Language of document : ECLI:EU:C:2012:234

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-24 ta’ April 2012 (1)

Kawża C‑128/11

Axel W. Bierbach, kuratur ta’ falliment ta’ UsedSoft GmbH

vs

Oracle International Corp.

[talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter — Direttiva 2009/24/KE — Kummerċjalizzazzjoni ta’ softwer użat imniżżel mill-internet — Eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni”






1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (2).

2.        Id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn UsedSoft GmbH, Axel W. Bierbach, fil-kwalità tiegħu ta’ kuratur ta’ falliment ta’ din il-kumpannija (3) u Oracle International Corp. (4) wara l-kummerċjalizzazzjoni minn UsedSoft ta’ softwer “użat” ta’ Oracle.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

3.        L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan it-Trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (5).

4.        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi Trattat il-programmi tal-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Bern. Il-protezzjoni stabbilita tapplika għall-programmi tal-kompjuter, indipendentement mill-mod jew mill-għamla tal-espressjoni tagħhom.

5.        L-Artikolu 6 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“1)      Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2) Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ ta’ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur.”

6.        Fid-dikjarazzjonijiet komuni dwar it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, hemm iddikjarat dwar l-Artikoli 6 u 7:

“Kif użati f’dawn l-Artikoli, l-espressjonijiet “kopji” u “oriġinali u kopji” bħala suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self b’renta taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2009/24

7.        Id-Direttiva 2009/24 tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (6).

8.        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/24, “l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi”.

9.        L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Atti ristretti”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. In kwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter ikun hemm bżonn din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

b)      it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

c)      kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu;

2.      L-ewwel bejgħ [fl-Unjoni Ewropea] ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”

10.      L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija Direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”, jipprovdi:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.”

2.      Id-Direttiva 2001/29

11.      Il-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (7) jipprovdu:

“(28) Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. Drittijiet għall-awturi rigward kiri u self ġew stabbiliti fid-Direttiva 92/100/KEE. [(8)].Id-dritt ta’ distribuzzjoni li hemm provdut dwaru f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kiri u self li hemm fil-Kapitolu I ta’ dik id-Direttiva.

(29)      Il-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari. Din tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. Għalhekk, l-istess japplika għall-kiri jew self ta’ l-oriġinal u kopji ta’ xogħolijiet jew suġġett ieħor li huma servizzi fin-natura tagħhom. Differenti minn CD-ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil-medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk.”

12.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[...]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

13.      Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni [fl-Unjoni] m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ [proprjetà] [fl-Unjoni] ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

C –    Id-dritt nazzjonali

14.      L-Artikoli 69c u 69d tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte), tad-9 ta’ Settembru 1965 (9), fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jittrasponu fid-dritt intern, fir-rigward tal-ewwel, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, u fir-rigward tat-tieni, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/24.

15.      L-Artikolu 69c tal-UrhG jipprovdi:

“It-titulari tad-dritt għandu d-dritt esklużiv li jwettaq jew li jawtorizza:

1.      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter, totalment jew parzjalment, bi kwalunkwe mezz u forma. Sa fejn il-ikkargar, il-wiri, it-tħaddim, it-trażmissjoni jew il-ħażna tal-programm tal-kompjuter jeħtieġu tali riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mit-titulari;

2.      it-traduzzjoni, l-addattament, l-arranġament u kwalunkwe bidla oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom. Id-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm huma rriżervati;

3.      kull forma ta’ distribuzzjoni, inkluż il-kiri, lill-pubbliku tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew ta’ kopji tiegħu. Jekk kopja ta’ programm tal-kompjuter tiġi ddistribwita permezz ta’ bejgħ fit-territorju [tal-Unjoni] jew ta’ Stat ieħor kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (10)] bl-awtorizzazzjoni tat-titulari, id-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt tal-kiri, huwa eżawrit;

4.      kull komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ programm tal-kompjuter, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku ta’ dan il-programm b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

16.      L-Artikolu 69d(1) tal-UrhG jipprovdi li:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 69c ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni mit-titulari tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min huwa awtorizzat juża kopja tal-programm skont il-finalità tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żbalji.”

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

17.      Oracle tiżviluppa u tiddistribwixxi softwer tal-informatika. Hija t-titulari tad-drittijiet tal-awtur ta’ użu esklużiv ta’ dawn il-programmi kif ukoll tat-trade marks verbali Ġermaniżi u Komunitarji “Oracle” li huma rreġistrati, fost oħrajn, għal softwer tal-informatika.

18.      Oracle tiddistribwixxi s-softwer tagħha, f’85 % tal-każijiet, permezz ta’ tniżżil minn fuq l-internet. Il-klijent iniżżel is-softwer direttament fuq il-kompjuter tiegħu, minn fuq is-sit internet ta’ Oracle. Il-programmi huma softwer li jiffunzjona skont il-modalità “klijent/server”. Id-dritt ta’ użu li jikkonċernahom jinkludi d-dritt li s-softwer jinħażen b’mod permanenti fuq server u li jippermetti lil ċertu numru ta’ utenti jaċċedu għalih billi jniżżluh fuq memorja ċentrali tal-workstation tagħhom. Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ manutenzjoni, verżjonijiet aġġornati tas-softwer (updates) u tal-programmi li jippermettu li jiġu kkoreġuti żbalji (patches) ikunu jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit internet ta’ Oracle.

19.      Il-kuntratti ta’ liċenzji ta’ Oracle jinkludu, taħt it-titolu “Dritt konċess”, il-klawżola li ġejja:

“Il-pagament tas-servizzi jagħtik id-dritt ta’ użu għal żmien indeterminat, mhux esklużiv, mhux trasferibbli u gratuwitu, irriżervat għal użu professjonali intern, tal-prodotti u servizzi kollha li Oracle tiżviluppa u tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek abbażi ta’ dan il-kuntratt.”

20.      UsedSoft, li tikkumerċjalizza liċenzji ta’ softwer “użat”, ipproponiet, fix-xahar ta’ Ottubru 2005, liċenzji ta’ Oracle “diġà użati”, billi indikat li dawn kienu aġġornati, fis-sens li l-kuntratt ta’ manutenzjoni sottoskritt minn min akkwista l-liċenzja inizjalment mingħand Oracle kien għadu validu u li l-legalità tal-bejgħ kienet ġiet ikkonfermata permezz ta’ ċertifikat notarili.

21.      Il-klijenti ta’ UsedSoft, li kien għad ma għandhomx is-softwer ikkonċernat ta’ Oracle, kienu jniżżlu, wara li jkunu akkwistaw liċenzja “użata”, dan is-softwer direttament minn fuq is-sit internet ta’ Oracle. Il-klijenti li diġà kellhom l-imsemmi softwer u li kienu xtraw liċenzji addizzjonali għal utenti supplimentari, kienu jniżżlu s-softwer għal fuq il-memorja ċentrali tal-workstations ta’ dawk l-utenti l-oħra.

22.      Wara li Oracle kienet ippreżentat kawża quddiem il-Landgericht München I sabiex twaqqaf dawn il-prattiki, din il-qorti laqgħet it-talba tagħha. Peress li l-appell ippreżentat minn UsedSoft kontra din id-deċiżjoni kien ġie miċħud, hija sussegwentement ippreżentat appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja).

