Language of document : ECLI:EU:C:2020:6

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑15 ta’ Jannar 2020(1)

Kawżi magħquda C511/18 u C512/18

La Quadrature du Net,

French Data Network,

Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs,

Igwan.net (C511/18)

vs

Premier Ministre,

Garde des Sceaux, Ministre de la Justice,

Ministre de l’Intérieur,

Ministre des Armées

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, li qiegħed jaġixxi bħala Qorti Suprema Amministrattiva, Franza))

“Domanda preliminari — L-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — Is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu — Id-Direttiva 2002/58/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 1(3) — Artikolu 15(3) — Artikolu 4(2) TUE — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 6, 7, 8, 11, 47 u 52(1) — Żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data ta’ konnessjoni u ta’ data li tippermetti l-identifikazzjoni tal-ħallieqa tal-kontenut — Ġbir tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni — Aċċess għad-data”






1.        F’dawn l-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet linja ta’ ġurisprudenza kostanti dwar iż-żamma u l-aċċess għad-data personali, li tagħha jikkostitwixxu plieri importanti:

–      Is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (2), fejn id-Direttiva 2006/24/KE (3) ġiet iddikjarata invalida, minħabba li kienet tippermetti ndħil sproporzjonat fid-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

–      Is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (4), li fiha ġie interpretat l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE (5);

–      Is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (6), li fiha ġiet ikkonfermata l-interpretazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/58.

2.        Dawn is-sentenzi (b’mod partikolari, it-tieni waħda) iħassbu lill-awtoritajiet ta’ ċerti Stati Membri, peress li fl-opinjoni tagħhom, għandhom bħala konsegwenza li jċaħħduhom minn strument li jqisu neċessarju għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Għalhekk, uħud minn dawn l-Istati Membri huma favur ir-revoka jew l-attenwazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza.

3.        Ċerti qrati tal-Istati Membri rrilevaw l-istess tħassib f’erba’ rinviji għal deċiżjoni preliminari (7), li fir-rigward tagħhom, f’din l-istess data, għandhom jinqraw il-konklużjonijiet tiegħi.

4.        L-erba’ kawżi jqajmu, qabelxejn, il-problema tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 għal attivitajiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali u mal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jekk din id-direttiva hija applikabbli f’dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat, immedjatament wara, sa fejn l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-drittijiet ta’ privatezza li jipproteġu. Finalment, għandu jiġi eżaminat sa fejn id-diversi dispożizzjonijiet nazzjonali (tal-Gran Brittanja, (8) tal-Belġju (9) u ta’ Franza (10)) dwar dan is-suġġett huma konformi mad-dritt tal-Unjoni, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

I.      Il-kuntest leġiżlattiv

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2002/58

5.        Skont l-Artikolu 1 (“Kamp ta’ applikazzjoni u mira”):

“1.      Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza [ħajja privata] u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif ukoll il-moviment liberu ta’ din id-data u tat-tagħmir u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Komunità.

[…]

3.      Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

6.        L-Artikolu 3 (“Servizzi konċernati”) jindika:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

7.        L-Artikolu 5(1) (“Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni ż-żamma teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità”.

8.        L-Artikolu 6 (“Data dwar it-traffiku”) jipprovdi:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perijodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.”

9.        l-Artikolu 15(1) (“Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE (11)”) jindika:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE”. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perijodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

2.      Id-Direttiva 2000/31/KE (12)

10.      L-Artikolu 14 jipprovdi:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li

[…]

3.      Dan l-artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni”.

11.      Skont l-Artikolu 15:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma”.

3.      Ir-Regolament (UE) 2016/679 (13)

12.      Skont l-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni materjali [ratione materiae]”):

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

a)      matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

b)      mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

(ċ)      minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]”

13.      Skont l-Artikolu 23(1) (“Restrizzjonijiet”):

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

a)      is-sigurtà nazzjonali;

b)      id-difiża;

(ċ)      is-sigurtà pubblika;

d) il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika;

e)      objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

f)      il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

g)      il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati;

h)      funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);

i)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

j)      l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

14.      L-Artikolu 95 (“Relazzjoni mad-Direttiva 2002/58/KE”) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b’rabta mal-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-Direttiva 2002/58/KE”.

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Il-Code de la sécurité intérieure (il-Kodiċi tas-Sigurtà Interna)

15.      Skont l-Artikolu L. 851‑1:

“Fil-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II ta’ dan il-Ktieb, jista’ jkun awtorizzat il-ġbir, mingħand operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u mingħand persuni msemmija fl-Artikolu L. 34–1 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-posta u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi), kif ukoll mingħand il-persuni msemmija fl-Artikolu 6(I)(1) u (2) tal-Loi n.º 2004‑575 […] pour la confiance dans l’économie numérique [(il-Liġi Nru 2004‑575 […], għall-fiduċja fl-ekonomija diġitali)], informazzjoni jew dokumenti pproċessati jew miżmuma min-networks jew mid-dipartimenti ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom, inkluż id-data teknika dwar l-identifikazzjoni tan-numri ta’ abbonati jew ta’ konnessjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom, l-inventarju tan-numri kollha ta’ abbonament jew ta’ konnessjoni ta’ persuna speċifika, il-post tat-tagħmir terminali użat kif ukoll il-komunikazzjonijiet ta’ abbonat li jikkorrispondu mal-lista ta’ numri mċempla jew li ċemplu, it-tul u d-data tal-komunikazzjonijiet […]”.

16.      L-Artikoli L. 851‑2 u L. 851‑4 jirregolaw, skont id-diversi għanijiet u modalitajiet, l-aċċess amministrattiv f’ħin reali għad-data ta’ konnessjoni miżmuma b’dan il-mod.

17.      L-Artikolu L. 851‑2 jawtorizza, esklużivament għall-finijiet ta’ prevenzjoni tat-terroriżmu, il-ġbir, minn dawn l-istess persuni, tal-informazzjoni jew id-dokumenti msemmija fl-Artikolu L. 851‑1. Dan il-ġbir, li jirrigwarda persuna waħda jew diversi persuni identifikati minn qabel bħala suspettati li huma marbuta ma’ theddida terroristika, huwa mwettaq f’ħin reali. Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu L. 851‑4 li jawtorizza t-trażmissjoni, f’ħin reali, mill-operaturi biss tad-data teknika relatata mal-post tat-tagħmir terminali (14).

18.      L-Artikolu L. 851‑3 jippermetti li l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-fornituri ta’ servizzi tekniċi jiġu suġġetti għall-obbligu li “fin-networks tagħhom jimplimentaw ipproċessar awtomatizzat tad-data intiż, skont il-parametri speċifikati fl-awtorizzazzjoni, li jiskopri konnessjonijiet li jistgħu jiżvelaw theddida terroristika (15)”.

19.      L-Artikolu L. 851‑5 jispeċifika li, taħt ċerti kundizzjonijiet “jista’ jiġi awtorizzat l-użu ta’ mezz tekniku li jippermetti l-lokalizzazzjoni f’ħin reali ta’ persuna, ta’ vettura jew ta’ oġġett”.

20.      Skont l-Artikolu L. 851‑6(I), huwa possibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, li “tinġabar […] direttament, permezz ta’ apparat jew ta’ mezz tekniku msemmi fl-Artikolu 226‑3(1) tal-code pénal (il-Kodiċi Kriminali), id-data teknika ta’ konnessjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ tagħmir terminali jew tan-numru tal-abbonament tal-utent tiegħu, kif ukoll id-data dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali użat”.

2.      Il-Code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi)

21.      Skont l-Artikolu L. 34‑1, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti:

“I.      Dan l-artikolu għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku; b’mod partikolari, dan japplika għan-networks responsabbli għall-mezzi ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni.

II.      L-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, b’mod partikolari, il-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti f’li joffru aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, iħassru jew jirrendu anonima d-data kollha dwar it-traffiku, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi III, IV, V u VI.

Il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku għandhom jistabbilixxu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, proċeduri interni li jippermettu li jiġu ssodisfatti t-talbiet tal-awtoritajiet kompetenti.

Il-persuni li, abbażi ta’ attività professjonali prinċipali jew anċillari, joffru lill-pubbliku konnessjoni li tippermetti komunikazzjoni online permezz ta’ aċċess għan-network, anki jekk mingħajr ħlas, għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont dan l-artikolu.

III.      Għall-finijiet tat-tfittxija, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu L. 336‑3 tal-Code de la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali) jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ attakki fuq is-sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ data previsti u punibbli fl-Artikoli 323‑1 sa 323‑3‑1 tal-Kodiċi penali, u bl-uniku għan li jkun possibbli, jekk meħtieġ, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-awtorità ġudizzjarja jew tal-awtorità għolja msemmija fl-Artikolu L. 331‑12 tal-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali jew tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà tas-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu L. 2321‑1 tal-code de la défense (il-Kodiċi tad-difiża), l-operazzjonijiet intiżi għat-tħassir jew li jirrendu anonimi ċerti kategoriji ta’ data teknika jistgħu jiġu posposti għal perijodu massimu ta’ sena. Digriet tal-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat], adottat wara li jintalab il-parir tal-Commission nationale de l’informatique et des libertés (il-Kummissjoni nazzjonali tal-informatika u tal-libertà), għandu jiddetermina, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu VI, dawn il-kategoriji ta’ data u t-tul taż-żamma tagħha, skont l-attività tal-operaturi u n-natura tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll il-modalitajiet tal-kumpens, jekk ikun il-każ, ta’ spejjeż addizzjonali identifikabbli u speċifiċi tas-servizzi mogħtija fuq din il-bażi, fuq talba tal-Istat, mill-operaturi.

[…]

VI.      Id-data miżmuma u pproċessata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi III, IV u V tirrigwarda esklużivament l-identifikazzjoni tal-persuni li jużaw is-servizzi pprovduti mill-operaturi, fuq il-karatteristiċi tekniċi tal-komunikazzjonijiet ipprovduti minn dawn tal-aħħar u fuq il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali.

Din fl-ebda każ ma għandha tkun tirrigwarda l-kontenut tal-korrispondenza skambjata jew tal-informazzjoni kkonsultata, fi kwalunkwe forma, fil-kuntest ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

Iż-żamma u l-ipproċessar ta’ din id-data ssir b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-loi n°78‑17 du 6 janvier 1978 relative à l’informatique, aux fichiers et aux libertés [il-Liġi Nru 78‑17 tas‑6 ta’ Jannar 1978 dwar l-informatika, il-fajls u l-libertajiet].

L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jipprevjenu li din id-data tintuża għal finijiet li ma humiex dawk previsti f’dan l-artikolu”.

22.      Skont l-Artikolu R. 10‑13(I), l-operaturi għandhom iżommu għall-finijiet tat-tfittxija, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, id-data li ġejja:

“a)      L-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent;

b)      Id-data relatata mat-tagħmir terminali ta’ komunikazzjonijiet użat;

c)      Il-karatteristiċi tekniċi, kif ukoll id-data, il-ħin u t-tul ta’ kull komunikazzjoni;

d)      Id-data relatata mas-servizzi komplementari mitluba jew użati u l-fornituri tagħhom;

e)      Id-data li tippermetti li jiġu identifikati d-destinatarju jew id-destinatarji tal-komunikazzjoni”.

