Language of document : ECLI:EU:T:2021:240

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Mejju 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-posta – Kumpens għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ servizz universali – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Kalkolu tal-kumpens – Metodu tal-ispejjeż netti evitati – Teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji intanġibbli attribwibbli għas-servizz universali – Użu ta’ fondi mogħtija għall-kumpens – Garanzija pubblika tal-ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ tkeċċija fil-każ ta’ falliment – Eżenzjoni mill-VAT fuq ċerti tranżazzjonijiet imwettqa mill-fornitur ta’ servizz universali – Tqassim kontabbli tal-ispejjeż komuni għall-attivitajiet li jaqgħu taħt is-servizz universali u dawk li ma jaqgħux taħtu – Kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ impriża pubblika biex tevita l-falliment tas-sussidjarja tagħha – Ilment ta’ kompetitur – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari – Għajnuna eżistenti – Għoti perjodiku ta’ vantaġġi – Imputabbiltà lill-Istat – Kriterju ta’ investitur privat”

Fil-Kawża T‑561/18,

ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport A/S, stabbilita f’Padborg (id-Danimarka),

Danske Fragtmænd A/S, stabbilita f’Åbyhøj (id-Danimarka),

irrappreżentati minn L. Sandberg-Mørch, avukat,

rikorrenti,

sostnuti minn

Jørgen Jensen Distribution A/S, stabbilita f’Ikast (id-Danimarka), irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u M. Honoré, avukati,

u minn

Dansk Distribution A/S, stabbilita f’Karlslunde (id-Danimarka), irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u J. Buendía Sierra, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Blanck u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, avukat,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3169 final tat‑28 ta’ Mejju 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47707 (2018/N) – Kumpensi mogħtija mill-Istat lil PostNord għall-provvista tas-servizz postali universali – Danimarka,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, V. Valančius u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport A/S (iktar ’il quddiem “ITD”), hija assoċjazzjoni professjonali li tiġbor fiha kumpanniji rregolati mid-dritt Daniż attivi, fuq livell nazzjonali u internazzjonali, fis-swieq tas-servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija u tas-servizzi loġistiċi.

2        Danske Fragtmænd A/S hija kumpannija rregolata mid-dritt Daniż preżenti, b’mod partikolari, fis-suq Daniż tas-servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ tqassim ta’ pakketti.

3        Il-postloven, lov nr. 1536 (il-Liġi Postali Nru 1536), tal‑21 ta’ Diċembru 2010 (Lovtidende 2010 A), kif emendata, innominat lil Post Danmark A/S bħala fornitur tas-servizz universali ta’ tqassim tal-posta fid-Danimarka. Bis-saħħa ta’ din il-liġi, fit‑30 ta’ Mejju 2016, il-Ministru għat-Trasport Daniż adotta mandat ta’ servizz pubbliku u afda lil Post Danmark obbligu ta’ servizz universali (iktar ’il quddiem l-“OSU”) għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2016 u l‑31 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ servizz universali”). Post Danmark hija 100 % proprjetà ta’ PostNord AB, u l-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar huwa 40 % proprjetà tar-Renju tad-Danimarka u 60 % proprjetà tar-Renju tal-Isvezja u d-drittijiet ta’ vot fi ħdan il-Bord tad-Diretturi huma maqsuma 50 % kull wieħed miż-żewġ Stati azzjonisti.

4        Skont il-punt 2 tal-mandat ta’ servizz universali, tali servizz għandu jkun żgurat kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell internazzjonali u tal-inqas għal ħamest ijiem ta’ xogħol fil-ġimgħa. Huwa jinkludi s-servizzi segwenti:

–        l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim bil-posta ta’ ittri, ta’ perjodiċi (ta’ kuljum, fil-ġimgħa u fix-xahar) u ta’ materjal pubbliċitarju (katalogi u fuljetti) sa 2 kilogrammi;

–        l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ pakketti sa 20 kilogramma b’kunsinna d-dar jew f’punt minn fejn jista’ jinġabar, filwaqt li l-posta ta’ pakketti bejn professjonisti koperti minn kuntratt ta’ tqassim ma hijiex inkluża fis-servizz universali;

–        is-servizzi għal oġġetti rreġistrati u oġġetti assigurati;

–        servizz postali b’xejn għal persuni neqsin mid-dawl, sa fejn l-oġġett ma jaqbiżx is-7 kilogrammi.

5        Fir-rigward b’mod partikolari tal-OSU għall-oġġetti mibgħuta minn u lejn destinazzjonijiet internazzjonali, il-mandat ta’ servizz universali jispjega li dawn huma rregolati mill-Konvenzjoni Postali Universali.

6        Sa mill-bidu tas-snin 2000, l-użu ġġeneralizzat ta’ komunikazzjoni elettronika wassal għal tnaqqis ta’ ittri mibgħuta bil-posta, sal-punt li, essenzjalment għal din ir-raġuni, id-dħul mill-bejgħ ta’ Post Danmark naqas b’38 % bejn l-2009 u l-2016. Kien f’dan il-kuntest li, fit‑23 ta’ Frar 2017, PostNord żiedet il-kapital ta’ Post Danmark b’ammont ta’ biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 134 miljun) (iktar ’il quddiem iż-“żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017”).

7        Fid-dawl tal-konsegwenzi tad-diġitalizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja kkonkludew ukoll, fl‑20 ta’ Ottubru 2017, ftehim dwar it-trasformazzjoni tal-mudell ta’ produzzjoni ta’ Post Danmark (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017”), kif żviluppat minn PostNord u fformalizzat fi proposta tal-Bord tad-Diretturi tagħha tad‑29 ta’ Settembru 2017.

8        Skont il-ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017, il-partijiet kontraenti qablu dwar il-ħtieġa li jiġi adottat dan il-mudell ta’ produzzjoni ġdid sabiex “tiġi indirizzata l-isfida tad-diġitalizzazzjoni fid-Danimarka” u tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika ta’ Post Danmark. Skont l-istess ftehim, il-mudell ġdid ta’ produzzjoni żviluppat minn PostNord kellu jkun ibbażat fuq żidiet tal-kapital ta’ Post Danmark u fuq tnaqqis tal-persunal tagħha ta’ madwar 4000 impjegat, bi spiża totali stmata ta’ madwar 5 biljun krona Svediża (SEK) (madwar EUR 491 miljun).

9        B’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-mudell ta’ produzzjoni ġdid ta’ Post Danmark kien jinkludi l-ħlas ta’ allowances speċjali ta’ tkeċċija ta’ ex uffiċjali ta’ Post Danmark li kienu saru impjegati tagħha meta ġiet mibdula minn impriża pubblika indipendenti għal kumpannija b’responsabbiltà limitata. F’dan ir-rigward, il-ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017 kien jistipula li r-Renju tad-Danimarka kellu jkopri dawn l-ispejjeż permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital lil PostNord ta’ SEK 1.533 biljun (madwar EUR 150 miljun).

10      L-implimentazzjoni tal-mudell ta’ produzzjoni ġdid ta’ Post Danmark kellha sseħħ permezz ta’ tliet miżuri differenti, jiġifieri:

–        kumpens għall-provvista tas-servizz universali fid-Danimarka, imħallas mill-awtoritajiet Daniżi lil Post Danmark, permezz ta’ PostNord, li l-ammont tiegħu kellu jintuża sabiex jiffinanzja parti mill-allowances speċjali ta’ tkeċċija ta’ ex uffiċjali ta’ Post Danmark;

–        żieda tal-kapital ta’ PostNord ta’ SEK 667 miljun (madwar EUR 65 miljun) mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja;

–        kontribuzzjoni interna ta’ PostNord lil Post Danmark ta’ madwar DKK 2.3 biljun (madwar EUR 309 miljun).

11      Fit‑3 ta’ Novembru 2017, l-awtoritajiet Daniżi kkomunikaw minn qabel lill-Kummissjoni l-ewwel waħda mit-tliet miżuri, jiġifieri l-għoti ta’ kumpens ta’ SEK 1.533 biljun lil Post Danmark, permezz ta’ PostNord, għall-provvista tas-servizz postali universali fid-Danimarka bejn l-2017 u l-2019, u dan l-ammont kien allokat sabiex jiffinanzja parti mill-allowances ta’ tkeċċija deskritti fil-punt 9 hawn fuq.

12      Fis‑27 ta’ Novembru 2017, ITD ressqet ilment għand il-Kummissjoni li permezz tiegħu allegat li, permezz ta’ diversi miżuri preċedenti u futuri, l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi kienu taw jew ser jagħtu għajnuna mill-Istat illegali lil Post Danmark.

13      Skont l-ilment, din l-għajnuna kienet tirriżulta:

–        l-ewwel, mill-eżistenza ta’ garanzija li permezz tagħha, f’każ ta’ falliment ta’ Post Danmark, ir-Renju tad-Danimarka obbliga ruħu li jħallas lil din tal-aħħar, mingħajr korrispettiv, l-allowances relatati mat-tkeċċija ta’ ex uffiċjali, li jikkorrispondu għal tliet snin ta’ salarji għal kull uffiċjal (iktar ’il quddiem il-“garanzija inkwistjoni”);

–        it-tieni, minn prassi amministrattiva Daniża li kienet tippermetti eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għal klijenti ta’ kumpanniji ta’ bejgħ bil-posta meta dawn jagħżlu kunsinna permezz ta’ Post Danmark, li jirriżulta f’żieda fid-domanda għal Post Danmark;

–        it-tielet, minn tqassim żbaljata, bejn l-2006 u l-2013, tal-ispejjeż komuni tal-OSU u tal-attivitajiet li ma jaqgħux taħtu, li wasslet għal żieda artifiċjali tal-ispejjeż tal-OSU u għal tnaqqis artifiċjali tal-ispejjeż tal-attivitajiet kummerċjali ta’ Post Danmark u b’hekk ikkostitwixxiet finanzjament trażversali mill-OSU tal-attivitajiet kummerċjali ta’ Post Danmark;

–        ir-raba’, miż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, inkwantu kienet imputabbli lill-Istat Daniż u dak Svediż u inkwantu tali miżura ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq;

–        il-ħames, mill-miżura ta’ kumpens ikkomunikata minn qabel mir-Renju tad-Danimarka fit‑3 ta’ Novembru 2017 (ara l-punt 11 hawn fuq);

–        is-sitt, miż-żidiet tal-kapital ta’ Post Danmark mir-Renju tad-Danimarka, mir-Renju tal-Isvezja u minn PostNord, kif previsti fil-ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017.

14      Fit‑30 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment ta’ ITD lill-awtoritajiet Daniżi u Svediżi, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom flimkien fuq diversi punti ta’ dan l-ilment fl‑20 ta’ Diċembru 2017. Fil‑21 ta’ Diċembru 2017, l-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-oġġezzjonijiet l-oħra tal-imsemmi lment.

15      Fit‑8 ta’ Frar 2018, l-awtoritajiet Daniżi kkomunikaw lill-Kummissjoni l-għoti lil Post Danmark ta’ kumpens ta’ SEK 1.533 biljun għall-provvista tas-servizz postali universali għall-perijodu bejn l-2017 u l-2019 (iktar ’il quddiem il-“kumpens inkwistjoni”).

16      Fis‑7 ta’ Mejju 2018, l-awtoritajiet Daniżi indikaw li l-kumpens inkwistjoni finalment kien ser ikun ta’ ammont massimu ta’ SEK 1.683 biljun (madwar EUR 160 miljun).

17      Fit‑28 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 3169 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47707 (2018/N) – Kumpensi mogħtija mill-Istat lil PostNord għall-provvista tas-servizz postali universali – Danimarka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, spjegat li l-evalwazzjoni tagħha kienet tirrigwarda, minn naħa, il-kumpens inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-oġġezzjonijiet imressqa minn ITD fl-ilment tagħha, bl-eċċezzjoni madankollu taż-żidiet tal-kapital previsti fil-ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017 (punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata), li kienu ser jiġu evalwati f’deċiżjoni sussegwenti.

19      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kumpens inkwistjoni, qabelxejn, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-kumpens ma kienx jissodisfa r-raba’ kriterju fost dawk li jirriżultaw mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), peress li ma kienx ingħata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti u li l-ammont tiegħu ma kienx ġie stabbilit abbażi ta’ spejjeż ta’ impriża medja ġestita tajjeb. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li din il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li kellha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE, kif implimentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15, iktar ’il quddiem il-“Qafas SIEĠ”).

20      Sussegwentement, waqt l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni eżaminat b’mod partikolari l-kalkolu, mill-awtoritajiet Daniżi, tal-ispiża netta neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-OSU, billi użat il-metodoloġija tal-ispejjeż netti evitati (iktar ’il quddiem l-“INE”). Fil-metodu tal-kalkolu tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw ċirkustanzi fattwali fejn, bil-provvista tal-OSU għall-perijodu bejn l-2017 u l-2019, Post Danmark kienet qiegħda tistenna, l-ewwel, żieda sostanzjali fil-posta mill-impriżi lill-konsumaturi minħabba ż-żieda tal-kummerċ online, it-tieni, tnaqqis kontinwu ta’ korrispondenza bl-ittri wara ż-żieda ta’ komunikazzjoni diġitali, it-tielet, tnaqqis sinjifikattiv ta’ posta ta’ ġurnali u rivisti u, ir-raba’, l-implimentazzjoni ta’ mudell ta’ produzzjoni ġdid li jinvolvi t-tkeċċija ta’ impjegati. Skont ix-xenarju kontrofattwali propost mill-awtoritajiet Daniżi, li kieku Post Danmark ma ngħatatx l-OSU għall-istess perijodu, dan kien iwassal, konsegwentement, l-ewwel, li jitwaqqfu attivitajiet li ma jiġġenerawx profitt, bħat-tqassim ta’ ġurnali u rivisti, posta mingħajr indirizz u oġġetti postali internazzjonali, it-tieni, l-aħjar użu tat-tqassim ta’ ittri kummerċjali, li għalih il-kunsinna fid-djar tkun disponibbli biss fl-ibliet l-iktar kbar, it-tielet, li titwaqqaf il-kunsinna fid-djar ta’ pakketti f’ċertu żoni rurali u, ir-raba’, tnaqqis fin-numru ta’ uffiċċji postali.

21      L-awtoritajiet Daniżi minn dan naqqsu l-ispejjeż li kienu jiġu evitati fl-assenza tal-OSU, ikkalkolati abbażi tal-ispejjeż, b’mod partikolari tal-persunal, marbuta, l-ewwel, maż-żamma ta’ network ta’ kaxxi tal-ittri li jkopri t-territorju nazzjonali kollu kif ukoll tal-produzzjoni tal-bolol, it-tieni, mal-operat taċ-ċentru postali internazzjonali ta’ Kopenħagen (id-Danimarka) li kien jingħalaq jekk titwaqqaf il-posta internazzjonali tal-oġġetti, it-tielet, maċ-ċentri ta’ ssortjar tal-ittri u ċ-ċentri ta’ tqassim li kienu jingħalqu wara li jiġi implimentat l-aħjar użu tat-tqassim tal-ittri kummerċjali, ir-raba’, mal-kunsinna fid-djar ta’ oġġetti postali f’ċerti żoni u, il-ħames, mal-operat tal-uffiċċji postali li kienu jingħalqu.

22      Bħala kontroparti, l-awtoritajiet Daniżi naqqsu mill-ispejjeż evitati, minn naħa, id-dħul marbut mas-servizzi li twaqqfu jew li tjiebu minn Post Danmark fl-assenza tal-OSU u, min-naħa l-oħra, il-profitti li jirriżultaw minn żieda fid-domanda minħabba l-eżenzjoni mill-VAT li minnha bbenefikat bħala fornitur tas-servizz universali kif ukoll ta’ assi ta’ proprjetà intellettwali marbuta mal-OSU, b’mod partikolari r-reklamar relatat mal-viżibbiltà tagħha fil-punti ta’ kuntatt u fuq il-kaxxi tal-ittri.

23      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-metodoloġija proposta mill-awtoritajiet Daniżi kienet affidabbli u rrilevat li, skont din il-metodoloġija, l-INE għall-eżekuzzjoni tal-OSU kienu ta’ DKK 2.571 biljun (madwar EUR 345 miljun), jiġifieri ammont kunsiderevolment ogħla mill-kumpens inkwistjoni, stabbilit f’massimu ta’ DKK 1.192 biljun (madwar EUR 160 miljun).

24      Finalment, wara li warrbet l-oġġezzjonijiet imressqa minn ITD fl-ilment tagħha u li huma indirizzati speċifikament kontra l-kumpens inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-imsemmi kumpens kien kompatibbli mas-suq intern.

25      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-oġġezzjonijiet mqajma fl-ilment ta’ ITD, l-ewwel, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-garanzija inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. F’dan is-sens, hija kkunsidrat li din il-garanzija setgħet tagħti vantaġġ, anki jekk b’mod indirett ħafna, inkwantu kienet ippermettiet lil Post Danmark, fil-mument tat-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, fl-2002, li żżomm parti mill-persunal tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li, anki jekk jiġi preżunt li l-garanzija inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din l-għajnuna kienet ingħatat fl-2002, peress li kienet tirrigwarda biss impjegati li rrinunzjaw għall-istatus tagħhom ta’ uffiċjal f’dik id-data. B’hekk, il-garanzija inkwistjoni kienet ingħatat iktar minn għaxar snin qabel mal-Kummissjoni ġiet informata dwar din il-miżura, permezz tal-ilment ta’ ITD, u kienet tikkostitwixxi, konsegwentement, għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(iv) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9).

26      It-tieni, fir-rigward tal-prassi amministrattiva Daniża li wasslet għal eżenzjoni mill-VAT għall-klijenti ta’ Post Danmark, il-Kummissjoni qieset li din il-miżura setgħet tagħti vantaġġ indirett lil Post Danmark. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjoni inkwistjoni kienet tirriżulta mill-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), li taħtha l-eżenzjoni tas-servizzi koperti mill-OSU hija mandatorja. Għalhekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-eżenzjoni mill-VAT favur Post Danmark ma kinitx imputabbli lill-Istat Daniż u, minħabba f’hekk, ma setgħetx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

27      It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-attivitajiet ta’ Post Danmark u l-eventwali sussidju trażversali tagħhom, il-Kummissjoni aċċettat l-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Daniżi u kkonkludiet li t-tqassim tal-ispejjeż komuni għall-attivitajiet ta’ Post Danmark li jaqgħu taħt l-OSU u dawk li ma jaqgħux taħtu kienet adatta. Il-Kummissjoni żiedet li, fi kwalunkwe każ, l-allokazzjoni żbaljata tal-ispejjeż allegata minn ITD, qabelxejn, ma kinitx tidher li tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Sussegwentement, skont id-deċiżjoni kkontestata, tali allokazzjoni ma kinitx imputabbli lill-awtoritajiet Daniżi, sa fejn, minkejja li kien veru li kienu adottaw il-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark, ITD madankollu ma kinitx ppruvat kif huma kienu involuti fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ Post Danmark għall-attivitajiet tagħha li ma kinux jaqgħu taħt l-OSU. Finalment, il-Kummissjoni qieset li l-allegat sussidju trażversali tal-attivitajiet kummerċjali ta’ Post Danmark mill-fondi rċevuti minħabba l-OSU ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ, sa fejn Post Danmark qatt ma kienet irċeviet kumpens għall-eżekuzzjoni tal-OSU, ikkalkolat abbażi tat-tqassim tal-ispejjeż kif allegat minn ITD.

28      Ir-raba’, fir-rigward taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni qieset li, huwa veru, fid-dawl tal-istruttura tal-kapital ta’ PostNord u tal-modalitajiet ta’ ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tagħha, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza dominanti fuq din il-kumpannija. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-punti mressqa minn ITD insostenn tal-ilment tagħha ma kinux jistabbilixxu li r-Renju tad-Danimarka jew ir-Renju tal-Isvezja kienu effettivament involuti f’tali żieda ta’ kapital. Minn dan, il-Kummissjoni ddeduċiet li l-imsemmija żieda ta’ kapital ma kinitx imputabbli lil Stat u, minħabba f’hekk, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

29      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk li fihom kienet tinsab PostNord, investitur privat kien jiddeċiedi li jipproċedi biż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 minflok iħalli lis-sussidjarja tagħha, f’dan il-każ Post Danmark, tfalli.

30      Finalment, il-punti konklużivi tad-deċiżjoni kkontestata jaqraw kif ġej:

“(205) Il-Kummissjoni ddeċidiet […] li tikkunsidra li l-miżura ta’ għajnuna nnotifikata għall-kumpens tal-OSU għall-perijodu2017-2019 hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE u li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ din il-miżura.

(206) Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li:

(i)      il-[garanzija inkwistjoni hija] għajnuna eżistenti;

(ii)      l-eżenzjoni mill-VAT ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat;

(iii)      is-sussidju trażversali tas-servizzi kummerċjali ma huwiex fattwalment ikkonfermat u ma jikkostitwixxix[,] fi kwalunkwe każ[,] għajnuna mill-Istat; u

(iv)      iż-[żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti, ITD u Danske Fragtmænd, ippreżentaw dan ir-rikors.

32      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fis‑7 ta’ Diċembru 2018.

33      Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fil‑15 ta’ Frar 2019. Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fis‑17 ta’ April 2019.

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Jannar 2019, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2019, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

35      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis‑17 ta’ Jannar u fil‑21 ta’ Jannar 2019 rispettivament, Dansk Distribution A/S u Jørgen Jensen Distribution A/S talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digrieti tat-12 ta’ April 2019, il-President tad-Disa’ Awla laqa’ dawn it-talbiet.

36      Ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fl‑1 ta’ Lulju 2019. Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fit‑3 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent fil‑15 ta’ Novembru u fit‑18 ta’ Novembru 2019 rispettivament.

37      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża fis‑17 ta’ Ottubru 2019.

38      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara l-argumenti mressqa mir-Renju tad-Danimarka inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondati;

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

40      Ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors.

41      Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

42      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja d-diffikultajiet serji mqajma mill-evalwazzjoni tal-kumpens inkwistjoni u ta’ miżuri oħra msemmija fl-ilment ta’ ITD.

43      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna kkomunikati, prevista mill-Artikolu 108(3) TFUE u rregolata mill-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni tagħha dwar dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 43).

44      Fit-tmiem ta’ din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li miżura kkomunikata jew ma tikkostitwixxix għajnuna, f’liema każ tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2015/1589, jew inkella li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-investigazzjoni preliminari, li l-miżura kkomunikata, sa fejn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 43 u 44).

45      Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, hija mhux biss tiddikjara li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jew tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq intern, iżda wkoll, b’mod impliċitu, tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 45).

46      Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami preliminari, li l-miżura kkomunikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija marbuta tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 46).

47      Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 tagħti lil kull parti interessata d-dritt li tressaq ilment sabiex tinforma lill-Kummissjoni b’kwalunkwe għajnuna preżunta illegali, li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, għandha l-effett li tniedi l-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, li tinvolvi l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni taħt l-Artikolu 4(2), (3) jew(4) tar-Regolament 2015/1589.

48      L-eżistenza ta’ dubji ta’ natura li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE hija riflessa fl-eżistenza oġġettiva ta’ diffikultajiet serji li l-Kummissjoni ltaqgħet magħhom waqt l-eżami dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ diffikultajiet serji għandu natura oġġettiva (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 31). L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet tirrikjedi investigazzjoni kemm taċ-ċirkustanzi li fih ġie adottat l-att ikkontestat kif ukoll tal-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u l-elementi li l-Kummissjoni kellha u seta’ jkollha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq intern (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-informazzjoni li l-Kummissjoni “setgħet kellha għad-dispożizzjoni” hija dik li tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir u li tagħha hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71).

49      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, imur, minn natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il‑Kummissjoni, T‑30/03 RENV, EU:T:2011:534, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il‑Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, jekk jeżistu tali diffikultajiet, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tiġi annullata sempliċement abbażi ta’ dan il-motiv, minħabba l-ommissjoni tal-eżami kontradittorju u fil-fond previst mit-Trattat FUE, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mertu kienu żbaljati fil-liġi jew fil-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, T‑359/04, EU:T:2010:366, punt 58).

50      Għandu jitfakkar li, skont l-iskop tal-Artikolu 108(3) TFUE u d-dmir ta’ amministrazzjoni tajba tagħha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li jkun ikkomunika jew ma’ terzi sabiex tegħleb, matul l-eżami preliminari, diffikultajiet eventwalment affaċċjati. Din il-possibbiltà tippreżupponi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-pożizzjoni tagħha skont riżultati tad-djalogu mibdi, mingħajr ma dan l-adattament għandu jiġi interpretat a priori bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 35). Huwa biss jekk dawn id-diffikultajiet ma setgħux jingħelbu li jiġu kkunsidrati serji u għandhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji, u b’hekk iwassluha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 61, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 70).

51      Hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, prova li tista’ tiġi prodotta permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni, T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi evalwat l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li allegatament kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

53      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw sensiela ta’ indizji li juru, fl-opinjoni tagħhom, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u li jirriżultaw, minn naħa, mit-tul tal-fażi ta’ eżami preliminari u miċ-ċirkustanzi li fihom żvolġiet dik il-fażi u, min-naħa l-oħra, mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u mill-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar il-miżuri differenti eżaminati f’din id-deċiżjoni.