III – Id-domandi preliminari

23.      Il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-persuna li tista’ tinvoka eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter hija “persuna li tikseb legalment” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 [...]?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter hija eżawrita, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 [...], meta l-persuna li tikseb tkun wettqet il-kopja bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet?

3)      Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-persuna li tikseb liċenzja ta’ softwer “użata”, tista’ wkoll tinvoka, għat-twettiq ta’ kopja ta’ programm bħala “persuna li tikseb legalment”, skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE […], l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter li l-ewwel persuna li tikseb legalment, bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, tkun wettqet billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet, jekk l-ewwel persuna li tikseb legalment tkun neħħiet il-kopja tagħha jew ma tużahiex iktar?”

IV – Analiżi tiegħi

A –    L-osservazzjonijiet preliminari

24.      Il-qorti tar-rinviju tassumi li l-klijenti ta’ UsedSoft, billi jniżżlu l-programmi tal-kompjuter mis-sit internet ta’ Oracle jew minn sostenn informatiku għal fuq il-memorja ċentrali ta’ kompjuters addizzjonali, iwettqu atti ta’ riproduzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2009/24, li jimpinġu fuq id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ta’ Oracle. Barra minn hekk, peress li l-kundizzjonijiet tal-liċenzja ta’ Oracle jispeċifikaw li d-dritt ta’ użu “mhux trasferibbli”, il-Bundesgerichtshof tirrileva li l-klijenti ta’ Oracle ma setgħux validament jittrasferixxu d-dritt ta’ riproduzzjoni lil UsedSoft li, konsegwentement, ma setgħetx tittrasferixxihom lill-klijenti tagħha stess.

25.      Minn dan il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-klijenti ta’ UsedSoft jistgħux jinvokaw l-Artikolu 69d(1) tal-UrhG, li jittrasponi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 fid-dritt Ġermaniż, filwaqt li jeżenta mill-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-dritt ir-riproduzzjoni neċessarja sabiex tippermetti lil min jiksbu legalment juża l-programm ta’ kompjuter b’mod konformi mal-finalità tiegħu.

26.      Skont il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tinqasam fi tliet sottodomandi dwar, l-ewwel waħda, il-kwalità ta’ “min jiksbu legalment” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, tal-persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt distribuzzjoni, it-tieni, il-kwistjoni dwar jekk hemmx l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni f’każ li kopja tal-programm titniżżel mill-internet bl-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-dritt, u t-tielet, dwar il-possibbiltà għal min ikun kiseb liċenzja użata li jinvoka dan l-eżawriment meta l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma baqax jużaha.

27.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni domanda biss f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jien tal-fehma li għandha l-ewwel nett tingħata risposta għal din id-domanda. Fil-fatt, qabel ma neżaminaw jekk il-persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “min jikseb legalment” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, għad irid jiġi rrilevat jekk it-tniżżil tal-programmi ta’ Oracle minn persuna residenti fit-territorju tal-Unjoni għandux l-effett li jwassal għall-eżawriment “Komunitarju” tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-programmi, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Din id-domanda, li tittratta l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju tal-eżawriment japplikax għat-tniżżil mill-internet, għandha titqies domanda preliminari.

28.      Sussegwentement, ser neżamina l-ewwel u t-tielet domandi flimkien, li jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk min jikseb liċenzja użata jistax, abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja tal-programm tal-kompjuter imniżżel mill-ewwel akkwirent sabiex iwettaq, bħala akkwirent legali, kopja ġdida tal-programm fil-każ fejn l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma jibqax jużaha.

B –    Fuq it-tieni domanda

29.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter huwiex eżawrit, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, meta l-akkwirent iwettaq il-kopja, bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt, billi jniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet.

1.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-Gvernijiet u tal-Kummissjoni Ewropea

30.      UsedSoft ssostni prinċipalment li l-kliem tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jippermetti li tiġi applikata r-regola tal-eżawriment għal trasferimenti online ta’ softwer, peress li, min-naħa, il-frażi “kopja ta’ programm” tista’ tinftiehem bħala proċess li jippermetti lill-akkwirent jirreġistra l-programm u li, min-naħa l-oħra, il-frażi l-“ewwel bejgħ” ma timplikax it-trasferiment tal-proprjetà fil-forma ta’ distribuzzjoni ta’ sostenn informatiku, peress li dak li jgħodd huwa pjuttost l-għan ekonomiku finali tat-tranżazzjoni, li huwa l-programm ikun jista’ jintuża b’mod permanenti. Filwaqt li ssostni li l-bejgħ ser ikun ikkaratterizzat, indipendentement mid-distribuzzjoni ta’sostenn informatiku, mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dritt ta’ użu għal żmien indeterminat u kontra ħlas ta’ somma f’daqqa, UsedSoft targumenta li mill-kliem tad-Direttiva 2009/24 jirriżulta li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jseħħ fil-mument li l-klijent ta’ Oracle iwettaq kopja bil-kunsens tat-titulari tad-dritt billi jniżżel il-programm fuq sostenn informatiku.

31.      UsedSoft issostni wkoll li din l-interpretazzjoni, ibbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, hija sostnuta mill-għan tar-regola tal-eżawriment, li huwa li jinstab bilanċ bejn l-interessi ekonomiċi tal-awtur fir-rigward tal-isfruttament tax-xogħol tiegħu u l-interess tal-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi. Peress li hija tqis li f’kaz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni permanenti ta’ softwer permezz ta’ ħlas ta’ somma, it-titulari tad-dritt għandu il-possibbiltà jisfrutta kummerċjalment ix-xogħol kreattiv tiegħu bil-bejgħ tal-oġġett protett, UsedSoft tikkunsidra li dan l-awtur ma jistax jiddeċiedi jekk japplikax il-prinċipju tal-eżawriment billi jagħżel bejn żewġ modi ta’ distribuzzjoni li huma madankollu strettament ekwivalenti minn perspettiva ekonomika. Jekk dan ikun il-każ, jirriżulta monopolju ta’ distribuzzjoni li r-regola tal-eżawriment għandha proprju l-għan li tevita. Jekk jitqies li t-tranżazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizzi, il-prinċipju tal-eżawriment jibqa’ applikabbli, peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija wkoll parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.

32.      UsedSoft tippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-eżawriment għall-forom ta’ tranżazzjonijiet tipikament intanġibbli, bħad-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni, ta’ eżekuzzjoni jew ta’ xandir, mhux minħabba n-natura intanġibbli tagħhom, iżda għaliex dawn id-drittijiet jagħtu lok għall-ħlas ta’ miżata għal kull użu u, konsegwentement, l-interessi ekonomiċi tal-awtur ma jiġux issoddisfatti bl-ewwel tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni.

33.      UsedSoft issostni li ebda argument f’sens kuntrarju ma jista’ jinsilet mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29 jew mill-premessa 29 ta’ din id-direttiva, li jindirizzaw biss il-każ speċjali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi għal użu ad hoc għal żmien limitat għall-konnessjoni mas-server tal-awtur. B’differenza għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi għal użu permanenti permezz ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa, servizzi intiżi li jiġu pprovduti ripetutament bi ħlas ma jistgħux jissodisfaw l-interessi ekonomiċi tat-titulari tad-dritt meta jiġu pprovduti għall-ewwel darba.

