Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof - il-Ġermanja) – Technische Universität Darmstadt vs Eugen Ulmer KG

(Kawża C-117/13) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Artikolu 5(3)(n) – Użu għal skop ta’ riċerka jew studju privat ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor – Ktieb imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri individwi tal-pubbliku permezz ta’ terminals speċjalizzati f’librerija aċċessibbli għall-pubbliku – Kunċett ta’ xogħol li ma huwiex suġġett għal ‘kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar’ – Dritt tal-librerija li tiddiġitalizza xogħol li jagħmel parti mill-kollezzjoni tagħha sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ terminals speċjalizzati – Tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol permezz ta’ terminals speċjalizzati li jippermettu l-istampar fuq il-karta jew il-ħażna tiegħu fuq USB stick)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Technische Universität Darmstadt

Konvenuta: Eugen Ulmer KG

Dispożittiv

Il-kunċett ta’ “termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzarˮ, li jinsab fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li huwa jimplika li d-detentur ta’ drittijiet u stabbiliment, bħal librerija aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu kkonkludew kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu tax-xogħol ikkonċernat li jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom dan l-istabbiliment jista’ juża dan ix-xogħol.

L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2)(ċ) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħti lil-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet li jagħmlu parti mill-kollezzjonijiet tagħhom, jekk dan l-att ta’ riproduzzjoni jkun neċessarju għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ dawn ix-xogħlijiet, permezz ta’ terminals speċjalizzati, fil-bini ta’ dawn l-istabbilimenti.

L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix atti bħall-istampar ta’ xogħlijiet fuq il-karta jew il-ħażna tagħhom fuq USB stick, imwettqa minn utenti minn terminals speċjalizzati installati f’libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, tali atti jistgħu, skont il-każ, ikunu awtorizzati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) jew (b) ta’ din id-direttiva, sakemm f’kull każ ineżami, il-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

____________

1 ĠU C 171, 15.06.2013.