A.      Fuq l-indizji relatati mat-tul u mal-iżvolġiment tal-fażi ta’ eżami preliminari

54      L-ewwel, ir-rikorrenti, sostnuti minn Jørgen Jensen Distribution u minn Dansk Distribution, isostnu li t-tul tal-fażi ta’ eżami preliminari juri d-diffikultajiet serji li magħhom iltaqgħet il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li l-awtoritajiet Daniżi kkomunikaw il-kumpens inkwistjoni fit‑8 ta’ Frar 2018 u li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit‑28 ta’ Mejju 2018, jiġifieri wara t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589 għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinfetaħ jew le l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

55      Ir-rikorrenti jżidu li l-fatt li t-terminu kien inqabeż huwa iktar rilevanti fir-rigward tad-data tal-komunikazzjoni minn qabel tal-kumpens inkwistjoni, jiġifieri t‑3 ta’ Novembru 2017. F’dan ir-rigward, minn naħa, huma jsostnu li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Tempus Energy u Tempus Energy Technology vs Il‑Kummissjoni (T‑793/14, taħt appell, EU:T:2018:790), il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel kellha tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jindikaw li tul iktar minn tliet xhur tal-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel tikser il-perijodu ta’ xahrejn previst fil-punt 14 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 136, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Aħjar Prattika”). Fl-opinjoni tagħhom, dan it-tul kien riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni bdiet l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni matul il-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel.

56      Barra minn hekk, il-Kummissjoni eċċediet it-terminu preskritt billi adottat id-deċiżjoni kkontestata sitt xhur wara li ITD ressqet l-ilment tagħha.

57      It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li l-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi, kemm matul il-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel kif ukoll tal-fażi ta’ eżami preliminari, juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex dawn il-komunikazzjonijiet jiġu prodotti.

58      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-tul eċċessiv tal-eżami preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-perijodu jista’, flimkien ma’ elementi oħra, jikkostitwixxi indizju tad-diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni, jekk dan jaqbeż b’mod kunsiderevoli ż-żmien normalment meħtieġ għall-eżami preliminari ta’ miżura (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan ir-rigward, hemm bżonn issir distinzjoni bejn il-proċedura wara komunikazzjoni minn Stat Membru u dik li matulha l-Kummissjoni teżamina, wara li jitressaq ilment, l-informazzjoni, irrispettivament mis-sors tagħha, dwar għajnuna preżunta illegali. Fil-fatt, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589 jistipula li t-tul tal-ewwel ma għandux ikun iktar minn xahrejn mill-għada tal-wasla ta’ notifika kompleta. Għall-kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprevedi l-ebda terminu sabiex tingħalaq it-tieni waħda, billi l-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589 sempliċement jispjega li l-Kummissjoni għandha “teżamina mingħajr dewmien mhux ġustifikat kwalunkwe ilment” (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 106).

61      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, minn naħa, ġiet adita bl-ilment ta’ ITD tas‑27 ta’ Novembru 2017 u, min-naħa l-oħra, irċeviet in-notifika kompleta, mir-Renju tad-Danimarka, tal-miżura dwar l-għoti tal-kumpens inkwistjoni, li seħħet fit‑8 ta’ Frar 2018. Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda ż-żewġ proċeduri, fit‑28 ta’ Mejju 2018.

62      Il-fażi tal-eżami preliminari għalhekk damet tliet xhur u dsatax-il ġurnata jekk l-għada tan-notifika mill-awtoritajiet Daniżi jittieħed bħala punt ta’ tluq jew sitt xhur u ġurnata jekk l-ilment ta’ ITD jittieħed bħala l-punt tat-tluq.

63      B’hekk, minn naħa, fir-rigward tal-perijodu ta’ tliet xhur u dsatax-il ġurnata li għadda bejn il-preżentata tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet Daniżi u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589 inqabeż b’iktar minn xahar. Madankollu, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst f’din id-dispożizzjoni jista’ faċilment jiġi spjegat bil-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat fl-istess ħin il-miżura kkomunikata mill-awtoritajiet Daniżi u erba’ mill-ħames miżuri li l-awtoritajiet Daniżi implimentaw favur Post Danmark, imsemmija fl-ilment ta’ ITD (ara l-punt 13 hawn fuq). Il-Kummissjoni għalhekk kellha teżamina ammont sinjifikattiv ta’ informazzjoni sottomessa mill-partijiet. Barra minn hekk, jumejn qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589, l-awtoritajiet Daniżi informaw lill-Kummissjoni li kellhom il-ħsieb jemendaw l-ammont tal-kumpens inkwistjoni, minn kumpens fiss ta’ SEK 1.533 biljun għal kumpens massimu ta’ SEK 1.683 biljun.

64      Għalhekk, il-fatt li l-perijodu tal-fażi tal-eżami preliminari kien ta’ xahar u dsatax-il ġurnata iktar mit-terminu previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589 ma jikkostitwixxix indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

65      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu ta’ sitt xhur u ġurnata li għadda bejn il-preżentata tal-ilment ta’ ITD u d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw, mingħajr ma jagħtu iktar dettalji, li tali perijodu “jeċċedi b’mod ċar [it-terminu] li fih il-Kummissjoni hija obbligata tagħlaq l-eżami preliminari tagħha”. Issa, kif tfakkar fil-punt 60 hawn fuq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma jipprevedu l-ebda terminu vinkolanti li fih għandu jiġi ttrattat ilment indirizzat lill-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

66      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, sabiex jiġi evalwat jekk il-perijodu tal-eżami kienx jikkostitwixxi indizju ta’ diffikultajiet serji, kellu jsir riferiment għar-regoli interni stabbiliti mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il‑Kummissjoni, T‑73/98, EU:T:2001:94, punt 94, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punt 146). F’dan ir-rigward, il-punt 47 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika jistipula li “[i]l-Kummissjoni se tagħmel mill-aħjar li tista’ sabiex tinvestiga l-ilment fi żmien indikattiv ta’ tnax-il xahar minn meta tirċevih”, li “[d]an il-limitu ta’ żmien ma jikkostitwixxix impenn li jorbot” u li, “[s]kont iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali, l-possibbiltà li jkun hemm bżonn li tintalab informazzjoni kumplimentari mingħand min qiegħed jilmenta, l-Istat Membru jew partijiet interessati jistgħu jtawwlu l-investigazzjoni tal-ilment”.

67      F’dan il-każ, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata sitt xhur u ġurnata wara l-preżentata tal-ilment ta’ ITD, il-Kummissjoni osservat il-prinċipji stabbiliti fir-regoli interni tagħha.

68      Is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni (T‑388/03, EU:T:2009:30) ma tistax tiġi invokata utilment mir-rikorrenti, inkwantu mill-punti 96 sa 98 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li perijodu ta’ seba’ xhur wara l-komunikazzjoni ta’ miżura minn Stat Membru, u mhux wara ilment, kien jeċċedi b’mod sinjifikattiv il-perijodu ta’ xahrejn li l-Kummissjoni, bħala regola, kienet obbligata tosserva sabiex tagħlaq l-eżami preliminari tagħha, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li l-kontenut tiegħu kien l-istess bħal tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589. Din is-sentenza lanqas hija rilevanti għall-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-perijodu tal-fażi ta’ eżami preliminari mid-data tal-komunikazzjoni tal-kumpens inkwistjoni mill-awtoritajiet Daniżi, peress li dan il-perijodu, ta’ tliet xhur u ġurnata, ġie kkunsidrat bħala raġonevoli għar-raġunijiet spjegati fil-punt 63 hawn fuq.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tul tal-eżami preliminari ma jikkostitwixxix indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

70      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi relatati mal-fażi ta’ eżami preliminari, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq diversi komunikazzjonijiet li allegatament seħħew bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt waħdu li qamu diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul il-fażi ta’ eżami preliminari u li, f’dan il-kuntest, setgħet intalbet informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni dwar il-miżuri sottomessi għall-istħarriġ tagħha, ma jistax fih innifsu jiġi kkunsidrat bħala prova li din l-istituzzjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, EU:T:2018:145, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-kontenut tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru li kkomunika matul din il-fażi tal-proċedura, jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jirrileva l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, kif l-istess jista’ jagħmel in-numru għoli ta’ talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istat Membru li kkomunika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il‑Kummissjoni, T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029, punt 74, u tat‑8 ta’ Jannar 2015, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1, punt 47).

72      F’dan il-każ, mill-punti 1 sa 10 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, qabelxejn, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment ta’ ITD lill-awtoritajiet Daniżi u Svediżi fit‑30 ta’ Novembru 2017, li fir-rigward tiegħu dawn tal-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl‑20 u fil‑21 ta’ Diċembru 2017. Sussegwentement, fil‑5 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Daniżi, fir-rigward ta’ ilment addizzjonali mibgħut minn ITD fit‑2 ta’ Frar 2018. L-awtoritajiet Daniżi wieġbu fit‑13 ta’ Frar 2018. Finalment, wara n-notifika kompleta tal-kumpens inkwistjoni, fit‑8 ta’ Frar 2018, l-awtoritajiet Daniżi, fis‑7 ta’ Mejju 2018, informaw lill-Kummissjoni li kienu emendaw l-ammont massimu ta’ dan il-kumpens.

73      Issa, dawn il-komunikazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma partikolarment frekwenti jew intensi, peress li l-Kummissjoni avviċinat lill-awtoritajiet Daniżi sabiex tikseb l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilment ta’ ITD. Għalhekk ma jikkostitwixxux indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

74      Fit-tielet u l-aħħar lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel ma hijiex, bħala regola, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, peress li l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet hija evalwata fir-rigward tal-fażi ta’ eżami preliminari, li tibda tiddekorri mid-data tan-notifika kompleta tal-miżura, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 168).

75      Huwa biss f’ċirkustanzi partikolari, bħal f’każ li l-miżura kkomunikata minn qabel tkun kumplessa jew mingħajr preċedent, it-tul tal-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel u l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali miżura matul din il-fażi, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Tempus Energy u Tempus Energy Technology vs Il‑Kummissjoni (T‑793/14, taħt appell, EU:T:2018:790), li l-iżvolġiment tal-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel seta’ jkun indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

76      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari ta’ dan it-tip.

77      Minn naħ, minkejja li jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-perijodu ta’ iktar minn tliet xhur tal-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel, dan ma jidhirx eċċessiv, anki jekk jeċċedi t-terminu ta’ xahrejn imsemmi fil-Kodiċi tal-Aħjar Prattika. Fil-fatt, matul il-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet Daniżi u Svediżi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilment ta’ ITD u dwar l-osservazzjonijiet addizzjonali ta’ din tal-aħħar (ara l-punt 14 hawn fuq).

78      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi, ir-rikorrenti sempliċement jassumu li l-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni ġiet diskussa matul il-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel, mingħajr ma jipproduċu kwalunkwe indizju konkret f’dan is-sens.

79      Konsegwentement, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-fażi ta’ komunikazzjoni minn qabel, it-tul u ċ-ċirkustanzi li fihom seħħ l-iżvolġiment tal-fażi ta’ eżami preliminari, fihom innifishom, ma jiżvelawx diffikultajiet serji li kienu jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

80      Peress li l-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni tiddeċiedi dwar l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq it-tul u ċ-ċirkustanzi li fihom seħħ l-iżvolġiment tal-fażi ta’ eżami preliminari, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tagħhom għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex il-komunikazzjonijiet kollha li seħħew, matul il-fażi ta’ eżami preliminari u l-fażi preċedenti għaliha bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi, jiġu ppreżentati fil-proċess. Fi kwalunkwe każ, insostenn tat-talba tagħhom għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti ma pproduċew l-ebda prova li tali miżura tkun utli għall-finijiet tal-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Europa Terra Nostra vs Il‑Parlament, T‑13/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:428, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti insostenn tal-motiv uniku u li huma intiżi sabiex jistabbilixxu li l-kontenut stess tad-deċiżjoni kkontestata jagħti indizji fis-sens li l-eżami tal-miżuri inkwistjoni kien iqajjem diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

B.      Fuq l-indizji relatati mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

82      Insostenn tat-tieni parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti jenfasizzaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji li juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, meta, fid-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li:

–        il-kumpens inkwistjoni kien kompatibbli mas-suq intern;

–        il-garanzija inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti;

–        l-eżenzjoni mill-VAT favur Post Danmark ma kinitx imputabbli lill-Istat;

–        l-iżball fit-tqassim, mid-Dipartiment tal-Kontabbiltà ta’ Post Danmark, tal-ispejjeż li jaqgħu taħt l-OSU u ta’ dawk li ma jaqgħux taħtu ma kienx stabbilit, ma kienx jinvolvi t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u ma kienx imputabbli lill-Istat;

–        iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinitx imputabbli lill-Istat u ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku.

1.      Fuq il-kumpens inkwistjoni

83      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Jørgen Jensen Distribution u minn Dansk Distribution, isostnu li, meta kkonkludiet li l-kumpens inkwistjoni kien kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji, u b’hekk uriet li kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward.

84      Qabelxejn, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li, fl-assenza tal-OSU, Post Danmark ma kinitx ser tkompli twettaq ċerti attivitajiet.

85      Minn naħa, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ ittri u pakketti li huma waħdiet, irreġistrati jew assigurati u tas-servizz b’xejn lil persuni għamja, ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn is-servizzi jagħtu profitt fiż-żoni urbani, kif jirriżulta minn rapport imħejji mill-kumpannija BDO u prodott insostenn tar-rikors (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ BDO”). Issa, fl-evalwazzjoni tagħha tax-xenarju kontrofattwali neċessarju għall-kalkolu tal-INE, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda distinzjoni bejn iż-żoni urbani u ż-żoni rurali fir-rigward ta’ dawn is-servizzi.

86      Fir-replika, ir-rikorrenti jispjegaw li d-deċiżjoni jekk titwaqqafx jew titkompliex il-provvista ta’ ċerti servizzi għandha tkun bbażata fuq xenarju fuq perijodu twil u li s-servizzi msemmija fil-punt 85 hawn fuq jagħtu profitt fuq perijodu twil. Madankollu, skont ir-rikorrenti, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ Post Danmark u ta’ spejjeż sostnuti minn din tal-aħħar fid-dawl tar-ristrutturazzjoni tagħha, is-servizzi inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jagħtu profitt fuq perijodu qasir. B’hekk, peress li l-kalkolu tal-kumpens jikkonċerna perijodu qasir, jiġifieri dak mill-2017 sal-2019, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li Post Danmark kienet ser tkompli tipprovdi tali servizzi anki fl-assenza ta’ OSU, anki jekk, fuq il-perijodu inkwistjoni, l-imsemmija servizzi kienu jirriżultaw f’telf.

87      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkunsidrat li, fl-assenza ta’ OSU, Post Danmark kienet ser ittemm is-servizzi ta’ distribuzzjoni internazzjonali ta’ ittri u ta’ pakketti. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li fuljett ta’ PostNord jirreferi għal għanijiet strateġiċi intiżi għal “globalizzazzjoni” u għal “preżenza internazzjonali” permezz tal-“provvista ta’ soluzzjonijiet loġistiċi kompleti”. Għalhekk, anki fl-assenza ta’ OSU, ma kienx probabbli li Post Danmark tirrinunzja għall-provvista tas-servizzi internazzjonali inkwistjoni.

88      Sussegwentement, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti benefiċċji intanġibbli li minnhom kienet qiegħda tgawdi Post Danmark bis-saħħa tal-OSU.

89      Minn naħa, il-Kummissjoni żbaljat meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tisħiħ tar-reputazzjoni ta’ Post Danmark għall-eżekuzzjoni tal-OSU. Fil-fatt, l-OSU jagħti lil Post Danmark monopolju fuq is-servizzi postali u jawtorizzaha tistampa bolol bil-kelma “Danmark” kif ukoll l-użu tas-simbolu ta’ kornu tal-posta tad-deheb fl-uffiċċji tal-posta pubblika. Skont ir-rikorrenti, mir-rapport ta’ BDO, li jiċċita studju mwettaq fl-2010 minn WIK Consult fuq talba tal-Autorité de régulation des communications électroniques et des postes (ARCEP, Franza) (l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u Postali, Franza (iktar ’il quddiem l-“istudju ta’ WIK tal-2010”), jirriżulta li l-valur ta’ dan il-benefiċċju intanġibbli jista’ jilħaq 81 % tal-ammont tal-OSU.

90      Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li ġeneralment huwa kkunsidrat li l-provvista ta’ servizzi postali ttejjeb ir-reputazzjoni tal-impriża inkarigata minnha u li dan huwa l-każ anki meta l-imsemmija impriża taffaċċja diffikultajiet finanzjarji. Insostenn ta’ dan l-argument, huma jipproduċu, bħala Anness C.2, rapport tat‑28 ta’ Jannar 2015 tal-United States Postal Service Office of Inspector General (l-Uffiċċju tal-Ispettorat Ġenerali tas-Servizzi Postali tal-Istati Uniti tal-Amerika) dwar il-valur tat-trade mark tal-operatur US Postal (iktar ’il quddiem ir-“rapport US Postal”), bħala Anness C.3, l-istudju ta’ WIK tal-2010 u, bħala Anness C.4, rapport tal-Commission for Communications Regulation (l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjonijiet, l-Irlanda) tal‑20 ta’ Diċembru 2017 dwar l-istrateġija postali tal-operatur An Post għall-perijodu bejn l-2018 u l-2020. Dawn l-istess dokumenti huma prodotti minn Jørgen Jensen Distribution u minn Dansk Distribution bħala annessi man-noti ta’ intervent.

91      Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, l-onnipreżenza ta’ Post Danmark, li s-servizzi tagħha jkopru t-territorju kollu Daniż, tagħtiha vantaġġ sinjifikattiv u tikkostitwixxi fattur ta’ bejgħ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kumpanniji ta’ kummerċ online. L-eżistenza ta’ tali vantaġġ kienet irrikonoxxuta fir-rapport annwali u ta’ vijabbiltà ta’ PostNord għas-sena 2017. Issa, fil-kalkolu tal-INE aċċettat mill-Kummissjoni, ma ġie dedott l-ebda ammont marbut ma’ din l-onnipreżenza.

92      Fir-replika, ir-rikorrenti jindikaw li r-rapport US Postal huwa rilevanti wkoll fir-rigward tal-onnipreżenza, l-istess bħal dokument imħejji fl-2014 mill-Economic and Social Research Council (ESRC, il-Kunsill għar-Riċerka Ekonomiku u Soċjali, ir-Renju Unit), fil-kuntest ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-kompetizzjoni fis-settur postali fir-Renju Unit, prodott kemm bħala Anness C.5 tar-replika u prodott ukoll minn Jørgen Jensen Distribution u minn Dansk Distribution bħala anness man-noti ta’ intervent tagħhom. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar jenfasizzaw li kull fornitur inkarigat bl-OSU jibbenefika minn valur ta’ trade mark assoċjata mal-onnipreżenza peress li “l-OSU jirrikjedi servizz universali komplet u kullimkien”.

93      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-kumpens inkwistjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni inċentivi għall-effiċjenza, bi ksur tal-paragrafi 39 sa 43 tal-Qafas SIEĠ. F’dan is-sens, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni kkalkolat l-ispejjeż tal-OSU abbażi tal-ispejjeż reali u tal-spejjeż stmati ta’ Post Danmark. Madankollu, din tal-aħħar kienet kważi falluta fil-mument tal-perijodu kkonċernat mill-kumpens inkwistjoni u kellha bżonn trasformazzjoni qawwija sabiex issir effiċjenti. Għalhekk, il-kalkolu ta’ dan il-kumpens ma sarx abbażi ta’ fornitur effiċjenti. Ir-rikorrenti jżidu li l-imsemmi kumpens, li jirrigwarda l-OSU għall-perijodu mill-2017 sal-2019, ingħata “a posteriori” fir-rigward tal-ewwel nofs ta’ dan il-perijodu, inkluż bejn is-sena 2017 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit‑28 ta’ Mejju 2018. B’hekk, għal dan l-ewwel nofs tal-perijodu inkwistjoni, l-osservanza tal-istandards ta’ kwalità stabbiliti fil-mandat ta’ servizz universali ma setgħux jiġu vverifikati.

94      Finalment, ir-rikorrenti jinvokaw “żball ta’ liġi” mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-kumpens inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq intern filwaqt li espressament aċċettat li kien intuża sabiex jiffinanzja parti mill-allowances marbuta mat-tkeċċija ta’ ċerti impjegati ta’ Post Danmark mhux assenjati għall-OSU, minkejja li dan il-kumpens kellu jiġi allokat biss għall-eżekuzzjoni tal-OSU. Il-Kummissjoni kienet għalhekk obbligata tivverifika l-kompatibbiltà ta’ għajnuna fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minnha, li ma għamlitx f’dan il-każ, billi ma eżaminatx jekk l-għan tat-tkeċċija tal-impjegati ta’ Post Danmark kienx kompatibbli mas-suq intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni aċċettat użu abbużiv tal-kumpens inkwistjoni.

95      Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni aċċettat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-allowances ta’ tkeċċija ta’ impjegati ta’ Post Danmark fil-kalkolu tal-INE, mingħajr ma kien stabbilit li l-impjegati inkwistjoni kienu jaħdmu fil-qafas tal-OSU. L-argument tagħhom huwa kkorroborat minn rapport ta’ Awwissu 2012 tal-Grupp tar-Regolaturi Ewropej tas-Servizzi Postali (ERGP) fuq il-kalkolu tal-INE (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-ERGP”).

96      Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tad-Danimarka, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni”) sabiex tawtorizza l-allokazzjoni tal-kumpens inkwistjoni għat-tkeċċija ta’ ex uffiċjali ta’ Post Danmark. Dan l-argument ġie repetut waqt is-seduta kemm mir-rikorrenti kif ukoll minn Dansk Distribution.

97      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

98      B’mod partikolari, minn naħa, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-Annessi C.2 sa C.5, abbażi tal-fatt li l-produzzjoni tagħhom għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika ma kinitx iġġustifikata mir-rikorrenti.

99      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà, abbażi tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, tal-argumenti differenti mqajma wara l-ewwel skambju ta’ noti. Dan japplika, l-ewwel, għall-argument li permezz tiegħu r-rikorrenti jenfasizzaw, fl-istadju tar-replika, li x-xenarju kontrofattwali għandu jkun stabbilit abbażi tal-profitabbiltà fuq perijodu twil ta’ ċerti attivitajiet. It-tieni, bħala risposta għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tal-argument li l-allokazzjoni għall-OSU tal-impjegati ta’ Post Danmark li kienu parti minn pjan ta’ tkeċċija ma kinitx ġiet stabbilita, minħabba li tali argument ġie żviluppat mir-rikorrenti biss fl-istadju tar-replika mbagħad fl-istadju tal-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent ippreżentata mir-Renju tad-Danimarka. It-tielet, finalment, waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tal-argument imqassar fil-punt 96 hawn fuq dwar l-eżami tal-kumpens inkwistjoni fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi C.2 sa C.5

100    Skont l-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi l-provi u l-provi proposti, jekk ikun il-każ.

101    Barra minn hekk, l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-provi għandhom jiġu prodotti jew proposti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Fl-Artikolu 85(2) ta’ dawn l-istess regoli, huwa spjegat li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

102    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmija regoli, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti jibqgħu riżervati (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    F’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċew dokumenti differenti fl-Annessi C.2 sa C.5 tar-replika, li l-ammissjoni tagħhom qiegħda tiġi kkontestata mill-Kummissjoni, minħabba li kienu tardivi.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta, il-Kummissjoni tirribatti, minn naħa, li bħala regola ġenerali, l-operaturi postali inkarigati mill-OSU ma jibbenefikawx, bħala riżultat ta’ dan, minn reputazzjoni mtejba u, min-naħa l-oħra, li dawn l-istess operaturi jistgħu jgawdu benefiċċji marbuta mal-onnipreżenza meta joffru sensiela wiesgħa ta’ attivitajiet kummerċjali minbarra l-attività postali fiha nnifisha. Issa, id-dokumenti prodotti fl-Annessi C.2 sa C.5 huma intiżi, essenzjalment, sabiex jistabbilixxu li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-titjib tar-reputazzjoni u l-onnipreżenza jikkostitwixxu benefiċċji intanġibbli marbuta mal-OSU li huma ġeneralment irrikonoxxuti fis-settur postali. Għalhekk, kif spjegaw ir-rikorrenti fit-tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-produzzjoni ta’ dawn l-annessi fl-istadju tar-replika tista’ tkun iġġustifikata sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju fir-rigward ta’ ċerti argumenti żviluppati fir-risposta, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 102 hawn fuq.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Annessi C.2 sa C.5 huma ammissibbli.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji marbuta mal-kumpens inkwistjoni

106    Skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) huma suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-missjoni partikolari fdata lilhom, bil-kundizzjoni li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx affettwat sa grad li jmur kontra l-interess tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, M6 u TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, EU:T:2010:272, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Billi jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 106(2) TFUE jfittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, b’mod partikolari tas-settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali, mal-interess tal-Unjoni li jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni u li tiġi ppreżervata l-unità tas-suq intern. Dak li l-Artikolu 106(2) TFUE huwa intiż li jipprevjeni, bl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, hija li l-operatur inkarigat mis-servizz pubbliku jibbenefika minn finanzjament li jaqbeż l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku (sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il‑Kummissjoni, T‑137/10, EU:T:2012:584, punt 293; tas‑16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑275/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:535, punt 131, u tal‑24 ta’ Settembru 2015, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, T‑125/12, EU:T:2015:687, punt 87).