34.      Oracle tqis li t-tniżżil ta’ kopji tal-programmi tal-kompjuter ma jikkostitwixxix bejgħ, peress li r-remunerazzjoni ma tintalabx għas-sempliċi tniżżil tal-programm, iżda titħallas abbażi tal-kuntratt tal-liċenzja, bħala korrispettiv għad-dritt ta’ użu mogħti b’dan il-kuntratt. Meta jiġi konkluż kuntratt ta’ manutenzjoni, l-ewwel akkwirent ma jistax ibigħ il-verżjoni li kien niżżel oriġinarjament, iżda biss verżjoni differenti, kompluta u aġġornata.

35.      Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et (11), għad-dikjarazzjonijiet komuni dwar it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur kif ukoll għar-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-implementazzjoni u l-effetti tad-Direttiva 91/250, tal-10 ta’ April 2000 (12), Oracle ssostni wkoll li jista’ jkun hemm eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni biss fil-każ ta’ trasferiment ta’ proprjetà ta’ oġġett tanġibbli, u dan jeskludi t-tranżazzjoni, totalment immaterjali, tat-tniżżil. Skont din il-kumpannija, “kopja ta’ programm”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 tista’ biss tkun oġġett fiżiku, jiġifieri “prodott”. Dan il-kunċett huwa konformi mas-sens u mal-finalità tal-prinċipju tal-eżawriment, li għandu l-għan li jiżgura l-moviment liberu ta’ kopji fiżiċi li jkunu tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni minn qabel bil-kunsens tat-titulari tad-drittijiet, u mhux li jirrendi adegwati għaċ-ċirkulazzjoni kopji li nħolqu mill-utent innifsu.

36.      Oracle tosserva, fi kwalunkwe każ, li, anki jekk ikollha tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni li jirriżulta meta jitniżżel programm ma jawtorizzax lill-ewwel akkwirent jittrażmetti l-kopja għal lejn sostenn ieħor. Dan jippermettilu biss li jittrasferixxi materjalment is-sostenn innifsu, li jkun jeħtieġ, pereżempju, li huwa jneħħi d-diska li fuqha huwa jkun niżżel il-programm.

37.      Oracle tispjega li ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk il-programm ta’ kompjuter ikunx inkiseb bl-akkwiżizzjoni ta’ CD-ROM jew billi jitniżżel online peress li, fiż-żewġ każijiet, l-użu tal-kopja tal-programm tippreżumi l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja.

38.      Il-Gvernijiet ta’ Spanja u ta’ Franza, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern Taljan isostnu li d-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ programm ta’ kompjuter ikun eżawrit biss meta l-kopja ta’ dak il-programm titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni b’mod tanġibbli. Il-Gvern Franċiż, l-Irlanda u l-Gvern Taljan jibbażaw ruħhom fuq il-qafas leġiżlattiv li fid-dawl tiegħu għandha tiġi interpretata d-Direttiva 2009/24, b’mod partikolari fuq id-Direttiva 2001/29.

39.      L-Irlanda ssostni, barra minn hekk, li anki jekk il-liċenzja mogħtija mit-titulari tad-dritt għandha tiġi kklassifikata bħala bejgħ, il-kopji li fir-rigward tagħhom ingħatat il-liċenzja ma humiex dawk li jitniżżlu jew jinkisbu minn subakkwirent. Hija tfakkar li r-regola tal-eżawriment, li żviluppat fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija, ma għandhiex l-effett li teżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni tat-titulari ta’ privattiva fir-rigward ta’ lottijiet oħra minbarra dawk li jkunu ġew ikkummerċjalizzati bil-kunsens tiegħu. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1985, Pharmon (13), l-Irlanda tqis li l-każ tal-kawża preżenti huwa simili għas-sitwazzjoni li fiha prodotti jkunu ġew ikkummerċjalizzati abbażi ta’ liċenzja obbligatorja. Hija żżid li l-awtorizzar tal-użu ta’ liċenzji mingħajr il-kunsens tat-titulari tad-dritt huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-innovazzjoni u jippreġudika l-interessi leġittimi tal-awtur tal-programm.

40.      Il-Gvern Franċiż iżid mal-argumenti bbażati fuq il-kuntest leġiżlattiv fid-dritt tal-Unjoni numru ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt internazzjonali u fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (14). Huwa jargumenta li ma jistax ikun hemm eżawriment f’każ ta’ tniżżil peress li hemm inkwistjoni offerta permezz ta’ servizz online u jsostni li l-kuntratt ta’ manutenzjoni huwa, evidentement, wieħed ta’ provvista ta’ servizzi.

41.      Il-Gvern Taljan, li jqis li għandha ssir distinzjoni bejn l-istatus ta’ proprjetarju ta’ kopja tas-softwer u l-istatus ta’ utent li huwa awtorizzat juża s-softwer bis-saħħa ta’ liċenzja, jargumenta li, sa fejn, f’każ ta’ trasmissjoni online ta’ kopja elettronika ta’ softwer, id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa irrilevanti, il-limitu rappreżentat mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni huwa inapplikabbli. Huwa jikkunsidra li approċċ differenti jikkomprometti l-protezzjoni tas-softwer skont id-dritt tal-Unjoni.

42.      Il-Kummissjoni, li tfakkar li l-kawża tikkonċerna, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ mill-ġdid ta’ programm ta’ kompjuter huwiex awtorizzat u jekk id-drittijiet tat-titulari humiex eżawriti meta l-programm ta’ kompjuter jitqiegħed għad-dispożizzjoni sabiex jitniżżel minn fuq server b’kundizzjonijiet li jillimitaw id-drittijiet tal-utent li jittrażmetti l-programm lil oħrajn, tqis li jirriżulta mhux biss mill-premessa 28 tad-Direttiva 2001/29, iżda wkoll mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, u mid-dikjarazzjonijiet komuni li jikkonċernaw dan it-Trattat, li t-traspożizzjoni tiegħu hija waħda mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, li l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2009/24, minkejja l-kliem tiegħu, ma jkoprix id-distribuzzjoni ta’ xogħol mhux inkorporat f’oġġett materjali, li jkun kopert biss mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li d-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva ma jiġix eżawrit, peress li l-premessa 29 tikkonferma, barra minn hekk, li l-kwistjoni tal-eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi inġenerali u ta’ servizzi online b’mod partikolari.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

43.      Il-prinċipju tal-eżawriment, li joħroġ mid-dritt Ġermaniż u Amerikan (15), huwa intiż sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni neċessarja tad-drittijiet intellettwali, li jikkonferixxu fil-prinċipju lit-titulari tagħhom monopolju ta’ użu, u r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija. Dan il-prinċipju, li jillimita d-dritt esklużiv tat-titulari tal-proprjetà intellettwali għall-ewwel tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni tal-prodott kopert bid-dritt inkwistjoni, huwa “l-espressjoni […] tal-idea ġuridika [...] li [dan] id-dritt ma jippermettix li wieħed jipprekludi d-distribuzzjoni ta’ prodott awtentiku, ladarba dan ikun tqiegħed fis-suq” (16).

