Language of document : ECLI:EU:T:2022:568

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

21 ta’ Settembru 2022 (*)

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq minn Franza – Appoġġ akkoppjat volontarju – Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà – Setturi u produzzjonijiet eliġibbli – Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013”

Fil-Kawża T‑475/21,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères, F. Alabrune, T. Stéhelin, G. Bain u J.-L. Carré, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Perrin u A. Sauka, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva u I. Dimitrakopoulos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

fid-dawl tal-assenza ta’ tressiq ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma jkun hemm fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/988 tas‑16 ta’ Ġunju 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2021, L 218, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn eskludiet mill-finanzjament mill-FAEG is-somma ta’ EUR 45 869 990.19, li tikkorrispondi għall-infiq magħmul abbażi ta’ miżura ta’ appoġġ akkoppjat volontarju favur il-produzzjoni ta’ legumi tal-għalf, relatati mas-sena tat-talba 2017.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fl‑1 ta’ Awwissu 2016, l-awtoritajiet Franċiżi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, u rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), innotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b’miżura ta’ appoġġ akkoppjat favur is-settur tal-għalla li fiha l-proteini, intitolata “24. Għajnuna għall-produzzjoni tal-legumi tal-għalf” (iktar ’il quddiem il-“miżura 24”). Fil-punt 2.2.b ta’ din in-notifika, kien b’mod partikolari ppreċiżat li, għal din l-iskema ta’ appoġġ akkoppjat, is-superfiċji eliġibbli kienu dawk ikkultivati f’legumi tal-għalf puri, imħallta bejniethom jew f’taħlita ma’ speċi oħra (ċereali, qamħ ieħor, żrieragħ taż-żejt), jekk it-taħlita kienet tinkludi mill-inqas 50 % żerriegħa ta’ legumi tal-għalf fiż-żrigħ.

3        Għas-snin tat-talba 2015 u 2016 (jiġifieri s-snin finanzjarji 2016 u 2017), il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni, taħt ir-referenza NAC/2016/021/FR, li fi tmiemha hija kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti għall-miżura 24 ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1841 tas‑16 ta’ Novembru 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt il-FAEG u l-FAEŻR (ĠU 2018, L 298, p. 34), li tapplika korrezzjoni finanzjarja għar-Repubblika Franċiża għall-infiq imwettaq taħt din il-miżura.

4        Investigazzjoni ġdida nbdiet mill-Kummissjoni għas-sena tat-talba 2017, irreġistrata bir-referenza NAC/2018/009/FR.

5        Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Franċiża r-riżultati tal-investigazzjoni msemmija iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25). F’din il-komunikazzjoni tal‑4 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-miżura 24 ma kinux inbidlu meta mqabbla ma’ dawk applikabbli għas-snin tat-talba 2015 u 2016, għaliex it-taħlitiet ta’ legumi bil-ħaxix kienu għadhom jinsabu fost is-superfiċji eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Franċiżi li hija kienet tikkunsidra l-pagamenti mwettqa abbażi tal-miżura 24 mis-sena tat-talba 2017 bħala irregolari u mhux eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jipprovdu stima tar-riskju għall-FAEG għas-sena tat-talba 2017 u sabiex jemendaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-miżura 24.

6        Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Novembru 2018, l-awtoritajiet Franċiżi, minn naħa, ikkontestaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ugwali għall-ammont tal-appoġġ imħallas għas-superfiċji koperti minn taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix u, min-naħa l-oħra, sostnew, essenzjalment, li l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva ma kienet teskludi l-ħaxix mill-appoġġ akkoppjat.

7        Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2019, mibgħuta abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) u tal-Artikolu 40(1) tar-Regolament Nru 908/2014, il-Kummissjoni kkomunikat formalment lir-Repubblika Franċiża l-ammont stmat tal-korrezzjoni proposta għas-sena tat-talba 2017, jiġifieri s-somma ta’ EUR 45 869 990.19.

