Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fid-9 ta’ Novembru 2023 – IL vs Veracash SAS

(Kawża C-655/23, Veracash)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IL

Konvenut: Veracash SAS

Domandi preliminari

L-Artikoli 56, 58, 60 u 61 tad-Direttiva 2007/64/K tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE 1 , għandhom jiġu interpretati dis-sens li min iħallas huwa mċaħħad mid-dritt għar-rimbors tal-ammont ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata meta jkun dam biex jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu dwar it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, minkejja li jkun għamel dan fit-tlettax-il xahar wara d-data ta’ debitu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, iċ-ċaħda tad-dritt ta’ min iħallas għar-rimbors hija suġġetta għall-fatt li d-dewmien fin-notifikazzjoni huwa intenzjonali jew huwa r-riżultat ta’ negliġenza serja min-naħa ta’ min iħallas?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, min iħallas jiġi mċaħħad mid-dritt għar-rimbors tat-tranżazzjonijiet kollha mhux awtorizzati jew biss mid-dritt għar-rimbors ta’ dawk li setgħu ġew evitati li kieku ma kienx hemm dewmien fin-notifikazzjoni?

____________

1 ĠU 2007, L 319, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5.