44.      L-għan ta’ ħolqien ta’ żona mingħajr fruntieri interni wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintegra din ir-regola fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon (17), hija ddikjarat li “l-eżerċizzju, minn manifattur ta’ sostenni tal-ħoss, tad-dritt esklużiv ta’ tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni tal-oġġetti protetti li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, sabiex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni f’dan l-Istat ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq minnu stess jew bil-kunsens tiegħu fi Stat Membru ieħor, għar-raġuni biss li dan it-tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni ma kienx seħħ fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, jikser ir-regoli li jipprevedu l-moviment liberu tal-prodotti fis-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

45.      Bis-saħħa tar-regola tal-eżawriment, it-titulari tad-drittijiet intellettwali li jqiegħed l-prodotti tiegħu għaċ-ċirkulazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru jitlef il-possibbiltà li jinvoka l-monopolju tiegħu ta’ użu sabiex jopponi l-importazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor. Din ir-regola hija ġġustifikata, ekonomikament, mill-kunsiderazzjoni li t-titulari tad-drittijiet paralleli ma jistax jieħu profitt indebitu mill-użu tad-dritt tiegħu, li jkun il-każ jekk huwa jkun jista’ jibbenefika mill-vantaġġ ekonomiku li jingħatalu kull darba li hemm moviment lejn fruntiera interna fl-Unjoni.

46.      Il-prinċipju ta’ eżawriment, li għandu oriġini ġudizzjarja, ġie adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li għamel riferiment għalih f’diversi direttivi, b’mod partikolari dwar it-trademarks (18), id-databases (19), il-varjetajiet tal-pjanti (20), id-dritt tal-kiri u ta’ xiri ta’ xogħlijiet protetti (21), id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u programmi tal-kompjuter. Għalkemm il-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tifforma d-“duttrina tal-eżawriment Komunitarju”, li tista’ tiġi applikata b’mod uniformi għad-drittijiet kollha ta’ proprjetà intellettwali, il-fatt jibqa’ li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-portata tar-regola jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv abbażi tal-karatteristiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni u tad-dispożizzjonijiet partikolari li jirregolawh.

47.      Fir-rigward b’mod partikolari tal-programmi tal-kompjuter, ir-regola ta’ eżawriment hija stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24, li ttenni l-kliem tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250 filwaqt li taqsam dan l-Artikolu f’żewġ paragrafi distinti.

48.      Filwaqt li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24 jiddistingwi minn fost id-drittijiet esklużivi tal-awtur tal-programm, id-dritt ta’ riproduzzjoni permanenti jew temporanja, id-dritt ta’ pproċessar u d-dritt li jwettaq jew jawtorizza “kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinal tal-kompjuter jew kopji tiegħu”, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-eżawriment japplika biss għad-dritt ta’ distribuzzjoni, bl-eċċezzjoni tad-“dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri [ulterjuri] tal-programm”. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa biss id-dritt ta’ distribuzzjoni li huwa suġġett għall-eżawriment, u mhux id-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ pproċessar. Barra minn hekk, għalkemm id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa ddefinit b’mod wiesa’, forma waħda biss ta’ distribuzzjoni, il-bejgħ, twassal għall-applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment, filwaqt li, ladarba din ir-regola tkun daħlet fis-seħħ, l-effetti tagħha jestendu għal kull forma ta’ distribuzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kiri.

49.      Il-mistoqsija dwar jekk ir-regola ta’ eżawriment, kif ifformulata fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, tistax tinkludi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ softwer “użat” imniżżel mill-internet qajmet kontroversji importanti fost l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-Ġermanja (22), liema kontroversja hija riflessa, fl-Istati Uniti, fid-diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-“first sale doctrine” fil-qasam diġitali (23).

50.      Peress li l-eżawriment huwa suġġett għall-ewwel “bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter” fl-Unjoni mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk dan il-kunċett li, fl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/24, qajjem mistoqsijiet numerużi (24), għandux jiġi interpretat b’mod uniformi.

51.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżit tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment speċifiku għal-liġi tal-Istati Membri sabiex tiddetermina t-tifsira u l-għan tagħha għandha normalment tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni(25). Peress li d-Direttiva 2009/24 ma tagħmel ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-sinjifikat li għandu jingħata lill-frażi “bejgħ ta’ kopja”, din għandha titqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tindika kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-termini tagħha u l-kuntest li fih hija tintuża kif ukoll l-għanijiet mixtieqa kemm mid-Direttiva kif ukoll mid-dritt internazzjonali (26).

52.      Mill-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2009/24 jirriżulta li din għandha l-għan li telimina d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jippreġudika b’mod sinjifikanti s-suq intern. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (27), li l-kunċett ta’ kunsens, li jikkostitwixxi element deċiżiv tat-tmiem tad-dritt esklużiv, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi sabiex jintlaħaq l-għan tal-“istess protezzjoni skont is-sistemi legali tal-Istati Membri” (28), hekk ukoll għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar il-bejgħ ta’ programm ma għandhiex tvarja skont interpretazzjonijiet differenti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti.

53.      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, jistax japplika għal ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

54.      Oracle issostni li r-remunerazzjoni mitluba mingħand il-klijent ma hijiex sempliċement għat-tniżżil tal-programm u lanqas sabiex jingħata kodiċi, iżda bħala korrispettiv għall-kuntratt ta’ użu mogħti bil-kuntratt ta’ liċenzja. Oracle iżżid li, ħafna drabi, il-klijent jikkonkludi wkoll kuntratt ta’ manutenzjoni li jippermettilu jaġġorna l-programm u l-korrezzjoni ta’ żbalji, u dan jikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi. Minn dan hija tikkonkludi li ma hemmx bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.

55.      Din l-analiżi jidhirli li hija żbaljata.

56.      Fil-fehma tiegħi, skont id-Direttiva 2009/24 jirriżulta b’mod ċar li d-distinzjoni bejn il-bejgħ u l-kiri hija s-“summa divisio” li minnha jiddependu kemm l-applikazzjoni jew le tar-regola tal-eżawriment (29) kif ukoll il-portata ta’ din ir-regola (30). Il-premessa 12 ta’ din id-direttiva tiddefinixxi l-kiri bħala li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u għal finijiet ta’ qligħ, programm ta’ kompjuter jew kopja tiegħu. A contrario, programm ta’ kompjuter jew ta’ kopja tiegħu għandu jitqies mibjugħ, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, meta, indipendentement mill-klassifikazzjoni li jagħtuha l-partijiet, it-tranżazzjoni hija kkaratterizzata mit-trasferiment tal-proprjetà ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, għal żmien indeterminat, bi ħlas ta’ somma f’daqqa. Din id-distinzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li eskludiet l-eżawriment f’każ ta’ kiri (31), filwaqt li applikatu f’każ ta’ trasferiment tal-proprjetà (32).

57.      Il-ħruġ ta’ liċenzja li tippermetti li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kopja ta’ programm ta’ kompjuter permezz ta’ tniżżil mill-internet hija operazzjoni kumplessa, li tista’ tkopri kemm kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jikkonċerna, b’mod partikolari, id-disponibbiltà, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ programm tal-kompjuter, u kuntratt ta’ bejgħ tal-kopja meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk is-servizzi (33). Il-kontenut tal-awtorizzazzjoni għall-użu hekk mogħtija jista’ jvarja.

58.      Dan id-dritt ta’ użu jippreżenta l-karatteristiċi tal-kiri meta jingħata b’mod temporanju, permezz ta’ ħlas perijodu ta’ miżata, u meta l-fornitur ma jkunx ċeda l-proprjetà tal-kopja tal-programm tal-kompjuter, li għandha tiġi restitwita lilu mit-titulari tad-dritt. Jidhirli, għall-kuntrarju, li jeżistu l-karatteristiċi ta’ bejgħ meta l-klijent jakkwista, b’mod definittiv, id-dritt li juża l-kopja tal-programm tal-kompjuter, li l-fornitur ċedielu bil-ħlas ta’ somma f’daqqa.

59.      Jiena nqis, fil-fatt, li, fid-dawl tal-għan tal-eżawriment, li huwa li jiġi llimitat id-dritt ta’ esklużività tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali meta t-tranżazzjoni ta’ kummerċ tkun ippermettiet lit-titulari tad-dritt jirrealizza l-valur ekonomiku tad-dritt tiegħu, it-terminu “bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, li tinkludi l-forom kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li huma kkaratterizzati mill-għoti ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, għal żmien indeterminat, bil-ħlas ta’ somma f’daqqa. Interpretazzjoni ristretta żżejjed ta’ dan it-terminu ddgħajjef l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni billi ċċaħħad ir-regola tal-eżawriment minn kull skop, għaliex il-kummerċjalizzazzjoni tas-softwer ħafna drabi tieħu l-forma ta’ liċenzji għall-użu u li jkun biżżejjed għall-fornituri li jikklassifikaw il-kuntratt bħala “liċenzja” u mhux bħala “bejgħ” sabiex jevadu din ir-regola.

60.      Jiena nikkonkludi li, anki jekk id-detentur tad-dritt iwettaq, bħal Oracle, distinzjoni, daqsxejn artifiċjali, bejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter u l-għoti tad-dritt ta’ użu, iċ-ċessjoni ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja tal-programm ta’ kompjuter ċertament tikkostitwixxi bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.

61.      Il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni bħala “bejgħ” ma tikkostitwixxix, madankollu, fattur suffiċjenti sabiex iwassal għall-konklużjoni li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jista’ jseħħ f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

62.      Oracle, il-Gvern Spanjol u Franċiż, l-Irlanda, il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-eżawriment li jista’ jirriżulta mill-bejgħ tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter għandu neċessarjament portata limitata, għaliex jaffettwa esklużivament id-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ kopja tal-programm ta’ kompjuter inkorporat f’sostenn materjali.

63.      Diversi argumenti jimmilitaw favur din l-interpretazzjoni.

64.      Qed jiġi sostnut li l-operazzjoni tat-tniżżil ta’ programm ta’ kompjuter mill-internet ma hijiex att ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda taqa’ taħt il-komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-aħħar direttiva. Madankollu, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29 jippreċiża li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ma huwiex is-suġġett ta’ eżawriment.

65.      Barra minn hekk, mir-rapport tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ April 2000, imsemmi iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li l-eżawriment tad-dritt tal-awtur japplika biss għall-bejgħ ta’ kopji, jiġifieri ta’ merkanzija, filwaqt li jkun eskluż f’każ ta’ offerta permezz ta’ servizzi online (34).

66.      L-istess konċezzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ eżawriment tinsab fid-Direttiva 2001/29, li tipprovdi indizji ċari dwar il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita r-regola għal forma waħda biss ta’ distribuzzjoni tax-xogħol, ikkaratterizzata mill-bejgħ ta’ merkanzija li tinkludi l-programm tal-kompjuter.

67.      Huwa sostnut, b’mod partikolari, li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni biss fil-każ tal-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor tal-proprjetà ta’ “oġġett”. Barra minn hekk, il-premessi 28 u 29 ta’ din id-direttiva jippreċiżaw, fir-rigward tal-ewwel, li l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur b’applikazzjoni tal-imsemmija Direttiva tinkludi “d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli [(35)]” u, fir-rigward tat-tieni, li “[i]l-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari”. Din l-aħħar premessa żżid li “[d]in tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet [u li] differenti minn CD-ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil-medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk”.

68.      Barra minn hekk, il-premessa 29 tad-Direttiva 2001/29 tfasslet fuq il-premessa 33 tad-Direttiva 96/9, li kienet diġà tindika b’mod ċar il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-eżawriment fir-rigward biss taċ-ċirkulazzjoni ta’ prodott li jinkorpora kontenut materjali u kontenut intellettwali. Din il-volontà tirriżulta wkoll mill-premessa 43 ta’ din l-aħħar direttiva, li tippreċiża li, fil-każ ta’ trażmissjoni online, id-dritt li jiġi pprojbit użu mill-ġdid ma jkunx eżawrit, kemm għal database u kemm għal kopja materjali tad-database jew ta’ parti minnha li tkun twettqet mid-destinatarju tat-trażmissjoni bil-kunsens tat-titulari tad-dritt.

69.      Fl-aħħar nett, id-dritt internazzjonali jsostni interpretazzjoni restrittiva tal-eżawriment. Id-Direttiva 2001/29 għandha, b’mod partikolari, l-għan li timplementa, fl-Istati Membri, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur. Madankollu, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Peek & Cloppenburg, iċċitata iktar ’il fuq, id-dritt Komunitarju għandu, kemm jista’ jkun, jiġi interpretat b’mod li jkun konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu speċifikament intiżi li jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (36). Għandu, konsegwentement, jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29, intiża li timplementa ċerti obbligi internazzjonali li jinsabu fit-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur u t-Trattat tad-WIPO fuq l-interpretazzjonijiet u eżekuzzjonijiet u fuq il-fonogrammi, adottat f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996 (37), għandha ssir fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet komuni dwar it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li jipprovdu li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni li jissemmew fl-Artikolu 6(2) ta’ dan it-Trattat jikkonċerna “esklużivament [...] kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli”.

70.      Ma jidhirlix li dawn l-argumenti huma konvinċenti.

71.      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jiena ma naħsibx li d-distribuzzjoni ta’ programm ta’ kompjuter permezz tat-tniżżil minn fuq l-internet jista’ jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni ta’ “dritt ta’ distribuzzjoni” sabiex jaqa’ taħt id-definizzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku stabbilit fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ oġġezzjonijiet fundamentali importanti għal din l-interpretazzjoni.

72.      L-ewwel nett, jekk naċċetta li d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 2001/29, li għandha speċifikament l-għan li tadatta d-dritt tal-awtur għall-qasam diġitali, jistgħu jiggwidaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċjali tad-Direttiva 2009/24, li hija limitata li tikkodifika d-Direttiva 91/250, adottata qabel ma żviluppa l-internet, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jippreċiża li hija “għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti [tad-dritt tal-Unjoni] dwar […] il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters”. Sa fejn id-Direttiva 2009/24 ma tagħmel l-ebda riferiment għall-kunċett tad-dritt ta’ komunikazzjoni u tiddefinixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni b’mod l-iktar wiesa’, li jinkludi “kull forma ta’ distribuzzjoni […] lill-pubbliku tal-oriġinal ta’ programm tal-kompjuter jew kopji tiegħu”, jidhirli diffiċli li wieħed jikkunsidra, minn qari ta’ dawn iż-żewġ direttivi flimkien, li d-dritt ta’ tqegħid għad-dispozizzjoni lill-pubbliku imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huwa applikabbli għall-programmi tal-kompjuter. Barra minn hekk, jiena ma nikkunsidrax li s-sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni sabiex issostni r-raġunament tagħha, tista’ tiġi interpretata f’dan is-sens (38).