108    Għalhekk, bħala parti mill-istħarriġ ta’ proporzjonalità inerenti fl-Artikolu 106(2) TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tipparaguna l-ammont tal-għajnuna mill-Istat prevista mal-ispejjeż netti tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku mwettqa mill-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, TF1 et vs Il‑Kummissjoni, T‑520/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:352, punt 121).

109    Dan huwa l-għan li għandu jintlaħaq mill-metodoloġija tal-INE, li skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 25 tal-Qafas SIEĠ, “l-ispiża netta neċessarja, jew mistennija li tkun neċessarja, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għall-fornitur tas-servizz biex jopera bl-obbligu ta’ servizz pubbliku u l-ispiża netta jew il-profitt tal-istess fornitur biex jopera mingħajr dak l-obbligu”. Għalhekk, il-metodoloġija tal-INE tinvolvi l-iżvilupp ta’ xenarju kontrofattwali, jiġifieri sitwazzjoni ipotetika li fiha l-fornitur tas-servizz universali ma jibqax iktar inkarigat minn tali servizz, u l-paragun ta’ dan ix-xenarju max-xenarju fattwali, li fih l-imsemmi fornitur huwa inkarigat mill-OSU.

110    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti differenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji meta kienet qiegħda tevalwa l-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni mas-suq intern.

111    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jressqu erba’ settijiet ta’ indizji sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-waqfien żbaljat ta’ ċerti attivitajiet fix-xenarju kontrofattwali użat bħala bażi għall-kalkolu tal-INE, it-tieni, in-nuqqas ta’ tnaqqis ta’ ċerti benefiċċji intanġibbli fil-kalkolu tal-INE, it-tielet, il-fatt li f’dan il-kalkolu ma jiġux ikkunsidrati inċentivi għall-effiċjenza fis-sens tal-paragrafi 39 sa 43 tal-Qafas SIEĠ u, ir-raba’, l-użu tal-kumpens inkwistjoni għal raġunijiet oħra minbarra l-eżekuzzjoni tal-OSU.

1)      Fuq ix-xenarju kontrofattwali

112    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-iżvilupp tax-xenarju kontrofattwali inkwantu ma jiħux inkunsiderazzjoni ċerti attivitajiet. F’dan ir-rigward, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li aċċettat ix-xenarju kontrofattwali mibgħut lilhom mill-awtoritajiet Daniżi minkejja li dan kien jirreferi għall-waqfien ta’ ċerti attivitajiet li, fir-realtà, probabbilment kienu jitkomplew minn Post Danmark fl-assenza tal-OSU.

113    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafi 21 sa 23 tal-Qafas SIEĠ, li jinsabu fil-punt 2.8, intitolat “Ammont tal-Kumpens”, huwa indikat dan li ġej:

“21.      L-ammont ta’ kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-ispiża netta għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku, inkluż profitt raġonevoli.

22.      L-ammont tal-kumpens jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-ispejjeż u d-dħul proġettati jew inkella tal-ispejjeż u d-dħul li saru attwalment, jew fuq taħlita tat-tnejn, skont l-inċentivi għall-effiċjenza li l-Istati Membri jixtiequ li jipprovdu mill-bidu, f’konformità mal-paragrafi 40 u 41.

23.      Fejn il-kumpens huwa bbażat, kollu jew parti minnu, fuq l-ispejjeż u d-dħul proġettati, dawk iridu jiġu speċifikati fl-att tal-inkarigu. Huma jridu jkunu bbażati fuq parametri plawsibbli u osservabbli dwar l-ambjent ekonomiku li fih ikun qed jiġi provdut l-SGEI. Huma jridu jibbażaw, fejn adattat, fuq l-esperjenza ta’ regolaturi tas-settur jew ta’ entitajiet oħra li jkunu indipendenti mill-impriża. L-Istati Membri jridu jindikaw is-sorsi li fuqhom huma bbażati dawn l-aspettattivi ([s]orsi pubbliċi tal-informazzjoni, livelli tal-ispejjeż inkorsi mill-fornitur tal-SGEI fil-passat, livelli tal-ispejjeż tal-kompetituri, pjanijiet tan-negozju, rapporti tal-industrija, eċċ). L-istima tal-ispejjeż trid tirrifletti l-aspettattivi tal-kisbiet fl-effiċjenza miksuba mill-fornitur tal-SGEI matul l-inkarigu.”

114    Mill-paragrafi 21 sa 23 tal-Qafas SIEĠ jirriżulta li l-Istati Membri, li għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni bil-pjani tagħhom li jagħtu għajnuna, għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tad-data rilevanti għall-kalkolu tal-INE u li, meta tali kalkolu huwa bbażat fuq data previżjonali, il-Kummissjoni għandha tistħarreġ kemm hija plawżibbli u tiżgura li ma teċċedix dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispiża netta tal-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku, meta jiġi kkunsidrat profitt raġonevoli.

115    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li data ta’ natura previżjonali, min-natura tagħha, tinkludi marġni ta’ żball u li dan il-fatt biss ma jikkostitwixxix indizju ta’ diffikultajiet serji li magħhom iltaqgħet il-Kummissjoni waqt l-eżami preliminari tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, TF1 et vs Il‑Kummissjoni, T-520/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:352, punti 103 u 139).

116    F’dan il-każ, fil-punt 148 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li x-xenarju fattwali kien ibbażat fuq l-ispejjeż u d-dħul previsti għall-perijodu mill-2017 sal-2019, abbażi tal-kontijiet finanzjarji ta’ Post Danmark għall-ewwel għaxar xhur tas-sena 2017, u fuq previżjonijiet għall-aħħar xahrejn ta’ din is-sena u fuq il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ Post Danmark għas-snin 2018 u 2019. Fil-punt 151 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li x-xenarju kontrofattwali kien ibbażat fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-attività kummerċjali ta’ Post Danmark f’xenarju li fih hija ma kinitx inkarigata mill-OSU.

117    Mill-punti 151 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw li, fl-assenza tal-OSU, Post Danmark kienet twaqqaf id-distribuzzjoni ta’ ittri u pakketti li huma waħdiet, iddefiniti fil-punt 3 tal-mandat ta’ servizz universali bħala “l-ittri ttimbrati u l-pakketti inklużi fl-OSU, impustati b’mod okkażjonali u/jew fi kwantitajiet żgħar u li ma kinux koperti minn kuntratt konkluż ma’ Post Danmark”, ta’ oġġetti rreġistrati u assigurati, is-servizz b’xejn għal persuni għamja, id-distribuzzjoni ta’ ġurnali, rivisti u katalogi kif ukoll il-posta internazzjonali tal-ittri u tal-pakketti postali.

118    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw il-fatt li d-distribuzzjoni ta’ ittri u ta’ pakketti li huma waħdiet, ta’ oġġetti rreġistrati u assigurati, is-servizz b’xejn għal persuni għamja, id-distribuzzjoni ta’ ġurnali u rivisti u l-posta internazzjonali tal-ittri u tal-pakketti postali jagħtu profitt fiż-żoni urbani u li, għalhekk, anki li kieku ma ngħatatx l-OSU, Post Danmark kienet tkompli twettaq dawn l-attivitajiet f’dawn iż-żoni.

119    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-allegata possibbiltà ta’ profitt tal-attivitajiet inkwistjoni hija bbażata fuq ir-rapport ta’ BDO.

120    F’dan ir-rigward, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex plawżibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il‑Kummissjoni, T‑219/13, EU:T:2016:485, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 48 hawn fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta tat id-deċiżjoni.

122    Issa, f’dan il-każ, ir-rapport ta’ BDO tħejja wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fuq talba ta’ ITD. B’hekk, il-valur probatorju ta’ tali rapport sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li għandu jiġi stabbilit mir-rikorrenti, għandu jkun ikkunsidrat bħala limitat ferm.

123    Sussegwentement, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-inklużjoni ta’ attivitajiet profitabbli fix-xenarju kontrofattwali kien ikollha bħala effett li żżid il-profitti ta’ Post Danmark f’tali xenarju u, b’hekk, iżżid id-differenza, neċessarja għall-kalkolu tal-INE, bejn id-dħul mill-OSU u dak li Post Danmark kienet tiġġenera fl-assenza tal-OSU. Għalhekk, jekk ix-xenarju kontrofattwali kien semma t-twettiq ta’ attivitajiet oħra ta’ profitt, il-possibbiltà li l-kalkolu tal-INE kien iwassal għal kumpens żejjed kienet tonqos iktar, bl-istess mod kif, konsegwentement, kien jonqos ir-riskju ta’ inkompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni mas-suq intern.

124    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mir-rikorrenti fir-replika, li l-attivitajiet li huma jallegaw li jiġġeneraw profitt jagħtu profitt biss fuq perijodu twil, bil-konsegwenza li, sabiex jiġi stabbilit ix-xenarju kontrofattwali, fuq il-perijodu qasir mill-2017 sal-2019, tali attivitajiet iġibu magħhom telf.

125    Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li tali argument huwa ammissibbli, huwa bbażat fuq premessa żbaljata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kalkolu tal-INE, li fih għandha tiġi eskluża l-ispiża inerenti għall-provvista tas-servizz universali, jinvolvi l-iżvilupp ta’ xenarju kontrofattwali, jiġifieri sitwazzjoni ipotetika li fiha l-fornitur ta’ tali servizz ma jibqax responsabbli għalih (ara l-punt 109 hawn fuq). Din il-metodoloġija tikkonsisti, fl-ewwel lok, fl-evalwazzjoni dwar jekk, fl-assenza tal-OSU, l-operatur inizjalment inkarigat minn dan l-OSU kienx jibdel l-imġiba u ma jkomplix jipprovdi s-servizzi li jiġġeneraw telf jew jibdel il-modalitajiet ta’ provvista tas-servizzi li jiġġeneraw telf u, fit-tieni lok, fl-evalwazzjoni dwar l-effett ta’ din il-bidla fl-imġiba fuq l-ispejjeż u d-dħul sabiex jitnaqqsu minnhom u eventwalment isir il-kalkolu tal-INE. Fi kliem ieħor, dan jinvolvi li tiġi stmata l-ispiża netta tal-OSU billi jiġi evalwat sa fejn l-operatur inkarigat mill-OSU kien iżid il-profitti tiegħu li kieku ma kienx obbligat jipprovdi s-servizz universali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, První novinová společnost vs Il‑Kummissjoni, T‑316/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:489, punti 272 u 273).

126    Għalhekk, għal dan il-għan, kif indikat il-Kummissjoni, huwa neċessarju li x-xenarju kontrofattwali jiddeskrivi sitwazzjoni stabbli li ma tikkunsidrax l-ispejjeż involuti fit-tranżizzjoni, għall-fornitur tas-servizz universali, għas-sitwazzjoni fejn ma jkunx għadu inkarigat mill-OSU. L-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’ peress li jippreżupponi li t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ profitt jiġġeneraw iktar telf milli profitt.

127    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li x-xenarju kontrofattwali propost mill-awtoritajiet Daniżi ma kienx realistiku, inkwantu kien jassumi li Post Danmark, fl-assenza tal-OSU, kienet ser twaqqaf id-distribuzzjoni internazzjonali tal-posta tal-ittri u ta’ pakketti postali, minkejja li l-għanijiet strateġiċi ddikjarati ta’ Post Danmark jirreferu għal “preżenza solida internazzjonali” u għall-provvista ta’ soluzzjonijiet loġistiċi kompleti għall-kunsinna ta’ merkanzija mill-esteru sal-klijent finali.

128    Madankollu, kif korrettament isostni r-Renju tad-Danimarka, ix-xenarju kontrofattwali ma jirrigwardax il-waqfien, minn Post Danmark, ta’ attivitajiet inklużi fil-mandat ta’ servizz universali fl-assenza tal-OSU, jiġifieri, skont il-Konvenzjoni Postali Universali, li għaliha jirreferi l-punt 2 tal-mandat ta’ servizz universali (ara l-punt 5 hawn fuq), id-distribuzzjoni ta’ “posta tal-ittri” u ta’ “pakketti postali” lil individwi sa 20 kilogramma.

129    Għalhekk, mix-xenarju kontrofattwali ma jirriżultax li l-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw li, kieku ma baqgħetx inkarigata mill-OSU, Post Danmark kienet tnaqqas il-preżenza internazzjonali tagħha jew ma kinitx tibqa’ f’pożizzjoni li tiżgura l-kunsinna ta’ merkanzija fuq livell internazzjonali. Minn dan isegwi li x-xenarju kontrofattwali ma jikkontradixxix l-għanijiet ta’ Post Danmark dwar tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tagħha u l-offerta ta’ soluzzjonijiet loġistiċi kompleti sal-klijent finali.

130    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kritika tar-rikorrenti dwar l-iżvilupp tax-xenarju kontrofattwali ma tiżvelax l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li magħhom iltaqgħet il-Kummissjoni.

2)      Fuq it-tnaqqis tal-benefiċċji intanġibbli

131    Skont l-aħħar sentenza tal-paragrafu 25 tal-Qafas SIEĠ, “[i]l-kalkolu tal-ispiża netta għandu jevalwa l-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji intanġibbli, lill-fornitur tal-SGEI”.

132    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-servizzi postali universali, id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49), introduċiet fid-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), l-Anness I, bit-titolu “Gwida għall-kalkolu ta’ l-ispiża netta, jekk ikun il-każ, ta’ servizz universali”. Dan l-anness jipprevedi, fit-tielet u fir-raba’ inċiż tal-Parti B tiegħu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji intanġibbli fil-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz universali.

133    B’hekk, bħala regola, kull kalkolu tal-INE għandu jnaqqas il-benefiċċji intanġibbli imputabbli lill-OSU (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, Slovenská pošta vs Il‑Kummissjoni, T‑556/08, mhux ippubblikata, EU:T:2015:189, punt 373), filwaqt li għandu jiġi speċifikat li l-ebda dispożizzjoni ma telenka t-tipi ta’ benefiċċji intanġibbli li huma, b’mod ġenerali, imputabbli lis-SIEĠ jew, b’mod partikolari, imputabbli lill-OSU fil-qasam postali.

134    F’dan il-każ, fil-punt 157 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li l-benefiċċji intanġibbli fis-settur postali jinkludu l-ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa, il-benefiċċji ta’ reklamar marbuta mal-proprjetà intellettwali, l-effetti fuq id-domanda bħala riżultat tal-eżenzjoni mill-VAT, il-vantaġġi marbuta mal-kopertura territorjali kollha, is-setgħa ta’ negozjar u akkwist aħjar ta’ klijentela.

135    Fil-punt 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-kalkolu tal-INE propost mill-awtoritajiet Daniżi jinkludi żewġ kategoriji ta’ benefiċċji intanġibbli. Minn naħa, tali kalkolu ħa inkunsiderazzjoni ż-żieda fid-domanda għal Post Danmark fir-rigward tal-klijenti suġġetti għall-VAT li ma jistgħux inaqqsuha, minħabba l-eżenzjoni minn din it-taxxa għas-servizzi li jaqgħu taħt l-OSU. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat li l-awtoritajiet Daniżi kienu naqsu l-assi ta’ proprjetà intellettwali marbuta mal-OSU, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-benefiċċji ta’ reklamar marbuta mal-punti ta’ kuntatt viżibbli bħall-kaxxi tal-ittri u l-punti ta’ ġbir ta’ pakketti self-service.

136    Fil-punt 159 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Daniżi kienu eskludew, mill-kalkolu tal-ispiża netta, tliet kategoriji ta’ benefiċċji intanġibbli, ibbażati fuq, rispettivament, l-ekonomiji ta’ skala, setgħa ikbar ta’ negozjar u kopertura territorjali totali tas-suq tad-distribuzzjoni postali ta’ gazzetti, rivisti u katalogi.

137    Essenzjalment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli aċċettat metodoloġija ta’ kalkolu tal-INE li ma applikat it-tnaqqis ta’ ebda benefiċċju intanġibbli marbut mat-titjib tar-reputazzjoni ta’ Post Danmark u mal-onnipreżenza tagħha fit-territorju Daniż.

i)      Fuq it-titjib tar-reputazzjoni ta’ Post Danmark

138    Ir-rikorrenti jsostnu li t-titjib tar-reputazzjoni tal-fornitur tas-servizz universali huwa dejjem ikkunsidrat bħala benefiċċju intanġibbli fis-settur postali u jista’ jilħaq sa 81 % tal-ispiża tal-OSU. Fil-każ ta’ Post Danmark, l-OSU jippermettilha tistampa bolol bil-kelma “Danmark” u tuża s-simbolu ta’ kornu tal-posta tad-deheb fl-uffiċċji pubbliċi postali, biex b’hekk jissaħħaħ il-valur tat-trade mark ta’ din l-impriża, li nħolqot meta kellha monopolju.

139    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, kif osservat mill-Kummissjoni, li ċ-ċifra ta’ 81 % tal-ispiża tal-OSU, imressqa mir-rikorrenti, toħroġ minn studju dwar it-telekomunikazzjonijiet imwettaq minn WIK Consult fl-1997 u riprodott fil-punt 2.2 tal-istudju ta’ WIK tal-2010, intitolat “Benefiċċji intanġibbli fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”. Għalhekk, minn tali ċifra, li ma tikkonċernax is-servizzi postali universali, ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett tal-OSU fuq ir-reputazzjoni ta’ Post Danmark.

140    Madankollu, minn diversi provi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li t-titjib tar-reputazzjoni tal-fornitur tas-servizz universali jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju intanġibbli imputabbli lill-OSU fis-settur postali. B’mod partikolari, l-istudju ta’ WIK tal-2010 u r-rapport ERGP jistipulaw, f’termini identiċi, dan li ġej:

“Il-maġġoranza tal-operaturi pre-eżistenti/[fornituri tas-servizz universali] jipprovdu servizzi postali ta’ kwalità għolja, madwar it-territorju kollu tagħhom (Pajjiż). B’hekk, huma jgawdu minn reputazzjoni eċċellenti u konsegwentement minn trade mark ta’ valur għoli. Il-klijentela, li tipperċepixxi dan, (filwaqt li tirrikonoxxi wkoll li l-[fornitur tas-servizz universali] joffri wkoll servizzi b’telf) x’aktarx tixtri servizzi (li ma humiex OSU) mingħand il-[fornitur tas-servizz universali] minflok mingħand operatur ieħor. It-tnaqqis tal-kwalità tas-servizz taħt l-istandards tal-OSU tista’ twassal għal telf tar-reputazzjoni tal-impriża u tal-valur tat-trade mark.”

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din iċ-ċifra tidher fil-partijiet tal-istudju ta’ WIK tal-2010 u tar-rapport tal-ERGP li jiffokaw fuq il-lista tad-dokumentazzjoni u ta’ pubblikazzjonijiet disponibbli fir-rigward ta’ vantaġġi li minnhom jibbenefika l-fornitur tas-servizz universali fis-settur postali. Dawn id-dokumenti jispjegaw li l-identifikazzjoni tal-vantaġġ relatat mat-titjib tar-reputazzjoni tal-fornitur tas-servizz universali huwa bbażat fuq studji li jmorru lura għall-2001, l-2002 u l-2008.

142    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma humiex f’pożizzjoni li jispjegaw kif il-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 140 hawn fuq, li juru li l-OSU jtejjeb ir-reputazzjoni tal-operatur inkarigat minnu, huma applikabbli għal Post Danmark, li għaliha l-użu ġġeneralizzat ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi wassal għal nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ ta’ 38 % bejn l-2009 u l-2016. Dwar dan l-aħħar punt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-diffikultajiet finanzjarji li ltaqgħet magħhom Post Danmark matul dan il-perijodu wasslu, minn naħa, għal tnaqqis fil-provvista ta’ servizzi offruti taħt l-OSU u, min-naħa l-oħra, għal żieda fit-tariffi marbuta ma’ dawn is-servizzi, li teskludi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-assenza ta’ tnaqqis ta’ benefiċċji marbuta mat-titjib tar-reputazzjoni ta’ Post Danmark fil-kalkolu tal-INE.

143    Tali konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-rapport US Postal, li minnu jirriżulta li, minkejja diffikultajiet finanzjarji, l-operatur US Postal, inkarigat mill-OSU fl-Istati Uniti, żamm il-valur tat-trade mark tiegħu f’livell għoli ħafna u ekwivalenti għall-ispiża tal-OSU. F’dan ir-rigward, anki jekk il-kuntest li fih topera US Postal huwa analogu għal dak ta’ Post Danmark, l-importanza tal-valur tat-trade mark tagħha u l-paragun tagħha mal-ispiża tal-OSU ma humiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit li r-reputazzjoni tal-impriża kienet ser tiġi affettwata jekk ma tingħatax l-OSU. Fil-fatt, sabiex jitnaqqsu l-benefiċċji intanġibbli fil-kuntest tal-kalkolu tal-INE, ma għandux jiġi evalwat il-valur tat-trade mark tal-fornitur tas-servizz universali, iżda għandu jiġi stabbilit jekk ir-reputazzjoni ta’ fornitur tas-servizz universali tjibitx minħabba li huwa jipprovdi dan is-servizz.

144    Barra minn hekk, il-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li l-OSU jippermetti lil Post Danmark tistampa bolol bl-isem “Danmark” u tuża s-simbolu ta’ kornu tal-posta tad-deheb lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala indizju ta’ diffikultajiet serji marbuta mal-fatt li benefiċċju intanġibbli relatat mat-titjib tar-reputazzjoni ta’ Post Danmark ma ġiex ikkunsidrat. Fil-fatt, minkejja li tali ċirkustanza tista’ tistabbilixxi rabta bejn l-Istat Daniż u Post Danmark, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li tali rabta kienet tinkiser fl-assenza tal-OSU. Issa, fid-dawl tal-fatt li l-isem “Danmark” huwa parti mill-isem kummerċjali ta’ Post Danmark, li huwa l-operatur preeżistenzi Daniż u li, f’dik il-kapaċità, ibbenefika minn sitwazzjoni ta’ monopolju fit-territorju nazzjonali, u li l-Istat Daniż huwa wieħed miż-żewġ azzjonisti tal-kumpannija omm ta’ Post Danmark, huwa probabbli li, anki jekk dan l-operatur ma ngħatax l-OSU, ir-reputazzjoni tiegħu kienet tibqa’ assoċjata mal-Istat Daniż.

145    Finalment, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod validu argumenti bbażati fuq l-istudju ta’ WIK tal-2010 dwar l-operatur Franċiż La Poste u rapport dwar l-operatur Irlandiż An Post.

146    Minn naħa, minkejja li l-istudju ta’ WIK tal-2010 kkonkluda li l-fatt li La Poste kienet fornitur tas-servizz universali seta’ jtejjeb ir-reputazzjoni tagħha, din il-konklużjoni kienet marbuta mal-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi għall-fornitur ikkonċernat, kif jirriżulta mill-konstatazzjoni li “La Poste għandha reputazzjoni ta’ impriża viċin iċ-ċittadin mal-klijentela”, li “[k]ull aspett, fi Franza, li jmiss mal-kunċett ta’ ‘[s]ervizz [p]ubbliku’ għandu, bħala tradizzjoni, post u rwol importanti ferm mill-perspettiva tal-popolazzjoni”, li “[i]n-nies jafdaw is-servizzi postali u finanzjarji ta’ La Poste u huma sensittivi ferm għal kull bidla fil-provvista ta’ dawn is-servizzi”. Madankollu, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux, u lanqas ma jsostnu, li tali ċirkustanzi huma applikabbli għal Post Danmark.

147    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rapport dwar An Post, il-passaġġ iċċitat mir-rikorrenti, li l-provvista tas-servizz universali tippermetti titjib tar-reputazzjoni, huwa inkluż f’parti relatata mat-“trażmissjoni ta’ korrispondenza”. Huwa biss fir-rigward ta’ dan is-servizz li titjib tar-reputazzjoni minħabba l-OSU jista’ jiġi dedott minn dan il-passaġġ.

148    Issa, mill-punti 151 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-assenza tal-OSU, Post Danmark ma kinitx tkompli tiżgura d-distribuzzjoni ta’ ittri minħabba li dan is-servizz kien jiġġenera telf. Għalhekk, kull tnaqqis ta’ reputazzjoni limitat għas-settur tad-distribuzzjoni tal-ittri ma kienx ser ikollu effett fuq is-sitwazzjoni ta’ Post Danmark fl-assenza tal-OSU, peress li din tal-aħħar ma kinitx ser tibqa’ attiva fl-imsemmi settur.

149    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mill-punti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet Daniżi, tat-titjib tar-reputazzjoni ta’ trade mark minħabba l-OSU fil-kalkolu tal-INE kellu jnissel dubji fi ħdan il-Kummissjoni waqt l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-kumpens inkwistjoni.

ii)    Fuq l-onnipreżenza

150    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni aċċettat ukoll, b’mod żbaljat, il-kalkolu tal-INE propost mill-awtoritajiet Daniżi, minkejja li tali kalkolu ma kien inaqqas l-ebda ammont li jikkorrispondi mal-onnipreżenza.