23.      Skont il-paragrafu II tal-istess dispożizzjoni, fil-każ ta’ attivitajiet ta’ telefonija, l-operatur għandu, barra minn hekk, iżomm id-data li jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-oriġini u tal-lokalizzazzjoni tal-komunikazzjoni.

24.      Skont il-paragrafu III tal-istess artikolu, id-data msemmija għandha tinżamm għal sena, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha.

3.      Il-Loi n° 2004575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique (il-Liġi Nru 2004575 tal21 ta’ Ġunju 2004 dwar il-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali)

25.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(II) tal-Liġi 2004‑575 jipprovdi li l-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti f’offerta ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaħżnu, anki bla ħlas, għat-tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, ta’ sinjali, ta’ kitbiet, ta’ immaġini, ta’ ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kull natura pprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi, għandhom “iżommu u jippreżervaw id-data b’mod li tkun possibbli l-identifikazzjoni ta’ kull min ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi li tagħhom huma fornituri”.

26.      It-tielet subparagrafu tal-paragrafu II tal-istess dispożizzjoni jippreċiża li l-awtorità ġudizzjarja tista’ teżiġi li dawn il-persuni jikkomunikaw id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu.

27.      Skont l-aħħar subparagrafu tal-punt II, permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandha tiġi ddefinita “d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu u għandhom jiġu ddeterminati t-tul u l-modalitajiet taż-żamma tagħha” (16).

II.    Il-fatti u d-domandi preliminari magħmula

A.      Il-Kawża C511/18

28.      Il-Quadrature du Net, French Data Network, Igwan.net u l-Fédération des fournisseurs d’accès à internet associatifs (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) talbu lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) l-annullament ta’ diversi digrieti ta’ żvilupp ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tas-sigurtà interna (17).

29.      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li kemm id-digrieti ikkontestati kif ukoll dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tas-sigurtà interna kienu jmorru kontra d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata, għall-protezzjoni tad-data personali u għal rimedju effettiv, iggarantiti rispettivament mill-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      L-obbligu ġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma, impost fuq il-fornituri abbażi tad-dispożizzjonijiet permissivi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], għandu jitqies, f’kuntest ikkaratterizzat minn theddid gravi u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, u b’mod partikolari mir-risku ta’ terroriżmu, bħala indħil iġġustifikat abbażi tad-dritt għas-siġurtà iggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta […] u abbażi tar-rekwiżiti ta’ sigurtà nazzjonali li jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 4 [TUE]?

2)      Id-Direttiva [2002/58], moqrija fid-dawl tal-Karta […], għandha tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza miżuri leġiżlattivi, bħal miżuri ta’ ġbir f’ħin reali tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni ta’ individwi speċifiċi, li, filwaqt li jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ fornituri ta’ servizz ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi, ma jimponulhomx, madankollu, obbligu speċifiku ta’ żamma tad-data tagħhom?

3)      Id-Direttiva [2002/58], moqrija fid-dawl tal-Karta […], għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tissuġġetta, f’kull każ, ir-regolarità tal-proċeduri ta’ ġbir ta’ data ta’ konnessjoni għar-rekwiżit li l-persuni kkonċernati jiġu informati meta tali informazzjoni ma tkunx iktar ta’ natura li tikkomprometti l-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet kompetenti, jew inkella tali proċeduri jistgħu jitqiesu li huma regolari fid-dawl tal-garanziji proċedurali l-oħra kollha li jeżistu, peress li dawn tal-aħħar jiggarantixxu l-effettività ta’ dritt għal rimedju?

B.      Il-Kawża C512/18

31.      Ir-rikorrenti fit-tilwima li tat lok għall-Kawża C‑511/18, bl-eċċezzjoni ta’ Igwan.net, adixxew ukoll lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li annulla ċ-ċaħda (impliċita) tat-talba tagħhom għat-tħassir tal-Artikolu R. 10–13 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-posta u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi) u tad-Digriet Nru 2011–219 tal‑25 ta’ Frar 2011.

32.      Skont dawn ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jimponu obbligu ta’ żamma tad-data dwar it-traffiku, tad-data dwar il-lokalizzazzjoni u l-konnessjoni li, minħabba n-natura ġenerali tiegħu, jikkostitwixxi ksur sproporzjonat tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, għall-protezzjoni tad-data personali u għal-libertà ta’ espressjoni, protetti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, bi ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

33.      F’dan ir-rikors, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ifformula din id-domanda preliminari:

“1)      L-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata [obbligu ġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma], impost lill-fornituri fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet permissivi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58] […], għandu jitqies, b’mod partikolari fid-dawl tal-garanziji u kontrolli sussegwentement inerenti fil-ġabra u fl-użu ta’ din id-data ta’ konnessjoni, bħala indħil iġġustifikat mid-dritt għas-sigurtà ggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta […] u r-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali, li r-responsabbiltà għalihom taqa’ biss fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4 [TUE]?

2)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2000/31][…], moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-offerta ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiżguraw, anki gratwitament, billi jqiegħdu servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, il-ħażna ta’ sinjali, ta’ kitbiet, ta’ immaġini, ta’ ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kull natura pprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi, iż-żamma tad-data b’mod li jkun jista’ jiġi identifikat kull min ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi pprovduti minnhom, sabiex l-awtorità ġudizzjarja tkun tista’, jekk ikun il-każ, tirrikorri għall-komunikazzjoni ta’ din id-data bil-għan li tiżgura l-osservanza tar-regoli relatati mar-responsabbiltà ċivili jew kriminali?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjonijiet tal-partijiet

34.      Id-domandi preliminari waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Awwissu 2018.

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn La Quadrature du Net, mill-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, French Data Network, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Brittaniku, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Estonjan, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Irlandiż u mill-Gvern Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni.

36.      Fid‑9 ta’ Settembru 2019 inżammet seduta pubblika; din inżammet flimkien mas-seduti tal-Kawża C‑623/17, Privacy International u tal-Kawża C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, li fiha dehru l-partijiet tal-erba’ rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-gvernijiet iċċitati iktar ’il fuq u dawk tal-Olanda u tan-Norveġja, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni ta’ Data personali.

IV.    Analiżi

37.      Id-domandi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistgħu jinġabru fi tlieta:

–      L-ewwel nett, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu b’mod ġeneralizzat u mingħajr distinzjoni d-data ta’ konnessjoni (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑511/18 u fil-Kawża C‑512/18) u, b’mod partikolari, id-data li tippermetti li jiġu identifikati l-ħallieqa tal-kontenut offruti mill-imsemmija fornituri (it-tieni domanda fil-Kawża C‑512/18), hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

–      It-tieni nett, jekk il-leġittimità tal-proċeduri ta’ ġbir tad-data ta’ konnessjoni hijiex, fi kwalunkwe każ, suġġetta għall-obbligu li l-persuni kkonċernati jiġu informati, meta ma jiġux kompromessi l-investigazzjonijiet (it-tielet domanda fil-Kawża C‑511/18).

–      It-tielet nett, jekk il-ġbir f’ħin reali tad-data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni, mingħajr obbligu li dawn jinżammu, huwiex kompatibbli — u taħt liema kundizzjonijiet — mad-Direttiva 2002/58 (it-tieni domanda fil-Kawża C‑511/18).

38.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi żewġ tipi ta’ obbligi fuq fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi: a) minn naħa, il-ġbir ta’ ċerta data, iżda mhux iż-żamma tagħha; b) min-naħa l-oħra, iż-żamma tad-data tal-konnessjoni u ta’ dik li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-ħallieqa tal-kontenut tas-servizzi pprovduti minn tali fornituri.

39.      Għandu jiġi deċiż minn qabel jekk, preċiżament minħabba l-kuntest (18) li fih ġiet promulgata din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (jiġifieri, f’ċirkustanzi li fihom is-sigurtà nazzjonali tista’ tkun kompromessa), id-Direttiva 2002/58 hijiex applikabbli.

A.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58

40.      Il-qorti tar-rinviju tassumi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58. Dan isegwi, fl-opinjoni tagħha, mill-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson u kkorroborata fis-sentenza Ministerio Fiscal.

41.      Min-naħa l-oħra, xi wħud mill-Gvernijiet intervenjenti jsostnu li l-leġiżlazzjoni kkontestata ma taqax taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Sabiex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom dawn isemmu, fost argumenti oħra, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (19).

42.      Naqbel mal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li s-sentenza Tele2 Sverige u Watson iddeċidiet din il-parti tad-dibattitu, billi kkonfermat li d-Direttiva 2002/58 tapplika, bħala prinċipju, meta l-fornituri ta’ servizzi elettroniċi huma obbligati mil-liġi li jżommu d-data tal-abbonati tagħhom u li jippermettu li l-awtoritajiet pubbliċi jaċċedu għaliha. Il-fatt li l-obbligi huma imposti fuq il-fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali ma jbiddilx din il-pożizzjoni.

43.      Nixtieq nosserva, u sa minn issa, li, jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn is-sentenza Tele2 Sverige u Watson u dawk ta’ qabel, din tal-aħħar għandha titqies li tieħu l-preċedenza, sa fejn din ingħatat wara u ġiet ikkonfermata mill-ġdid mis-sentenza Ministerio Fiscal. Jiena naħseb, madankollu, li ma hemmx nuqqas ta’ qbil, kif ser nipprova nispjega.

1.      Is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

44.      Il-kawżi deċiżi bis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni kienu jikkonċernaw:

–      Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-passiġġieri mit-trasportaturi tal-ajru lill-awtoritajiet Amerikani (20).

–      In-natura adegwata tal-protezzjoni tad-data personali li tinsab fir-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri, li tiġi ttrasferita lill-imsemmija awtoritajiet (21).

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li t-trasferiment ta’ din id-data kien ipproċessar li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika u l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam tad-dritt kriminali. Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, iż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

46.      Id-data kienet, oriġinarjament, miġbura mill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest ta’ attività — il-bejgħ ta’ biljetti — li jaqa’ taħt l-isfera ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-ipproċessar tagħha, hekk kif previst fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex neċessarju “sabiex jingħataw servizzi iżda […] huwa meqjus bħala neċessarju sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà pubblika u għal finijiet repressivi” (22).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk adottat approċċ teleoloġiku, li jqis l-għan imfittex bl-ipproċessar tad-data: jekk dan huwa intiż għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, huwa għandu jiġi kkunsidrat li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. Madankollu, dan l-għan ma kienx l-uniku kriterju determinanti (23), għalhekk is-sentenza enfasizzat li dan “isir f’kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika” (24).

48.      Is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni tippermetti, għalhekk, li tiġi evalwata d-differenza bejn il-klawżola ta’ esklużjoni u l-klawżoli ta’ restrizzjoni jew ta’ limitazzjoni tad-Direttiva 95/46 (analogi għal dawk tad-Direttiva 2002/58). Madankollu, huwa minnu li ż-żewġ tipi ta’ klawżoli jikkonċernaw għanijiet ta’ interess ġenerali simili, u dan joħloq konfużjoni fir-rigward tal-portata rispettiva tagħhom, kif innota l-Avukat Ġenerali Bot (25).