8        Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Frar 2020, l-awtoritajiet Franċiżi talbu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni abbażi tal-Artikolu 40(1) tar-Regolament Nru 908/2014. Il-korp ta’ konċiljazzjoni ta r-rapport tiegħu fit‑2 ta’ Awwissu 2020, li fih ikkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ konċiljazzjoni possibbli bejn il-partijiet.

9        Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi l-pożizzjoni finali tagħha wara r-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni, li fiha hija kkonfermat, essenzjalment, li, sa fejn il-ħaxix ma kienx imsemmi fil-lista tas-setturi u tal-produzzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat, stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, it-taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix, anki fi proporzjon minoritarju, ma setgħux jibbenefikaw minn tali appoġġ.

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-miżura 24, relatati mas-sena tat-talba 2017, fl-ammont ta’ EUR 45 869 990.19.

 Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-Repubblika Franċiża titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika korrezzjoni finanzjarja ta’ ammont ta’ EUR 45 869 990.19 għall-infiq relatat mal-miżura 24, relatat mas-sena tat-talba 2017;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Iddritt

13      Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika Franċiża tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, billi kkunsidrat li l-legumi kkultivati flimkien ma’ ħaxix ma kinux eliġibbli għal skema ta’ appoġġ akkoppjat, il-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija dispożizzjoni.

14      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 isegwi li l-kunċett ta’ “settur”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu portata iktar wiesgħa mill-kunċett ta’ “produzzjoni”, fatt li huwa b’mod partikolari kkonfermat mid-distinzjoni bejn il-produzzjonijiet agrikoli u s-setturi agrikoli mwettqa mill-Artikolu 52(3) u mill-Artikolu 54(1) u (2) tar-Regolament Nru 1307/2013, mill-premessa 49 tal-imsemmi regolament u mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261; ĠU 2016, L 130, p. 8; ĠU 2020, L 1, p. 5; u fil-ĠU 2022, L 195, p. 106). Għalhekk, skont ir-Repubblika Franċiża, b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jipprevjenu l-aggravazzjoni tad-diffikultajiet eżistenti, jagħtu appoġġ akkoppjat jew favur settur agrikolu speċifiku, jiġifieri diversi tipi ta’ produzzjonijiet li jappartjenu b’mod prinċipali jew sekondarju għal dan is-settur, jew għal tip speċifiku wieħed ta’ produzzjoni agrikola.

15      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-settur tal-uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini, imsemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, ir-Repubblika Franċiża tqis li dan ma jagħmilx riferiment għal produzzjoni speċifika, iżda jagħmel riferiment għas-settur tal-pjanti li jappartjenu għall-familja tal-legumi, li huma kkultivati għall-fatt li għandhom ħafna proteini.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Franċiża ssostni li s-settur tal-uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa ta’ natura li tinkludi fih il-prattiki kurrenti kollha stabbiliti fi Stat Membru għall-produzzjoni ta’ speċi ta’ legumi kkultivati għall-fatt li għandhom ħafna proteini.

17      Issa, fi Franza, l-uċuħ tar-raba’ ta’ legumi ddestinati għall-għalf tal-annimali huma ta’ spiss ikkultivati f’taħlita ma’ speċi oħra, bħall-ħaxix. Fil-fatt, il-kultivazzjoni ta’ legumi f’taħlita ma’ ħaxix għandha mhux biss interess agrikolu, sa fejn din tkun tippermetti lil dawk li jrabbu li jkollhom għalf iktar diġestibbli għall-annimali, iżda wkoll interess ambjentali, għaliex il-legumi jippermettu li jiġi stabbilit fil-ħamrija n-nitroġenu tal-arja u, għaldaqstant, li titnaqqas iż-żieda ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu. Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ssostni li s-settur tal-legumi tal-għalf kien naqas ħafna mis-snin 1960. Għaldaqstant, l-għoti ta’ appoġġ akkoppjat għall-kultivazzjoni tal-legumi li tinkludi l-kultivazzjoni ta’ legumi tal-għalf f’taħlita ma’ speċi oħra, inkluż il-ħaxix, ikun jikkorrispondi għall-għan tal-appoġġ akkoppjat, li huwa li jiġi sostnut settur f’diffikultà billi tiġi inkoraġġuta prattika kurrenti u tajba għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent.