151    F’dan ir-rigward, minn dokumenti differenti prodotti mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-istudju ta’ WIK tal-2010 u r-rapport tal-ERGP, jirriżulta li, fis-settur postali, l-onnipreżenza tiġbed il-klijenti u żżid il-fiduċja tal-klijenti, li huma inklinati iktar jagħżlu l-fornitur tas-servizz universali milli l-kompetituri tiegħu, sa fejn ikunu jafu li, minħabba l-OSU, dan il-fornitur jipprovdi servizzi fit-territorju kollu.

152    B’hekk, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-vantaġġ li jirriżulta mill-onnipreżenza ma jibbenefikax biss lill-operaturi li joffru servizzi ta’ bank jew ta’ assigurazzjoni, għalkemm tali vantaġġ jista’ jkun dejjem iktar sinjifikattiv meta s-servizzi offruti huma diversi u varji. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, il-vantaġġ marbut mal-onnipreżenza huwa differenti mill-effiċjenza tar-reklamar, li jirreferi għall-fatt li l-preżenza territorjali marbuta mal-OSU toffri lill-fornitur tas-servizz universali viżibbiltà fuq it-territorju kollu, filwaqt li kwalunkwe operatur ieħor ikollu jsostni spejjeż ta’ reklamar sabiex jikseb viżibbiltà ekwivalenti.

153    Minkejja dan, il-fatt li l-onnipreżenza tista’ tkun ikkunsidrata bħala benefiċċju intanġibbli marbut mas-servizz universali fil-qasam postali ma jikkontradixxix il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 157 tagħha, li l-benefiċċji intanġibbli u kummerċjali tipiċi jinkludu l-“vantaġġi [marbuta mal]-kopertura universali” u “akkwist aħjar ta’ klijentela”.

154    Barra minn hekk, kif enfasizza r-Renju tad-Danimarka, vantaġġ intanġibbli marbut mal-onnipreżenza ma huwiex dedott b’mod sistematiku mill-kalkolu tal-INE, kif juri l-istudju ta’ WIK tal-2010, prodott mir-rikorrenti, li kkunsidra li l-OSU ma kien jipprovdi l-ebda vantaġġ intanġibbli marbut mal-onnipreżenza lill-operatur Franċiż La Poste.

155    F’dan il-każ, fil-punt 159(iii) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-distributuri ta’ katalogi, ta’ rivisti u ta’ ġurnali kienu, skont l-awtoritajiet Daniżi, kompletament lesti li jagħżlu distributuri li ma joffrux kopertura territorjali universali. Din il-kunsiderazzjoni, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, hija intiża li tistabbilixxi li Post Danmark ma tibbenefikax, mill-fatt tal-istatus tagħha ta’ fornitur tas-servizz universali, minn vantaġġ intanġibbli marbut mal-onnipreżenza.

156    Fir-rigward tal-punti ppreżentati mir-rikorrenti intiżi sabiex jistabbilixxu li l-OSU tagħti lil Post Danmark benefiċċju intanġibbli relatat mal-onnipreżenza tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, fir-rapport annwali u ta’ vijabbiltà tagħha għas-sena 2017, PostNord indikat li l-fatt li ġiet inkarigata bl-OSU fl-Isvezja u fid-Danimarka kien ippermettielha tilħaq id-djar kollha f’dawn iż-żewġ Stati, li kien fattur ta’ saħħa fir-rigward tat-tkabbir tal-kummerċ online.

157    Madankollu, tali estratt ma jikkontradixxix il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-assenza ta’ tnaqqis ta’ benefiċċju intanġibbli relatat mal-onnipreżenza. Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 149(i) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li Post Danmark kienet qiegħda tipprevedi, għall-perijodu mill-2017 sal-2019, żieda sostanzjali ta’ kunsinni minn impriżi għall-konsumaturi, fid-dawl taż-żieda fil-kummerċ online. Min-naħa l-oħra, mill-punt 151 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-assenza tal-OSU, Post Danmark kienet ser tkompli tiddistribwixxi l-pakketti minbarra l-pakketti individwali, permezz ta’ xi bidliet fir-rigward tal-kunsinni d-dar li kienu ser jieqfu f’ċerti żoni rurali b’mod partikolari dawk b’popolazzjoni żgħira. Għalhekk, kif enfasizzaw il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, anki fl-assenza tal-OSU, l-onnipreżenza ta’ Post Danmark ma kinitx ser tinbidel b’mod fundamentali fir-rigward tas-servizzi marbuta mal-kummerċ online, peress li Post Danmark kienet ser tkompli toffri, fit-territorju kollu Daniż, id-distribuzzjoni ta’ pakketti minbarra l-pakketti individwali, bil-kunsinna d-dar jew mingħajrha, skont iż-żoni.

158    Barra minn hekk, kif korrettament tirrimarka l-Kummissjoni, l-estratti tar-rapport US Postal u tad-dokumenti mħejji mill-ESRC iċċitati mir-rikorrenti jirrigwardaw l-onnipreżenza tat-trade mark ta’ fornitur tas-servizz universali, jiġifieri l-impatt tal-kopertura totali tat-territorju fuq ir-reputazzjoni ta’ dan il-fornitur. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 142 sa 149 hawn fuq, is-sitwazzjoni ta’ Post Danmark kienet tali li l-Kummissjoni setgħet teskludi li l-OSU kien ser itejjeb ir-reputazzjoni tagħha.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punti ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-assenza ta’ tnaqqis speċifiku ta’ benefiċċju intanġibbli marbut mal-onnipreżenza, fil-kalkolu tal-INE ppreżentat mill-awtoritajiet Daniżi, kellha twassal lill-Kummissjoni taffaċċja diffikultajiet serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni mas-suq intern.

3)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ inċentivi għall-effiċjenza

160    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpens inkwistjoni kien kompatibbli mas-suq intern, filwaqt li, fl-opinjoni tagħhom, il-kalkolu tal-INE li kien il-bażi ta’ dan il-kumpens, kien jikser, f’żewġ aspetti, il-paragrafi 39 sa 43 tal-Qafas SIEĠ, relatati mal-inċentivi għall-effiċjenza. Minn naħa, il-kalkolu tal-INE ma sarx abbażi ta’ fornitur effiċjenti u, min-naħa l-oħra, ebda stħarriġ tal-kwalità tas-servizz universali ma seta’ jsir, peress li parti mill-kumpens inkwistjoni kienet tħallset a posteriori.

161    Il-paragrafi 39 sa 43 tal-Qafas SIEĠ jipprevedu dan li ġej:

“39.      Meta jfasslu l-metodu għall-kumpens, l-Istati Membri jridu jintroduċu inċentivi sabiex jiġi provdut b’effiċjenza SGEI ta’ standard għoli, sakemm ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw kif dovut li mhux fattibbli jew xieraq li jagħmlu dan.

40.      L-inċentivi tal-effiċjenza jistgħu jitfasslu b’modi differenti biex ikunu l-aktar adatti għall-ispeċifiċità tal-każ jew tas-settur. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu bil-quddiem livell ta’ kumpens fiss li jantiċipa u jinkorpora l-kisbiet fl-effiċjenza li l-impriża tista’ tkun mistennija li tagħmel matul il-perjodu tal-att ta’ inkarigu.

41.      Alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu miri ta’ effiċjenza produttiva fl-att ta’ inkarigu fejn il-livell ta’ kumpens ikun jiddependi fuq sa fejn dawn il-miri jkunu ġew issodisfatti. Jekk l-impriża ma tilħaqx l-għanijiet, il-kumpens għandu jitnaqqas skont metodu għall-kalkolu speċifikat fl-att ta’ inkarigu. B’kuntrast ma’ dan, jekk l-impriża taqbeż l-għanijiet, il-kumpens għandu jiżdied skont metodu speċifikat fl-att ta’ inkarigu. Kumpens marbut b’żieda fl-effiċjenza produttiva għandu jkun stabbilit f’tali livell li jippermetti qsim bilanċjat ta’ dawk il-kisbiet bejn l-impriża u l-Istat Membru u/jew l-utenti.

42.      Kull mekkaniżmu bħal dan biex jipprovdi inċentiv għal titjib fl-effiċjenza jrid ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u li jistgħu jiġu mkejla stabbiliti fl-att ta’ inkarigu u soġġetti għal valutazzjoni trasparenti ex post mwettqa minn entità indipendenti mill-fornitur tal-SGEI.

43      Il-kisbiet fl-effiċjenza għandhom jinkisbu mingħajr preġudizzju għall-kwalità tas-servizz provdut u għandhom jilħqu l-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.”

162    F’dan il-każ, fil-punti 166 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fil-punt 181(vi), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Daniżi kienu introduċew inċentivi għall-effiċjenza tas-servizz universali b’mod suffiċjenti. Minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat li inċentiv għall-effiċjenza sinjifikattiv seta’ jiġi dedott mill-fatt li l-kumpens inkwistjoni kien ser jitħallas bil-quddiem u li kien jirrappreżenta 46 % tal-INE, li kien jippermetti lil Post Danmark iżżomm iż-żidiet fl-effiċjenza bil-kundizzjoni li ma jwasslux għal kumpens żejjed. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat li l-istandards ta’ kwalità, imposti fuq Post Danmark fil-mandat ta’ servizz universali, u s-sistema ta’ penalità stabbilita f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-istandards, kienu tali li jeskludu li l-kwalità tas-servizz universali tkun affettwata minn dawn iż-żidiet fl-effiċjenza.

163    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li tali kunsiderazzjonijiet jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni.

164    L-ewwel, huwa żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-kumpens inkwistjoni ma kienx fih inċentiv għall-effiċjenza abbażi tal-fatt li l-benefiċjarju tiegħu, Post Danmark, kienet kważi falluta u, għalhekk, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarju effiċjenti. Fil-fatt, tali argument huwa bbażat fuq konfużjoni bejn, minn naħa, l-inċentivi għall-effiċjenza kif mitluba fil-paragrafi 39 sa 43 tal-Qafas SIEĠ, intiżi sabiex jiżguraw li l-provvista ta’ SIEĠ tipprovdi żidiet ta’ effiċjenza filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità, u, min-naħa l-oħra, l-idea li l-kalkolu tal-INE għandu jsir abbażi ta’ fornitur effiċjenti.

165    F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk il-livell tal-kumpens neċessarju għandux jiġi stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li fornitur effiċjenti kien isostni biex jeżegwixxi l-OSU ma hijiex rilevanti meta tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-għajnuna fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effiċjenza ekonomika tal-fornitur tas-servizz universali jfisser li tali servizz jingħata dejjem taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, li jista’ potenzjalment jipprekludi t-twettiq, fid-dritt u fil-fatt, tal-missjoni partikolari mogħtija lill-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ SIEĠ. Tali sitwazzjoni hija preċiżament dik li l-Artikolu 106(2) TFUE huwa intiż sabiex jipprevjeni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2015, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, T‑125/12, EU:T:2015:687, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    It-tieni, l-argument tar-rikorrenti li parti mill-kumpens inkwistjoni tħallset mingħajr ma setgħet tiġi vverifikata l-osservanza tal-istandards ta’ kwalità tas-servizz universali ma għandux bażi fattwali. Fil-fatt, tali standards ta’ kwalità, bħall-mekkaniżmu ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet, ġew stabbiliti fil-mandat ta’ servizz universali, tat‑30 ta’ Mejju 2016, jiġifieri qabel il-bidu tal-perijodu kkonċernat mill-kumpens inkwistjoni.

4)      Fuq l-użu tal-kumpens inkwistjoni

167    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-kumpens inkwistjoni kien kompatibbli mas-suq intern, abbażi tal-Qafas SIEĠ, filwaqt li espressament awtorizzat li tali kumpens ma jintużax biex jitwettaq l-OSU, iżda biex jitħallsu l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tkeċċija tal-ex uffiċjali.

168    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpens inkwistjoni jikkostitwixxi komponent tal-mudell ta’ produzzjoni ġdid ta’ Post Danmark. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Daniżi pprevedew li l-ammont li jikkorrispondi mal-kumpens inkwistjoni għandu jservi sabiex jiffinanzja parti mill-allowances speċjali ta’ tkeċċija ta’ ex uffiċjali ta’ Post Danmark.

169    Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 106 sa 108 hawn fuq, l-għan li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 106(2) TFUE huwa li jiġi evitat li r-regoli ta’ kompetizzjoni jtellfu lill-impriżi inkarigati minn servizz pubbliku milli jwettqu l-missjonijiet tagħhom, billi jippermettu lill-Istati Membri jagħtuhom finanzjament, bil-kundizzjoni li dan ma jeċċedix l-ispiża netta imputabbli lil dak is-servizz pubbliku, wara li jiġi kkunsidrat profitt raġonevoli.

170    Għalhekk, l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kumpens għal servizz pubbliku mill-Kummissjoni jikkonsisti fil-verifika, indipendentement mill-allokazzjoni effettiva tal-ammont korrispondenti, jekk tali servizz pubbliku jeżistix u jekk għandhiex tkun imposta spiża netta fuq l-impriża inkarigata biex tipprovdih.

171    Tali evalwazzjoni hija sostnuta bil-fatt li kumpens għal servizz pubbliku jista’ jieħu inkunsiderazzjoni profitt raġonevoli u, għalhekk, jeċċedi l-ammont strett tal-ispiża netta tas-servizz pubbliku.

172    Dan japplika iktar u iktar fil-qasam postali, peress li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Parti Ċ tal-Anness I tad-Direttiva 97/67 jipprevedu li “[l]-irkupru jew il-finanzjament ta’ kwalunkwe spiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali tista’ teħtieġ li fornituri nnominati ta’ servizz universali jiġu kkumpensati għas-servizzi li huma jipprovdu taħt kondizzjonijiet mhux kummerċjali”. Fil-fatt, l-espressjoni “l-irkupru jew il-finanzjament” użata f’din id-dispożizzjoni teskludi kwalunkwe rekwiżit li t-trasferiment tal-fondi li jikkorrispondu għal kumpens għas-servizz universali jintuża effettivament għall-eżekuzzjoni ta’ tali servizz.

173    Konsegwentement, il-fatt li s-somma mogħtija bħala l-kumpens inkwistjoni tintuża għal raġuni oħra minbarra l-OSU ma jfissirx, fih innifsu, li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, První novinová společnost vs Il‑Kummissjoni, T‑316/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:489, punt 187).

174    Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti bbażat fuq regoli legali li jipprojbixxu l-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna mill-Istat.

175    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(g) tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li għajnuna mogħtija b’mod abbużiv hija għajnuna użata mill-benefiċjarju bi ksur ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

176    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tevalwa l-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni, mogħti sabiex ikopri l-ispejjeż netti sostnuti mill-OSU kif previst fil-mandat ta’ servizz universali. Issa, ma huwiex ikkontestat li, fid-Danimarka, l-OSU jingħata minn Post Danmark. B’hekk, huwa biss jekk jiġi stabbilit li Post Danmark ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-OSU li jista’ jiġi kkonstatat li kien hemm applikazzjoni abbużiva tal-kumpens inkwistjoni.

177    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta li l-kalkolu tal-kumpens inkwistjoni kien jinkludi l-ammont tal-allowances ta’ tkeċċija tal-ex uffiċjali ta’ Post Danmark. B’mod partikolari, ma ġiex stabbilit li l-ex uffiċjali li t-tkeċċija tagħhom kienet ser tkun koperta mill-kumpens inkwistjoni kienu effettivament impjegati sabiex jeżegwixxu l-OSU (ara l-punt 95 hawn fuq).

178    F’dan ir-rigward, qabelxejn, kif diġà ġie espost fil-punt 114 hawn fuq, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tad-data rilevanti għall-kalkolu tal-INE u xejn ma jipprekludihom milli, kif għamlu l-awtoritajiet Daniżi f’dan il-każ, jibbażaw ruħhom fuq l-ispejjeż preċedentement sostnuti mill-fornitur tas-servizz universali jew fuq il-pjan tan-negozju ta’ dan tal-aħħar. Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punti 1 u 10 tal-ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017 u mill-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, l-iżvilupp ta’ mudell ta’ produzzjoni ġdid fi ħdan Post Danmark sar neċessarju bil-bidla tan-natura tas-suq postali minħabba ż-żieda ta’ komunikazzjoni diġitali fid-Danimarka u, min-naħa l-oħra, il-mudell il-ġdid inkwistjoni huwa fil-parti l-kbira tiegħu ffokat fuq ir-razzjonalizzazzjoni ta’ ċerti spejjeż tal-persunal marbuta mat-tqassim tal-posta. Għalhekk huwa stabbilit li, kuntrarjament għal dak jsostnu r-rikorrenti, l-ex uffiċjali ta’ Post Danmark, li t-tkeċċija tagħhom kienet prevista, kienu marbuta mill-qrib mat-tqassim tal-posta, attività ċentrali tal-OSU. Finalment, kif enfasizzat il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti dwar dan il-punt, l-awtoritajiet Daniżi użaw approċċ prudenti meta kkunsidraw, fix-xenarju kontrofattwali, li, anki li kieku ma kinitx inkarigata mill-OSU, Post Danmark xorta jkollha tħallas l-allowances tat-tkeċċija ta’ ex uffiċjali fl-istess ammont bħal dak previst fix-xenarju fattwali, li jnaqqas l-impatt tal-imsemmija allowances ta’ tkeċċija fuq l-ammont tal-INE.

179    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi konkluż li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-allowances ta’ tkeċċija ta’ ex uffiċjali ta’ Post Danmark fil-kalkolu tal-INE ma huwiex tali illi juri li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward.

180    Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mir-rapport tal-ERGP. Fil-fatt, skont estratt ta’ dan ir-rapport invokat mir-rikorrenti, “ir-restrizzjonijiet għat-tnaqqis fil-persunal […] ma għandhomx jiġu ddefiniti bħala li jiffurmaw parti mill-OSU fis-settur postali”. Issa, f’dan il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, Post Danmark ma kienet suġġetta għall-ebda restrizzjoni dwar it-tnaqqis tal-persunal minħabba l-OSU. Għall-kuntrarju, din l-impriża ppjanat it-tnaqqis tal-persunal tagħha fix-xenarju fattwali.

181    L-ilment relatat mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-allowances ta’ tkeċċija fil-kalkolu tal-ammont tal-INE għandu għalhekk jiġi miċħud, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata mill-Kummissjoni bħala risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

182    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti u Dansk Distribution isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma eżaminatx il-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni abbażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni.

183    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sabiex jista’ jitqies bħala estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il‑Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Għandu jiġi kkonstatat li kien biss fl-istadju tal-osservazzjonijiet fuq in-nota ta’ intervent tar-Renju tad-Danimarka li r-rikorrenti sostnew, għall-ewwel darba, li l-Kummissjoni kienet obbligata tapplika l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni u li r-rikors ma kien jinkludi l-ebda riferiment għal dawn il-Linji Gwida. B’hekk, kuntrarjament għal dak li huma sostnew waqt is-seduta, tali argument ma jistax ikun marbut mal-ilment li jinsab fil-parti tar-rikors intitolat “Użu ta’ fondi” li fiha huma kkritikaw lill-Kummissjoni li b’mod żbaljat iddikjarat il-kumpens inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Qafas SIEĠ, filwaqt li awtorizzat li parti minn dak il-kumpens tintuża sabiex tkopri l-allowances ta’ tkeċċija ta’ ex uffiċjali ta’ Post Danmark.

185    Għalhekk, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ma għandux jiġi kkunsidrat bħala estensjoni tal-motiv imqajjem fir-rikors fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura u għandu, għalhekk, jiġi kkunsidrat bħala argument ġdid fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. Sa fejn dan l-argument ma huwiex ibbażat fuq elementi li ġew żvelati wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors, hemm lok li jiġi kkunsidrat bħala tardiv u, għalhekk, li jiġi miċħud bħala inammissibbli. Ir-repetizzjoni ta’ dan l-argument minn Dansk Distribution matul is-seduta lanqas ma tista’ tiġi aċċettata, peress li hija ma kinitx qajmitu fin-nota ta’ intervent tagħha.

5)      Konklużjoni

186    Mill-punti kollha eżaminati hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċewx il-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni mas-suq intern.

187    Din il-konklużjoni hija sostnuta bil-fatt, irrilevat fil-punt 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-INE kkalkolat, jiġifieri DKK 2.571 biljun (madwar EUR 345 miljun), kien nettament ogħla mill-ammont massimu tal-kumpens inkwistjoni, ta’ DKK 1.192 biljun (madwar EUR 160 miljun). Dan huwa partikolarment rilevanti peress li r-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda kontestazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-ammonti, li jidhru fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni fir-risposta tagħha enfasizzat id-differenza bejn l-ammont tal-kumpens inkwistjoni u dak tal-INE, ir-rikorrenti ma kkontestawx tali diskrepanza fir-replika.

2.      Fuq il-garanzija inkwistjoni

188    Ir-rikorrenti, sostnuti minn Jørgen Jensen Distribution u minn Dansk Distribution, isostnu li l-garanzija inkwistjoni, li bis-saħħa tagħha l-Istat Daniż intrabat li jħallas l-allowances ta’ tkeċċija ta’ ex uffiċjali ta’ Post Danmark, fil-każ li din tfalli, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat fil-mument tal-adozzjoni tagħha, fl-2002. B’hekk, tali garanzija ma tikkostitwixxix għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589.

189    L-ewwel, skont ir-rikorrenti, l-għajnuna ma tinsabx fil-vantaġġ mogħti bl-eżistenza tal-garanzija fiha nnifisha, iżda fil-fatt li Post Danmark ma ħallsitx primjum lill-Istat, bħala korrispettiv tal-benefiċċju li hija ħadet bil-garanzija inkwistjoni. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li mill-punt 2.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-garanziji”), jirriżulta li kull garanzija għandha tiġi koperta bi primjum xieraq, u li fin-nuqqas tiegħu l-benefiċjarju tal-garanzija, jiġifieri, f’dan il-każ, Post Danmark, jirċievi vantaġġ.

190    Peress li primjum ta’ garanzija huwa, b’mod ġenerali, iffatturat b’mod regolari u, mill-inqas, fuq bażi annwali, il-miżura ta’ għajnuna li dwarha lmentaw ir-rikorrenti ngħatat mill-inqas b’mod annwali, mill-2002, lil Post Danmark. L-assenza repetuta ta’ pagamenti annwali ta’ primjum xieraq bħala korrispettiv tal-garanzija inkwistjoni għalhekk tfisser l-għoti ta’ vantaġġi b’mod perjodiku, fis-sens tas-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 82).

191    Bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti spjegaw li, fl-opinjoni tagħhom, il-garanzija inkwistjoni kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna u li, anki jekk dan ma huwiex il-każ, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811), jibqgħu rilevanti.

192    It-tieni, ir-rikorrenti josservaw li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni qajmet dubji dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji dwar in-natura eżistenti jew ġdida tal-għajnuna mogħtija lil Post Danmark taħt il-forma ta’ garanziji.

193    It-tielet, Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution isostnu li, skont il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, l-għoti ta’ garanzija mingħajr il-ħlas ta’ primjum jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku li operatur ma jkunx kiseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Din il-konklużjoni tapplika irrispettivament minn xi tkun ir-raġuni li għaliha tkun ingħatat il-garanzija, anki jekk l-ebda kreditur ma jkun jibbenefika minnha. F’dan ir-rigward, Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution jenfasizzaw li kull eżenzjoni minn spejjeż operattivi normalment sostnuti minn impriża tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza, vantaġġ.

194    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Renju tad-Danimarka, tikkontesta dawn l-argumenti.

195    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tal-għajnuna eżistenti jista’ jwassal biss, jekk ikun il-każ, għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà li tipproduċi effetti fil-futur (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 166, u tal‑15 ta’ Novembru 2018, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/10 RENV II u T‑203/10 RENV II, EU:T:2018:795, punt 120).

196    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 jistipula li għajnuna eżistenza hija għajnuna li hija kkunsidrata eżistenti skont l-Artikolu 17 tal-istess regolament.

197    Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament 2015/1589, kull għajnuna li fir-rigward tagħha jkun skada l-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, għandha titqies li hija għajnuna eżistenti. Il-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, minn naħa tagħhom, jispjegaw li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin u li dan it-terminu għandu jibda jiddekorri biss dakinhar li fih l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju, bħala għajnuna individwali jew taħt skema ta’ għajnuna.

198    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna eżistenti tiddependi fuq l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589, li l-punt tat-tluq tiegħu huwa d-data tal-għoti ta’ din l-għajnuna.

199    Skont il-ġurisprudenza, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat fil-mument meta d-dritt li tiġi rċevuta jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punti 40 u 41, u tad‑29 ta’ Novembru 2018, ARFEA vs Il‑Kummissjoni, T‑720/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:853, punti 177 u 178).

200    F’dan il-każ, id-dritt li tirċievi l-garanzija inkwistjoni, li permezz tagħha l-Istat Daniż intrabat li jkopri, f’każ li Post Danmark tfalli, l-allowances ta’ tkeċċija tal-impjegati tagħha li żammew l-istatus tagħhom bħala uffiċjal fl‑1 ta’ Jannar 2002, id-data tat-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, ingħata bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-lov nr. 409 om Post Danmark A/S (il-Liġi Nru 409 dwar Post Danmark), tas‑6 ta’ Ġunju 2002 (Lovtidende 2002 A).