49.      Din il-konfużjoni hija probabbilment l-oriġini tat-teżi sostnuta mill-Istati Membri li jargumentaw favur l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2002/58 f’dan il-kuntest. Fil-fehma tagħhom, l-interess tas-sigurtà nazzjonali huwa salvagwardjat biss bl-esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. Il-fatt huwa, madankollu, li l-anki l-limitazzjonijiet awtorizzati mill-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, fosthom dik relatata mas-sigurtà nazzjonali, iservu dan l-istess interess. Din l-aħħar dispożizzjoni tkun superfluwa kieku d-Direttiva 2002/58 ma tapplikax għal kwalunkwe invokazzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

2.      Is-sentenza Tele2 Sverige u Watson

50.      Is-sentenza Tele2 Sverige u Watson kienet tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti sistemi nazzjonali li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, obbligu ġenerali li jżommu d-data dwar dawn il-komunikazzjonijiet. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi kienu sostanzjalment identiċi għal dawk inkwistjoni f’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari.

51.      Għal darba oħra mistoqsija dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni — issa fil-vesti tad-Direttiva 2002/58 — il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi tirrileva li “l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-istruttura ġenerali tagħha” (26).

52.      F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja wissiet li, “[h]uwa minnu li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 huma marbuta ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi […]. Barra minn hekk, l-għanijiet li, skont din id-dispożizzjoni, tali miżuri għandhom jissodisfaw, f’dan il-każ il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, […], jikkoinċidu sostanzjalment mal-għanijiet segwiti mill-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva” (27).

53.      Huwa għalhekk, li l-iskop tal-miżuri li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri sabiex jillimitaw id-dritt għall-ħajja privata jikkoinċidi (f’dan ir-rigward) ma’ dak li jiġġustifika li ċerti attivitajiet statali jiġu eżentati mis-sistema tad-direttiva, b’mod konformi mal-Artikolu 1(3) tagħha.

54.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fehmet li “fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2002/58”, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix “il-konklużjoni li l-miżuri leġiżlattivi previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għaliex dan inkella jċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija fiha […] jaqgħu [taħt il]-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva, peress li din tal-aħħar tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex jadottawhom biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnha” (28).

55.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tesponi li l-limitazzjonijiet awtorizzati fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 “jirregolaw, għall-finijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”. Għaldaqstant, tali artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, “għandu jiġi interpretat fis-sens li tali miżuri leġiżlattivi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva” (29).

56.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 kemm miżura leġiżlattiva li timponi fuq il-fornituri “[l-obbligu li] jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni peress li tali attività timplika neċessarjament ipproċessar, minn dawn il-fornituri, ta’ data personali” (30), bħal dik li tirregola l-aċċess tal-awtoritajiet għad-data miżmuma minn dawn il-fornituri (31).

57.      L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58 assunta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson hija rrepetuta fis-sentenza Ministerio Fiscal.

58.      Jista’ jitqies li s-sentenza Tele2 Sverige u Watson tirrappreżenta bidla, ftit jew wisq impliċita, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni? Din hija l-fehma, pereżempju, tal-Gvern tal-Irlanda, li jsostni li hija biss din tal-aħħar li hija kompatibbli mal-bażi legali tad-Direttiva 2002/58 u li tosserva l-Artikolu 4(2) TUE (32).

59.      Il-Gvern Franċiż iqis, min-naħa tiegħu, li l-kontradizzjoni tista’ tingħeleb jekk jiġi nnotat li l-ġurisprudenza tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson tirreferi għall-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tad-dritt kriminali, filwaqt li dik stabbilita fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni hija marbuta mas-sigurtà tal-Istat u mad-difiża. B’hekk, il-ġurisprudenza tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson ma hijiex applikabbli għall-każ inkwistjoni hawnhekk, fejn għandha tiġi applikata s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (33).

60.      Kif diġà esponejt, jidhirli li jista’ jinstab mezz li bih dawn iż-żewġ sentenzi jiġu rrikonċiljati, li huwa differenti minn dak imħaddan mill-Gvern Franċiż. Jiena ma naqbilx ma’ dan tal-aħħar, peress li, fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson li jirreferu espliċitament għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (34) jistgħu jiġu estiżi għal kwalunkwe theddida oħra kontra s-sigurtà nazzjonali (fejn it-terroriżmu huwa theddida oħra).

3.      Possibbiltà li s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni tiġi interpretata b’mod rikonċiljatorju mas-sentenza Tele2 Sverige u Watson

61.      Fil-fehma tiegħi, fis-sentenzi Tele2 Sverige u Watson u Ministerio Fiscal, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni r-raġuni għall-eżistenza tal-klawżoli ta’ esklużjoni u ta’ restrizzjoni, kif ukoll ir-relazzjoni sistematika bejn iż-żewġ tipi ta’ klawżoli.

62.      Għalkemm, fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ipproċessar tad-data kien jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, dan kien dovut, kif diġà fakkart, għall-fatt li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, f’kuntest tipikament internazzjonali, id-dimensjoni statali tal-attività għandha tieħu l-preċedenza fuq l-fatt li dan l-ipproċessar jinkludi wkoll dimensjoni kummerċjali jew privata. Għalhekk, waħda mill-kwistjonijiet diskussi kienet, ġustament, il-bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata.

63.      B’kuntrast, fir-rigward tal-miżuri nazzjonali eżaminati fis-sentenzi Tele2 Sverige u Watson u Ministerio Fiscal, il-Qorti tal-Ġustizzja poġġiet l-ewwel il-portata intern tal-ipproċessar tad-data: il-kuntest leġiżlattiv li fih dan twettaq kien esklużivament nazzjonali u għalhekk ma kienx hemm id-dimensjoni esterna li kkaratterizzat l-għan tas-sentenza tal-Parlament vs il-Kunsill u Il-Kummissjoni.

64.      Il-piż differenti tad-dimensjonijiet internazzjonali u interni (kummerċjali u privat) tal-ipproċessar tad-data kellu bħala konsegwenza li, fl-ewwel każ, il-klawżola ta’ esklużjoni tad-dritt tal-Unjoni ġiet imposta bħala li hija l-iktar waħda xierqa għall-protezzjoni tal-interess ġenerali irrappreżentat mis-sigurtà nazzjonali. It-tieni, min-naħa l-oħra, dan l-istess interess seta’ jintlaħaq effiċjentement bil-klawżola ta’ limitazzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

65.      Tista’ wkoll tiġi osservata differenza oħra, marbuta mal-kuntest leġiżlattiv differenti: kull waħda minn dawn is-sentenzi kienet tiffoka fuq l-interpretazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet li, lil hinn mid-dehra tagħhom, ma humiex ugwali.

66.      Għalhekk, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, filwaqt li s-sentenza Tele2 Sverige u Watson ingħatat abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. Qari b’attenzjoni ta’ dawn l-artikoli juri manifestament differenza suffiċjenti sabiex jiġi sostnut is-sens tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet.

67.      Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, “[d]in id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali […] [imwettaq] fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, […] u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali” (35).

68.      Min-naħa tiegħu, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, din tal-aħħar “ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea […], u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali” (36).

69.      Filwaqt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46 jeskludi l-ipproċessar tad-data fir-rigward — għall-finijiet ta’ dan il-każ — tas-sigurtà tal-Istat, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 jagħmel dan jeskludi l-attivitajiet intiżi sabiex jissalvagwardjaw — ukoll għall-finijiet ta’ dan il-każ — is-sigurtà tal-Istat.

70.      Id-differenza hija sinjifikattiva. Id-Direttiva 95/46 kienet tħalli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha attività (l-“ipproċessar ta’ data personali”) li kulħadd jista’ jwettaq. Għal din l-attività, kien speċifikament eskluż l-ipproċessar li l-għan tiegħu kien, b’mod partikolari, is-sigurtà tal-Istat. Min-naħa l-oħra, hija irrilevanti n-natura tas-suġġett li jwettaq l-ipproċessar tad-data. L-approċċ adottat għall-identifikazzjoni tal-azzjonijiet esklużi kien, għalhekk, teleoloġiku jew iffinalizzat, u mingħajr distinzjoni ta’ persuni fir-rigward tal-atturi tagħhom.

71.      Għalhekk wieħed jista’ jifhem għalfejn, fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, primarjament ħadet inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-ipproċessar tad-data. Ma kienx rilevanti l-fatt “li d-data […] kienet ġiet miġbura minn operaturi privati għal finijiet kummerċjali u minħabba li huma dawn ta’ l-aħħar li jorganizzaw it-trasferiment tagħhom lejn Stat terz”, peress li l-element determinanti huwa li “dan it-trasferiment isir f’kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika” (37).

72.      Min-naħa l-oħra, “l-attivitajiet li għandhom bħala suġġett is-sigurtà ta’ l-Istat”, li ma humiex parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 analizzat fil-kawża Tele2 Sverige u Watson, ma jistgħux jitwettqu minn kulħadd, iżda biss mill-Istat innifsu. Barra minn hekk, il-funzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji tal-Istat ma humiex inklużi magħhom iżda huma inklużi biss l-azzjonijiet materjali tal-awtoritajiet pubbliċi.

73.      Fil-fatt, l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 “f’kull każ, attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi” (38). Madankollu, dawn l-“attivitajiet” ma jistgħux ikunu ta’ natura leġiżlattiva. Kieku dan kien il-każ, id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-Istati Membri dwar l-ipproċessar tad-data personali jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, sakemm dawn ma jkunux iġġustifikati bħala neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Istat.

74.      Minn naħa, dan iwassal għal telf kunsiderevoli fl-effikaċja tal-imsemmija direttiva, peress li s-sempliċi invokazzjoni ta’ kunċett legali daqstant indeterminat bħal dak tas-sigurtà nazzjonali hija biżżejjed sabiex tirrendi inapplikabbli għall-Istati Membri s-salvagwardji mfassla mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadini. Din il-protezzjoni hija imprattikabbli mingħajr l-għajnuna tal-Istati Membri u l-garanzija tagħhom hija żgurata, għaċ-ċittadin, anki fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali.

75.      Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attivitajiet tal-Istat” li tkun tinkludi l-attivitajiet li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ regoli u ta’ dispożizzjonijiet legali tkun iċċaħħad mis-sens tiegħu tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, li ġustament jawtorizza lill-Istati Membri biex — għal raġunijiet ta’ protezzjoni, inter alia, tas-sigurtà nazzjonali — jadottaw “miżuri legali” bil-għan li jnaqqsu l-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi inklużi fl-istess direttiva (39).

76.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-kawża Tele2 Sverige u Watson, “il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-istruttura ġenerali tagħha” (40). Minn din il-perspettiva, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 li tkun tagħmel sens mingħajr telf tal-effikaċja tagħhom hija dik li tidentifika, fl-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, esklużjoni materjali tal-attivitajiet eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali (u ekwivalenti) u, it-tieni nett, awtorizzazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri leġiżlattivi (jiġifieri regoli ta’ applikazzjoni ġenerali) li, fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, jaffettwaw l-attivitajiet tal-individwi suġġetti għall-imperium tal-Istati Membri, billi jiġu limitati d-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 2002/58.