18      Fl-aħħar, fir-replika, ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li hija ma hijiex qiegħda ssostni li l-legumi u l-ħaxix jikkostitwixxu produzzjonijiet prinċipali u produzzjonijiet sekondarji, rispettivament, fi ħdan is-settur tal-uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini, iżda li t-taħlitiet bejn legumi u ħaxix, bil-legumi jkunu predominanti, huma tip ta’ produzzjoni sħiħa fi ħdan l-imsemmi settur.

19      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

20      Preliminarjament, minn naħa, għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li l-ħaxix, meħud waħdu, ma jaqax taħt is-setturi jew produzzjonijiet li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 u li, għaldaqstant, ma huwiex, bħala tali, eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-legumi huma eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat sa fejn din il-produzzjoni tagħmel parti mis-settur tal-uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini, imsemmi espressament fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

21      Madankollu, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk it-taħlitiet bejn, minn naħa, prodotti agrikoli li jaqgħu taħt wieħed mis-setturi jew waħda mill-produzzjonijiet li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, bħal-legumi, u min-naħa l-oħra, prodotti agrikoli li ma jaqgħux taħt l-imsemmija setturi jew l-imsemmija produzzjonijiet, bħall-ħaxix, humiex eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat.

22      Sabiex tingħata tweġiba għal din il-kwistjoni, għandha ssir interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2015, Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, T‑124/14, EU:T:2015:955, punt 24).

 Fuq linterpretazzjoni litterali

23      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni litterali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-testi tad-dritt tal-Unjoni huma redatti f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi, li jista’ jeħtieġ paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2015, Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, T‑124/14, EU:T:2015:955, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Regoli ġenerali”, jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, tat-Titolu IV, intitolat “Għajnuna Akkoppjata”, tal-imsemmi regolament u jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi kapitolu.

25      Skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-appoġġ akkoppjat jista’ jingħata lis-setturi u l-produzzjonijiet li ġejjin: ċereali, żrieragħ taż-żjut, uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini, legumi tal-qamħ, kittien, ross, ġewż, patata b’karboidrati, ħalib u prodotti tal-ħalib, żrieragħ, laħam tan-nagħaġ u laħam tal-mogħoż, ċanga u vitella, żejt taż-żebbuġa, dud tal-ħarir, foraġġ niexef, ħops, pitravi, kannamiela u ċikwejra, frott u ħaxix u msajġar b’rotazzjoni qasira.

26      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistabbilixxi lista ta’ setturi u ta’ produzzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat, li n-natura limitata u eżawrjenti tagħha hija kkonfermata mill-użu tal-frażi “li ġejjin ta’” (“following” bl-Ingliż u “seguenti” bit-Taljan), segwita minn żewġ punti, li tippreċedi l-lista tal-imsemmija setturi u tal-imsemmija produzzjonijiet.

27      Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, minn naħa, jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ setturi u ta’ produzzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat u, min-naħa l-oħra, ma jsemmix it-taħlitiet bejn prodotti li jaqgħu taħt is-setturi jew il-produzzjonijiet espressament imsemmija f’din il-lista u prodotti li ma jaqgħux taħt l-imsemmija setturi jew l-imsemmija produzzjonijiet, l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni tidher li ssostni t-teżi tal-Kummissjoni dwar, essenzjalment, l-ineliġibbiltà tal-imsemmija taħlitiet, iktar milli dik difiża mir-Repubblika Franċiża.

 Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

28      Mill-użu, minn naħa, tal-aġġettiv “volontarju” fit-titolu tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 1307/2013 u, min-naħa l-oħra, mill-verb “jistgħu” fl-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) isegwi li l-iskema tal-appoġġ akkoppjat ma hijiex obbligatorja u li l-Istati Membri għandhom għalhekk il-libertà li jagħtu tali appoġġ.

29      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu tali appoġġ, huma għandhom jagħmlu dan b’osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tal-imsemmi regolament (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

30      F’dan ir-rigward, l-ewwel, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, huma eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat is-setturi u l-produzzjonijiet li l-lista eżawrjenti tagħhom hija stabbilita fl-imsemmi artikolu. It-tieni, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-imsemmi regolament, jistgħu jibbenefikaw minn tali appoġġ biss setturi jew reġjuni ta’ Stat Membru fejn “tipi speċifiċi ta’ biedja” jew “setturi agrikoli speċifiċi”, minn naħa, ikunu partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, ambjentali jew soċjali u, min-naħa l-oħra, jiltaqgħu ma’ diffikultajiet. L-Artikolu 52(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), jispeċifika li l-imsemmija diffikultajiet jimplikaw l-eżistenza ta’ riskju ta’ abbandun jew ta’ tnaqqis tal-produzzjoni, b’mod partikolari minħabba l-profittabbiltà baxxa tal-attività eżerċitata, li għandha konsegwenzi negattivi fuq il-bilanċ ekonomiku, soċjali jew ambjentali tar-reġjun jew tas-settur ikkonċernat. It-tielet, l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprovdi li dan l-appoġġ għandu jkun neċessarju sabiex jinżammu l-livelli attwali ta’ produzzjoni fis-setturi jew fir-reġjuni kkonċernati.

31      Għalhekk, minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq isegwi li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi l-fakultà tal-Istati Membri li jagħtu appoġġ akkoppjat billi jistabbilixxu kundizzjonijiet kumulattivi li jillimitaw b’mod kunsiderevoli ċ-ċirku tal-benefiċjarji eliġibbli u, b’mod iktar ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu. Għaldaqstant, interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni tkun inkompatibbli mal-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

32      Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1307/2013 jagħti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu jekk setturi jew produzzjonijiet, minn naħa, humiex partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, ambjentali jew soċjali u, min-naħa l-oħra, jiltaqgħux ma’ diffikultajiet u jekk l-appoġġ akkoppjat jistax jipprevjeni l-iggravar ta’ dawn id-diffikultajiet jew l-abbandun tal-produzzjoni, bl-ebda mod ma jirriżulta minn dan l-artikolu jew minn xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1307/2013 jew mir-Regolament Nru 639/2014, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni analogu fir-rigward tad-definizzjoni tas-setturi jew ta’ produzzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-fatt, tali setgħa diskrezzjonali tkun kuntrarja għan-natura eżawrjenti tal-lista stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, li r-Repubblika Franċiża, barra minn hekk, irrikonoxxiet espressament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

33      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistabbilixxi l-lista tad-diversi skemi ta’ appoġġ favur bdiewa li huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Issa, mill-Anness 1 tal-imsemmi regolament isegwi li dawn l-iskemi huma sseparati mill-produzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-iskema ta’ appoġġ akkoppjat u tal-għajnuna speċifika għall-qoton, li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tal-istess regolament.

34      Konsegwentement, l-appoġġ akkoppjat jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna derogatorja meta mqabbla mal-iskemi l-oħra ta’ għajnuna rregolati mir-Regolament Nru 1307/2013, li huma sseparati mill-produzzjoni u li, bħala prinċipju, ma jikkonċernawx speċifikament setturi jew produzzjonijiet agrikoli li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet.

