Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2013 – Zavvar vs Il-Kunsill

(Kawża T-69/12) 1

(“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-Iran sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Irtirar mil-lista tal-persuni kkonċernati – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Seyed Hadi Zavvar (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: S. Zaiwalla, P. Reddy u F. Zaiwalla, solicitors, D. Wyatt, QC, u R. Blakeley, barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Driessen u I. Rodios, aġenti)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tal-punt 22 tat-tabella A tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, (ĠU L 319, p. 71), tal-punt 22 tat-tabella A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent, u min-naħa l-oħra, talba għal dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), u tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), għar-rikorrent.

Dispożittiv

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors..

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1 ĠU C 109, 14.04.2012.