4.      Esklużjoni tas-sigurtà nazzjonali fid-Direttiva 2002/58

77.      Is-sigurtà nazzjonali (jew l-espressjoni sinonima tagħha, “is-sigurtà tal-Istat”, kif jenfasizza l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58) hija suġġetta għal kunsiderazzjoni doppja fid-Direttiva 2002/58. Minn naħa, din tikkostitwixxi kawża ta’ esklużjoni (tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva) għal dawk l-attivitajiet kollha tal-Istati Membri li, speċifikament, “jikkonċernaw[ha]”. Min-naħa l-oħra, din hija kawża ta’ limitazzjoni, li għandha tiġi implimentata b’liġi, tad-drittijiet u tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2002/58, jiġifieri għal attivitajiet ta’ natura privata jew kummerċjali, li ma humiex relatati mal-kontroll tal-attivitajiet sovrani (41).

78.      Għal liema attivitajiet jirreferi l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58? Fil-fehma tiegħi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) joffri huwa stess eżempju tajjeb billi jsemmi l-Artikoli L. 851‑5 u L. 851‑6 tal-Kodiċi tas-sigurtà interna, billi jirreferi għal “tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni li huma applikati direttament mill-Istat, iżda li ma jirregolawx l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi billi jimponu fuqhom obbligi speċifiċi” (42).

79.      Jiena naħseb li hawn tinsab iċ-ċavetta sabiex wieħed jifhem il-portata tal-esklużjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. Ma humiex suġġetti għas-sistema tagħha l-attivitajiet li, intiżi sabiex tiġi ppreżervata s-sigurtà nazzjonali, jitwettqu b’mod awtonomu mill-awtoritajiet pubbliċi, mingħajr ma jitolbu l-kollaborazzjoni ta’ individwi u, għaldaqstant, mingħajr l-impożizzjoni fuqhom ta’ obbligi fit-tmexxija tan-negozju tagħhom.

80.      Il-firxa ta’ attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi eżentati mill-iskema ġenerali tal-ipproċessar tad-data personali għandha, madankollu, tiġi interpretata b’mod restrittiv. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ sigurtà nazzjonali, li huwa esklużivament responsabbiltà ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2) TUE, ma jistax jiġi estiż għal setturi oħra, ftit jew wisq qrib, tal-ħajja pubblika.

81.      Billi dawn id-domandi preliminari jirreferu għall-involviment ta’ individwi (jiġifieri, persuni li jipprovdu s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti) u mhux għas-sempliċi intervent tal-awtoritajiet tal-Istat, ma huwiex neċessarju li jkun hemm elaborazzjoni fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-parametri tas-sigurtà nazzjonali stricto sensu.

82.      Jiena nqis, madankollu, li jista’ jservi ta’ gwida l-kriterju tad-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI (43), li l-Artikolu 2(a) tiegħu jiddistingwi bejn is-servizzi ta’ sigurtà fis-sens wiesa’ — li jinkludu “pulizija nazzjonali, awtorità doganali jew awtorità oħra, li tkun awtorizzata mil-liġi nazzjonali li tiskopri, tipprevjeni u tinvestiga reati jew attivitajiet kriminali u li teżerċita awtorità u tieħu miżuri koerċittivi fil-kuntest ta’ tali attivitajiet” — minn naħa, u l-“aġenziji jew unitajiet li jittrattaw speċjalment kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali”, min-naħa l-oħra (44).

83.      Fil-ħdax‑il premessa tad-Direttiva 2002/58 huwa ddikjarat li din, “bħad-Direttiva 95/46 […], ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi [tal-Unjoni]”. B’hekk, id-Direttiva 2002/58 “ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza [ħajja privata] u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni ta’ […] sigurta ta’ l-Istat […]”.

84.      Fil-fatt, teżisti kontinwità bejn id-Direttiva 95/46 u d-Direttiva 2002/58 f’dak li jikkonċerna l-kompetenzi tal-Istati Membri dwar is-sigurtà nazzjonali. L-ebda waħda minn dawn it-tnejn ma hija intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali f’dan il-qasam speċifiku, li fih l-attivitajiet tal-Istati Membri ma humiex “regolati mil-liġi [tal-Unjoni]”.

85.      Il-“bilanċ” imsemmi f’din il-premessa jirriżulta mill-ħtieġa li jiġu osservati l-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, meta jiġu eżerċitati b’mod dirett u bil-mezzi tagħhom stess. Min-naħa l-oħra, meta, anki għal dawn l-istess raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ikun meħtieġ l-involviment ta’ individwi, li fuqhom jiġu imposti ċerti obbligi, din iċ-ċirkustanza tiddetermina d-dħul f’qasam (il-protezzjoni tal-ħajja privata li l-osservanza tagħha hija meħtieġa minn dawn l-atturi privati) irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

86.      Kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll id-Direttiva 2002/58 jippruvaw jilħqu dan il-bilanċ billi jawtorizzaw li d-drittijiet tal-individwi jkunu jistgħu jiġu limitati bis-saħħa ta’ miżuri leġiżlattivi adottati mill-Istati skont l-Artikoli 13(1) u 15(1) tagħhom, rispettivament. F’dan ir-rigward, ma hemm ebda differenza bejn dawn iż-żewġ punti.

87.      Fir-rigward tar-Regolament Nru 2016/679, li jistabbilixxi qafas ġenerali (ġdid) għall-protezzjoni tad-data personali, l-Artikolu 2(2) tiegħu jeskludi l-“ipproċessar ta’ data personali” meta l-Istati Membri “iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE”.

88.      Bl-istess mod kif fid-Direttiva 95/46 l-ipproċessar tad-data personali kien ikkwalifikat biss skont l-iskop tiegħu, irrispettivament minn min iwettqu, fir-Regolament Nru 2016/679 it-tipi ta’ ipproċessar esklużi huma identifikati kemm skont l-iskop tagħhom kif ukoll skont l-awturi tagħhom: huma esklużi dawk imwettqa mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attività mhux inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 2(2)(a) u (b)), u dawk eżegwiti mill-awtoritajiet għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali u ta’ protezzjoni kontra theddid għas-sigurtà pubblika (45).

89.      L-identifikazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet tal-awtorità pubblika għandha neċessarjament tkun restrittiva, sa fejn jekk dan ma jkunx hekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħajja privata tiġi mċaħħda minn kull effett utli. Ir-Regolament Nru 2016/679 jipprevedi, fl-Artikolu 23 tiegħu — f’konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 — il-limitazzjoni, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, tad-drittijiet u tal-obbligi li huwa jistabbilixxi, meta dan ikun neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati, fost għanijiet oħra, is-sigurtà tal-Istat, id-difiża jew is-sigurtà pubblika. Għal darba oħra, li kieku l-protezzjoni ta’ dawn l-għanijiet tkun suffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2016/679, l-invokazzjoni tas-sigurtà tal-Istat bħala ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, tad-drittijiet iggarantiti minn dan ir-regolament tkun superfluwa.

90.      L-istess bħal fil-każ tad-Direttiva 2002/58, ma jkunx koerenti li l-miżuri leġiżlattivi previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2016/679 (li, nirrepeti, jawtorizzaw limitazzjonijiet statali għad-drittijiet għall-ħajja privata taċ-ċittadini għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-Istat) jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, fl-istess ħin, li l-kopertura tas-sigurtà tal-Istat tirrendi l-istess regolament awtomatikament inapplikabbli, li jkun jimplika l-assenza ta’ rikonoxximent ta’ kwalunkwe dritt suġġettiv.

B.      Konferma u possibbiltajiet ta’ żvilupp tal-ġurisprudenza Tele2 Sverige u Watson

91.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑520/18 wettaqt analiżi ddettaljata (46) tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam fejn ipproponejt, bħala konklużjoni, li din għandha tiġi kkonfermata, filwaqt li ssuġġerejt xi modi ta’ interpretazzjoni sabiex il-kontenut tagħha jiġi ppreċiżat.

92.      Nagħmel riferiment għal din l-analiżi, li ma jidhirlix li huwa indispensabbli li tiġi ttrasportata hawnhekk għal raġunijiet ta’ sempliċi ekonomija. Ir-riflessjonijiet li ser nagħmel sussegwentement dwar id-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandhom għalhekk jinqraw fid-dawl tal-punti korrispondenti tal-konklużjonijiet tal-Kawża C‑520/18.

C.      Risposta għad-domandi preliminari

1.      Dwar l-obbligu taż-żamma tad-data (l-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C511/18 u C512/18 u t-tieni domanda preliminari fil-Kawża C512/18)

93.      Fir-rigward tal-obbligu ta’ żamma ta’ data impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod partikolari:

–      Jekk dan l-obbligu, eżegwibbli taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jikkostitwixxi ndħil iġġustifikat mid-“dritt għas-sigurtà” iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta u minn imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali (l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, kif ukoll it-tielet domanda fil-Kawża C‑511/18).

–      Jekk id-Direttiva 2000/31 tippermettix iż-żamma ta’ data li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuni li kkontribwixxew għall-ħolqien tal-kontenut aċċessibbli għall-pubbliku online (it-tieni domanda fil-Kawża C‑512/18).

a)      Kunsiderazzjoni preliminari

94.      Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) isemmi d-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 (rispett għall-ħajja privata u tal-familja), 8 (protezzjoni tad-data personali) u 11 (libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni) tal-Karta. Fil-fatt, dawn huma dawk li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jkunu affettwati mill-obbligu li tinżamm id-data dwar it-traffiku li l-awtoritajiet nazzjonali jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (47).

95.      Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll id-dritt għas-sigurtà protett mill-Artikolu 6 tal-Karta. Iktar milli bħala dritt eventwalment affettwat, hija tinvokah bħala fattur li jista’ jilleġittima l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu.

96.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-invokazzjoni tal-Artikolu 6 f’dawn it-termini tista’ tkun ekwivoka. Bħall-Kummissjoni, inqis li din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala li għandha kapaċità “li timponi fuq l-Unjoni obbligu pożittiv li tadotta miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-persuni kontra atti kriminali” (48).

97.      Is-sigurtà ggarantita mill-imsemmi artikolu tal-Karta ma hijiex identika għas-sigurtà pubblika. Jew, jekk trid, għandha x’taqsam ma’ din tal-aħħar, bħal kull dritt fundamentali ieħor, sa fejn is-sigurtà pubblika hija kundizzjoni indispensabbli għat-tgawdija tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali.

98.      Kif tfakkar il-Kummissjoni, l-Artikolu 6 tal-Karta jaqbel mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjawh. Mill-qari tal-Artikolu 5 tal-KEDB jirriżulta li s-“sigurtà” li hija protetta fih, hija strettament is-sigurtà personali, intiża bħala garanzija tad-dritt għal-libertà fiżika kontra l-arrest jew id-detenzjoni arbitrarji. Is-sigurtà, fil-qosor, li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet, taħt il-kundizzjonijiet u skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi.

99.      Għaldaqstant, hija s-sigurtà personali, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li bihom il-libertà fiżika tal-persuni tista’ tkun limitata (49), u mhux tas-sigurtà pubblika inerenti għall-eżistenza tal-Istat, li hija rekwiżit essenzjali, f’soċjetà żviluppata, sabiex l-eżerċizzju tal-awtoritajiet pubbliċi jiġi kkonċiljat mat-tgawdija tad-drittijiet individwali.