201    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien f’dik id-data li ngħata l-uniku vantaġġ li seta’ jirriżulta minn dik il-garanzija, li jikkonsisti fil-fatt li Post Danmark ma titlifx membri tal-persunal tagħha fil-mument tat-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata (punt 187 tal-imsemmija deċiżjoni). Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li peress li ITD bagħtet l-ilment tagħha dwar il-garanzija inkwistjoni fis‑27 ta’ Novembru 2017, kwalunkwe għajnuna li eventwalment ingħatat minn din il-garanzija tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 (punti 189 sa 192).

202    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li d-data tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 409 dwar Post Danmark għandha tkun il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-għajnuna li tirriżulta mill-garanzija inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, il-garanzija inkwistjoni ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Post Danmark billi teżentaha mill-pagament, tal-inqas fuq bażi annwali, ta’ primjum ta’ garanzija, li tikkostitwixxi l-għoti ta’ vantaġġi b’mod perjodiku li jistgħu jikkawżaw id-dekorrenza mill-ġdid tal-perijodu ta’ preskrizzjoni ma’ kull eżenzjoni ta’ dan it-tip.

203    F’dan ir-rigward, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, id-determinazzjoni tad-data tal-għoti tista’ tvarja skont in-natura tal-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 82, u d-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2016, Diputación Foral de Bizkaia vs Il‑Kummissjoni, C‑426/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:757, punt 29). B’hekk, fis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punti 80 sa 84), li għaliha jirreferu r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna multiannwali, fil-forma ta’ ħlas jew ta’ għoti b’mod perjodiku ta’ vantaġġi, l-għajnuna għandha tkun ikkunsidrata bħala li ngħatat lill-benefiċjarju biss fid-data meta din tingħata effettivament lil dan tal-aħħar, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġdid kull darba li effettivament jingħata vantaġġ, li jista’ jkun fuq bażi annwali.

204    Tali sitwazzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna, b’mod partikolari ta’ skemi ta’ għajnuna fiskali, id-data ta’ stabbiliment ta’ skema ta’ għajnuna u d-data li fiha tingħata għajnuna individwali skont din l-iskema jistgħu jkunu mbegħdin minn xulxin b’mod sinjifikattiv. Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jerġa’ jibda jiddekorri kull darba li għajnuna individwali tingħata mill-ġdid skont skema ta’ għajnuna, li, fil-qafas ta’ skema ta’ għajnuna fiskali, jikkorrispondi ma’ kull eżenzjoni mogħtija meta t-taxxa hija dovuta, jiġifieri, bħala regola ġenerali, fuq bażi annwali.

205    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, “skema ta’ għajnuna” tfisser kull dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, tista’ tingħata għajnuna individwali lill-impriżi, iddefiniti b’mod ġenerali u astratt fl-imsemmija dispożizzjoni, u kull dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perijodu ta’ żmien indeterminat jew għal ammont indeterminat.

206    F’dan il-każ, il-garanzija inkwistjoni sempliċement tagħti, mingħajr il-pagament ta’ primjum, lil persuna ġuridika partikolari, Post Danmark, il-benefiċċju ta’ garanzija tal-Istat għall-pagament tal-allowances ta’ tkeċċija ta’ wħud mill-impjegati tagħha f’każ ta’ falliment. Din hija għalhekk miżura individwali li ma hijiex parti minn skema ta’ għajnuna multiannwali.

207    Irrispettivament mill-klassifikazzjoni tal-garanzija inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna jew għajnuna individwali, is-sitwazzjoni f’din il-kawża ma hijiex komparabbli ma’ dik li kienet iġġustifikat li, fis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni kien jerġa’ jibda jiddekorri kull sena. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-vantaġġ inkwistjoni kien jiddependi kull sena minn ċirkustanzi partikolari, peress li tali vantaġġ kien jirriżulta, jekk ikun il-każ, mid-differenza fit-taxxa bejn, minn naħa, l-ammont li France Télécom kellha tħallas bħala taxxa fuq in-negozju, li l-livell u r-rata tagħhom kienu vvutati kull sena minn kull awtorità lokali Franċiża, u, min-naħa l-oħra, l-ammont effettivament imħallas minnha bis-saħħa ta’ sistema ta’ deroga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, France u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punti 200 sa 203 u 321 sa 324, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova li tista’ tistabbilixxi li l-ammont tal-primjum li Post Danmark kellha tħallas kull sena, bħala korrispettiv tal-garanzija inkwistjoni, kellu jkun stabbilit b’mod perjodiku skont ċirkustanzi partikolari għal kull perijodu, u lanqas li dan kien ikun il-każ, b’mod ġenerali, fir-rigward tal-ammont ta’ primjum ta’ garanzija.

208    L-argument tar-rikorrenti għalhekk huwa bbażat fuq konfużjoni bejn, minn naħa, l-għoti b’mod perjodiku ta’ vantaġġi wara l-applikazzjoni individwali, b’mod repetut, ta’ skema ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ garanzija individwali li jista’ jkollu bħala effett it-titjib, b’mod kontinwu, tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tagħha. F’dan l-aħħar każ, id-data tal-għoti tal-għajnuna hija dik tal-adozzjoni tagħha, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li, f’każ li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, hija tista’ tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-futur, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 195 hawn fuq.

209    Barra minn hekk, fl-Avviż dwar il-garanziji, li fuqu jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, fi tmiem il-punt 2.1, dan li ġej:

“L-għajnuna tingħata fil-mument li ssir il-garanzija, mhux meta l-garanzija tiġi invokata u lanqas meta l-pagamenti jsiru skond it-termini tal-garanzija. Jekk garanzija tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, u, jekk iva, x’jista’ jkun l-ammont ta’ dik l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat fil-mument meta tingħata l-garanzija.”

210    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twassal għall-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, tistabbilixxi li d-data tal-għoti tal-garanzija inkwistjoni u, konsegwentement, il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe għajnuna eventwalment mogħtija permezz ta’ din il-garanzija, kienet id-data tal-adozzjoni tagħha, fis‑6 ta’ Ġunju 2002 (ara l-punt 201 hawn fuq).

211    Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti riprodott fil-punt 202 hawn fuq huwa bbażat fuq premessa żbaljata li l-garanzija inkwistjoni tagħti lil Post Danmark vantaġġ li jirriżulta esklużivament mill-assenza ta’ pagamenti, tal-inqas annwali, ta’ primjum ta’ garanzija.

212    F’dan ir-rigward, huwa veru li, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti u kif jirriżulta mill-punti 2.1 u 2.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, l-assenza ta’ pagament ta’ primjum xieraq bħala korrispettiv ta’ garanzija pubblika tikkostitwixxi rekwiżit neċessarju tal-vantaġġ mogħti minn din il-garanzija lill-benefiċjarju tagħha.

213    Madankollu, sabiex jiġi stabbilit li pagament bħala korrispettiv tal-għoti ta’ garanzija huwa neċessarju sabiex dan l-għoti ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, qabelxejn, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija garanzija tagħtix vantaġġ billi ttejjeb is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tagħha. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kienet ikkunsidrat li l-vantaġġ mogħti lill-istabbiliment pubbliku Franċiż La Poste permezz ta’ garanzija illimitata tal-Istat kien ibbażat fuq, minn naħa, l-assenza ta’ korrispettiv għal din il-garanzija u, min-naħa l-oħra, fuq titjib tal-kundizzjonijiet ta’ kreditu ta’ dan l-istabbiliment pubbliku (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 102).

214    B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti kif ukoll Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution, l-għan ta’ garanzija pubblika ma jistax jiġi injorat meta jiġi evalwat l-effett tagħha fuq is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tagħha.

215    Tali evalwazzjoni hija sostnuta mill-punt 2.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, invokat mir-rikorrenti, li minnu jirriżulta li l-identifikazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti minn garanzija pubblika mingħajr korrispettiv tirrikjedi evalwazzjoni tal-impatt konkret tal-garanzija inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tagħha meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tiegħu.

216    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, l-ewwel, il-garanzija inkwistjoni tirrikjedi lill-Istat Daniż ikopri l-allowances speċjali ta’ tkeċċija ta’ ex uffiċjali li saru impjegati ta’ Post Danmark fl‑1 ta’ Jannar 2002, biss f’każ li din tfalli. Ma jidhirx li tali garanzija ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ Post Danmark, peress li tista’ tiġi implimentata biss f’każ li din l-impriża ma tibqax teżisti. Fi kliem ieħor, sakemm Post Danmark tkun solventi, hija għandha tħallas l-allowances speċjali ta’ tkeċċija tal-ex uffiċjali tagħha.

217    It-tieni, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-garanzija inkwistjoni tirrigwarda esklużivament l-ex uffiċjali ta’ Post Danmark li aċċettaw, fil-mument tat-trasformazzjoni ta’ din tal-aħħar f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, li jsiru impjegati tagħha. B’hekk, minn din il-garanzija ma jistgħux jibbenefikaw membri tal-persunal irreklutati wara din id-data, b’tali mod li lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmija garanzija tagħmel lil Post Danmark iktar attraenti għal impjegati potenzjali ġodda.

218    It-tielet, ċertament, kif jirrilevaw Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution, il-miżuri li, f’diversi forom, jimmitigaw l-oneru li normalment ikun inkluż bil-baġit ta’ impriża, inklużi l-ispejjeż relatati mar-remunerazzjoni ta’ impjegati, huma kkunsidrati bħala għajnuna (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑5/01, EU:C:2002:754, punti 32 u 39). Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex allegat minn dawn tal-aħħar, jew mir-rikorrenti, u lanqas jirriżulta mill-proċess, li l-garanzija inkwistjoni teżenta lil Post Danmark minn spiża regolari li l-kompetituri tagħha huma suġġetti għaliha sabiex jiżguraw il-pagament tal-allowances ta’ tkeċċija f’każ ta’ falliment, u lanqas li l-ispejjeż regolari tagħha fir-rigward tal-membri tal-persunal tnaqqsu bħala riżultat tal-imsemmija garanzija.

219    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, kif korrettament tenfasizza l-Kummissjoni, il-garanzija inkwistjoni tagħti fuq kollox vantaġġ lil ex uffiċjali ta’ Post Danmark li saru impjegati tagħha fil-mument tat-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, peress li dawn l-impjegati huma żgurati, f’każ ta’ falliment ta’ Post Danmark, li jirċievu l-allowances speċjali ta’ tkeċċija tagħhom fl-intier tagħhom.

220    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jallegaw, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li l-garanzija inkwistjoni ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ Post Danmark b’mod kontinwu. Għall-istess raġunijiet, lanqas jista’ jintlaqa’ l-argument imressaq minn Jørgen Jensen Distribution u minn Dansk Distribution li, bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq, kwalunkwe garanti kien jitlob il-pagament ta’ primjum regolari għall-għoti tal-garanzija inkwistjoni, u għalhekk ma hemmx il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, ikkontestata mill-Kummissjoni.

221    Finalment, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha dubji dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija inkwistjoni huwa wkoll infondat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment inkwantu jikkonċerna l-garanzija inkwistjoni minħabba li l-eżistenza ta’ vantaġġ bħala riżultat ta’ tali garanzija kienet inċerta ħafna u li, fi kwalunkwe każ, anki jekk tali vantaġġ kien eżista, l-għajnuna li setgħet irriżultat minnu kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti li l-irkupru tagħha ma setax jiġi ordnat iktar (ara l-punt 201 hawn fuq).

222    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mill-indizji relatati mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata prodotti mir-rikorrenti ma jindikaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-garanzija inkwistjoni.

3.      Fuq l-eżenzjoni mill-VAT

223    Ir-rikorrenti, sostnuti minn Jørgen Jensen Distribution u minn Dansk Distribution, jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kkunsidrat li l-eżenzjoni mill-VAT fuq is-servizzi ta’ trasport ta’ oġġetti mwettqa minn Post Danmark, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet imwettqa bejn kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza u klijent finali (iktar ’il quddiem il-“prassi amministrattiva inkwistjoni”), ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li kienet imputabbli għall-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, u mhux lill-Istat Daniż. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-eżami li sar mill-Kummissjoni kien insuffiċjenti jew inkomplet u, b’hekk, kien qajjem diffikultajiet serji.

224    Qabelxejn, ir-rikorrenti jirrilevaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkontestatx li l-prassi amministrattiva inkwistjoni kienet tat vantaġġ ekonomiku lil Post Danmark, bħala riżultat ta’ żieda fid-domanda għall-benefiċċju tagħha, qabel ma spjegat li l-fatt li din l-impriża bbenefikat biss b’mod indirett minn din il-prassi huwa suffiċjenti sabiex jiġi kklassifikat bħala vantaġġ fis-sens tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Huma b’hekk jindikaw li qegħdin jiffokaw l-argument tagħhom fuq il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-eżenzjoni li tirriżulta mill-prassi amministrattiva inkwistjoni.

225    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li kienet l-amministrazzjoni Daniża li stabbilixxiet il-prassi amministrattiva inkwistjoni, permezz tad-Deċiżjoni amministrattiva Nru 1306/90 u permezz tar-Regolament amministrattiv F 6742/90 tal-1990, qabel ma ħassritha, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2017, permezz tal-Istruzzjoni Nru 14-2926872/SKM2016.306.SKAT tat‑30 ta’ Ġunju 2016.

226    Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-prassi amministrattiva inkwistjoni kellha bħala bażi legali mhux l-Artikolu 13(3)(a) tal-lov om merværdiafgift (momsloven) nr. 106 (il-Liġi Nru 106 dwar il-VAT) tat‑23 ta’ Jannar 2013 (Lovtidende 2013 A) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Daniża dwar il-VAT”), li ttraspona fid-dritt nazzjonali l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda l-Artikolu 27(3)(3) ta’ din il-liġi, li ttraspona l-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT, li kien jippermetti li mill-valur taxxabbli tal-VAT jiġu esklużi l-ammonti rċevuti minn kumpannija mingħand il-klijent tagħha bħala rimbors tal-ispejjeż sostnuti f’isem u għan-nom ta’ dan tal-aħħar. Huma għalhekk isostnu li huwa abbażi ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet li l-prassi amministrattiva inkwistjoni kienet tippermetti lill-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza jikkunsidraw il-pagamenti li huma kienu jagħmlu lill-kumpanniji ta’ trasport ta’ oġġetti, fosthom Post Danmark, bħala spejjeż sostnuti f’isem u għan-nom tal-klijenti finali tagħhom. B’hekk, skont ir-rikorrenti, bħala riżultat tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, it-tranżazzjoni li tirrigwarda t-trasport ta’ oġġetti kienet preżunta li seħħet bejn il-klijenti finali tal-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza u t-trasportatur, minkejja li ma kien hemm l-ebda relazzjoni legali bejniethom.

227    F’tali sitwazzjoni, il-provvista ta’ servizzi pprovduti minn Post Danmark kienu eżentati mill-VAT, skont l-eżenzjoni mandatorja tal-VAT għall-attivitajiet imwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, stipulata fl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, trasposta bl-Artikolu 13(13) tal-Liġi Daniża dwar il-VAT. Għalhekk, id-domanda tal-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza ġiet awtomatikament ittrasferita fuq is-servizz ta’ trasport ipprovdut minn Post Danmark. Għall-kuntrarju, mingħajr il-prassi amministrattiva inkwistjoni, il-provvista ta’ trasport ordnata mingħand Post Danmark, minn kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza, kienet tkun eżentata mill-VAT, filwaqt li rata ta’ VAT kienet tiġi applikata għall-ispejjeż ta’ trasport iffatturati minn din il-kumpannija lill-klijent finali.

228    Skont ir-rikorrenti, huwa evidenti li l-prassi amministrattiva inkwistjoni ma kinitx timplimenta u ma kienet tippreżenta l-ebda rabta mal-Artikolu 13(13)(a) tal-Liġi Daniża dwar il-VAT, li ttraspona l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Ir-rikorrenti jiddikjaraw li, billi stabbilixxiet tali rabta, il-Kummissjoni fixklet l-eżenzjoni mill-VAT mogħtija speċifikament mill-prassi amministrattiva inkwistjoni, għat-tranżazzjonijiet tal-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza, mal-eżenzjoni mandatorja distinta tal-VAT għas-servizzi pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi.

229    Ir-rikorrenti jżidu li l-prassi amministrattiva inkwistjoni ġiet introdotta permezz ta’ deċiżjoni u permezz ta’ regolament amministrattiv, imbagħad tħassret b’istruzzjoni. Huma jsostnu li din il-prassi b’hekk toħroġ minn strument ġuridiku adottat direttament mill-awtoritajiet fiskali Daniżi u li hija, konsegwentement, imputabbli lill-Istat Daniż.

230    Finalment, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-prassi amministrattiva inkwistjoni kienet, ċertament, ibbażata fuq ir-regola prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda li hija ma kienet la tinterpreta, la tikkjarifika u lanqas tapplika din ir-regola. Dwar dan il-punt, huma jenfasizzaw li l-awtoritajiet fiskali Daniżi rrikonoxxew huma stess li t-tħassir tal-prassi amministrattiva inkwistjoni kienet ġiet motivata mill-assenza ta’ bażi legali ta’ din il-prattika fil-Liġi Daniża dwar il-VAT jew fid-Direttiva dwar il-VAT.

231    Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu li Post Danmark kienet il-benefiċjarju indirett tal-eżenzjoni mill-VAT ta’ servizzi ta’ trasport li kienu jordnaw mingħandha l-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza u li din l-eżenzjoni kienet imputabbli biss għall-prassi amministrattiva inkwistjoni u, b’hekk, lill-Istat Daniż. Konsegwentement, huma jikkunsidraw li l-eżami ta’ din il-miżura, li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur Post Danmark, sar b’mod insuffiċjenti jew inkomplet mill-Kummissjoni u qajjem, minħabba f’hekk, diffikultajiet serji.

232    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Renju tad-Danimarka, tikkontesta dawn l-argumenti.

233    Minn naħa, hija tenfasizza li l-eżenzjoni mill-VAT li minnha tibbenefika Post Danmark għas-servizzi tagħha marbuta mal-OSU tirriżulta direttament mill-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Din l-eżenzjoni mill-VAT ma hijiex imputabbli lill-Istat Daniż, iżda għal din id-direttiva. F’dan ir-rigward, ir-Renju tad-Danimarka jżid li, indipendentement mill-prassi amministrattiva inkwistjoni, Post Danmark ma kellhiex tiffattura l-VAT lill-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza għall-posta tagħhom koperta bl-OSU.

234    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi amministrattiva inkwistjoni kienet miżura li kienet intiża, bħala benefiċjarji prinċipali, għall-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza u l-konsumaturi, u mhux għal Post Danmark. Fl-istess sens, ir-Renju tad-Danimarka jindika, filwaqt li jibbaża ruħu fuq ix-xogħlijiet li ppreċedew l-adozzjoni tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, li din tal-aħħar ma kinitx intiża sabiex iżżid il-klijentela ta’ Post Danmark, iżda sabiex timplimenta l-għan tad-Direttiva dwar il-VAT li jikkonsisti fil-garanzija lill-konsumaturi tal-irħas prezzijiet tal-posta. Sabiex isir dan, l-imsemmija prassi kienet tippermetti li l-konsumaturi u l-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza jibbenefikaw mill-vantaġġ tal-eżenzjoni prevista mid-Direttiva dwar il-VAT għall-posta koperta bl-OSU.

235    Il-Kummissjoni tirrileva li, minkejja li l-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza setgħu jipproponu lill-klijenti tagħhom spejjeż inqas tat-trasport meta jagħżlu li jużaw lil Post Danmark, dan kien biss għaliex Post Danmark kienet diġà tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT relatata mal-OSU minħabba l-istatus tagħha bħala fornitur tas-servizz universali.

236    Għalhekk, skont il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, il-vantaġġ “indirett u inċidentali” li minnu kienet tibbenefika Post Danmark, jiġifieri ż-żieda fid-domanda għall-benefiċċju tagħha, kien sempliċement effett sekondarju tal-prassi amministrattiva inkwistjoni u tal-eżenzjoni mill-VAT relatata mal-OSU, imputabbli għad-Direttiva dwar il-VAT u, għalhekk, għall-Unjoni.

237    Finalment, ir-Renju tad-Danimarka jenfasizza, minn naħa, li Post Danmark ma kinitx il-benefiċjarju effettiv tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, sa fejn din tal-aħħar ma naqsitx l-oneri li normalment kienu inklużi fil-baġit tagħha. Min-naħa l-oħra, skont ir-Renju tad-Danimarka, il-prassi amministrattiva inkwistjoni ma wasslithiex sabiex tirrinunzja riżorsi, fid-dawl tal-effett żgħir li din il-prassi kellha fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Post Danmark.

238    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jiġu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l‑Istati Membri. It-tielet, l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, għandu jkun ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni lill-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

239    F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li teskludi minn qabel il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, wara li tkun ikkonstatat li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE ma tkunx issodisfatta, tkun tista’, jekk ikun il-każ, tikklassifika ilment fi tmiem l-eżami preliminari (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, EU:T:2018:145, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

240    Fir-rigward, b’mod partikolari tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet msemmija fil-punt 238 hawn fuq, għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat, filwaqt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma distinti u kumulattivi (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2020, Iberpotash vs Il‑Kummissjoni, T‑257/18, EU:T:2020:1, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

241    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà lill-Istat, din tirrikjedi li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 17; tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 21, u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑251/11, EU:T:2014:1060, punt 86).

242    F’dan ir-rigward, meta vantaġġ huwa previst minn dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, ir-rekwiżit ta’ imputabbiltà lill-Istat għandu jiġi kkunsidrat bħala ssodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 18, u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 22). Bl-istess mod, tali rekwiżit huwa ssodisfatt meta skema fiskali hija adottata mill-Gvern ta’ Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju2006, Belgique u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 128).

243    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ miżura nazzjonali adottata sabiex obbligu li jirriżulta minn direttiva jiġi traspost fid-dritt nazzjonali, l-imputabbiltà ta’ tali miżura lill-Istat ma tistax tiġi eskluża a priori. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tawtorizza lil Stat Membru jintroduċi, b’mod konformi ma’ direttiva, eżenzjoni fiskali ma setax ikollha l-effett li tipprekludi lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat u, konsegwentement, milli timplimenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 49).

244    Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ ta’ eżenzjoni fiskali prevista minn miżura nazzjonali li timplimenta dispożizzjoni ta’ direttiva li timponi lill-Istati Membri obbligu ċar u preċiż li ma jissuġġettawx għat-taxxa tranżazzjoni partikolari. Fil-fatt, f’każ bħal dan, it-traspożizzjoni tal-eżenzjoni fid-dritt nazzjonali tikkostitwixxi sempliċi eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq l-Istati bis-saħħa tat-Trattati. Minn dan isegwi li miżura adottata minħabba obbligu ċar u preċiż previst f’direttiva ma hijiex imputabbli lill-Istat Membru, iżda, fir-realtà, tirriżulta minn att tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 102).

245    Fil-qosor, prassi amministrattiva nazzjonali li tistabbilixxi eżenzjoni fiskali għandha tiġi imputata lill-Unjoni meta sempliċement tirriproduċi obbligu ċar u preċiż previst f’direttiva, filwaqt li hija għandha tiġi kkunsidrata bħala imputabbli lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk dan adottataha billi uża l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fit-traspożizzjoni ta’ direttiva.

246    F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu li l-prassi amministrattiva inkwistjoni ġiet adottata mill-amministrazzjoni fiskali Daniża abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 27(3) tal-Liġi Daniża dwar il-VAT, li min-naħa tiegħu ġie adottat sabiex jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT. Hemm ukoll qbil li din il-prassi amministrattiva kellha l-għan li tqis l-ispejjeż imħallsa mill-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza lil impriżi ta’ trasport, għal servizzi ta’ trasport, bħala spejjeż sostnuti f’isem u għan-nom tal-klijenti finali ta’ dawn il-kumpanniji. B’hekk, ħadd mill-partijiet ma jikkontesta li tali mekkaniżmu ppermetta lill-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza li jgħaddu lill-klijenti finali tagħhom l-eżenzjoni mill-VAT li minnha kienu bbenefikaw, skont l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, meta huma kienu jitolbu s-servizzi ta’ Post Danmark biex jittrasportaw oġġetti lill-imsemmija klijenti, bil-kundizzjoni li dak it-trasport kien jaqa’ fil-kamp tal-OSU.

247    Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 193, li kien probabbli li l-prassi amministrattiva inkwistjoni tat lil Post Danmark vantaġġ indirett li jirriżulta minn żieda fid-domanda tagħha, fid-dawl tal-fatt li, b’applikazzjoni tal-imsemmija prassi, il-klijenti finali ta’ kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza kienu bbenefikaw mill-assenza ta’ fatturazzjoni tal-VAT fuq l-ispejjeż tat-trasport meta s-servizz ta’ trasport kien ipprovdut minn Post Danmark.