73.      Sussegwentement, fin-nuqqas ta’ kull definizzjoni, fid-Direttiva 2001/29, tad-drittijiet ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku u ta’ distribuzzjoni, l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (39). Madankollu, l-Artikolu 6(1) ta’ dan it-Trattat jirreferi għad-dritt ta’ distribuzzjoni li huwa jiddefinixxi bħala d-dritt li jiġi awtorizzat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-oriġinali u ta’ kopji ta’ xogħol “permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ proprjetà”. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa inekwivoku. L-eżistenza ta’ trasferiment ta’ proprjetà kjarament tittrasforma sempliċi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku f’att ta’ distribuzzjoni.

74.      Fit-tieni lok, l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-premessi tad-Direttiva 2001/29 la huma ċari u lanqas inekwivoċi.

75.      Għalhekk, qari a contrario tal-ewwel sentenza tal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li “[i]l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi [(40)] d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli”, jimplika li dan id-dritt jinkorpora wkoll forom oħra ta’ distribuzzjoni. Madankollu, it-tieni sentenza ta’ din il-premessa, dwar l-eżawriment, ma tillimitax dan id-dritt għal forma partikolari ta’ distribuzzjoni.

76.      Il-premessa 29 tad-Direttiva 2001/29 ma hijiex inqas ambigwa. Filwaqt li tidher li tagħmel distinzjoni bejn il-bejgħ ta’ merkanzija, li għalih tapplika r-regola tal-eżawriment, u l-provvista ta’ servizzi, li għaliha din ir-regola għandha tkun inapplikabbli, ma huwiex inqas minnu li l-kunċett ta’ servizzi online, kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jinkludi l-bejgħ ta’ oġġetti online (41). GħalhCD-ROM li fiha hija inkorporata l-kopja ta’ programm tal-kompjuter. Madankollu, id-distinzjoni dwar jekk il-bejgħ seħħx mill-bogħod jew le tidhirli li hija rrilevanti għall-applikazzjoni ta’ din ir-regola.

77.      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 fis-sens li r-regola tal-eżawriment għandha tkun eskluża fil-każ ta’ tniżżil minn fuq l-internet, meta din il-forma ta’ kummerċjalizzazzjoni tintuża fil-parti l-kbira sabiex tiddistribwixxi programmi tal-kompjuter huma ddistribwiti taħt dik il-forma ta’ kummerċ, ikollha l-effett li tillimita b’mod kunsiderevoli ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola u, fl-istess waqt, tillimita l-libertà tal-moviment.

78.      Għalkemm l-Artikolu 36 TFUE jipprovdi li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet relatati, b’mod partikolari, mal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, hija, madankollu, ġurisprudenza stabbilita li deroga bbażata fuq dan il-motiv hija ammessa biss sa fejn hija ġġustifikata bis-salvagwardja tad-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett speċifiku ta’ din il-proprjetà (42). Dan il-prinċipju jimplika li jiġu ddeterminati, għal kull dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat, il-kundizzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli jew le mad-dritt tal-Unjoni.

79.      Madankollu, jiena niddubita kemm l-awtorizzazzjoni lit-titulari tad-dritt li jipprojbixxi persuna, li tkun legalment akkwistat il-proprjetà ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, milli tbiegħha mill-ġdid, taqa’ fis-salvagwardja tad-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett speċifiku tad-dritt tal-awtur.

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-derogi għall-moviment liberu ġġustifikati bil-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, tfittex jekk it-titulari tad-dritt tal-awtur iċċaħħadx jew le mir-remunerazzjoni li għaliha kellu legalment dritt.

81.      Fis-sentenza tagħha, Football Association Premier League et, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li d-derogi għall-prinċipju tal-moviment liberu jistgħu jiġu ammessi biss sa fejn huma ġġustifikati bis-salvagwardja tad-drittijiet li jikkostitwixxu l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali kkonċernata u li dan l-għan speċifiku huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura lill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati il-protezzjoni tal-possibbiltà li jieħdu vantaġġ kummerċjali mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-oġġetti protetti, billi jagħtu liċenzji kontra l-pagament ta’ remunerazzjoni, iddikjarat li għan speċifiku bħal dan ma jiggarantixxix lill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jitolbu l-ogħla remunerazzjoni possibbli, iżda remunerazzjoni xierqa biss, jiġifieri b’relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut, għal kull użu tal-oġġetti protetti (43).

82.      Sussegwentement, filwaqt li kkonstatat li l-ammont supplimentari mħallas minn organizzazzjonijiet ta’ xandir għall-għoti ta’ esklużività territorjali assoluta kien ta’ natura li jwassal għal differenzi fil-prezzijiet artifiċjali bejn is-swieq nazzjonali maqsuma f’kompartamenti, hija kkonkludiet li dan il-ħlas kien imur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jiżgura lill-proprjetarji tad-drittijiet remunerazzjoni xierqa (44).

83.      Jiena naħseb li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, it-titulari tad-drittijiet irċieva remunerazzjoni xierqa meta huwa tħallas bħala korrispettiv għall-għoti ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter. L-ammissjoni li huwa jista’ jikkontrolla l-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja u jeżigi, f’din l-okkażjoni, remunerazzjoni oħra, bl-iskuża li din il-kopja kienet ġiet stabbilita fuq sostenn informatiku mill-klijent, wara li jkun niżżilha minn fuq l-internet, minflok ma tkun ġiet inkorporata mit-titulari tad-drittijiet fuq sostenn li tkun tpoġġa għall-bejgħ, isservi mhux sabiex tipproteġi l-oġġett speċifiku tad-dritt tal-awtur, iżda sabiex iżżid il-monopolju ta’ użu ta’ dan tal-aħħar.

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-dritt, li jkun awtorizza t-tniżżil mill-internet ta’ din il-kopja fuq sostenn informatiku, ikun awtorizza wkoll, bi ħlas, id-dritt ta’ użu ta’ din il-kopja għal żmien indeterminat. Fil-fatt, jikkostitwixxi bejgħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull tqegħid għad-dispożizzjoni fl-Unjoni, fi kwalunkwe forma u b’kull mod, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter bil-għan li tintuża matul perijodu indeterminat, bil-korrispettiv ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.

C –    Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

85.      Bl-ewwel u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, bħala “min jikseb legalment”, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, l-akkwirent tal-liċenzja ta’ użu jistax jinvoka r-regola tal-eżawriment prevista fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva sabiex jagħmel kopja ġdida tal-programm tal-kompjuter, meta l-ewwel akkwirent iħassar il-kopja tiegħu jew ma jibqax jużaha.

1.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-Gvernijiet u tal-Kummissjoni

86.      UsedSoft issostni li l-prinċipju tal-eżawriment ikun mingħajr skop jekk jiġi kkonstatat li t-titulari tad-dritt ma jkunx jista’ jikkontrolla d-distribuzzjoni ulterjuri ta’ kopji tal-programmi iżda jkun jista’ jkompli jikkontrolla l-atti ta’ użu li jeħtieġu riproduzzjoni tal-programm.

87.      UsedSoft issostni wkoll li l-fatt li l-ewwel akkwirent iħassar jew ma jibqax juża l-kopja tiegħu tal-programm ta’ kompjuter jippermetti li jiggarantixxi li s-softwer ittrasferit mill-manifattur ma jintużax darbtejn jew iktar.

88.      Skont Oracle, il-kunċett ta’ “min jikseb legalment”, li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, jirreferi biss għall-akkwirent awtorizzat, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ liċenzja, li juża l-programm tal-kompjuter, filwaqt li l-kunċett ta’ “użu tal-programm tal-kompjuter [...] skont il-fini maħsub tiegħu” jirrigwarda użu konformi mad-dritt ta’ użu mogħti mit-titulari tad-dritt, b’mod li huwa għandu jiġi ddefinit, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tal-istipulazzjonijiet rilevanti tal-kuntratt tal-liċenzja li jiddefinixxu n-natura u l-portata tad-dritt ta’ użu.

89.      Oracle issostni wkoll li l-eżawriment jikkonċerna biss id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter li tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni u ma jistax jaffettwa d-dritt ta’ użu, li jinkludi dritt ta’ riproduzzjoni, fir-rigward ta’ programmi tal-kompjuter li l-użu tagħhom jimplika r-riproduzzjoni.

90.      Skont Oracle, li targumenta b’analoġija mad-dritt tat-trademarks, is-sens u l-għan tal-prinċipju tal-eżawriment ma jikkonferixxux lil persuni minbarra t-titulari tad-dritt il-poter legali meħtieġ li jaqsam u jiżmonta d-dritt ta’ użu inizjali, li jikkorrispondi għal numru determinat ta’ utenti, f’numru ta’ diversi drittijiet addizzjonali ta’ użu. Il-prattika tal-bejgħ mill-ġdid ta’ liċenzji “użati” tippreżenta, barra minn hekk, l-inkonvenjent li jirrendi impossibbli l-kummerċ ta’ liċenzji bi prezz imnaqqas li jiffaċilita l-użu tal-programmi minn gruppi ta’ utenti finanzjarjament fraġli, bħal ma huma istituzzjonijiet edukattivi.

91.      Oracle ssostni wkoll li la t-titulari tad-dritt u lanqas is-subakkwirent ma jistgħu jivverifikaw li l-ewwel akkwirent effettivament ħassar il-kopja tiegħu jew ma għadux jużaha.

92.      Il-Gvern Franċiż, l-Irlanda u l-Gvern Taljan essenzjalment isostnu li hija biss l-persuna li tgawdi minn dritt ta’ użu tal-programm ta’ kompjuter mogħti mit-titulari tad-dritt li tista’ tiġi kkunsidrata bħala “min jikseb legalment” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24. Il-Gvern Franċiż u l-Irlanda jesponu, barra minn hekk, li l-persuna li ma tkunx akkwistat il-liċenzja mingħand it-titulari tad-dritt u li, konsegwentement, ma tkunx l-akkwirent legali, ma tistax tinvoka ir-regola tal-eżawriment.

93.      Filwaqt li jqisu li l-persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter hija “min jikseb legalment” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jqisu li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, għaliex huma irrispondew għat-tieni domanda fin-negattiv.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

94.      Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mid-distinzjoni bejn id-dritt ta’ distribuzzjoni, li huwa eżawrjenti, u d-dritt ta’ riproduzzjoni, li ma huwiex eżawrjenti.

95.      Huwa paċifiku, f’din il-kawża, li l-liċenzja ta’ użu mogħtija minn Oracle tippermetti li, b’konnessjoni mas-sit tal-internet ta’ Oracle, li ssir riproduzzjoni mill-ġdid tal-programm tal-kompjuter. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li ċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ użu mogħtija b’din il-liċenzja ma taqax taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni, iżda taħt id-dritt ta’ riproduzzjoni.

96.      Filwaqt li l-bejgħ mill-ġdid tal-kopja imniżżla mill-ewwel akkwirent jaqa’ taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni, iċ-ċessjoni ta’ liċenzja ta’ użu bħal dik mogħtija minn Oracle lill-klijenti tagħha tinvolvi l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, peress li hija tippermetti l-ħolqien ta’ kopja ġdida tal-programm billi jitniżżel minn fuq l-internet jew bir-riproduzzjoni minn fuq kopja li diġà tinsab għand l-utent.

97.      Madankollu, jirriżulta mill-kliem ċar tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, li l-prinċipju tal-eżawriment jikkonċerna esklużivament id-distribuzzjoni ta’ kopja tal-programm ta’ kompjuter u ma għandux jaffettwa d-dritt ta’ riproduzzjoni, li ma jistax jiġi ppreġudikat mingħajr ma tinbidel is-sustanza nfisha tad-dritt tal-awtur.

98.      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva ma jidhirlix li huwa ta’ natura li jippermetti li jingħeleb dan l-ostakolu. Fil-fehma tiegħi, l-oġġett ta’ din id-dispożizzjoni huwa llimitat li jippermetti lil min għandu diġà kopja tal-programm ta’ kompjuter jirriproduċi din il-kopja sabiex jużawha skont il-finijiet tiegħu. Għall-kuntrarju, dan l-artikolu ma għandux jawtorizza lil min ma għandux diġà kopja tal-programm jirriproduċi dan il-programm mhux sabiex jużah skont il-finijiet tiegħu, iżda sabiex sempliċement jużah. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni, li tirriżerva l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali partikolari, ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi applikata fir-rigward ta’ akkwirent kuntrattwalment marbut mat-titulari tad-dritt.

99.      Ma jidhirlix li huwa possibbli, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni, li r-regola tal-eżawriment, li hija marbuta b’mod inerenti mad-dritt ta’ distribuzzjoni, tiġi estiża għad-dritt ta’ riproduzzjoni. Jiena konxju mill-fatt li l-kompartimentalizzazzjoni tar-regola għal kopji li huma inkorporati materjalment fuq sostenn informatiku wara li jitniżżlu mill-internet, ser tillimita, fil-prattika, il-portata tagħha, iżda, anki jekk hija tista’ ssib appoġġ fin-neċessità li tinżamm l-effettività tar-regola tal-eżawriment u li tingħata prevalenza lill-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, is-soluzzjoni kuntrarja, li sservi sabiex testendi l-applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment lil hinn mill-portata maħsuba mil-leġiżlatur tal-Unjoni (45), ma tistax tiġi adottata minħajr ma jiddgħajjef il-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeżiġi l-prevedibbiltà tad-dritt Ewropew.

100. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li l-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid tad-dritt ta’ użu tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter, it-tieni akkwirent ma jistax jinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja sabiex jirriproduċi l-programm billi joħloq kopja ġdida, anki jekk l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma jkunx għadu jużaha.

V –    Konklużjoni

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-Bundesgerichtshof kif ġej:

“1)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-dritt, li jkun awtorizza t-tniżżil mill-internet ta’ din il-kopja fuq sostenn informatiku, ikun awtorizza wkoll, bi ħlas, id-dritt ta’ użu ta’ din il-kopja għal żmien indeterminat.

Fil-fatt, jikkostitwixxi bejgħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull tqegħid għad-dispożizzjoni fl-Unjoni, fi kwalunkwe forma u b’kull mod, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter bil-għan li tintuża matul perijodu indeterminat, bil-korrispettiv ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.

2)      L-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid tad-dritt ta’ użu tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter, it-tieni akkwirent ma jistax jinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja sabiex jirriproduċi l-programm billi joħloq kopja ġdida, anki jekk l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma jkunx għadu jużaha.”


1 —      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2—      ĠU L 111, p. 16.


3 —      Iktar ’il quddiem “UsedSoft”.


4 —      Iktar ’il quddiem “Oracle”.


5 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208.


6 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114.


7 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


8 —      Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).


9 —      BGBl. 1965 I, p. 1273.