100. Uħud mill-Gvernijiet madankollu jitolbu li tingħata iktar importanza lid-dritt għas-sigurtà fit-tieni wieħed minn dawn il-każijiet. Fil-verità, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux talli ma injoratux, talli semmietu espressament fis-sentenzi (50) u fl-opinjonijiet tagħha (51). Hija qatt ma ċaħdet l-importanza tal-għanijiet ta’ interess ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku (52), fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fiż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, u fil-ġlieda kontra reati serji sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika (53), li ġustament hija kkwalifikat bħala “ta’ importanza ewlenija” (54). Kif enfasizza fi żmienu, “il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn” (55).

101. Jista’ jittieħed vantaġġ mill-possibbiltà offruta minn dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi proposta b’mod iktar ċar it-tfittxija ta’ bilanċ bejn id-dritt għas-sigurtà, minn naħa, u d-dritt għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, min-naħa l-oħra. Dan jevita l-kritika li dan tal-aħħar huwa ffavorit għad-detriment ta’ dan tal-ewwel.

102. Isir riferiment għal dan il-bilanċ, fil-fehma tiegħi, fil-ħdax‑il premessa u fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, meta dawn jitkellmu dwar ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità tal-miżuri f’soċjetà demokratika. Id-dritt għas-sigurtà, nirrepeti, huwa sostanzjali għall-eżistenza u għas-sopravvivenza nnifishom ta’ demokrazija, fatt li jiġġustifika li dan jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din il-proporzjonalità. Fi kliem ieħor, jekk il-preżervazzjoni tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tad-data hija ta’ importanza ewlenija f’soċjetà demokratika, lanqas ma tista’ tiġi ssottovalutata l-importanza tas-sigurtà tagħha.

103. Il-kuntest ta’ theddid serju u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, u b’mod partikolari r-riskju ta’ terroriżmu, għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni, f’konformità ma’ dak li ġie affermat fl-aħħar sentenza tal-punt 119 tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson. Sistema nazzjonali tista’ twieġeb b’mod proporzjonali għan-natura u għall-intensità tat-theddid li għandha quddiemha, mingħajr neċessarjament ma din ir-risposta għandha tkun identika għal dik ta’ Stati Membri oħra.

104. Fl-aħħar nett, irrid inżid, li r-riflessjonijiet preċedenti ma jipprekludux li, f’sitwazzjonijiet strettament eċċezzjonali, ikkaratterizzati minn theddida imminenti jew minn riskju eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni uffiċjali tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fi Stat Membru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, għal żmien limitat, il-possibbiltà li jiġi impost obbligu ta’ żamma ta’ data li jkun daqstant wiesgħa u ġenerali daqs kemm jitqies meħtieġ (56).

105. Konsegwentement, l-ewwel domanda taż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi rriformulata, billi tiġi indirizzata, pjuttost, lejn il-possibbiltà li l-indħil jiġi ġġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Għalhekk, id-dubju jkun jirrigwarda jekk l-obbligu impost fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huwiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

b)      Evalwazzjoni

1)      Il-karatterizzazzjoni tar-regoli interni, kif esposti fiż-żewġ domandi preliminari, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

106. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali timponi l-obbligu li tinżamm id-data:

–      fuq l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u b’mod partikolari għal dawk li joffru aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online; u

–      fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaħżnu, anki mingħajr ħlas, bil-għan ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, online, tal-pubbliku, sinjali, kitbiet, immaġini, ħsejjes jew messaġġi ta’ kull natura pprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi (57).

107. L-operaturi għandhom iżommu, għal sena li tibda tiddekorri mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, l-informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat l-utent, id-data dwar it-tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni użat, il-karatteristiċi tekniċi, id-data, is-siegħa u t-tul ta’ kull telefonata, id-data dwar is-servizzi komplementari mitluba jew użati u l-fornituri tagħhom, kif ukoll id-data li tiffaċilita l-identifikazzjoni tad-destinatarju tal-komunikazzjoni u, f’każ ta’ attivitajiet ta’ telefonati, l-oriġini u l-post tal-komunikazzjoni (58).

108. Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet u tas-servizzi ta’ ħażna, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li teħtieġ iż-żamma tal-indirizzi IP, (59) il-passwords u, jekk ikun hemm sottoskrizzjoni għal kuntratt jew għal kont ta’ ħlas, it-tip ta’ ħlas li jkun sar, kif ukoll ir-referenza tiegħu, l-ammont, id-data u l-ħin tat-tranżazzjoni (60).

109. Dan l-obbligu ta’ żamma huwa meħtieġ għall-finijiet tal-investigazzjoni, il-verifika u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali (61). Jiġifieri b’differenza — kif ser jintwera — għal dak li jsir fil-każ tal-obbligu li tinġabar data dwar it-traffiku u l-post, sa fejn id-dmir li dawn jinżammu, ma għandux biss bħala għan il-prevenzjoni tat-terroriżmu (62).

110. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data miżmuma, mill-informazzjoni li tinsab fil-proċess jirriżulta li dawn huma jew dawk previsti fil-proċedura komuni (intervent tal-awtorità ġudizzjarja) jew inkella tali aċċess huwa limitat għal membri tal-persunal innominati u awtorizzati individwalment bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Prim Ministru abbażi tal-opinjoni mhux vinkolanti ta’ awtorità amministrattiva indipendenti (63).

111. Huwa faċli li wieħed jinnota li, kif fakkret il-Kummissjoni (64), id-data li ż-żamma tagħha hija meħtieġa mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tikkorrispondi, sostanzjalment, ma’ dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Digital Rights u Tele2 Sverige u Watson (65). L-istess bħal f’dawk is-sentenzi, din id-data hija s-suġġett ta’ “obbligu ġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma”, kif jiddikjara l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), frankament, fil-bidu tad-domandi preliminari tiegħu.

112. Jekk dan huwa l-każ, fatt li għandu definittivament jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, wieħed ma jistax ħlief jikkonkludi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tinkludi “indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li […] huwa ta’ portata wiesgħa ħafna u għandu jitqies li huwa partikolarment gravi (66)”.

113. L-ebda waħda mill-partijiet ma qiegħdet f’dubju li leġiżlazzjoni b’dawn il-karatteristiċi tinvolvi indħil f’dawn id-drittijiet. Ma hemmx lok li wieħed jelabora fuq dan il-punt hawnhekk, lanqas sabiex jitfakkar li ksur ta’ dawn id-drittijiet iwassal inevitabbilment għal preġudizzju għall-pedamenti nnifishom ta’ soċjetà li tfittex li tosserva, fost valuri oħra, il-ħajja privata personali li tħaddan il-Karta.

114. L-applikazzjoni tad-duttrina stabbilita fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson u kkonfermata fis-sentenza Ministerio Fiscal, twassal b’mod naturali sabiex jiġi sostnut li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni “tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tistax titqies li hija ġġustifikata, f’soċjetà demokratika, kif jeżiġi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta” (67).

115. Fil-fatt, bħal dik analizzata fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson, anki l-leġiżlazzjoni kkonċernata hawnhekk “tkopri b’mod ġeneralizzat l-abbonati u l-utenti rreġistrati kollha u […] tkopri l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha kif ukoll id-data kollha dwar it-traffiku, ma tipprevedi ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan segwit”. (68) Konsegwentement, “tapplika anki għal persuni li fir-rigward tagħhom ma jeżisti l-ebda indizju ta’ natura li jagħti x’jifhem li l-aġir tagħhom jista’ jkun marbut, anki jekk b’mod indirett jew distanti, ma’ reati kriminali gravi”, u dan mingħajr ma tippermetti l-ebda eċċezzjoni, “b’tali mod li tapplika anki għal persuni li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma suġġetti, skont id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, għas-sigriet professjonali (69)”.

116. Bl-istess mod, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni “ma teħtieġ ebda rabta bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u theddida għas-sigurtà pubblika. B’mod partikolari, hija ma hijiex limitata għal żamma li tkopri jew data marbuta ma’ perijodu temporali u/jew ma’ żona ġeografika u/jew ma’ grupp ta’ persuni li jistgħu jkunu involuti, b’xi mod jew ieħor, f’reat gravi, jew data dwar persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, permezz taż-żamma tad-data tagħhom, għall-ġlieda kontra l-kriminalità” (70).

117. Minn dan isegwi li din il-leġiżlazzjoni “tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tistax titqies li hija ġġustifikata, f’soċjetà demokratika, kif jeżiġi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta” (71).

118. Dak li ntqal qabel kien biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li regoli nazzjonali inkwistjoni ma kinux kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, sa fejn kienu jistabbilixxu, “għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika” (72).

119. Il-kwistjoni li tqum issa hija jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam taż-żamma ta’ data personali tistax, jekk mhux titqiegħed inkwistjoni, għall-inqas tiġi rfinata meta l-għan ta’ din iż-żamma “ġeneralizzata u mingħajr distinzjoni” huwa l-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-ewwel domanda fil-Kawża C‑511/18 hija ġustament ifformulata “f’kuntest ikkaratterizzat minn theddid gravi u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, u b’mod partikolari mir-riskju ta’ terroriżmu”.

120. Madankollu, minħabba li dan huwa l-kuntest fattwali li fih huwa impost l-obbligu ta’ żamma tad-data, il-verità hija li fil-kuntest leġiżlattiv tagħha ma jindirizzax biss it-terroriżmu. Is-sistema ta’ żamma u aċċess għad-data li hija inkwistjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tissuġġetta dan l-obbligu għall-finijiet tal-investigazzjoni, tal-verifika u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali.

121. Fi kwalunkwe każ, infakkar li l-ġlieda kontra t-terroriżmu kienet preżenti fl-argumentazzjoni tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan it-tip ta’ delitt ma jeħtieġx xi modulazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha (73).

122. Għaldaqstant, u bħala prinċipju, fl-opinjoni tiegħi ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, ibbażata fuq l-ispeċifiċità tat-theddida terroristika, għandha tkun fl-istess sens bħal dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson.

123. Kif argumentajt fil-konklużjonijiet tal-kawża Stichting Brein, “iċ-ċertezza fl-applikazzjoni tal-liġi ma timponix fuq il-qrati l-applikazzjoni ta’ stare decisis f’termini assoluti, hija timponi prudenza li jikkonformaw lilhom innifishom ma’ dak li huma stess ikunu ddeċidew, wara riflessjoni estensiva, dwar problema ġuridika partikolari” (74).

2)      Iż-żamma tad-data limitata, minħabba t-theddid kontra s-sigurtà tal-Istat, inkluża dik tat-terroriżmu

124. Huwa madankollu possibbli li din il-ġurisprudenza tiġi rfinata jew ikkompletata fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew għall-protezzjoni tal-Istat kontra theddid ieħor analogu kontra s-sigurtà nazzjonali?

