rieda tad-debitur, impedew lil dan tal-aħħar li jikkontesta l-kreditu inkwistjoni.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

43      Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew hija ta’ natura ġudizzjarja, u għaldaqstant irriżervata lill-qorti, li għandha tintalab fl-att promotur.

44      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jipprovdi li t-talba għal-ċertifikazzjoni, bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew, ta’ deċiżjoni dwar kreditu mhux ikkontestat għandha issir lill-qorti ta’ oriġini, mingħajr ma jispeċifika li, fi ħdan din il-qorti, hija kompetenti sabiex tagħti tali ċertifikazzjoni.

45      Madankollu, fid-dawl tal-istruttura tar-Regolament Nru 805/2004, huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn iċ-ċertifikazzjoni fil-veru sens tal-kelma ta’ deċiżjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew u l-att formali ta’ ħruġ taċ-ċertifikat li jsemmi l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-att formali, wara li ġiet adottata d-deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew ġiet adottata, ma huwiex neċessarjament att li għandu jsir mill-qorti, hekk li jista’ jiġi fdati lir-reġistratur tal-qorti.

46      Għall-kuntrarju, iċ-ċertifikazzjoni fil-veru sens tal-kelma tirrikjedi eżami ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 805/2004.

47      Fil-fatt, il-kwalifiki ġuridiċi ta’ qorti huma essenzjali sabiex jiġu evalwati korrettement, f’kuntest ta’ inċertezza dwar l-osservanza ta’ standards minimi li jiżguraw ir-rispett tad-difiża tad-debitur u d-dritt għal smigħ ġust, ir-rimedji interni konformement mal-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, hija biss qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE li tista’ tiżgura li, permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istandards minimi stabbiliti mir-Regolament Nru 805/2004 ikunu suġġetti għal interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi fl-Unjoni Ewropea.

48      Dwar il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew għandiex tintalab fl-att promotur, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 805/2004 jipprovdi li deċiżjoni fuq kreditu mhux ikkontestata mogħtija fi Stat Membru hija, fuq talba indirizzata fi kwalunkwe żmien lill-qorti ta’ oriġini, iċċertifikata bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew.

49      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi rikjest li t-talba għal ċertifikazzjoni tiġi fi kwalunkwe ipoteżi ppreżentata fl-att promotur ikun illoġiku peress li dak iż-żmien xorta ma jistax ikun magħruf jekk il-kreditu huwiex ser jiġi kkontestat jew le u jekk, għaldaqstant, id-deċiżjoni mogħtija fit-tmiem ta’ din il-proċedura hijiex se tosservax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi ċċertifikata bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domanda preliminari li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew, li tista’ tintalab f’kull mument, għandha tiġi rriżervata lill-qorti.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati, moqri fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu, fid-dritt intern, proċedura ta’ eżami mill-ġdid kif hemm fl-imsemmi fl-Artikolu 19.

2)      L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġu interpretat fis-sens li, sabiex tagħmel ċertifikazzjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew ta’ deċiżjoni mogħtija f’kontumaċja, il-qorti adita b’tali talba għandha tiżgura li d-dritt intern tagħha jippermetti, effettivament u mingħajr eċċezzjoni, eżami mill-ġdid komplet, fid-dritt u fil-fatt, ta’ tali deċiżjoni fiż-żewġ ipoteżijiet ta’ din id-dispożizzjoni u li jippermetti li jkunu estiżi t-termini sabiex isir appell kontra deċiżjoni dwar talba mhux kontestata, mhux biss fil-każ ta’ forza maġġuri, iżda wkoll meta ċirkustanzi straordinarji oħra, indipendenti mir-rieda tad-debitur, impedew lil dan tal-aħħar li jikkontesta l-kreditu inkwistjoni.

3)      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew, li tista’ tintalab f’kull mument, għandha tiġi rriżervata lill-qorti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.