10 —      ĠU 1994, L 1, p. 3.


11 —      C‑203/02, Ġabra p. I‑10415, punti 58 u 59.


12 —      COM(2000) 199 finali.


13 —      19/84, Ġabra p. 2281.


14 —      B’mod partikolari s-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Metronome Musik (C‑200/96, Ġabra p. I‑1953).


15 —      Fuq l-oriġini u l-ġustifikazzjonijiet tal-prinċipju, ara Castell, B., L’épuisement du droit intellectuel en droits allemand, français et communautaire, PUF, Pariġi, 1989.


16 —      Ara Beier, F.‑K., “La territorialité du droit des marques et les échanges internationaux”, Journal du droit international, 1971, p. 14.


17 —      78/70, Ġabra p. 487.


18 —      Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25). L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95/KE jipprovdi:


      “1. It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha relattivament għal merkanzija li tqiegħdet fis-suq fil-Komunità taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.


      2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju sabiex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, speċjalment fejn il-kondizzjoni tal-merkanzija tkun mibdula jew danneġġata wara li tqiegħdet fis-suq.”


19 —      Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459). It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(c) tad-Direttiva 96/9 jipprovdi li “[l]-ewwel bejgħ ta’ kopja ta’ database fl-[Unjoni] mid-detentur tad-dritt, jew bil-kunsens tiegħu, jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla l-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fl-[Unjoni]”.


20 —      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 3, p. 390, u — rettifikattiv — ĠU 2001, L 111, p. 31). L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi:


      “Id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti m’għandhomx ikunu jestendu għall-atti li jikkonċernaw kull materjal tal-varjetajiet protetti [...] li jkun ġie mogħti lill-oħrajn mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, f’kull parti tal-Komunità, jew kull materjal meħud mill-imsemmi materjal, sakemm dawk l-atti:


      a) jinvolvu aktar propagazzjoni tal-varjetajiet in kwistjoni, ħlief meta dik il-propagazzjoni kienet intiża meta l-materjal kien ġie mogħti


      jew


      b) jinvolvi l-esportazzjoni ta’ kostitwenti tal-varjetajiet f’pajjiż terż li ma jipproteġix varjetajiet tal-ġeneru tal-pjanti jew ta’ l-ispeċi li għalihom tkun tappartjeni l-varjetà, ħlief meta l-materjal esportat ikun għall-għanijiet ta’ konsum finali.”


21 —      L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 92/100 jipprovdi li “[i]d-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu eżawriti b’ebda bejgħ jew att ieħor ta’ distribuzzjoni ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor kif stipulat fl-Artikolu 2(1)”.


22 —      Ara Bräutigam, P., “Second-hand software in Europe: thoughts on the three questions of the German Federal Court of Justice referred to the Court of Justice of the European Union”, Computer Law Review International, 1/2012, p. 1, u Overdijk, T., van der Putt, P., de Vries, E., u Schafft, T., “Exhaustion and Software Resale Rights”, Computer Law Review International, 2/2011, p. 33.


23 —      Ara Frankel, S., u Harvey, L., “Will the digital era sound the death knell for the first sale doctrine in US copyright law?”, Intellectual Property Magazine, Marzu 2011, p. 40.


24 —      Ara, b’mod partikolari, Strowel, A., u Derclaye, E., Dritt d’auteur et numérique: softwares, bases de données, multimédia — Dritt belge, européen et comparé, Bruylant, Brussell, 2001. Ara, ukoll, Vivant, M., “Le programme d’ordinateur au pays des muses; observations sur la directive du 14 mai 1991”, La semaine juridique — Édition entreprise, 1991, Nru°47, p. 479. Dan l-awtur jikkritika l-“inkapaċità tal-awturi li jiddistingwu bejn il-kreazzjoni intellettwali u s-sostenn”.


25—      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl (C‑246/05, Ġabra p. I‑4673, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, Ġabra p. I-13971, punt 30 u ġurisprudenza ċċitata).


27 —      C‑414/99 sa C‑416/99, Ġabra p. I‑8691.


28 —      Punti 41 sa 43.


29 —      Fis-sens li l-eżawriment jiġi prodott biss bil-bejgħ.


30 —      Fis-sens li l-eżawriment li jirriżulta mill-bejgħ ma jawtorizzax l-kiri ulterjuri tal-kopja. Ara Czarnota, B., u Hart, R., Legal Protection of Computer Programs in Europe — A guide to the EC Directive, Butterworths, 1991, p. 60:


      “If sale is the first means of distribution which the rightholder chooses, he can now under the Directive not prevent the resale of the copy which he has sold. Property rights pass from the rightholder to the purchaser in the physical support of the copy of the program, and the purchaser is free to dispose of that tangible property in any way he chooses, except that he may not offer it for rental or licensing. He may, however, lend, give or otherwise dispose of the physical support.


      The intellectual property rights of the author in the program contained in that physical support remain unchanged by any of the above transactions. His interests in the intellectual property are only affected when the sold copy is offered for rental, because the act of rental is a form of distribution which would be in direct competition with other forms of exploitation, such as sale of copies, and would therefore prejudice the rightholder’s ability to control the normal exploitation of his work.”


31 —      Ara s-sentenza Metronome Musik, iċċitata iktar ’il fuq.


32 —      Ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg (C‑456/06, Ġabra p. I‑2731).


33 —      Ara, f’dan is-sens, Dusollier, S., Droit d’auteur et protection des œuvres dans l’univers numérique — Droits et exceptions à la lumière des dispositifs de verrouillage des œuvres, Larcier, Brussell, 2007, Nri 529 u 530. Dan l-awtur jikklassifika t-tranżazzjoni bħala “forma kuntrattwali […] kumplessa”, li tista’ tinqasam f’kuntratt ta’ bejgħ ta’ sostenn jew ta’ provvista ta’ servizzi jekk ikun hemm tniżżil jew użu mill-bogħod u kuntratt ta’ liċenzja tad-dritt tal-awtur fuq ix-xogħol inkorporat fuq is-sostenn jew trażmess permezz ta’ mezz informatiku.


34 —      Ara p. 18 ta’ dan ir-rapport.


35 —      Enfasi tiegħi.


36 —      Punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


37 —      Ara l-premessa 15 ta’ din id-direttiva.


38 —      Jiena ma narax kif jista’ jiġi dedott minn din is-sentenza dwar l-interfaces li jużaw il-grafika li d-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jkun applikabbli għall-programmi tal-kompjuter meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat speċifikament li l-interfaces li jużaw il-grafika ma jikkostitwixxux forma ta’ espressjoni ta’ programm ta’ kompjuter.


39 —      Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 —      Enfasi tiegħi.


41 —      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


42—      Ara sentenzi tat-23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (C‑143/00, Ġabra p. I-3759, punt 28), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I-9083, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43 —      Sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 106 sa 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


44 —      Ibidem (punti 115 u 116).


45 —      Għandu għalhekk jiġi osservat li, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-11 ta’ Jannar 2012, dwar qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online [COM(2011) 942 finali], il-Kummissjoni tindika li hija ser tibda azzjoni sabiex “tiżgura l-implimentazzjoni mħaffa u ambizzjuża tal-Istrateġija Ewropea dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, partikolarment permezz ta’ [...] reviżjoni tad-[Direttiva 2001/29]” (ara l-punt 2 tal-Azzjonijiet Ewlenin, p. 8).