125. Diġà enfasizzajt li s-sempliċi ż-żamma tad-data personali timplika indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta (75). Minbarra l-fatt li din tal-aħħar hija intiża, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex tagħmel possibbli l-aċċess, retrospettiv jew simultanju, għad-data f’mument determinat (76), is-sempliċi żamma ta’ data li taqbeż dak li huwa strettament indispensabbli għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni jew għall-fatturazzjoni tas-servizzi pprovduti mill-fornitur tippreżupponi n-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti previsti fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2002/58.

126. L-utenti ta’ dawn is-servizzi (fil-fatt, kważi t-totalità taċ-ċittadini fis-soċjetajiet l-iktar żviluppati) jibbenefikaw, jew għandhom jibbenefikaw, minn aspettattiva leġittima fis-sens li, fl-assenza tal-kunsens tagħhom, ma tinżammx iktar data tagħhom ħlief dik li hija maħżuna skont dawn id-dispożizzjonijiet. L-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhom jinqraw minn din il-premessa.

127. Kif diġà spjegajt, fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, anki fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data personali (77).

128. Fid-dawl tal-kritiki rċevuti, ma naħsibx li l-ġurisprudenza stabbilita f’din is-sentenza tissottovaluta t-theddida terroristika, bħala forma ta’ kriminalità partikolarment serja li għandha l-għan espliċitu li tikkontesta l-awtorità tal-Istat u li tiddestabbilizza jew li teqred l-istituzzjonijiet tagħha. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu hija, letteralment, vitali għall-Istat u s-suċċess tiegħu, għan ta’ interess ġenerali li ma jistax jiġi rinunzjat minn Stat tad-dritt.

129. Prattikament il-Gvernijiet kollha rrappreżentati fil-proċedura, kif ukoll il-Kummissjoni, qabblu meta indikaw li, lil hinn mid-diffikultajiet tekniċi tagħha, żamma parzjali u ddifferenzjata tad-data personali ċċaħħad lill-aġenziji ta’ informazzjoni nazzjonali mill-possibbiltà li jaċċedu għal informazzjoni indispensabbli għall-identifikazzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u d-difiża tal-Istat, kif ukoll għall-prosekuzzjoni tal-awturi ta’ attakki terroristiċi (78).

130. Fil-konfront ta’ din l-evalwazzjoni, jidhirli li huwa rilevanti li jiġi indikat li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma għandhiex titqies biss mill-perspettiva tal-effikaċja tagħha. Minn dan tirriżulta d-diffikultà tagħha, iżda wkoll il-kobor tagħha meta l-motivi u l-metodi tagħha jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt, li huwa, qabel kollox, l-issuġġettar tal-poter u tal-forza għal-limiti tad-dritt u, b’mod partikolari, għal ordinament ġuridiku li r-raġuni u l-għan tal-eżistenza tiegħu hija d-difiża tad-drittijiet fundamentali.

131. Filwaqt li għat-terroriżmu l-uniku kriterju ssodisfatt mill-ġustifikazzjoni tal-mezzi tiegħu hija l-effikaċja pura (u massima) tal-attakki tiegħu fl-ordni stabbilit, għall-Istat tad-dritt l-effikaċja titkejjel f’termini li ma jittollerawx li jiġu injorati, fid-difiża tiegħu, il-proċeduri u l-garanziji li jikkwalifikawh bħala ordni leġittimu. Jekk l-istat tad-dritt jillimita ruħu biss għall-effikaċja, huwa jitlef il-kwalità li tiddistingwih u jista’ jsir huwa stess, fil-każijiet estremi, theddida għaċ-ċittadin. Xejn ma jista’ jiżgura li, jekk l-awtorità pubblika tingħata strumenti eżorbitanti għall-prosekuzzjoni tar-reat, li bihom tista’ tinjora jew iġġib fix-xejn id-drittijiet fundamentali, l-azzjoni mhux ikkontrollata u kompletament ħielsa tagħha tirriżulta finalment ta’ detriment għal-libertà ta’ kulħadd.

132. L-effikaċja tal-awtorità pubblika, nirrepeti, hija affaċċjata minn ostakolu li ma jistax jinqabeż irrappreżentat mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, li l-limitazzjonijiet tagħhom, kif previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu imposti biss mil-liġi u b’osservanza tal-kontenut essenzjali tagħhom “f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jiġu ssodisfatti l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn” (79).

133. Rigward il-kundizzjonijiet li taħthom, skont is-sentenza Tele2 Sverige u Watson, iż-żamma selettiva tad-data tkun ammissibbli, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑520/18 (80).

134. Iċ-ċirkustanzi li fihom l-informazzjoni disponibbli f’idejn is-servizzi ta’ sigurtà tippermetti li jiġu kkonfermati s-suspett ibbażat fuq il-preparazzjoni ta’ attentat terroristiku jistgħu jikkostitwixxu każ leġittimu għall-impożizzjoni tal-obbligu ta’ żamma ta’ ċerta data. It-twettiq effettiv ta’ attentat jista’, a fortiori, jikkostitwixxi tali każ. Għalkemm, f’dan l-aħħar każ, it-twettiq tar-reat tista’ waħedha tikkostitwixxi fattur li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ din il-miżura, meta jkun hemm biss suspett ta’ eventwali attentat ikun meħtieġ li ċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat joffru livell minimu ta’ plawżibbiltà, indispensabbli għal evalwazzjoni oġġettiva tal-indizji li jistgħu jiġġustifikawh.

135. Għalkemm diffiċli, ma huwiex impossibbli li jiġu ddeterminati bi preċiżjoni u abbażi ta’ kriterji oġġettivi kemm il-kategoriji ta’ data li ż-żamma tagħha hija meqjusa indispensabbli kif ukoll iċ-ċirku tal-persuni affettwati. Ċertament, l-iktar  żamma prattika u effettiva hija dik ġenerali u mingħajr distinzjoni ta’ kemm data l-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jiġbru, iżda diġà indikajt li l-kwistjoni ma tistax tiġi deċiża f’termini ta’ effikaċja prattika, iżda f’termini ta’ effikaċja ġuridika u fil-kuntest ta’ Stat tad-dritt.

136. Dan ix-xogħol ta’ determinazzjoni huwa tipikament leġiżlattiv, fil-limiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Nirreferi, mill-ġdid, dwar dan il-punt, għall-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑520/18 (81).

3)      Aċċess għad-data maħżuna

137. Nibdew billi premessa li l-operaturi wettqu l-ġbir tad-data b’mod li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 u li ż-żamma tagħhom saret skont l-Artikolu 15(1) (82) tagħha, l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għal din l-informazzjoni għandu jsir skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u analizzati minni fil-konklużjonijiet tal-Kawża C‑520/18, li għalihom nirreferi (83).

138. Għalhekk, anki f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti materjali u proċedurali li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma (84). Fil-kuntest ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, dawn ir-rekwiżiti jawtorizzaw l-aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, ser iwettqu, wettqu jew li jistgħu jkunu involuti f’att terroristiku (85).

139. Madankollu, il-ħaġa essenzjali hija li, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, l-aċċess għad-data inkwistjoni ikun suġġett għall-stħarriġ minn qabel imwettaq minn qorti jew awtorità amministrattiva indipendenti li d-deċiżjoni tagħha tingħata fuq talba motivata tal-awtoritajiet kompetenti (86). B’dan il-mod, fejn il-ġudizzju astratt tal-liġi ma jistax jinkiseb, jiġi ggarantit b’mod konkret il-ġudizzju speċifiku ta’ dik l-awtorità indipendenti, impenjata bl-istess mod għall-garanzija tas-sigurtà tal-Istat u għad-difiża tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

4)      Obbligu ta’ żamma tad-data li tippermetti li jiġu identifikati l-awturi ta’ kontenuti, fid-dawl tad-Direttiva 2000/31 (it-tieni domanda preliminari fil-Kawża C512/18)

140. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Direttiva 2000/31 bħala punt ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li, fuq ċerti persuni (87) u fuq l-operaturi li joffru servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, jiġi impost l-obbligu li jżommu d-data “b’mod li jkun jista’ jiġi identifikat kull min ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi pprovduti minnhom, sabiex l-awtorità ġudizzjarja tkun tista’, jekk ikun il-każ, tirrikorri għall-komunikazzjoni ta’ din id-data bil-għan li tiżgura l-osservanza tar-regoli relatati mar-responsabbiltà ċivili jew kriminali”.

141. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li jkun barra minn loku li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ dan l-obbligu mad-Direttiva 2000/31 (88), peress li l-Artikolu 1(5)(b) ta’ din tal-aħħar jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-“kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni koperti bid-Direttivi 95/46/KE u 97/66/KE”, regoli li issa jikkorrispondu mar-Regolament Nru 2006/679 u mad-Direttiva 2002/58 (89), li l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 15(1) rispettivi tagħhom għandhom jiġu interpretati, fil-fehma tiegħi, fit-termini esposti iktar ’il fuq.

2.      Fuq l-obbligu li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tinġabar f’ħin reali (it-tieni domanda preliminari fil-Kawża C511/18)

142. Għall-qorti tar-rinviju, l-Artikolu L. 851–2 tal-Kodiċi tas-sigurtà interna jawtorizza, unikament għall-finijiet ta’ prevenzjoni tat-terroriżmu, il-ġbir, f’ħin reali, ta’ informazzjoni dwar persuni identifikati minn qabel bħala li huma ssuspettati li huma marbuta ma’ theddida terroristika. Bl-istess mod, l-Artikolu L. 851–4 ta’ dan il-kodiċi jippermetti t-trażmissjoni f’ħin reali, mill-operaturi, tad-data teknika li tirrigwarda l-post fejn jinstab it-tagħmir terminali.

143. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn it-tekniki ma jimponux fuq il-fornituri obbligu ta’ żamma addizzjonali għal dik neċessarja għall-fatturazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tagħhom.

144. Barra minn hekk, skont l-Artikolu L. 851‑3 tal-Kodiċi tas-sigurtà interna, l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-fornituri ta’ servizzi tekniċi jistgħu jiġu suġġetti għall-obbligu li “fin-networks tagħhom jimplimentaw ipproċessar awtomatizzat tad-data intiż, skont il-parametri speċifikati fl-awtorizzazzjoni, li jiskopri konnessjonijiet li jistgħu jiżvelaw theddida terroristika”. Din it-teknika ma tinvolvix iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data u hija intiża li tiġbor, għal żmien limitat, dik id-data ta’ konnessjoni li tista’ tkun marbuta ma’ reat ta’ natura terroristika.

145. Fil-fehma tiegħi, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess għad-data personali miżmuma għandhom jiġu applikati wkoll għall-aċċess fi żmien reali għad-data ġġenerata matul il-komunikazzjonijiet elettroniċi. Għaldaqstant, nirreferi għal din li esponejt f’dan ir-rigward. Il-kwistjoni ta’ jekk inkwistjoni hemmx d-data miżmuma jew data miksuba istantanjament hija irrilevanti, peress li fiż-żewġ każijiet, tittieħed konjizzjoni tad-data personali, irrispettivament minn jekk din hijiex storika jew attwali.