248    Fit-tieni lok, fil-punt 194 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li dan il-vantaġġ indirett kien jirriżulta prinċipalment mill-eżenzjoni mill-VAT li minnha kienet tibbenefika Post Danmark għas-servizzi li jaqgħu taħt l-OSU, skont l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Il-Kummissjoni minn dan iddeduċiet li l-eżenzjoni mill-VAT fuq it-trasport, minn Post Danmark, ta’ oġġetti ordnati mill-klijenti finali mingħand kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza ma kinitx imputabbli lill-Istat Daniż, qabel ma kkonkludiet, fil-punt 195 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prassi amministrattiva inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

249    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, meta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni warrbet l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat minħabba li l-effetti tal-prassi amministrattiva inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat Daniż, ir-Renju tad-Danimarka ma jistax utilment isostni, essenzjalment, sabiex ir-rikors jiġi miċħud, li l-imsemmija prassi ma tatx vantaġġ lil Post Danmark u ma wasslitx għal rinunzja ta’ riżorsi mill-Istat Daniż. Fil-fatt, tali argumenti, li kieku jiġu aċċettati, iwasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tibdel il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

250    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-prassi amministrattiva inkwistjoni u jsostnu li din tat lil Post Danmark vantaġġ imputabbli lill-Istat Daniż.

251    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-prassi amministrattiva inkwistjoni ġiet stabbilita fl-1990 bid-Deċiżjoni amministrattiva Nru 1306/90 u bir-Regolament amministrattiv F 6742/90, adottat mill-amministrazzjoni fiskali Daniża, u li din il-prassi ntemmet bl-Istruzzjoni Nru 14-2926872/SKM2016.306.SKAT, li ħarġet minn din l-istess amministrazzjoni, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2017. B’hekk, skont dak li ġie ddikjarat fil-punti 241 u 24 hawn fuq, jidher li l-prassi amministrattiva inkwistjoni hija, minn perspettiva formali, imputabbli lill-Istat Daniż.

252    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra li l-eżenzjoni mill-VAT fuq is-servizzi ta’ trasport mogħtija minn Post Danmark kinitx, minn perspettiva sostantiva, imputabbli lill-Unjoni inkwantu tali eżenzjoni kienet tirriżulta mid-Direttiva dwar il-VAT, mingħajr ma dan juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

253    L-ewwel, għandu jitfakkar li l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, li fuqha l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha li tinsab fil-punt 194 tad-deċiżjoni kkontestata, jimponi l-eżenzjoni mill-VAT fuq servizzi pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi.

254    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “servizzi postali pubbliċi”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, kien jiddeskrivi l-korpi ta’ ġestjoni li kienu jwettqu l-provvista ta’ servizzi li għandhom jiġu eżentati u li, sabiex tkun koperta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kien neċessarju li din il-provvista titwettaq minn operatur li jista’ jiġi kklassifikat bħala “servizz postali pubbliku” fis-sens organiku ta’ dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, TNT Post UK, C‑357/07, EU:C:2009:248, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvista ta’ servizzi koperti bl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT kienu dawk li s-servizzi postali pubbliċi kienu jwettqu bħala tali, jiġifieri minħabba l-kwalità tagħhom stess ta’ servizzi postali pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, TNT Post UK, C‑357/07, EU:C:2009:248, punt 44).

255    Il-kliem tal-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa għalhekk ċar u preċiż inkwantu jistabbilixxi l-eżenzjoni mill-VAT għal tranżazzjonijiet imwettqa minn fornitur tas-servizz universali u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSU, bħala deroga mir-regola ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq is-servizzi kollha pprovduti b’titolu oneruż minn persuna taxxabbli.

256    Din hija r-raġuni li għaliha, kif jaċċettaw il-partijiet, meta kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza tuża s-servizzi ta’ Post Danmark għat-trasport ta’ oġġett, din tal-aħħar, bħala fornitur ta’ servizz universali fid-Danimarka, ma għandhiex tiffattura l-VAT lil din il-kumpannija jekk is-servizz mitlub jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSU.

257    Madankollu, meta dak l-istess servizz ta’ trasport ta’ oġġett inkwistjoni huwa sussegwentement iffatturat mill-kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza lill-klijent finali tiegħu, tali servizz huwa anċillari għat-tranżazzjoni prinċipali ta’ bejgħ tal-imsemmi oġġett minn din il-kumpannija u ma jistax jitqies bħala servizz “mogħti minn servizz postali pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

258    Fi kliem ieħor, skont l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza ma għandhiex tħallas lil Post Danmark il-VAT fuq is-servizz ta’ trasport ta’ oġġett lejn il-klijent finali tagħha, meta dan is-servizz jaqa’ fil-kamp tal-OSU. Madankollu, meta dan l-istess servizz jiġi sussegwentement iffatturat mill-kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza lill-klijent finali tagħha, huwa ma jaqax iktar fil-kamp tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-klijent finali huwa verament obbligat iħallas il-VAT fuq l-ispejjeż ta’ trasport imħallsa lil dik il-kumpannija.

259    B’hekk, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u dak issuġġeriet mill-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-eżenzjoni mill-VAT permessa bil-prassi amministrattiva inkwistjoni għas-servizzi ta’ trasport ta’ oġġetti pprovduti minn Post Danmark, iżda ffatturati mill-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza lill-klijenti finali tagħhom, ma tistax titqies bħala li tirriżulta direttament mill-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

260    It-tieni, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi ta’ trasport ta’ oġġetti ffatturati mill-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza lill-klijenti finali tagħhom, meta dawn is-servizzi twettqu minn Post Danmark, ma tistax titqies bħala imputabbli lill-Unjoni bis-saħħa tal-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT.

261    Skont il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-ammonti rċevuti minn persuna taxxabbli mingħand ix-xerrej jew il-konsumatur, bħala rimbors ta’ spejjeż sostnuti f’isem u għan-nom tal-konsumatur u li huma mdaħħla fil-kotba tiegħu f’kont ta’ sospiża, ma għandhomx jiġu inklużi fil-valur taxxabbli.

262    Il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT għalhekk jirrikjedi li mill-valur taxxabbli tal-VAT jiġu esklużi l-ammonti li jikkorrispondu mhux għall-prezz ta’ servizz propost mill-persuna taxxabbli, iżda għal rimbors ta’ pagament imwettaq minn dan tal-aħħar f’isem u għan-nom tal-klijent tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlu l-partijiet, li dan l-obbligu ċar u preċiż ġie traspost fid-dritt Daniż bil-punt 3 tal-Artikolu 27(3) tal-Liġi Daniża dwar il-VAT.

263    Madankollu, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostnu l-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, mill-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li l-ispejjeż ta’ trasport iffatturati minn kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza lill-klijent finali tagħha, jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, rimbors ta’ spejjeż sostnuti minn din il-kumpannija f’isem u għan-nom ta’ dan tal-aħħar u li għandhom, għalhekk, jiġu esklużi mill-valur taxxabbli tal-VAT.

264    Għall-kuntrarju, il-pun (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva dwar il-VAT jirrikjedi li fil-valur taxxabbli tal-VAT jiġu inklużi l-ispejjeż inċidentali, bħall-ispejjeż ta’ kummissjoni, ta’ ppakkjar, ta’ trasport u ta’ assigurazzjoni mitluba mill-fornitur lil min jakkwista l-oġġett.

265    Barra minn hekk, kif korrettament jirrilevaw ir-rikorrenti u kif irrikonoxxut mir-Renju tad-Danimarka wara tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-amministrazzjoni fiskali Daniża qieset, fl-Istruzzjoni tagħha Nru 14-2926872/SKM2016.306.SKAT tat‑30 ta’ Ġunju 2016, li ħassret il-prassi amministrattiva inkwistjoni, li din il-prassi “ma [kellha] bażi legali la fil-Liġi Daniża dwar il-VAT u lanqas fid-Direttiva [VAT] li ħassret il-prassi”, qabel ma kkonkludiet li “ma [kienx] possibbli li tinżamm is-sistema eżistenti”. Kif jirriżulta mill-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet taf b’tali tħassir, li għaliha ITD kienet irreferiet fl-ilment tagħha.

266    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li, billi ppermettiet li, permezz tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, l-ispejjeż ta’ trasport iffatturati mill-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza lill-klijenti finali tagħhom jiġu ttrattati bħala rimbors ta’ ammonti mħallsa minn dawn il-kumpanniji f’isem u għan-nom tal-klijenti, l-amministrazzjoni fiskali Daniża mhux sempliċement irriproduċiet rekwiżit ċar u preċiż impost mid-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost eżerċitat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva. Dan il-fatt jista’ jistabbilixxi l-imputabbiltà ta’ din il-miżura lill-Istat Daniż, u mhux lill-Unjoni, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 243 sa 245 hawn fuq. Din l-evalwazzjoni hija sostnuta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u tar-Renju tad-Danimarka stess, li minnhom jirriżulta li l-prassi amministrattiva inkwistjoni kienet ħarġet mill-“interpretazzjoni” tal-awtoritajiet Daniżi, tar-regola prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT (ara l-punt 86 tar-risposta, il-punt 65 tan-nota ta’ intervent tar-Renju tad-Danimarka u l-punt 28 tat-tweġibiet tar-Renju tad-Danimarka għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

267    Kien proprju bl-applikazzjoni tal-prassi amministrattiva inkwistjoni li l-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza ġew awtorizzati li jgħaddu, lill-klijenti finali tagħhom, l-eżenzjoni mill-VAT fuq is-servizzi ta’ trasport imwettqa minn Post Danmark, li minnha dawn il-kumpanniji kienu bbenefikaw taħt l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Barra minn hekk, fil-punt 89 tar-risposta u fil-punt 67 tal-kontroreplika, il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żieda fid-domanda li minnha setgħet tibbenefika indirettament Post Danmark kienet possibbli bil-“kombinazzjoni”, minn naħa, tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-eżenzjoni ġiet mgħoddija lill-klijenti finali tal-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza kif awtorizzata permezz tal-prassi amministrattiva inkwistjoni. Fi kliem ieħor, kif korrettament jesponu r-rikorrenti, fl-assenza tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, il-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza kien ikollhom japplikaw il-VAT fuq l-ispejjeż ta’ trasport iffatturati lill-klijenti finali tagħhom, irrispettivament mill-operatur inkarigat li jwettaq tali trasport. Għalhekk, f’każ bħal dan, il-kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza ma kienx ikollhom inċentiv jitolbu s-servizzi ta’ Post Danmark, b’tali mod li din tal-aħħar ma kinitx tkun tista’ tibbenefika minn żieda fid-domanda tagħha.

268    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat Daniż tal-effetti tal-prassi amministrattiva inkwistjoni fuq id-domanda għall-benefiċċju ta’ Post Danmark, billi tillimita ruħha li tfakkar l-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi mwettqa mis-servizzi postali pubbliċi prevista fl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, eżenzjoni li, barra minn hekk, ġie stabbilit li ma setgħetx tapplika għall-ispejjeż ta’ trasport ta’ oġġetti meta dawn is-servizzi kienu ffatturati minn kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza lill-klijenti finali tagħha (ara l-punt 257 hawn fuq). B’dan il-mod, sabiex teżamina jekk l-effetti tal-prassi amministrattiva inkwistjoni kinux imputabbli lill-Unjoni jew lill-Istat Daniż, il-Kummissjoni naqset milli teżamina r-rabtiet bejn din il-prassi u r-regola prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar il-VAT, li fuqha kienet ibbażata. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tħassir tal-imsemmija prassi mill-amministrazzjoni fiskali Daniża minħabba li ma kellhiex bażi fid-dritt tal-Unjoni, minkejja li tali tħassir kien issemma fl-ilment ta’ ITD.

269    Tali evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument imressaq mir-Renju tad-Danimarka li, fi kwalunkwe każ, il-prassi amministrattiva inkwistjoni kellha l-għan li tiżgura l-irħas prezz għas-servizzi tal-posta għall-konsumaturi, u mhux li żżid id-domanda għall-benefiċċju ta’ Post Danmark. Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi statali skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, u b’hekk il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jikkostitwixxi kunċett oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, EU:T:2018:145, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, l-iskop li għandu jintlaħaq minn interventi statali huwa irrilevanti għall-l-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

270    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti korrettament isostnu li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami komplet u suffiċjenti dwar jekk iż-żieda fid-domanda li minnha setgħet tibbenefika b’mod indirett Post Danmark, bl-applikazzjoni tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, kinitx imputabbli lill-Istat Daniż.

271    Minn dan isegwi li dan ir-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa indirizzat kontra l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ikkonkludiet li l-prassi amministrattiva inkwistjoni ma kinitx imputabbli lill-Istat Daniż, peress li tali prassi ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

4.      Fuq it-tqassim kontabbli tal-ispejjeż komuni għall-attivitajiet ta’ Post Danmark li jaqgħu taħt l-OSU u dawk li ma jaqgħux taħtu

272    Skont ir-rikorrenti, sostnuti minn Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, minn naħa, li t-tqassim tal-ispejjeż bejn l-attivitajiet kummerċjali ta’ Post Danmark u dawk relatati mal-OSU kien adegwat u, min-naħa l-oħra, li tali tqassim, fi kwalunkwe każ, ma kien jinvolvi la l-imputabbiltà lill-Istat, jew lir-riżorsi tal-Istat u lanqas l-għoti ta’ vantaġġ.

273    Insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jesponu li r-raġunament li abbażi tiegħu l-Kummissjoni waslet għal tali konklużjoni ma kienx inkluż fid-deċiżjoni kkontestata u li, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ dan ir-raġunament, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark bejn l-2006 u l-2013 kienet timponi fuqha tqassim żbaljat tal-ispejjeż komuni għas-servizzi relatati mal-OSU u għal dawk mhux relatati miegħu (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż komuni”).

274    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà applikabbli bejn l-2006 u l-2013 ippermettiet lil Post Danmark talloka l-ispejjeż komuni kollha lill-OSU, mingħajr ma vverifikat jekk parti minn dawn l-ispejjeż kinux dovuti għal servizzi mhux relatati mal-OSU. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, ma jistax jiġi konkluż li l-ispejjeż komuni tqassmu, fir-realtà, abbażi ta’ analiżi diretta tal-oriġini tagħhom, bi ksur tal-Artikolu 14(3)(b)(i) tad-Direttiva 97/67, li jipprevedi li “kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ analiżi diretta ta’ l-oriġini tan-nefqiet infushom”. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark ġiet emendata fl-2014 bil-għan speċifiku li ttemm l-inkompatibbiltà ta’ verżjonijiet preċedenti mad-Direttiva 97/67.

275    Ir-rikorrenti jżidu li l-argumenti tal-Kummissjoni sabiex juru li l-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark kienet legali, huma bbażati, b’mod żbaljat, fuq il-verżjoni tagħha applikabbli mill-2014 ’il quddiem. Fl-ilment tagħha, ITD ikkontestat iż-żewġ leġiżlazzjonijiet ta’ kontabbiltà applikabbli suċċessivament mill-2006 sal-2011 (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2006”), imbagħad mill-2011 sal-2013 (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2011”), li tħassru meta ġie adottata, fl-2014, leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà ġdida.

276    Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, it-tqassim tal-ispejjeż relatati mal-attivitajiet differenti ta’ Post Danmark, li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà applikabbli bejn l-2006 u l-2013, ta vantaġġ lil Post Danmark billi ppermettielha tnaqqas b’mod artifiċjali l-ispejjeż tal-attivitajiet kummerċjali tagħha li ma humiex relatati mal-OSU u, b’hekk, li tiffattura prezzijiet predatorji għal tali attivitajiet. F’dan ir-rigward, dan it-tqassim tal-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ Post Danmark wassal għal żieda fil-prezzijiet proposti għas-servizzi postali koperti mill-OSU ta’ DKK 280 miljun (madwar EUR 37.5 miljun) fis-sena. Barra minn hekk, analiżi tas-sena finanzjarja wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà l-ġdida, fl-2014, kien juri li 4.2 % tal-ispejjeż li preċedentement kienu sostnuti għall-OSU ġew ittrasferiti lejn l-ispejjeż sostnuti għal attivitajiet li ma jaqgħux taħt l-OSU.

277    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-allokazzjoni żbaljata tal-ispejjeż komuni involviet it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lil Post Danmark. Fil-fatt, l-Istat Daniż kien f’pożizzjoni li jagħti struzzjonijiet u jidderieġi l-użu tar-riżorsi ta’ Post Danmark. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li trasferimenti interni lil entità ġuridika jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

278    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li t-tqassim żbaljat tal-ispejjeż komuni ppermetta lil Post Danmark tibbenefika minn żieda fid-dħul mit-“taxxa tal-boll”. F’dan is-sens, ir-rikorrenti jirrilevaw li Post Danmark, bħala fornitur tas-servizz universali, toħroġ bolol postali bi prezz iffissat sabiex tkopri l-ispejjeż iġġenerati mill-OSU u li hija tista’ żżomm id-dħul mill-bejgħ tal-bolol biss sa fejn dan id-dħul ikopri unikament l-ispejjeż iġġenerati mill-OSU, u l-kumplament jitħallas lura lill-Istat Daniż. B’hekk, meta kkalkolat b’mod eċċessiv tali spejjeż, Post Danmark ibbenefikat minn pagament żejjed ta’ taxxa tal-boll, li jirriżulta f’nuqqas ta’ dħul għall-Istat Daniż u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi tal-Istat lil Post Danmark. Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tad-Danimarka, ir-rikorrenti jispjegaw li l-Ministru għat-Trasport għandu japprova l-prezz tal-bolol għall-posta nazzjonali ttimbrata, u b’hekk id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-bolol jiġi kklassifikat bħala riżorsi tal-Istat.

279    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni messha wettqet eżami iktar iddettaljat dwar jekk il-miżura, suġġett ta’ dan l-ilment, kinitx imputabbli lill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma vverifikat l-ebda indizju rilevanti identifikat mill-ġurisprudenza sabiex jiġi stabbilit jekk deċiżjoni meħuda minn impriża pubblika kinitx imputabbli lill-Istat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li huma l-awtoritajiet Daniżi li adottaw il-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2006 u tal-2011 u li din il-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà obbligat lil Post Danmark tapplika metodu ta’ tqassim li jinvolvi l-inklużjoni tal-ispejjeż komuni fl-ispejjeż relatati mal-OSU.

280    B’hekk, skont ir-rikorrenti, dawn l-iżbalji jimplikaw li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari kien insuffiċjenti u inkomplet u jikkostitwixxu l-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li minħabba fihom il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

281    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

282    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-regoli ta’ kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark kienu jippermettu separazzjoni adegwata bejn l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-OSU u dawk li ma jaqgħux taħtu. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għall-parti tad-deċiżjoni kkontestata relatata mal-eżami tagħha tal-konformità ta’ tali regoli mad-Direttiva tagħha 2006/111/KE tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555), li sar fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kontabbiltà tal-kumpens inkwistjoni mas-suq intern. Fil-punt 197 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat li, bejn l-2006 u l-2013, il-kontijiet regolatorji ta’ Post Danmark kienu suġġetti għal eżami annwali dwar il-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà minn awditur awtorizzat mill-Istat, għal verifika regolari mill-awtorità regolatorja nazzjonali u għal awditu minn kumpannija indipendenti, li r-rapport tagħha, ippubblikat fl‑4 ta’ Diċembru 2014, ikkonstata li kien hemm raġunament fondat għall-kriterju ta’ tqassim tal-ispejjeż fil-kontabbiltà ta’ Post Danmark.

283    Sussegwentement, f’punt tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “Imputabbiltà u riżorsi tal-Istat”, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 198, l-ewwel, li l-allegat tqassim żbaljat ma kienx jidher li jinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni, li l-involviment tal-awtoritajiet Daniżi fl-iffissar tal-prezzijiet tas-servizzi li ma jaqgħux taħt l-OSU ma kienx stabbilit u, it-tielet, li l-allegat sussidju trażversali ma kienx jidher li ta vantaġġ lil Post Danmark, peress li, b’mod partikolari, din tal-aħħar ma kienet irċeviet l-ebda kumpens abbażi tat-tqassim tal-ispejjeż ikkontestat matul il-perijodu kkonċernat. Minn dan, il-Kummissjoni, fil-punt 199 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet li l-allegat tqassim żbaljat tal-ispejjeż komuni fil-kontabbiltà ta’ Post Danmark ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

284    Finalment, fil-punt 206(iii) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sussidju trażversali ta’ servizzi kummerċjali ma kienx ikkonfermat materjalment u li, fi kwalunkwe każ, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara l-punt 30 hawn fuq).

285    B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha, prinċipalment, fuq in-natura żbaljata tal-allegazzjoni li r-regoli ta’ kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark kienu wasslu għal tqassim żbaljat tal-ispejjeż komuni u, fi kwalunkwe każ, fuq il-fatt li diversi kriterji previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE ma kinux issodisfatti.

286    B’hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma mmotivatx il-konklużjoni tagħha, li r-rikorrenti setgħu, konsegwentement, jikkontestaw l-elementi differenti tagħha fir-rikors tagħhom.

287    Dwar in-natura allegatament insuffiċjenti u inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, għandhom jitfakkru, preliminarjament, il-kliem tal-Artikolu 14(2) sa (4) tad-Direttiva 97/67, li jaqraw kif ġej:

“2.      Il-fornitur(i) ta’ servizz universali għandu/hom iżomm/u kontabilità separata fis-sistemi ta’ kontabilità interni tagħhom sabiex jiddistingwu b’mod ċar bejn kull wieħed mis-servizzi u l-prodotti li jkunu parti mis-servizz universali u dawk li ma jkunux. Din il-kontabilità separata għandha tintuża bħala kontribut meta l-Istati Membri jikkalkolaw l-ispiża netta tas-servizz universali. Dawn is-sistemi ta’ kontabilità interna għandhom jitħaddmu fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż applikati koerentement u ġustifikati oġġettivament.

3.      Is-sistemi ta’ kontabilità msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jallokaw l-ispejjeż kif ġej:

a)      spejjeż li jistgħu jiġu direttament assenjati għal servizz jew prodott partikolari għandhom jiġu assenjati b’dan il-mod;

b)      spejjeż komuni, jiġifieri spejjeż li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal servizz jew prodott partikolari, għandhom jiġu allokati kif ġej:

i)      kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ analiżi diretta ta’ l-oriġini ta’ l-ispejjeż infushom;

ii)      meta ma tkunx possibbli analiżi diretta, għandhom jiġu allokati kategoriji ta’ spejjeż komuni fuq il-bażi ta’ rbit indirett ma’ kategorija oħra ta’ spejjeż jew grupp ta’ kategoriji ta’ spejjeż li għalihom hija possibbli assenjazzjoni jew allokazzjoni diretta; ir-rabta indiretta għandha tkun ibbażata fuq strutturi ta’ spejjeż komparabbli;

iii)      meta la l-miżuri diretti u l-anqas dawk indiretti ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż ma jinstabu, il-kategorija ta’ l-ispejjeż għandha tiġi allokata fuq il-bażi ta’ allokatur ġenerali kkalkolat bl-użu tal-proporzjon ta’ l-ispejjeż kollha assenjati jew allokati direttament jew indirettament, minn naħa waħda, lil kull wieħed mis-servizzi universali u, min-naħa l-oħra, lis-servizzi l-oħra;

iv)      l-ispejjeż komuni, li huma meħtieġa għall-forniment ta’ kemm is-servizzi universali kif ukoll is-servizzi mhux universali, għandhom jiġu allokati b’mod xieraq; għandhom japplikaw l-istess determinanti ta’ l-ispejjeż kemm għas-servizzi universali kif ukoll għal dawk mhux universali.

4.      Sistemi oħra ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż jistgħu jiġu applikati biss jekk ikunu kompatibbli mal-paragrafu 2 u jkunu ġew approvati mill-awtorità nazzjonali regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minn qabel bl-applikazzjoni tagħhom.”

288    Skont l-Artikolu 4(3) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2011, kien previst is-segwenti:

“a)      L-ispejjeż inkrementali relatati ma’ servizz partikolari għandhom jiġu attribwiti lilu. Dan japplika kemm għall-ispejjeż varjabbli kif ukoll għall-ispejjeż fissi.

b)      L-ispejjeż li ma jistgħux jiġu attribwiti direttament lil servizz partikolari għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu attribwiti lil grupp ta’ servizzi abbażi ta’ analiżi diretta tal-oriġini tal-ispejjeż (spejjeż komuni imputabbli).

c)      Sabiex tiġi stabbilita l-attribuzzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-punti a) u b), l-ispejjeż neċessarji għall-provvista tal-obbligu ta’ servizz universali għandhom jiġu attribwiti għal kull servizz kopert bl-obbligu ta’ servizz universali jew għal grupp ta’ servizzi koperti bl-obbligu ta’ servizz universali.

d)      L-ispejjeż li ma jistgħux jiġu attribwiti abbażi ta’ analiżi diretta (spejjeż komuni mhux attribwibbli) huma attribwiti lill-gruppi ta’ servizzi kkonċernati abbażi ta’ rabta indiretta ma’ kategorija oħra ta’ spejjeż jew ma’ grupp ieħor ta’ kategoriji ta’ spejjeż li għalihom tista’ ssir allokazzjoni jew separazzjoni diretta. Tali rabta indiretta għandha ssir abbażi ta’ strutturi ta’ spejjeż komparabbli.

e)      Fil-każ ta’ spejjeż komuni mhux attribwibbli li għalihom ma jeżisti l-ebda metodu ta’ attribuzzjoni ta’ spejjeż diretti jew indiretti, il-kategoriji tal-ispejjeż għandhom jitqassmu abbażi ta’ kriterju ġenerali ta’ tqassim ikkalkolat skont il-proporzjon bejn l-ispejjeż kollha direttament jew indirettament attribwiti jew li tqassmu għal kull servizz kopert mis-servizz universali, minn naħa waħda, u s-servizzi l-oħra, min-naħa l-oħra.

f)      L-ispejjeż komuni, li huma neċessarji għall-provvista kemm tas-servizzi universali kif ukoll tas-servizzi mhux universali (spejjeż komuni mhux attribwibbli), għandhom jitqassmu b’mod adegwat. Għandhom jiġu applikati l-istess kriterji ta’ spejjeż kemm għas-servizzi universali kif ukoll għas-servizzi mhux universali.”