35      Minn dan isegwi li, fid-dawl tan-natura derogatorja tal-appoġġ akkoppjat, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Jannar 2020, Pensionsversicherungsanstalt (Waqfien mill-attività wara li tintlaħaq l-éta tal-irtirar), C‑32/19, EU:C:2020:25, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li s-setturi u l-produzzjonijiet eliġibbli, li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandhom ikunu interpretati b’mod strett.

37      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma tikkorroborax it-teżi tar-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-eliġibbiltà tat-taħlitiet li jinkludu prodotti agrikoli li jaqgħu f’wieħed mis-setturi jew f’waħda mill-produzzjonijiet li l-lista tagħhom hija espressament stabbilita fl-imsemmi artikolu u prodotti oħra li ma jaqgħux taħt l-imsemmija setturi jew l-imsemmija produzzjonijiet.

 Fuq linterpretazzjoni teleoloġika

38      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-iskema ta’ appoġġ akkoppjat, imsemmi fil-premessa 49 u fl-Artikolu 52(5) tal-istess regolament. Minn din il-premessa u minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, moqrija flimkien mal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1307/2013 u l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 639/2014 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) isegwi li l-appoġġ akkoppjat ma għandux l-għan li jappoġġja l-produzzjoni agrikola b’mod ġenerali, iżda huwa intiż li joħloq inċentiv sabiex jinżammu l-livelli attwali ta’ produzzjoni fis-setturi jew fir-reġjuni speċifiċi ta’ Stat Membru li fih tipi partikolari ta’ agrikoltura jew ta’ setturi agrikoli speċifiċi, partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi u soċjali, jiltaqgħu ma’ diffikultajiet li jistgħu jwasslu għall-abbandun jew għat-tnaqqis tal-produzzjoni u jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-bilanċ ekonomiku, soċjali jew ambjentali tar-reġjun jew tas-settur ikkonċernat.

39      Minn dan isegwi li l-għan tal-appoġġ akkoppjat huwa li tiġi sostnuta l-produzzjoni relatata ma’ ċerti setturi agrikoli jew ma’ ċerti produzzjonijiet speċifiċi li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet, sabiex jiġu evitati l-abbandun jew it-tnaqqis ta’ din il-produzzjoni kif ukoll l-impatt negattiv li jirriżulta minn dan għall-bilanċ ekonomiku, soċjali jew ambjentali tar-reġjun jew tas-settur ikkonċernat.

40      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-miżura 24, intitolata “Għajnuna għall-produzzjoni ta’ legumi tal-għalf”, kienet intiża sabiex tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ legumi tal-għalf, għaliex, skont in-notifika magħmula mir-Repubblika Franċiża konformement mal-Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1307/2013, is-superfiċji ta’ legumi tal-għalf kienu bdew jonqsu mill‑2010 u s-superfiċji ta’ legumi tal-għalf pur kellhom tnaqqis kontinwu u sinjifikattiv.

41      Ir-Repubblika Franċiża tallega, essenzjalment, li appoġġ akkoppjat għall-kultivazzjoni ta’ legumi li għandhom livell għoli ta’ proteini, li tkun tinkludi b’mod partikolari t-taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix, jissodisfa l-għan ta’ sostenn ta’ settur f’diffikultà partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1307/2013.

42      F’dan ir-rigward, l-ewwel, ir-Repubblika Franċiża tallega li l-legumi għandhom il-karatteristika partikolari li jistabbilixxu n-nitroġenu tal-arja fil-ħamrija u li għalhekk jevitaw iż-żieda ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu u li din hija r-raġuni għaliex il-legumi huma ta’ spiss u tradizzjonalment miżrugħa ma’ speċi oħra.

43      Issa, mill-argument imsemmi iktar ’il fuq ma jirriżultax li l-legumi huma esklużivament jew prinċipalment miżrugħa mal-ħaxix. Għaldaqstant, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li l-għan imfittex mill-miżura 24, konformement mar-Regolament Nru 1307/2013, li jikkonsisti f’li tiġi sostnuta l-produzzjoni ta’ legumi tal-għalf sabiex jinżamm il-livell attwali tagħha (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), seta’ jintlaħaq b’mod effettiv biss jekk l-imsemmija produzzjoni tinkludi t-taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix.