146. B’mod partikolari, jekk l-aċċess fil-ħin reali ikun il-konsegwenza ta’ konnessjonijiet skoperti permezz ta’ proċess awtomatizzat, bħal dak previst fl-Artikolu L. 851–3 tal-Kodiċi tas-sigurtà interna, huwa meħtieġ li l-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel għal dan l-ipproċessar ikunu speċifiċi, affidabbli u mhux diskriminatorji, sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ individwi li dwarhom jista’ jkun hemm suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet terroristiċi (90).

3.      Fuq l-obbligu li l-persuni kkonċernati jiġu informati (it-tielet domanda preliminari fil-Kawża C511/18)

147. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet mogħtija aċċess għad-data għandhom jinformaw b’dan lill-persuni kkonċernati, sakemm dan ma jikkompromettix l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Ir-raġuni għal dan id-dmir hija li tali informazzjoni hija neċessarja sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, imsemmi espressament fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom (91).

148. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf, permezz tat-tielet domanda tiegħu fil-Kawża C‑511/18, jekk dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni huwiex, fi kwalunkwe każ, mandatorju jew jekk jista’ ma jiġix applikat meta jkunu ġew previsti garanziji oħra, bħal dawk deskritti minnu fid-deċiżjoni tar-rinviju.

149. Skont l-espożizzjoni tal-qorti tar-rinviju (92), l-imsemmija garanziji jieħdu l-forma tal-possibbiltà li dawk li jixtiequ jivverifikaw jekk teknika ta’ informazzjoni ġietx applikata b’mod illegali jindirizzaw lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) innifsu. Dan il-korp jista’, jekk ikun il-każ, jannulla l-awtorizzazzjoni tal-miżura u jordna d-distruzzjoni tad-data miġbura, fi ħdan proċedura li ma tipprevedix il-prinċipju ta’ kontradittorju abitwali tal-proċeduri ġudizzjarji.

150. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din il-leġiżlazzjoni ma tiksirx id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Madankollu, naħseb li dan jista’ jkun il-każ, fit-teorija, għal dawk li jiddeċiedu li jivverifikaw jekk humiex is-suġġett ta’ operazzjoni ta’ informazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan id-dritt ma huwiex osservat jekk, għal dawk, li kienu jew li huma s-suġġett ta’ tali operazzjoni, ma ġewx avżati dwar din iċ-ċirkustanza u li, għaldaqstant, lanqas biss ma jistgħu jistaqsu jekk id-drittijiet tagħhom ġewx miksura jew le.

151. Il-garanziji ġudizzjarji li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju jidhru li huma suġġetti għall-inizjattiva ta’ min jissuspetta li huwa s-suġġett ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar il-persuna tiegħu. Madankollu, l-aċċess għall-qrati għad-difiża tad-drittijiet għandu jkun effettiv għal kulħadd, u dan jfisser li persuna li tkun ġiet suġġetta għal ipproċessar tad-data personali tagħha għandu jkollha l-possibbiltà li tikkontesta b’mod ġudizzjarju l-legalità ta’ dan l-ipproċessar u għandha, konsegwentement, tiġi nnotifikata bl-eżistenza tiegħu.

152. Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta, l-azzjoni ġudizzjarja tista’ tinbeda ex officio jew permezz ta’ ilment amministrattiv, iżda l-persuna kkonċernata għandha fi kwalunkwe każ tingħata l-possibbiltà li tkun hija stess li tressaqha, u għaldaqstant huwa neċessarju li din tiġi informata li d-data personali tagħha ġiet suġġetta għal ċertu proċessar. Id-difiża tad-drittijiet tagħha ma għandiex tkun tiddependi fuq il-fatt li hija ssir taf dwar dan l-ipproċessar minn terzi jew bil-mezzi tagħha stess.

153. Għalhekk, sakemm ma jiġix kompromess il-kors tal-investigazzjonijiet li għalihom ingħata aċċess għad-data miżmuma, il-persuna kkonċernata għandha tiġi informata b’dan l-aċċess.

154. Hija kwistjoni differenti dik dwar jekk, wara li l-persuna kkonċernata tibda l-azzjoni ġudizzjarja, ladarba tkun ġiet informata bl-aċċess għad-data tagħha, il-proċedura ġudizzjarja sussegwenti tkunx tosserva r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u ta’ riżerva inerenti għal stħarriġ tal-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi f’oqsma sensittivi bħal dak tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istat. Madankollu din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti għal dawn ir-rinviji, b’tali mod li ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

V.      Konklużjoni

155. Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Conseil d’État) (il-Kunsill tal-Istat) kif ġej:

“L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ġej:

1)      Jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’kuntest ikkaratterizzat minn theddid serju u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, b’mod partikolari mir-riskju terroristiku, timponi fuq l-operaturi u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, id-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati kollha, kif ukoll id-data li tippermetti li jiġu identifikati l-ħallieqa tal-kontenuti offruti mill-fornituri ta’ dawn is-servizzi.

2)      Jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tistabbilixxix l-obbligu li l-persuni kkonċernati jiġu informati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti, sakemm din il-komunikazzjoni ma tikkompromettix l-azzjoni tal-imsemmija awtoritajiet.

3)      Ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tinġabar f’ħin reali d-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni ta’ persuni speċifiċi, sakemm dawn l-azzjonijiet isiru skont il-proċeduri stabbiliti ta’ aċċess għal data personali leġittimament miżmuma u bl-istess garanziji”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Kawżi C‑293/12 u C‑594/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Digital Rights”, EU:C:2014:238.


3      Id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).


4      Kawżi C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2 Sverige u Watson”, EU:C:2016:970.


5      Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).


6      Il-Kawża C‑207/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerio Fiscal” (EU:C:2018:788).


7      Minbarra dawn iż-żewġ kawżi (Kawżi C‑511/18 u C‑512/18), il-Kawżi C‑623/17, Privacy International, u C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germanophone et.


8      Sentenza Privacy International, C‑623/17.


9      Kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑520/18.


10      Kawżi La Quadrature du Net et, C‑511/18 u C‑512/18.


11      Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


12      Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


13      Regolament 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1).


14      Skont il-qorti tar-rinviju, dawn it-tekniki ma joħolqux, għall-fornituri tas-servizzi, obbligu ta’ żamma addizzjonali li huwa meħtieġ biex isiru l-fatturazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, kif ukoll għall-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud.


15      Skont il-qorti tar-rinviju, din it-teknika, li ma timplikax żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, hija intiża biss li tiġbor, għal żmien limitat, fost id-data ta’ konnessjoni kollha pproċessata minn dawn il-persuni, dawk li jistgħu jkunu relatati ma’ ksur serju ta’ dan it-tip.


16      Id-definizzjoni saret permezz tad-Décret n.º 2011‑219 du 25 février 2011 relatif à la conservation et à la communication des données permettant d’identifier toute personne ayant contribué à la création d’un contenu mis en ligne (id-Digriet Nru 2011‑219 tal‑25 ta’ Frar 2011 dwar iż-żamma u l-komunikazzjoni ta’ data li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ kull persuna li kkontribwixxiet għall-ħolqien ta’ kontenut offrut online). Minn dan id-digriet, jistgħu jiġu enfasizzati: a) l-Artikolu 1(1) li abbażi tiegħu il-persuni li jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni online għandhom iżommu d-data li ġejja: l-identifikatur tal-konnessjoni, l-identifikatur li dawn il-persuni jagħtu lill-abbonat, l-identifikatur tat-terminal użat għall-konnessjoni, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-konnessjoni, il-karatteristiċi tal-linja tal-abbonat; b) skont l-Artikolu 1(2), il-persuni li jaħżnu, anki bla ħlas, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, ta’ sinjali, ta’ kitbiet, ta’ immaġini, ta’ ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kull natura pprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi, għandhom iżommu, għal kull operazzjoni, id-data li ġejja: l-identifikatur tal-konnessjoni fl-oriġini tal-komunikazzjoni, l-identifikatur mogħti mis-sistema ta’ informazzjoni għall-kontenut, li huwa s-suġġett tal-operazzjoni, it-tipi ta’ protokolli użati għall-konnessjoni mas-servizz u għat-trasferiment tal-kontenuti, in-natura tal-operazzjoni, id-data u l-ħin tal-operazzjoni, l-identifikatur użat mill-awtur tal-operazzjoni; u ċ) fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(3) jistipula li l-persuni msemmija fiż-żewġ paragrafi preċedenti għandhom iżommu l-informazzjoni li ġejja pprovduta minn utent meta jiffirma kuntratt jew joħloq kont: fil-mument tal-ħolqien tal-kont, l-identifikatur tal-konnessjoni; isem, kunjom jew isem tal-kumpanija; l-indirizzi postali assoċjati, il-psewdonimi użati, l-indirizzi tal-posta elettronika jew tal-kont assoċjati, in-numri tat-telefon, il-password u d-data li tippermetti li din tiġi vverifikata jew modifikata, kif aġġornati.


17      Id-digrieti kkontestati kienu dawn li ġejjin: a) Décret n.º 2015‑1885 du 28 septembre 2015 portant désignation des services spécialisés de renseignement (id-Digriet Nru 2015‑1185 tat‑28 ta’ Settembru 2015 dwar il-ħatra tad-dipartimenti ta’ informazzjoni speċjalizzati); b) Décret n.º 2015-1211 du 1er octobre 2015 relatif au contentieux de la mise en oeuvre des techniques de renseignement soumises à autorisation et des fichiers intéressant la sûreté de l’État (id-Digriet Nru 2015‑1211, tal‑1 ta’ Ottubru 2015, dwar il-kawżi relatati mal-implimentazzjoni ta’ tekniki ta’ informazzjoni suġġetti għal awtorizzazzjoni u għal fajls li jaffettwaw is-sigurtà tal-Istat); c) Décret n.º 2015‑1639 du 11 décembre 2015 relatif à la désignation des services autres que les services spécialisés de renseignement, autorisés à recourir aux techniques mentionnées au titre V du libre VIII du code de la sécurité intérieure (id-Digriet Nru 2015‑1639 tal‑11 ta’ Diċembru 2015 dwar il-ħatra ta’ dipartimenti oħra minbarra d-dipartimenti ta’ informazzjoni speċjalizzati, awtorizzati li jużaw it-tekniki msemmija fit-Titolu V tal-Ktieb VIII tal-Kodiċi tas-sigurtà interna); d) Décret n.º 2016‑67 du 29 janvier 2016 relatif aux techniques de recueil de renseignement (id-Digriet Nru 2016‑67, tad‑29 ta’ Jannar 2016, dwar it-tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni).


18      “Il-kuntest […] [ta’] theddid serju u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, u b’mod partikolari [ta’] riskju ta’ terroriżmu”, kif speċifikat fl-ewwel domanda fil-Kawża C‑511/18.


19      Kawżi C‑317/04 u C‑318/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni”, EU:C:2006:346.


20      Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE tas‑17 ta’ Mejju 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data PNR minn Trasportaturi tal-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti (ĠU 2006, L 142M, p. 49) (Kawża C‑317/04).


21      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/CE tal‑14 ta’ Mejju 2004 dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali tal-passiġġieri ta’ l-ajru miżmuma fil-Passenger Name Record u trasferiti lill-United States’ Bureau of Customs and Border Protection (ĠU 2005, L 267M, p. 18) (Kawża C‑318/04).