289    L-Artikolu 4(3)(a) sa (e) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2011 kien identiku għall-Artikolu 4(4)(a) sa (e) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2006.

290    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li l-Artikolu 4(3)(c) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2011 ma huwiex redatt bl-istess termini bħall-parti tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 97/67 li tistipula l-prinċipji ta’ kontabbiltà li l-fornituri tas-servizzi universali magħżula mill-Istati Membri għandhom josservaw.

291    Madankollu, din id-differenza biss ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2006 u tal-2011 kienu jiksru l-prinċipji ta’ kontabbiltà previsti fid-Direttiva 97/67. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 97/67 iżomm il-possibbiltà li l-Istati Membri jimponu fuq il-fornituri tas-servizzi universali sistemi oħra ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż minbarra dawk previsti fil-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni.

292    B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li sempliċement jagħmlu dikjarazzjoni dwar dan il-punt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4)(c) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2006 u tal-Artikolu 4(3)(c) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2011, riprodott fil-punt 288 hawn fuq, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jirrikjedu jew anki jippermettu lil Post Danmark tattribwixxi l-ispejjeż kollha komuni għall-ispejjeż sostnuti għall-provvista tal-OSU. Fir-rigward tal-ispejjeż komuni, il-prinċipju stabbilit f’dawn id-dispożizzjonijiet kien it-tqassim abbażi ta’ analiżi diretta tal-oriġini tagħhom.

293    F’dan ir-rigward, ir-Renju tad-Danimarka korrettament jesponi li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jikkostitwixxu kjarifika tal-mod li bih l-ispejjeż kellhom jiġu rrekordjati fil-kontijiet interni ta’ Post Danmark wara li kienu ġew allokati għall-OSU. B’mod partikolari, minn kjarifiki mogħtija mir-Renju tad-Danimarka, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li t-tqassim kontabbli tal-ispejjeż ta’ Post Danmark kien bbażat fuq metodu ta’ attribuzzjoni relatat mal-“ispejjeż inkrimentali”, iddefiniti fl-annessi tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà bħala l-“ispejjeż fissi u varjabbli li fuq perijodu qasir jew medju (tlieta sa ħames snin), ma jibqgħux jeżistu f’każ li servizz jintemm”, bl-ispejjeż hekk ikkunsidrati bħala inkrementali jiġu kkunsidrati bħala spejjeż direttament imputabbli għas-servizz partikolari relatati miegħu. L-Artikolu 4(4)(c) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2006 u l-Artikolu 4(3)(c) tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà tal-2011, ikkontestati mir-rikorrenti, jindikaw biss li, meta spejjeż kienu attribwiti għall-OSU abbażi tal-metodu tal-ispejjeż inkrementali, dawn l-ispejjeż kellhom jiġu allokati, fi ħdan l-OSU, lis-servizz rilevanti, skont ir-regola prevista taħt is-subparagrafu a), jew lil grupp ta’ servizzi rilevanti, skont ir-regola prevista fis-subparagrafu b). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 4(4)(c) tar-regolament tal-2011 kien jikkostitwixxi biss applikazzjoni speċifika għall-OSU tal-prinċipji previsti taħt is-subparagrafi a) u b) ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet.

294    In-natura adegwata tat-tqassim kontabbli tal-ispejjeż komuni hija sostnuta bil-fatt, innotat mill-Kummissjoni fil-punt 197 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontabbiltà ta’ Post Danmark kienet is-suġġett ta’ verifiki regolari minn awditur awtorizzat mill-Istat u mill-awtorità regolatorja nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, První novinová společnost vs Il‑Kummissjoni, T‑316/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:489, punt 253).

295    Bl-istess mod, ir-rikorrenti, li fuqhom jaqa’ l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara l-punt 51 hawn fuq), ma jipproduċu l-ebda prova li tista’ ssostni d-dikjarazzjoni tagħhom li, fil-prattika, Post Danmark allokat b’mod sistematiku l-ispejjeż komuni ma’ dawk li jaqgħu taħt l-OSU. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu biss li, wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà l-ġdida li tirriproduċi eżatt il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 97/67, fl-2014, l-ispejjeż relatati mal-OSU naqsu meta mqabbla mas-sena preċedenti filwaqt li l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet l-oħra ta’ Post Danmark żdiedu. Madankollu, minn naħa, tali argument huwa bbażat fuq dikjarazzjoni li ma hijiex sostanzjata. Min-naħa l-oħra, anki jekk tiġi stabbilita, l-eżistenza ta’ varjazzjoni fit-tqassim tal-ispejjeż differenti minn sena għal oħra, irrilevata mir-rikorrenti, ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jiġi preżunt li, matul il-perijodu preċedenti, l-ispejjeż komuni kienu sistematikament attribwiti għall-ispejjeż relatati mal-OSU.

296    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-allokazzjoni tal-ispejjeż komuni għall-ispejjeż relatati mal-OSU ma ġietx stabbilita u li l-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark bejn l-2006 u l-2013 wasslet għal tqassim xieraq tat-tipi differenti ta’ spejjeż.

297    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovawx li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji li hija ma għelbitx, meta hija eskludiet li l-leġiżlazzjoni ta’ kontabbiltà applikabbli għal Post Danmark bejn l-2006 u l-2013 twassal għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, minħabba, prinċipalment, li ma ġiet stabbilita l-ebda irregolarità fit-tqassim kontabbli tal-ispejjeż komuni. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti kontra r-raġunament użat mill-Kummissjoni b’mod sussidjarju u relatat mal-assenza, fi kwalunkwe każ, ta’ għajnuna mill-Istat li tirriżulta mit-tqassim tal-ispejjeż fil-kontabbiltà ta’ Post Danmark.

5.      Fuq iż-żieda tal-kapital tat23 ta’ Frar 2017

298    Ir-rikorrenti, sostnuti minn Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution, isostnu li l-konklużjoni li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat turi n-natura insuffiċjenti u inkompleta tal-eżami tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-miżura.

299    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma hijiex imputabbli lill-Istat Daniż.

300    F’dan is-sens, qabelxejn, huma jfakkru li ITD fl-ilment tagħha indikat li l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi kienu nkoraġġew lil PostNord sabiex tipproċedi b’tali żieda ta’ kapital, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017. Barra minn hekk, ITD ipproduċiet, matul il-fażi tal-eżami preliminari, żewġ preżentazzjonijiet ippreparati mill-Ministeru għat-Trasport Daniż, fid‑9 u fit‑22 ta’ Frar 2017, li jistipulaw li l-vijabbiltà ta’ Post Danmark kienet suġġetta għal żidiet ta’ kapital minn PostNord, fatt li jissuġġerixxi li l-awtoritajiet Daniżi kienu informati biż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 u, għalhekk, jikkostitwixxi indizju li dik il-miżura kienet imputabbli lill-Istat.

301    Sussegwentement, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni skorrettament ikkonkludiet li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinitx imputabbli lill-Istat, billi sempliċement esponiet li l-fatt biss li PostNord kienet impriża pubblika taħt il-kontroll tal-Istat ma kienx suffiċjenti sabiex miżuri meħuda minnha jkunu imputabbli lill-Istati azzjonisti. Il-Kummissjoni messha evalwat l-eventwali imputabbiltà lill-Istat taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 fid-dawl tal-kriterji identifikati fil-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294).

302    Finalment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma informatx lil ITD bil-pożizzjoni tagħha dwar l-assenza ta’ provi li jistgħu juru l-imputabbiltà lill-Istat taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 u li ma stidnitx lil ITD sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, bi ksur b’hekk tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589.

303    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-idea li investitur privat kien jipproċedi biż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017.

304    F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet skorretta meta kkonkludiet li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet ippermettiet li jiġi evitat il-falliment ta’ Post Danmark, peress li tali falliment kien ġie sempliċement pospost bi ftit snin.

305    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-effetti allegatament negattivi li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet ippermettiet li jiġu evitati, qabel kollox, ir-rikorrenti jikkontestaw in-nota tal-Bord tad-Diretturi ta’ PostNord (iktar ’il quddiem in-“nota tal-Bord tad-Diretturi”), li dwarha ma kinux informati u li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda prova dwar id-data, ir-rilevanza jew l-affidabbiltà tal-informazzjoni li intużat għall-evalwazzjoni li tinsab f’din in-nota. Ir-rikorrenti għalhekk jitolbu lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex din in-nota tiġi prodotta.

306    Sussegwentement, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-effetti negattivi li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet ippermettiet li jiġu evitati huma deskritti fil-qosor b’mod ġenerali ferm fid-deċiżjoni kkontestata u li ma humiex suffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjoni li investitur privat kien jagħżel li jevita tali effetti billi jipproċedi bl-imsemmija żieda ta’ kapital. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma pproċedietx b’evalwazzjoni globali tal-elementi kollha rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-Istat adottax il-miżura inkwistjoni fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist jew bħala entità pubblika, peress li hija bbażat ruħha biss fuq l-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Svediżi u Daniżi.

307    Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tkun ibbażata fuq argument ekonomiku, ħlief jekk jiġi kkunsidrat li l-prinċipju tal-investitur privat ikopri kull żieda ta’ kapital minn kumpannija omm lis-sussidjarja tagħha meta tkun kważi falliet. Dan japplika iktar u iktar peress li, fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi sinjifikattivi ta’ Post Danmark matul is-snin qabel iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, ma kien hemm l-ebda urġenza wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ tmiem is-sena ta’ Post Danmark.

308    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn l-effetti negattivi kif deskritti fil-qosor fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni ma applikatx il-ġurisprudenza relatata mal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, li jirrikjedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċement għamlet dikjarazzjonijiet ġenerali u naqset milli tidentifika, l-ewwel, il-partijiet li l-kunfidenza tagħhom fil-grupp PostNord kienet ġiet affettwata bil-falliment ta’ Post Danmark, it-tieni, il-ftehim ta’ finanzjament tal-grupp PostNord li setgħu jiġu tterminati f’każ ta’ falliment ta’ Post Danmark, it-tielet, il-ftehimiet konklużi minn PostNord ma’ proprjetarji ta’ beni immobbli jew ma’ fornituri li kienu jkunu affettwati bil-falliment ta’ Post Danmark, u l-garanziji li PostNord kien ikollha tattiva f’tali każ, u, ir-raba’, il-funzjonijiet li kienet titlef il-parti Daniża rimanenti tal-grupp PostNord. Ir-rikorrenti jżidu li l-ebda wieħed mill-allegat telf ma kien ikkwantifikat, u għalhekk ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit it-telf sostnut mill-grupp PostNord f’każ ta’ falliment ta’ Post Danmark.

309    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-effetti negattivi allegatament evitati biż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 huma relatati mill-qrib mad-deterjorazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark tal-grupp PostNord kollha kemm hi f’każ ta’ eventwali falliment ta’ Post Danmark. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali, f’ċirkustanzi partikolari, li d-dannu għar-reputazzjoni tat-trade mark tal-Istat f’każ ta’ falliment ta’ impriża pubblika jista’ jiġġustifika żieda ta’ kapital intiża sabiex tevita tali falliment. Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti jenfasizzaw li huwa magħruf li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja huma ż-żewġ azzjonisti ta’ PostNord u, għalhekk, kienet proprju l-protezzjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark tagħhom li ġġustifikat iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017.

310    Finalment, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma evalwatx jekk, uħud mill-ispejjeż li jirriżultaw minn eventwali falliment ta’ Post Danmark kinux jirriżultaw mill-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Dan kien ikun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ self jew ta’ garanziji mogħtija minn PostNord, li, fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ Post Danmark, probabbilment ma kinux jingħataw minn operatur prudenti f’ekonomija tas-suq.

311    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

312    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tesponi li kienet indikat il-pożizzjoni preliminari tagħha fuq l-ilment ta’ ITD, waqt laqgħa li saret fid‑19 ta’ Jannar 2018, u li din il-pożizzjoni preliminari kienet diskussa wkoll mar-rappreżentant tar-rikorrenti waqt konverżazzjoni bit-telefon sussegwenti. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli twettaq l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589.

313    Fit-tieni lok, hija tenfasizza li hija kkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li twettaq eżami diliġenti tal-ilment ta’ ITD, billi talbet lill-awtoritajiet Daniżi l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tal-elementi mressqa mhux biss f’dan l-ilment, iżda wkoll fin-nota supplimentari ppreżentata minn ITD. Il-Kummissjoni żżid li s-sempliċi fatt li r-rikorrenti jikkontestaw ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni ma jistax jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

314    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma taċċettax l-indizji mressqa mir-rikorrenti intiżi sabiex juru l-imputabbiltà lill-Istat taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017. B’mod partikolari, il-preżentazzjonijiet tal-Ministeru għat-Trasport Daniż juru li l-Istat Daniż kien “spettatur passiv” ta’ tali tranżazzjoni. Fil-fatt, dawn il-preżentazzjonijiet ma jsemmu xejn dwar ir-riskju imminenti ta’ falliment ta’ Post Danmark u jikkunsidraw biss soluzzjonijiet fuq perijodu twil fir-rigward ta’ din il-kumpannija, li ma kinux relatati maż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sabiex issostni li l-Istati Membri huma obbligati jibagħtulha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jippermettulha tivverifika jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna u, jekk ikun il-każ, jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern. B’hekk, il-Kummissjoni, filwaqt li targumenta li ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kienx jippermettilha tikseb iktar informazzjoni, setgħet tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Daniżi u Svediżi li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinitx imputabbli lilhom sabiex tikkonkludi, fl-assenza ta’ indizji kuntrarji, li dan kien il-każ.

315    Min-naħa tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka, filwaqt li jikkonferma li huwa sar jaf bl-eżistenza taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 biss wara li din kienet saret, isostni li xejn ma jindika li t-tranżazzjonijiet ta’ PostNord għandhom jiġu imputati, b’mod ġenerali, lill-awtoritajiet Daniżi jew Svediżi. F’dan is-sens, huwa jenfasizza li din il-kumpannija taġixxi b’mod indipendenti b’awtonomija kbira fuq is-suq, li hija mmexxija skont prinċipji kummerċjali u topera f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati f’suq totalment liberalizzat, li ma hija suġġetta għall-ebda obbligu ta’ approvazzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet mill-proprjetarji tagħha u li t-tranżazzjonijiet kollha tagħha jissodisfaw loġika purament ekonomika.

316    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni ssostni li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet konsegwenza diretta tar-rapport ta’ tmiem is-sena ta’ PostNord, ippubblikat fl‑10 ta’ Frar 2017, li wera riskju imminenti ta’ falliment ta’ Post Danmark. Għalhekk, diversi raġunijiet, bħal iktar ħin mirbuħ sabiex tiġi ristrutturata s-sussidjarja – li kienet il-pożizzjoni ta’ PostNord fir-rigward ta’ Post Danmark – kif ukoll iż-żamma ta’ relazzjonijiet professjonali u ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament fuq is-swieq finanzjarji, setgħu jiġġustifikaw li, fid-dawl ta’ tali riskju għas-sussidjarja tagħha, investitur privat iżid il-kapital tagħha, b’ammont limitat, f’terminu qasir.

317    Il-Kummissjoni b’hekk tikkontesta li l-argument tagħha jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li kull żieda ta’ kapital ta’ kumpannija omm lil kumpannija sussidjarja hija ġġustifikata.

318    F’dan ir-rigward, filwaqt li tinvoka s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (T-305/13, EU:T:2015:435), il-Kummissjoni tenfasizza li, sabiex jiġi evalwat jekk Stat Membru aġġixxiex bħal operatur privat, għandha tiġi stabbilita r-razzjonalità ekonomika tal-miżura inkwistjoni b’riferiment għall-kuntest li fih ġiet adottata. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni l-iktar kompleta u l-iktar affidabbli possibbli, b’din l-informazzjoni tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ kif ukoll fuq in-natura u l-kumplessità tal-imsemmija miżura.

319    Għalhekk, skont il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li PostNord qabel iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma pproċedietx b’analiżi ekonomika ddettaljata minn esperti indipendenti ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ma aġixxietx bħala investitur privat, peress li l-ebda kumpannija, affaċċjata b’riskju immedjat u imminenti ta’ falliment tas-sussidjarja tagħha, ma kien ikollha l-ħin li taġixxi b’dan il-mod.

320    Il-Kummissjoni b’hekk tikkonkludi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinitx tali li tagħti vantaġġ lil Post Danmark, hija kkonstatat l-informazzjoni mogħtija, minn naħa, mill-awtoritajiet Daniżi u Svediżi u, min-naħa l-oħra, minn ITD, fid-dawl tar-razzjonalità u l-loġika ekonomika. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li din iż-żieda tal-kapital kienet tirrifletti l-aġir raġonevoli ta’ kumpannija omm fid-dawl tal-oneru li kien ikollha ġġorr li kieku ħalliet lil Post Danmark tfalli u l-possibbiltà li tibdel lil din tal-aħħar f’impriża effiċjenti fil-futur. Huwa għalhekk skorrett li jiġi allegat li l-Kummissjoni segwiet fl-għama l-argument tal-awtoritajiet Daniżi u Svediżi u, b’mod partikolari, l-elementi ppreżentati fin-nota tal-Bord tad-Diretturi u deskritti fil-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata.

321    F’dan ir-rigward, ir-Renju tad-Danimarka jenfasizza li, minn naħa, bejn it-tmiem tas-sena 2016 u l-bidu tas-sena 2017, l-attiv ta’ Post Danmark ġie żvalutat b’mod sinjifikattiv, li wassal, matul dik is-sena, għal tnaqqis fir-riżultati ta’ DKK 733 miljun, li, flimkien mat-telf operattiv sostnut ukoll minn Post Danmark, wassal sabiex din f’daqqa waħda titlef iktar minn nofs il-kapital ta’ ekwità tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 twettqet fid-dawl tal-fatt li t-trasformazzjoni ta’ Post Danmark kellha tippermetti lil din tal-aħħar issir iktar effiċjenti, anki jekk il-modalitajiet ta’ finanzjament ta’ din it-trasformazzjoni ġew iffinalizzati biss wara l-konklużjoni tal-ftehim tal‑20 ta’ Ottubru 2017.

322    Finalment, skont il-Kummissjoni, il-premessa tar-raġunament segwit mir-rikorrenti li l-Kummissjoni kkunsidrat u aċċettat li kien biex tipproteġi r-reputazzjoni tat-trade mark tagħha li PostNord kienet wettqet iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 hija skorretta. Fi kwalunkwe każ, l-analoġiji mal-ġurisprudenza relatata mal-protezzjoni tar-reputazzjoni ta’ trade mark ta’ Stat Membru bħala operatur ekonomiku ma jistgħux jiġu trasposti għall-każ ta’ PostNord, li huwa operatur li għandu t-trade mark tiegħu stess.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589

323    Ir-rikorrenti jsostnu li il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn ma informatx lil ITD bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tagħha, minħabba l-assenza ta’ elementi li jistgħu juru l-imputabbiltà lill-Istat taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, u ma stidnithiex tippreżenta osservazzjonijiet ġodda fuq din il-kwistjoni.

324    Skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, “[f]ejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-parti interessata ma tikkonformax mal-formola obbligatorja tal-ilmenti jew li l-fatti u l-punti tal-liġi mressqa mill-parti interessata ma jipprovdux biżżejjed raġunijiet biex juru, fuq il-bażi ta’ eżami prima facie, li hemm għajnuna kontra l-liġi jew użu ħażin ta’ għajnuna, għandha tinforma lill-parti interessata u tistedinha tagħmel il-kummenti tagħha f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar”.

325    Barra minn hekk, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tal-istess regolament huwa speċifikat li “[i]l-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni dwar każ li jikkonċerna s-suġġett tal-ilment lil min ikun ilmenta”.

326    Mit-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, li jirregola d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati, jirriżulta li l-Kummissjoni, wara li tkun kisbet mingħand parti kkonċernata informazzjoni dwar allegata għajnuna illegali, jew tqis li ma hemmx motivi suffiċjenti sabiex tippronunzja ruħha dwar il-każ u tinforma b’dan lil din il-parti kkonċernata, jew tadotta deċiżjoni dwar il-każ fir-rigward tas-suġġett tal-informazzjoni pprovduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 55).

327    F’dan il-każ, fir-rigward tal-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni wara li eżaminat l-ilment ta’ ITD u kkunsidrat li minnu ma kienx possibbli li tiġi stabbilita din l-imputabbiltà.

328    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkomunika lil ITD l-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 għalhekk għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq l-imputabbiltà taż-żieda tal-kapital tat23 ta’ Frar 2017

329    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 239 u 240hawn fuq, l-imputabbiltà ta’ miżura lil Stat Membru hija kundizzjoni awtonoma tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, meta l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li teskludi tali imputabbiltà fir-rigward ta’ miżura kkomunikata lilha, hija tista’ tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward tagħha.

330    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ġiet meħuda minn impriża pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 51 u 57).

331    Fil-fatt, anki jekk l-Istat huwa f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq it-tranżazzjonijiet tagħha, l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll f’każ konkret ma jistax jiġi awtomatikament preżunt. Impriża pubblika tista’ taġixxi b’indipendenza iktar jew inqas, skont il-grad ta’ awtonomija li tingħata mill-Istat. Għalhekk, is-sempliċi fatt li impriża pubblika hija taħt il-kontroll tal-Istat ma huwiex suffiċjenti sabiex il-miżuri meħuda minnha jiġu imputati lill-Istat. Huwa neċessarju wkoll li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li huma involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 52).

332    F’dan ir-rigward, ma għandux jintalab li jintwera, abbażi ta’ investigazzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi inċentivaw b’mod konkret lill-impriża pubblika tieħu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi huma mill-qrib, hemm riskju reali li għajnuna mill-Istat tingħata permezz tagħhom b’mod mhux trasparenti u bi ksur tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat previsti fit-Trattat. Min-naħa l-oħra, b’mod ġenerali, ikun diffiċli ferm għal terz, preċiżament minħabba r-relazzjonijiet ipprivileġġati li hemm bejn l-Istat u impriża pubblika, li juri f’każ partikolari li miżuri ta’ għajnuna meħuda minn tali impriża ġew effettivament adottati fuq struzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 53 u 54).

333    Għal dawn ir-raġunijiet, fil-punt 55 tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika setgħet tiġi dedotta minn numru ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih din il-miżura tkun ittieħdet. F’dan ir-rigward, diġà ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-organu inkwistjoni ma setax jieħu d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jikkunsidra r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punt 37) u li, apparti mill-elementi ta’ natura organika li kienu jorbtu lill-impriżi pubbliċi mal-Istat, dawn, li permezz tagħhom kienet ingħatat l-għajnuna, kellhom jikkunsidraw id-direttivi li joħorġu mill-Gvern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punti 11 u 12, u tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑305/89, EU:C:1991:142, punti 13 u 14).

334    Barra minn hekk, indizji oħra jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu rilevanti sabiex jiġi konkluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika hija imputabbli lill-Istat, bħal, b’mod partikolari, l-integrazzjoni tagħha fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju tagħhom fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati, l-istatus ġuridiku tal-impriża, jiġifieri jekk hijiex irregolata mid-dritt pubbliku jew mid-dritt kummerċjali, l-intensità tal-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi fil-ġestjoni tal-impriża jew kull indizju ieħor li jindika, fil-każ konkret, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ nuqqas ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, il-kontenut tagħha jew il-kundizzjonijiet li tinvolvi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 56).

335    Madankollu, is-sempliċi fatt li impriża pubblika ġiet ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata ma jistax, fid-dawl tal-awtonomija li din il-forma ġuridika tista’ tagħtiha, jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn tali kumpannija hija imputabbli lill-Istat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontroll u l-possibbiltajiet reali li tiġi eżerċitata influwenza dominanti li dik is-sitwazzjoni tinvolvi fil-prattika ma jippermettux li jiġi eskluż minn qabel kwalunkwe imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn tali kumpannija u, konsegwentement, ir-riskju ta’ abbuż tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, minkejja r-rilevanza, fiha nnifisha, tal-forma ġuridika tal-impriża pubblika bħala indizju, fost oħrajn, li jippermettu li jiġi stabbilit f’każ konkret l-involviment jew le tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

336    F’dan il-każ, fil-punti 200 sa 202 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li rriproduċiet il-punt 52 tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), imfakkar fil-punt 331 hawn fuq, l-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-istruttura tal-kapital ta’ PostNord u l-modalitajiet ta’ ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tagħha juru li l-Istat Daniż u dak Svediż setgħu jeżerċitaw influwenza dominanti fuq din il-kumpannija. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-elementi ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li dawn l-Istati kellhom kontroll effettiv fuq PostNord fil-mument taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, u lanqas li l-awtoritajiet pubbliċi kienu, b’mod jew ieħor, involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura. Finalment, il-Kummissjoni kkunsidrat li ITD ma kienet ipproduċiet l-ebda prova li tista’ turi l-imputabbiltà taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 lill-Istat Daniż jew lill-Istat Svediż.