44      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, bħall-Kummissjoni, li l-appoġġ akkoppjat ma għandux l-għan li jsostni miżuri li għandhom effetti pożittivi fuq l-ambjent u li teżisti skema oħra ta’ appoġġ prevista mir-Regolament Nru 1307/2013 li tfittex dan l-għan (ara l-Kapitolu 3, intitolat “Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent”, tat-Titolu III, intitolat “Skema ta’ Pagament Bażiku, Skema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja u Pagamenti Relatati” tal-imsemmi regolament).

45      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-legumi għandhom benefiċċji għall-ambjent, din iċ-ċirkustanza ma tistabbilixxix li l-għan imsemmi fil-punt 40 iktar ’il fuq ikun segwit b’mod effikaċi permezz ta’ appoġġ akkoppjat mogħti għat-taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Franċiża msemmi fil-punt 42 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

46      Barra minn hekk, fir-replika, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-kultivazzjoni ta’ taħlitiet ta’ legumi ma’ ħaxix għandha interess ambjentali bħala tali, għaliex il-preżenza ta’ ħaxix tirrestrinġi l-legumi sabiex jistabbilixxu aħjar in-nitroġenu tal-arja u għalhekk tiġi evitata ż-żieda ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu fil-ħamrija. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Franċiża tinvoka studju tal‑2010 tal-Institut national de recherche pour l’agriculture, l’alimentation et l’environnement (l-Istitut Nazzjonali tar-Riċerka għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent). Madankollu, mill-proċess tal-kawża ma jsegwix li l-argument u l-istudju msemmija iktar ’il fuq ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni u kienu s-suġġett ta’ dibattitu matul il-proċedura amministrattiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza skont liema l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li hija seta’ jkollha fil-mument meta hija adottatha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Il‑Litwanja vs Il‑Kummissjoni, T‑19/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:4, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-argument u l-istudju msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu mwarrba bħala mingħajr effett fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

47      It-tieni, ir-Repubblika Franċiża ssostni li t-taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix jippermettu lil dawk li jrabbu li jkollhom għalf iktar komplet u iktar diġestibbli għall-annimali. Madankollu, għandu jitqies, bħall-Kummissjoni, li dan l-argument ma huwiex rilevanti, għaliex, f’dan il-każ, il-miżura 24 ma tirrigwardax is-settur tat-tkabbir, iżda hija intiża li ssostni l-produzzjoni ta’ legumi tal-għalf. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Franċiża għandu jiġi miċħud.

48      Minn dan isegwi li r-Repubblika Franċiża ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-għoti ta’ appoġġ akkoppjat għat-taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix jissodisfa l-għan tal-miżura 24, konformement mar-Regolament Nru 1307/2013.

49      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandha tendenza li tikkonferma li t-taħlitiet bejn prodotti agrikoli li jaqgħu taħt wieħed mis-setturi jew waħda mill-produzzjonijiet li l-lista tagħhom hija espressament stabbilita fl-imsemmi artikolu u prodotti agrikoli li ma jaqgħux taħt l-imsemmija setturi jew l-imsemmija produzzjonijiet ma humiex eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat.

50      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 tipprekludi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “settur” agrikolu, imsemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, sostnuta mir-Repubblika Franċiża.

51      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, bħalma tallega r-Repubblika Franċiża, sabiex jiġi ddefinit settur agrikolu, fis-sens tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki kollha kurrenti u stabbiliti fi Stat Membru għall-produzzjoni ta’ għelejjel li jappartjenu għal tali settur (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

52      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tallega li, konformement mal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 639/2014, il-prattiki kurrenti u stabbiliti fi Stat Membru huma rilevanti sabiex jiġu ddefiniti s-setturi agrikoli speċifiċi msemmija fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

53      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

54      Fl-ewwel lok, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li r-Regolament Nru 639/2014 huwa regolament ta’ delega li għandu l-għan li jikkompleta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu invokati sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013, li abbażi tiegħu ġie adottat, u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod li jmur kontra l-kliem u l-istruttura tagħhom.

55      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 639/2014 ma jikkonċernax id-definizzjoni tas-setturi u tal-produzzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat, stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-fatt, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 639/2014 jagħmel riferiment espress għall-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jistabbilixxi kundizzjoni kumulattiva u distinta minn dik stabbilita fl-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament (ara l-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq).

56      Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 639/2014 u tal-Artikolu 52(2) u (3) tar-Regolament Nru 1307/2013 isegwi li l-Istati Membri “għandhom iqisu b’mod partikolari l-istrutturi tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet relevanti tar-reġjun jew tas-settur ikkonċernat” biss meta jidentifikaw, konformement mal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1307/2013, it-“tipi speċifiċi ta’ biedja” jew is-“setturi agrikoli speċifiċi” li, minn naħa, huma partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali u li, min-naħa l-oħra, jiltaqgħu ma’ diffikultajiet.

57      Fit-tieni lok, fir-replika, ir-Repubblika Franċiża ppreċiżat, essenzjalment, li hija ma wrietx li l-prattiki kurrenti u stabbiliti fi Stat Membru kienu jikkostitwixxu kriterju ta’ eliġibbiltà għall-appoġġ akkoppjat, iżda li dawn il-prattiki kienu rilevanti sabiex jiġu ddefiniti s-setturi agrikoli speċifiċi msemmija fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-distinzjoni hija artifiċjali. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Franċiża, id-definizzjoni tas-setturi li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 hija kwistjoni li tqum sabiex jiġu ddeterminati l-għelejjel u l-produzzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat skont l-imsemmi artikolu. Issa, bħalma ġie indikat fil-punt 32 iktar ’il fuq, dan l-artikolu ma jagħti ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-setturi u tal-produzzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat.

58      Fit-tielet lok, sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u interpretazzjoni uniformi, fi ħdan l-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ akkoppjat, settur agrikolu, fis-sens tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi ddefinit skont kriterji ċari u oġġettivi li jirrigwardaw il-prodotti agrikoli li jaqgħu taħt l-imsemmi settur. Għalhekk, il-kunċett ta’ “settur” ma jistax jiġi ddefinit abbażi tal-prattiki kurrenti u stabbiliti fi Stat Membru għall-produzzjoni ta’ għelejjel li jappartjenu għal tali settur, li ma jirrigwardawx il-prodotti nfushom u jistgħu jvarjaw skont il-kundizzjonijiet eżistenti f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Ewropea ma tipprevedix kriterji speċifiċi li abbażi tagħhom għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ prattika kurrenti u stabbilita fi Stat Membru. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika Franċiża hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà tar-regola ġuridika applikabbli.

59      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li t-taħlitiet ta’ legumi u ta’ ħaxix jikkostitwixxu prattika kurrenti u stabbilita fi Franza fis-settur tal-uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-imsemmi settur fis-sens tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

60      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 fis-sens li huma esklużi mill-appoġġ akkoppjat, minn naħa, il-prodotti li ma humiex imsemmija fil-lista stabbilita fl-imsemmi artikolu jew li ma jagħmlux parti minn wieħed mis-setturi msemmija wkoll fl-imsemmija lista, bħall-ħaxix, u min-naħa l-oħra, it-taħlitiet bejn il-prodotti msemmija iktar ’il fuq u dawk li jaqgħu taħt is-setturi jew il-produzzjoni msemmija espressament f’dan l-artikolu.

61      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv uniku invokat mir-Repubblika Franċiża u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

62      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Costeira

Kancheva

Dimitrakopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.