22      Is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 57. Fil-punt 58, huwa enfasizzat li l-fatt li “d-data […] kienet ġiet miġbura minn operaturi privati għal finijiet kummerċjali u minħabba li huma dawn ta’ l-aħħar li jorganizzaw it-trasferiment tagħhom lejn Stat terz” ma jimplikax li dan it-trasferiment ma jikkostitwixxix wieħed mill-każijiet ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 elenkati fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din tal-aħħar, peress li “dan it-trasferiment isir f’kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika”.


23      Dan huwa sussegwentement enfasizzat mill-mibki Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L-Irlanda vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑301/06, EU:C:2009:68). Huwa afferma li s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni “ma tistax tfisser […] li huwa biss l-eżami tal-iskop ta’ pproċessar ta’ data personali li huwa rilevanti sabiex tali pproċessar jiġi inkluż jew eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni tad-data stabbilita mid-Direttiva 95/46. Għandu wkoll jiġi vverifikat it-tip ta’ attivitajiet li fil-kuntest tagħhom isir ipproċessar ta’ data. Huwa biss fil-każ fejn tali pproċessar isir permezz tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet tal-Istat u li jaqgħu barra mill-oqsma ta’ attivitajiet tal-individwi li dan ikun eskluż mis-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tad-data personali li toħroġ mid-Direttiva 95/46, u dan b’applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva” (punt 122).


24      Is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 58. L-għan prinċipali tal-Ftehim kien li jimponi fuq il-kumpanniji tal-ajru li jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti l-obbligu li jiffaċilitaw l-aċċess elettroniku tal-awtoritajiet Amerikani għad-data PNR tal-fajls tal-ismijiet li jinsabu fis-sistemi informatiċi tagħhom ta’ kontroll tal-prenotazzjonijiet u ta’ tluq. Għalhekk huwa stabbilixxa forma ta’ kooperazzjoni internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji oħra, billi jipprova jirrikonċilja dan l-għan ma’ dak tal-protezzjoni tad-data personali tal-passiġġieri. F’dan il-kuntest, l-obbligu impost fuq il-kumpanniji ma huwiex differenti ħafna minn skambju dirett ta’ data bejn awtoritajiet pubbliċi.


25      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża L-Irlanda vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑301/06, EU:C:2008:558, punt 127).


26      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 67.


27      Ibidem, punt 72.


28      Ibidem, punt 73.


29      Ibidem, punt 74.


30      Ibidem, punt 75.


31      Ibidem, punt 76.


32      Punti 15 u 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Irlandiż.


33      Punti 34 sa 50 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż.


34      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punti 103 u 119.


35      Enfasi miżjuda.


36      Enfasi miżjuda.


37      Il-Parlament vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 58.


38      Sentenza Ministerio Fiscal, punt 32. F’dan is-sens, ara s-sentenza Teje2 Sverige u Watson, punt 72.


39      Ikun diffiċli li jiġi sostnut, fil-fatt, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti li jiġu limitati d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti minnha f’kuntest, bħal dak tas-sigurtà nazzjonali, li, bħala prinċipju, huwa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 73, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 “[j]ippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija [fih] […], jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva, peress li din tal-aħħar tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex jadottawhom biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnha”.


40      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 67.


41      Kif enfasizza, b’mod inċidentali, l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:300), punt 47, “għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-data personali pproċessata direttament fil-kuntest ta’ attivitajiet – ta’ natura tas-sovranità (43) – tal-Istat f’qasam li jaqa’ taħt id-dritt kriminali (44) u, min-naħa l-oħra, dik ipproċessata fil-kuntest ta’ attivitajiet – ta’ natura kummerċjali – ta’ fornitur ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li sussegwentement jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat”.


42      Punti 18 u 21 tad-digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑511/18.


43      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L 386, p. 637).


44      F’din l-istess perspettiva, l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 60), kien jipprovdi li hija “mingħajr preġudizzju għal interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali u attivitajiet speċifiċi ta’ intelligence fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali”.


45      Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2016/679 jeskludi l-ipproċessar ta’ data mwettaq mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attività li ma hijiex inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minbarra dak eżegwit mill-awtoritajiet għall-finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika.


46      Punti 27 sa 68.


47      Ara s-sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 92, li tiċċita, b’analoġija, is-sentenza Digital Rights, punti 25 u 70.


48      Punt 37 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


49      Din hija l-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika ta’ Moldova, ECHR: 2016:0705JUD002375507, fejn fil-punt 84 ġie affermat li l-għan fundamentali tad-dritt rikonoxxut mill-Artikolu 5 tal-KEDB huwa li tiġi evitata ċ-ċaħda arbitrarja jew mhux iġġustifikata tal-libertà individwali.


50      Sentenza Digital Rights, punt 42.


51      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 1/15”, EU:C:2017:592), punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata.


52      Sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84), punt 53.


53      Sentenza Digital Rights (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ibidem, punt 51.


55      Opinjoni 1/15, punt 149.


56      Ara l-punti 105 sa 107 tal-konklużjonijiet fil-Kawża C‑520/18.


57      Dan jirriżulta mill-Artikolu L. 851‑1 tal-Kodiċi tas-sigurtà interna, li jagħmel riferiment għall-Artikolu L. 34‑1 tal-Kodiċi tal-posta u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u mill-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 2004‑575, għall-fiduċja fl-ekonomija diġitali.


58      Dan huwa ddikjarat fl-Artikolu R. 10‑13 tal-Kodiċi tal-posta u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.


59      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt, li fir-rigward tiegħu kien hemm nuqqas ta’ qbil waqt is-seduta.


60      Artikolu 1 tad-Digriet 2011-219.


61      L-Artikolu R. 10–13 tal-Kodiċi tal-posta u komunikazzjonijiet elettroniċi.


62      Kemm La Quadrature du Net kif ukoll la Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs jenfasizzaw il-wisa’ tal-iskopijiet li għalihom isservi ż-żamma, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-awtoritajiet, in-nuqqas ta’ kriterji oġġettivi fid-definizzjoni tagħhom u r-rilevanza mogħtija lill-forom ta’ kriminalità li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala serji.


63      La Commission nationale de contrôle des techniques de renseignement (il-Kummissjoni nazzjonali ta’ kontroll tat-tekniki ta’ informazzjoni). Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 145 sa 148 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż.


64      Punt 60 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


65      Fir-realtà, huma jmorru ftit lil hinn minn dan, peress li donnhom jinkludu wkoll, fil-każ ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, iż-żamma tal-indirizz IP jew tal-passwords.


66      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 100.


67      Ibidem, punt 107.


68      Ibidem, punt 105.


69      Loc. ult. cit.


70      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 106.


71      Ibidem, punt 107.


72      Ibidem, punt 112.


73      Ibidem, punt 103.


74      Kawża C‑527/15, EU:C:2016:938, punt 41.


75      Kif diġà fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15, punt 124, “il-komunikazzjoni ta’ data personali lil terz, bħalma hija awtorità pubblika, tikkostitwixxi indħil fid-dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta, ikun xi jkun l-użu sussegwenti tal-informazzjoni kkomunikata. Dan japplika wkoll għaż-żamma tad-data personali kif ukoll għall-aċċess għall-imsemmija data bil-għan li tintuża mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, ftit jimporta jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew li l-persuni kkonċernati jkunux batew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil”.


76      Kif indika l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tal-kawża Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12 (EU:C:2013:845, punt 72), “iż-żamma, f’databases ġganteski, ta’ data multipla ġġenerata jew ipproċessata fil-qafas tal-parti l-kbira tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kurrenti taċ-ċittadini tal-Unjoni jikkostitwixxu ndħil serju fil-ħajja privata tagħhom, anki jekk joħolqu biss il-kundizzjonijiet ta’ possibbiltà ta’ sorveljanza retrospettiva tal-attivitajiet tagħhom kemm personali kif ukoll professjonali. Il-ġbir ta’ din id-data joħloq il-kundizzjonijiet ta’ sorveljanza li, biex ma tiġix eżerċitata ħlief retrospettivament meta tiġi sfruttata, thedded, minkejja dan, b’mod permanenti, kemm iddum miżmuma, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni fis-segretezza tal-ħajja privata tagħhom. Is-sentiment mifrux ta’ sorveljanza ġġenerat joħloq b’mod partikolarment kritiku l-kwistjoni tal-perijodu taż-żmien taż-żamma tad-data”.


77      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 103: “ma jistax jiġġustifika, […], li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni titqies li hija neċessarja għall-finijiet tal-imsemmija ġlieda”.


78      Hekk jinterpretah, pereżempju, l-Gvern Franċiż li juri din id-dikjarazzjoni b’eżempji konkreti tal-utilità taż-żamma ġġeneralizzata tad-data, li ppermetta r-reazzjoni tal-Istat fir-rigward tal-attakki terroristiċi serji subiti f’pajjiżu matul l-aħħar snin (punti 107 u 122 sa 126 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż).


79      Sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N.(C-601/15 PPU, EU:C:2016:84), punt 50. Din hija, għalhekk kwistjoni ta’ bilanċ diffiċli bejn l-ordni pubbliku u l-libertà li hija diġà semmejt u li, bħala prinċipju, għaliha jaspiraw r-regoli kollha tal-Unjoni. Eżempju ta’ dan hija d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6). Fl-istess ħin li tipprevedi, fl-Artikolu 20(1) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni responsabbli għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jkollhom “għodod ta’ investigazzjoni effettivi”, hija tikkonstata, fil-wieħed u għoxrin premessa tagħha, li l-użu ta’ dawn l-istrumenti effettivi “jenħtieġ li jkun immirat u li jieħu kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità u n-natura u l-gravità tar-reati li jkunu qegħdin jiġu investigati u jenħtieġ li jirrispetta d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.”


80      Punti 87 sa 95.


81      Punti 100 sa 107.


82      Sakemm il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 122 tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson huma osservati: il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jippermettix li ssir deroga mill-Artikolu 4(1) u (1a) tiegħu, li jeħtieġ li l-fornituri jadottaw miżuri li jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra l-aċċess illegali. F’dan ir-rigward, hija ddikjarat li: “fid-dawl tal-kwantità tad-data miżmuma, tan-natura sensittiva ta’ din id-data kif ukoll tar-riskju ta’ aċċess illegali għaliha, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom, sabiex jiżguraw l-integrità sħiħa u l-kunfidenzjalità sħiħa tal-imsemmija data, jiggarantixxu livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri tekniki u organizzattivi adegwati. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi ż-żamma fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll il-qerda irrimedjabbli tad-data meta jintemm il-perijodu taż-żamma tagħha”.


83      Punti 52 sa 60.


84      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 118.


85      Ibidem, punt 119.


86      Ibidem, punt 120.


87      Dawk li “jaħżnu[…] billi jqiegħdu servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, il-ħażna ta’ sinjali, ta’ kitbiet, ta’ immaġini, ta’ ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kull natura pprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi”.


88      Din id-direttiva tissemma, f’termini ġenerali u mingħajr ma tippreċiża ebda dispożizzjoni, mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda fil-Kawża C‑512/18.


89      Punti 112 u 113 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


90      Sentenza Digital Rights, punt 59.


91      Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 121.


92      Punti 8 sa 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju.