Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2023 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-450/21, Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-729/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: I. Herranz Elizalde, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-450/21, u

tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża billi tilqa’ t-talba għall-annullament ippreżentata kontra d-deċiżjoni taħt appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju:

Ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat 640/2014 1 , tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat 639/2014 2 u tal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 .

Żball fid-deskrizzjoni tal-aġir inkwistjoni u l-kuntest ġuridiku applikabbli. Is-sentenza fiha żball fid-definizzjoni tal-aġir inkwistjoni billi tinjora l-element ta’ “talba għall-għajnuna” u billi tiddefinixxi l-kuntest ġuridiku mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni li hemm regoli speċifiċi li jimponu sanzjonijiet għan-notifiki tardivi tal-movimenti tal-annimali.

Żball fil-konklużjoni li t-talba għall-għajnuna fir-rigward ta’ annimali eliġibbli għal għajnuna hija aġir li jista’ jiġi ssanzjonat: i) assenza ta’ motivazzjoni. ii) Żball fl-applikazzjoni tal-interpretazzjoni litterali, kuntestwali u storika. iii) Żball fid-determinazzjoni tal-għan tar-regoli interpretati u fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effett utli: l-għan tar-regola kkontestata kien il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u s-sanzjonijiet ikkontestati ma kinux neċessarji għall-imsemmi għan, u għalhekk kienu sproporzjonati. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet ikkontestati jċaħħdu l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat 639/2014 mill-effett utli tiegħu. iv) Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”): dan huwa għaliex is-sentenza tassimila l-aġir sanzjonabbli u l-għan tar-regola kkontestata mal-aġir u l-għan ta’ regoli ta’ sanzjonar oħrajn. v) Żball f’li r-riforma tal-2021 titqies bħala dispożizzjoni ta’ sanzjonar inqas severa, u sussidjarjament ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta billi ma ġietx applikata retroattivament.

Żball fil-konklużjoni li t-talba għall-għajnuna tinkludi annimali li r-reġistru tal-annimali juri li huma inammissibbli: ksur tal-punt (19) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat 640/2014 u tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament 809/2014 1 .

It-tieni aggravju:

Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ legalità tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Is-sentenza tiddeduċi l-obbligu li jiġu imposti sanzjonijiet minn raġunament analogu. Il-kuntest legali ma kienx ċar biżżejjed sabiex jiġi affermat li l-aġir inkwistjoni għandu jiġi ssanzjonat.

It-tielet aggravju:

Ksur tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, assenza ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 34(3) sa (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 809/2014.

Ksur tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva: ma ttieħdet ebda deċiżjoni fuq l-allegazzjonijiet dwar l-ewwel parti ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja.

Assenza ta’ motivazzjoni: l-aġir inkwistjoni ma huwiex previst fir-regola applikata. Ma huwiex spjegat b’liema mod Spanja kisret l-imsemmija regola.

Ksur tal-Artikolu 34(3) sa (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 809/2014. Ma huwa impost l-ebda obbligu konkret li r-rata ta’ erruri tal-kampjun aleatorju għandha dejjem tkun inqas minn dik tal-kampjun ibbażat fuq ir-riskju.

Ir-raba’ aggravju:

Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn aġenziji tal-pagamenti: is-sentenza tfixkel il-prova ta’ sitwazzjoni paragunabbli u trattament differenzjat mal-ġustifikazzjoni ta’ din tal-aħħar, u fiha żball billi timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja l-oneru tal-prova li t-trattament differenzjat ma kienx ġustifikat.

____________

1 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).

1 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).

1 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69).