Language of document : ECLI:EU:T:2013:14

Kawża T‑625/11

BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ecoDoor — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Għan — Obbligu ta’ disponibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Trade mark verbali ecoDoor

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Kunċett — Sinjal deskrittiv ta’ karatteristika ta’ parti inkorporata fi prodott — Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 14)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt15, 16)

3.      Huwa deskrittiv tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-konsumatur medju Anglofonu, is-sinjal verbali ecoDoor, li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu għal “Magni u apparati elettriċi għal użu domestiku u fil-kċina (inklużi fil-klassi 7), magni u apparati għal preparazzjoni ta’ xorb u/jew ikel, pompi sabiex isservi xorb kiesaħ għall-użu flimkien ma’ apparati għat-tkessiħ tax-xorb; magni għall-ħasil tal-platti; magni u apparat elettriku għall-kura tal-ħwejjeġ (inklużi fil-klassi 7), inklużi magni tal-ħasil, magni tat-tnixxif”, “Magni għall-bejgħ ta’ xorb jew ta’ ikel, magni għall-bejgħ ta’ prodotti” u “Apparati li jsaħħnu, jiġġeneraw l-fwar u jsajjru, b’mod partikolari, fran, apparati għal ħami, xiwi, iggriljar, xiwi, tidwib u żamma tas-sħana, saħħan tal-ilma, apparati għat-tkessiħ, b’mod partikolari refriġeraturi, konġelaturi, refriġeraturi bi ħġieġa, apparati għat-tkessiħ tax-xorb, friġġ bil-friżer, apparati għall-iffriżar, magni tal-ġelati u apparati għall-produzzjoni tal-ġelati; magni li jnixxfu, b’mod partikolari wkoll magni għat-tnixxif tal-ħwejjeġ” li rispettivament jaqgħu fil-klassijiet 7, 9 u 11 skont il-Ftehim ta’ Nice.

Sa fejn minn naħa l-element “eco” ser jiġi pperċepit bħala li jfisser “ekoloġiku”, u, min-naħa l-oħra, l-element “door” ser ikun interpretat bħala li jirreferi għal “bieb”, it-terminu “ecodoor” ser jinftiehem immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala li jfisser “bieb ekoloġiku” jew “bieb li l-kostruzzjoni tiegħu u l-mod kif jaħdem huma ekoloġiċi”.

Il-prodotti inkwistjoni jistgħu jinkludu bibien, billi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tiddeskrivi l-kwalitajiet ekoloġiċi tal-bieb li hija mgħammra bih il-prodott inkwistjoni.

Bl-istess mod, fir-rigward tal-prodotti elenkati, il-kwalitajiet ekoloġiċi tal-bieb huma importanti għall-karattru ekoloġiku tal-prodott li fih huwa inkorporat.

Madankollu, il-konsumaturi qed isiru dejjem iktar konxji tal-kwalità ekoloġika tal-prodotti, fosthom il-konsum tagħhom ta’ enerġija, u tal-proċess ta’ manifattura li jirrispetta l-ambjent. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba li dawn jikkonsmaw l-enerġija. Għalhekk, il-karattru ekoloġiku jikkostitwixxi karatteristika essenzjali ta’ dawn l-istess prodotti.

Għalhekk, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva ta’ karatteristika essenzjali tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri n-natura ekoloġika tagħhom, billi tiddeskrivi l-kwalitajiet ekoloġiċi tal-bieb li huma mgħammra bihom.

(ara l-punti 18, 24, 28-31)

4.      Sinjal li huwa deskrittiv ta’ karatteristika ta’ parti inkorporata fi prodott jista’ wkoll ikun deskrittiv tal-istess prodott. Tali huwa l-każ meta, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-karatteristika ta’ din l-imsemmija parti deskritta mis-sinjal jaf ikollha impatt sinjifikattiv fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott innifsu. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti mill-ewwel ser iqabbel u mingħajr riflessjoni ulterjuri l-karatteristika tal-parti deskritta mis-sinjal mal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat.

(ara l-punt 26)