337    Ir-rikorrenti jsostnu li tali evalwazzjoni turi n-natura insuffiċjenti u inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni.

338    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa b’mod korrett li l-Kummissjoni indikat li s-sempliċi fatt li kumpannija kellha kapital pubbliku ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi preżunt li kull deċiżjoni meħuda minnha hija imputabbli lill-Istat azzjonist, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294) (ara l-punti 330 u 331 hawn fuq).

339    Madankollu, mis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294) jirriżulta wkoll li, f’każ ta’ impriża li fuqha Stat Membru għandu l-possibbiltà li jeżerċita influwenza dominanti, il-Kummissjoni għandha teżamina, abbażi ta’ serje ta’ indizji suffiċjentement preċiżi u konkordanti, li l-involviment tal-Istat f’miżura meħuda minn din l-impriża hija konkreta jew li l-assenza ta’ tali involviment hija improbabbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-kuntest tal-każ (ara l-punt 334 hawn fuq) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 51 u 52).

340    B’hekk, f’dan il-każ, meta kkonstatat li PostNord kienet impriża li fuqha l-Istat Daniż u dak Svediż setgħu jeżerċitaw influwenza dominanti, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha sabiex tikkonstata li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżumi l-imputabbiltà lill-Istat taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017. Skont il-prinċipju mfakkar fil-punt 339 hawn fuq, il-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, kellha tistabbilixxi b’mod konkret, abbażi ta’ indizji li hija tista’ tiġbor skont informazzjoni li hija seta’ jkollha, jekk kienx probabbli jew le li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet imputabbli lill-Istat Daniż u dak Svediż.

341    Minn dan isegwi li, billi llimitat ruħha sabiex tikkonstata n-natura ta’ impriża pubblika ta’ PostNord, il-Kummissjoni wettqet b’analiżi insuffiċjenti tal-involviment tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża. Tali approċċ iwassal, fil-fatt, sabiex jeskludi l-imputabbiltà taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 lill-Istat għas-sempliċi raġuni li PostNord kienet ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija kummerċjali, bi ksur tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja u mfakkar fil-punt 335 hawn fuq.

342    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-ilment tagħha, ITD kienet semmiet l-eżistenza ta’ żewġ preżentazzjonijiet magħmula mill-Ministeru għat-Trasport Daniż tad‑9 u tat‑22 ta’ Frar 2017.

343    Huwa veru li, kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, dawn il-preżentazzjonijiet kienu jkopru soluzzjonijiet fuq perijodu twil li jippermettu l-implimentazzjoni ta’ mudell ġdid ta’ produzzjoni fi ħdan Post Danmark, mingħajr ma tissemma żieda ta’ kapital immedjata, bħal dik tat‑23 ta’ Frar 2017. Madankollu, mill-istess preżentazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Gvern Daniż kien konxju ta’ kemm kienu kbar id-diffikultajiet finanzjarji li kellha Post Danmark għas-sena 2016 u dawk previsti għas-sena 2017, tar-riskju ta’ falliment ta’ din l-impriża kif ukoll tal-ispiża ta’ tali falliment għall-Istat. Kif esprimiet il-Kumissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha, huma dawn l-elementi li ġġustifikaw iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017.

344    Għalhekk, l-għarfien tal-Istat Daniż b’dawn l-elementi kien jiġġustifika wkoll li l-Kummissjoni teżamina iktar fil-fond il-kwistjoni tal-imputabbiltà taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, peress li, fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Istati u impriżi pubbliċi, ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit li l-awtoritajiet pubbliċi kienu, abbażi ta’ struzzjoni preċiża, inċentivaw b’mod konkret lil PostNord tieħu din id-deċiżjoni (ara l-punt 332 hawn fuq).

345    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun obbligata tinvestiga lment lil hinn mill-eżami biss ta’ punti ta’ fatt u ta’ dritt miġjuba għall-konoxxenza tagħha mil-lanjant. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment, li jista’ jirrendi neċessarju li hija twettaq l-eżami ta’ elementi li ma tqajmux espressament mil-lanjant (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, EU:T:2018:145, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

346    Mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni sempliċement bagħtet l-ilment ta’ ITD lill-awtoritajiet Daniżi u Svediżi u aċċettat ir-risposta tagħhom tal‑20 ta’ Diċembru 2017, li huma ma kellhomx konoxxenza taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ħlief wara li twettqet, fil-kapaċità tagħhom ta’ azzjonisti.

347    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif interpretat fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 34). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, u sabiex ma jinħoloqx dewmien fil-proċedura, huwa l-Istat Membru li jqis li miżura suġġetta għall-eżami preliminari tal-Kummissjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, li għandu jipprovdi lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun, mill-mument li tiġbidlu l-attenzjoni dwar din il-miżura, l-elementi li jimmotivaw din il-pożizzjoni. Huwa veru, id-dikjarazzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri ma humiex, fihom innifishom, irrilevanti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/03, EU:T:2008:228, punt 104). Madankollu, f’dan il-każ, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha b’mod predominanti, fl-istadju tal-fażi ta’ eżami preliminari, fuq dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Daniżi u Svediżi biex tikkonkludi l-assenza ta’ imputabbiltà lill-Istat taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, anki jekk tali miżura kienet ittieħdet minn PostNord, li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li kienet impriża pubblika li fir-rigward tagħha l-Istat Daniż u dak Svediż kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza dominanti.

348    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li huwa b’mod korrett li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami komplet u suffiċjenti tal-kwistjoni dwar jekk iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kinitx imputabbli lill-Istat Daniż u dak Svediż.

349    Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-Renju tad-Danimarka li t-tranżazzjonijiet ta’ PostNord jissodisfaw loġika purament ekonomika u ma għandhomx ikunu approvati mill-Istati proprjetarji tagħha, bħal f’kull impriża privata. Fil-fatt, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt meta qieset li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinitx imputabbli lill-Istat, peress li hija sempliċement indikat li l-istruttura tal-kapital ta’ PostNord u l-modalitajiet ta’ ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tagħha ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-Istati azzjonisti tagħha kienu involuti fl-imsemmija żieda tal-kapital. Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-Renju tad-Danimarka dwar il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom PostNord teżerċita l-attivitajiet tagħha ma huwa sostnut bl-ebda prova.

350    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv użat mill-Kummissjoni insostenn tal-konklużjoni tagħha li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, abbażi tal-fatt li ma kienx hemm vantaġġ miksub minn tali miżura inkwantu din hija konformi mal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

c)      Fuq il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq

351    Skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq ma għandhiex tiġi assimilata ma’ dik dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeżiġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, l-eżami tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma jeżiġix li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett l-Artikolu 107 TFUE, iżda li jiġi stabbilit jekk hija kellhiex, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni suffiċjentement kompleta sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u, jekk ikun il-każ, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il‑Kummissjoni, T‑488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 93).

352    Il-prinċipji identifikati mill-qorti tal-Unjoni fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq xorta huma utli sabiex jiġi evalwat jekk, matul il-fażi tal-eżami preliminari, il-Kummissjoni kinitx ikkonfrontata b’diffikultajiet serji li ma rnexxhielix tegħleb meta kkunsidrat li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinitx tali li tagħti vantaġġ lil Post Danmark.

353    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għaliha permezz ta’ riżorsi tal-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, u din l-evalwazzjoni ssir, bħala regola, skont il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 71).

354    L-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq jimplika li għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq, ta’ daqs li jista’ jitqabbel ma’ dak tal-entità tas-settur pubbliku, kienx jasal sabiex iwettaq kontribuzzjonijiet ta’ kapital bl-istess ammont u taħt l-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France, C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

355    Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-aġir tal-investitur privat li miegħu għandu jitqabbel dak tal-investitur pubbliku ma huwiex neċessarjament dak tal-investitur ordinarju li jinvesti kapital sabiex jagħmel profitt minnu f’bejn wieħed u ieħor żmien qasir, iżda għandu jkun, għall-inqas dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwu politika strutturali, globali jew settorjali, u jkun iggwidat minn perspettivi ta’ profitt fuq perijodu ta’ żmien itwal (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑305/89, EU:C:1991:142, punt 20, u tal‑24 ta’ Settembru 2008, Kahla/Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, T‑20/03, EU:T:2008:395, punt 238). B’hekk, meta l-kontribuzzjonijiet ta’ kapital ta’ investitur pubbliku jinjoraw kwalunkwe perspettiva ta’ profitt, anki fuq perijodu ta’ żmien twil, tali kontribuzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni għandha tiġi evalwata fid-dawl biss tal-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France, C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

356    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjonist privat seta’ raġonevolment jipprovdi l-kapital neċessarju sabiex jiżgura li impriża li kienet għaddejja minn żmien diffiċli ssalva temporanjament, iżda li, jekk ikun il-każ, wara ristrutturizzazzjoni, tkun f’pożizzjoni li terġa’ tibda tagħmel profitt. Għalhekk, kumpannija omm, tista’ wkoll, għal perijodu limitat, issofri t-telf ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha sabiex tippermettilha twaqqaf l-attività tagħha taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punti 21 u 22; tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Componenta vs Il‑Kummissjoni, T‑455/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:597, punt 87, u tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni, T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35, punt 221).

357    F’dan ir-rigward, huwa l-Istat Membru jew l-entità pubblika kkonċernata li għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-elementi oġġettivi u verifikabbli li juru li d-deċiżjoni tagħha li tintervjeni fil-kapital ta’ impriża hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi preċedenti komparabbli ma’ dawk li, f’ċirkustanzi simili, investitur privat razzjonali li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik li jinsab fiha dak l-Istat jew dik l-entità, kien jistabbilixxi, qabel ma jadotta l-miżura inkwistjoni, bil-għan li jiddetermina l-profitabbiltà futura ta’ din il-miżura. Madankollu, l-elementi ta’ evalwazzjoni ekonomika preliminari rikjesta min-naħa tal-Istat Membru għandhom ikunu fformulati skont in-natura u l-kumplessità tat-tranżazzjoni inkwistjoni, il-valur tal-assi, tal-beni jew tas-servizzi kkonċernati u ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 97 u 98, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑100/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:900, punti 79 u 80).

358    Kemm il-kontenut kif ukoll il-livell ta’ preċiżjoni ta’ tali evalwazzjonijiet jistgħu jkunu dipendenti b’mod partikolari fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sitwazzjoni tas-suq u fuq ix-xena ekonomika, b’tali mod li, f’ċerti każijiet, l-assenza ta’ pjan ta’ impriża ddettaljat tas-sussidjarja, li jinkludi stimi preċiżi u kompluti tal-profitabbiltà futura tagħha u analiżi ddettaljati tal-ispejjeż u tal-benefiċċji, ma tippermettix, waħidha, li jiġi konkluż li l-investitur pubbliku ma aġixxiex kif kien jaġixxi investitur privat (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 178 u 179).

359    Minkejja dan, ġie deċiż li, anki jekk ikun jinsab fl-impossibbiltà li jwettaq previżjonijiet iddettaljati u kompluti, investitur privat razzjonali ma kienx jiddeċiedi li jikkontribwixxi kapitali addizzjonali f’waħda mis-sussidjarji tiegħu li tkun irreġistrat telf kbir mingħajr ma jagħmel evalwazzjonijiet preliminari, anki jekk approssimattivi, li jippermettu li jiġu dedotti probabbiltajiet raġonevoli ta’ profitti futuri, u mingħajr ma jkun analizza diversi xenarji u diversi għażliet, inkluż, jekk ikun il-każ, it-trasferiment jew il-likwidazzjoni possibbli tas-sussidjarja. Għalhekk, l-impossibbiltà li jitwettqu previżjonijiet iddettaljati u kompluti ma jistax jillibera lil investitur pubbliku milli jwettaq evalwazzjoni preliminari adegwata tal-profitabbiltà tal-investiment tiegħu, paragunabbli ma’ dik li kien jagħmel investitur privat li jkun f’sitwazzjoni simili, skont elementi disponibbli u prevedibbli (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 180 sa 182).

360    B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta kkonfrontat b’diversi alternattivi qabel ma jwettaq tranżazzjoni, investitur privat razzjonali għandu jevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull waħda minnhom sabiex jagħżel l-alternattiva l-iktar vantaġġuża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 79 u 80, u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punti 56 sa 58).

361    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqitx eżami komplet u suffiċjenti tal-kwistjoni jekk investitur privat kienx jipproċedi biż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 u, għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk, f’dan ir-rigward, iltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji li ma setgħetx tegħleb.

362    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 203, li investitur privat fis-sitwazzjoni ta’ PostNord kien, wisq probabbli, jipproċedi biż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 minflok iħalli s-sussidjarja tiegħu tiddikjara falliment. Insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, minn naħa, hija enfasizzat li ftit kien hemm dubju li Post Danmark kienet tfalli mingħajr din iż-żieda ta’ kapital, peress li l-kapital proprju ta’ din il-kumpannija kien niżel minn DKK 1.29 biljun fi tmiem is-sena 2015 għal DKK 108 miljun fi tmiem is-sena segwenti, b’telf ġdid previst għas-sena 2017. Min-naħa l-oħra, filwaqt li rreferiet għall-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Daniżi u Svediżi deskritti fil-punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-falliment ta’ Post Danmark kien ikun jiswa ħafna iktar għall-grupp PostNord miż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017.

363    Mill-punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari mill-punt 80 tagħha, jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi sostnew, filwaqt li rreferew għan-nota tal-Bord tad-Diretturi, li l-falliment ta’ Post Danmark kien ikollu l-effetti negattivi segwenti:

–        telf ta’ fiduċja fis-swieq tal-kreditu u tal-kapital, ta’ klijenti, ta’ fornituri, ta’ proprjetarji, ta’ impjegati u ta’ partijiet oħra kkonċernati fil-livell tal-grupp kollu;

–        ix-xoljiment ta’ ftehimiet ta’ finanzjament eżistenti għall-grupp PostNord, li jagħmel diffiċli r-rifinanzjament u l-mobilizzazzjoni ta’ kapital;

–        deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom PostNord setgħet tikri proprjetà immobbli u tingħata provvisti mill-fornituri kif ukoll deterjorazzjoni tar-rekwiżiti relatati mad-diversi forom ta’ garanziji offruti minn PostNord;

–        tqegħid fil-perikolu tal-pożizzjoni u ta’ isem PostNord fis-swieq loġistiċi Nordiċi, fejn jinsabu l-maġġoranza tal-klijenti tagħha, li joperaw f’diversi pajjiżi;

–        effett negattiv fuq il-fluss ta’ flus kontanti fi ħdan il-grupp PostNord u telf kontabbli.

364    Il-Kummissjoni għalhekk ibbażat il-konklużjoni tagħha fuq il-fatt li l-falliment ta’ Post Danmark kien ikollu numru ta’ konsegwenzi negattivi fuq il-grupp PostNord.

365    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-falliment ta’ sussidjarja jistgħu jwasslu investitur privat, li jaġixxi abbażi ta’ razzjonalità ekonomika, biex jagħti kontribuzzjonijiet ta’ kapital sabiex jiżgura li din is-sussidjarja ssalva.

366    Madankollu, sabiex titwarrab, fl-istadju tal-fażi ta’ eżami preliminari, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ investiment pubbliku li huwa intiż sabiex jiżgura s-sopravivenza ta’ kumpannija sussidjarja, abbażi tal-fatt li dan jikkorrispondi ma’ aġir ta’ investitur privat razzjonali, il-Kummissjoni għandha, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 355 sa 360 hawn fuq, tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi li dak l-investiment kien preferut fuq kwalunkwe miżura alternattiva oħra, bħall-falliment tal-imsemmija sussidjarja. Sabiex tagħmel dan, kif jirriżulta mill-istess ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami metikoluż, abbażi ta’ provi affidabbli għad-dispożizzjoni tagħha, tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi, minn naħa, tal-għażla li l-kumpannija sussidjarja tfalli u, min-naħa l-oħra, tal-għażla li jsir investiment pubbliku sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-impriża, billi jiġu eżaminati b’mod partikolari, f’dan l-aħħar każ, il-perspettivi ta’ profitabbiltà li jista’ jkollu l-investitur pubbliku.

367    F’dan il-każ, anki jekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispiża taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet, għal PostNord, inqas minn dik tal-falliment ta’ Post Danmark, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fir-realtà, hija bbażat ruħha esklużivament fuq il-konsegwenzi negattivi ta’ proċedura ta’ falliment ta’ Post Danmark, mingħajr ma eskludiet li tali proċedura setgħet, minkejja kollox, tkun iktar vantaġġuża minn żieda ta’ kapital li, pereżempju, ma tkun offriet ebda possibbiltà ta’ profitt, lanqas fuq perijodu ta’ żmien twil.

368    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax validament ssostni li l-konklużjoni tagħha li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet tikkorrispondi mal-aġir ta’ investitur privat ma kinitx ibbażata fuq in-nota tal-Bord tad-Diretturi u fuq il-provi li sar riferiment għalihom fil-punt 363 hawn fuq, iżda fuq loġika ekonomika, li minnha jirriżulta li kumpannija omm, affaċċjata bil-falliment immedjat u imminenti ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha, tiddeċiedi li tiżgura s-sopravivenza tagħha billi ssostni t-telf tagħha.

369    Fil-fatt, l-ewwel, permezz ta’ tali argument, il-Kummissjoni tikkontradixxi l-evalwazzjoni tagħha li tinsab fil-punt 203 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija l-unika parti li fiha tevalwa l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta miż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017, li fih hija rreferiet għall-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Daniżi u Svediżi u li jinsabu fil-punt 5.1 tal-istess deċiżjoni.

370    It-tieni, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat is-sitwazzjoni ta’ urġenza marbuta mar-riskju ta’ falliment ta’ Post Danmark li rriżultat wara l-pubblikazzjoni, fl‑10 ta’ Frar 2017, tar-rapport ta’ tmiem is-sena ta’ PostNord. Barra minn hekk, anki jekk mid-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tali sitwazzjoni ta’ urġenza, ma ġiex stabbilit li din is-sitwazzjoni rriżultat mill-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ tmiem is-sena hawn fuq imsemmi. F’dan ir-rigward, fil-parti introduttiva ta’ dan ir-rapport, l-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ PostNord indika li r-riżultati ta’ din tal-aħħar “kompl[ew] jiġu affettwati mit-tnaqqis qawwi tal-volum tal-posta, speċjalment fid-Danimarka”, li “ir-ritmu rapidu tad-diġitalizzazzjoni [kien] wassal għal tnaqqis drammatiku fil-volum u fid-dħul fis-suq Daniż”, qabel ma ħabbar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jiġi introdott mudell ġdid ta’ produzzjoni finanzjarjament vijabbli għall-futur. Għalhekk, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, ir-riskju ta’ falliment ta’ Post Danmark kien sempliċement il-konsegwenza ta’ diffikultajiet finanzjarji li din l-impriża kellha sa minn żmien qabel, minħabba it-tnaqqis fil-volum tal-posta bħala konsegwenza tal-użu ġġeneralizzat tal-posta elettronika (ara l-punt 6 hawn fuq).

371    It-tielet, fi kwalunkwe każ, il-fatt li PostNord kienet ikkonfrontata b’sitwazzjoni ta’ urġenza ma jeżentax lill-Kummissjoni milli teżamina jekk iż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 setgħetx, anki fuq perijodu ta’ żmien twil, tikkostitwixxi tranżazzjoni profitabbli. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 355 sa 359 hawn fuq jirriżulta li investitur privat razzjonali għandu, bħala regola, qabel ma jipproċedi b’kontribuzzjoni ta’ kapital f’kumpannija, jevalwa l-profitabbiltà ta’ tali tranżazzjoni, anki jekk din ma tistax issir abbażi ta’ previżjonijiet iddettaljati u kompleti.

372    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni taċċetta b’mod impliċitu li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-profitabbiltà taż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 peress li tirrikonoxxi, fir-risposta, li, affaċċjat bil-falliment immedjat u imminenti ta’ sussidjarja, investitur privat jista’ jiżgura s-sopravivenza tagħha, “tal-inqas sabiex jirbaħ iż-żmien meħtieġ sabiex jevalwa aħjar is-sitwazzjoni”.

373    Ir-raba’, anki jekk jiġi kkunsidrat li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet prerekwiżit neċessarju għar-ristrutturazzjoni ta’ Post Danmark, ma jidhirx li l-Kummissjoni evalwat, lanqas fil-qosor, il-plawżibbiltà tad-dikjarazzjoni li l-mudell il-ġdid ta’ produzzjoni ta’ Post Danmark kien jippermetti li jerġa’ jistabbilixxi l-effikaċja ekonomika ta’ din l-impriża.

374    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet eżami komplet u suffiċjenti li wassalha sabiex tistabbilixxi li l-miżura ta’ żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 kienet preferibbli mill-falliment ta’ Post Danmark.

375    Kif isostnu r-rikorrenti, is-soluzzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li kull kontribuzzjoni ta’ kapital imwettqa minn kumpannija pubblika lis-sussidjarja tagħha li tkun taffaċċja riskju immedjat ta’ falliment, tissodisfa, bħala regola, il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

376    Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi milqugħ sa fejn huwa indirizzat kontra l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ikkonkludiet li ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkwantu ma kinitx imputabbli lill-Istat Daniż u dak Svediż u li ma kinitx tagħti vantaġġ.

377    Għalhekk, ma huwiex neċessarju li tintlaqa’ t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti sabiex tiġi prodotta n-nota tal-Bord tad-Diretturi.

IV.    Konklużjonijiet dwar ir-rikors kollu

378    Skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li hija tikkunsidra motiv invokat mir-rikorrent insostenn tar-rikors tiegħu għall-annullament bħala fondat, ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher b’mod ċar li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punt 104).

379    Madankollu, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni ma huwiex possibbli ħlief jekk l-elementi li l-annullament tagħhom qiegħed jiġi mitlub jistgħu jinfirdu mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ firda ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punti 105 u 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

380    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ħames miżuri separati, jiġifieri l-kumpens inkwistjoni, il-garanzija inkwistjoni, il-prassi amministrattiva inkwistjoni, it-tqassim tal-ispejjeż ta’ Post Danmark u ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017. Dawn il-miżuri, li waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-awtonomija tagħhom minn xulxin, kienu eżaminati b’mod separat fid-deċiżjoni kkontestata u kull waħda hija s-suġġett ta’ konklużjoni speċifika fil-punti 205 u 206 tagħha, riprodotti fil-punt 30 hawn fuq.

381    F’dan ir-rigward, fil-punti 271 u 376 hawn fuq, ġie kkunsidrat li dan ir-rikors kien fondat inkwantu kien indirizzat kontra l-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li fihom il-Kummissjoni, mingħajr ma fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ikkonkludiet li l-prassi amministrattiva inkwistjoni u ż-żieda tal-kapital tat‑23 ta’ Frar 2017 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata f’dan ir-rigward u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

V.      Fuq l-ispejjeż

382    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jew taqsam l-ispejjeż.

383    Peress li r-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom, filwaqt li l-Kummissjoni tbati l-kumplament tal-ispejjeż tar-rikorrenti kif ukoll l-ispejjeż tagħha.

384    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Skont l-Artikolu 138(3) tal-istess regoli, Jørgen Jensen Distribution u Dansk Distribution għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3169 final, tat28 ta’ Mejju 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47707 (2018/N) – Kumpensi mogħtija mill-Istat lil PostNord għall-provvista tas-servizz postali universali – id-Danimarka hija annullata sa fejn kien ikkunsidrat, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, li, minn naħa, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) introdotta bid-deċiżjoni amministrattiva Nru 1306/90 u mir-Regolament Amministrattiv F 6742/90, maħruġ mill-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi, u, min-naħa l-oħra, iż-żieda kapitali ta’ biljun krona Daniża (DKK) imwettqa minn PostNord AB, għall-benefiċċju ta’ Post Danmark A/S, fit23 ta’ Frar 2017, ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport A/S u Danske Fragtmænd A/S għandhom ibatu nofs l-ispejjeż rispettivi tagħhom, il-kumplament tal-ispejjeż tagħhom għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka, Jørgen Jensen Distribution A/S u Dansk Distribution A/S għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

da Silva Passos

Valančius

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Mejju 2021.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-indizji relatati mat-tul u mal-iżvolġiment tal-fażi ta’ eżami preliminari

B. Fuq l-indizji relatati mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

1. Fuq il-kumpens inkwistjoni

a) Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi C.2 sa C.5

b) Fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji marbuta mal-kumpens inkwistjoni

1) Fuq ix-xenarju kontrofattwali

2) Fuq it-tnaqqis tal-benefiċċji intanġibbli

i) Fuq it-titjib tar-reputazzjoni ta’ Post Danmark

ii) Fuq l-onnipreżenza

3) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ inċentivi għall-effiċjenza

4) Fuq l-użu tal-kumpens inkwistjoni

5) Konklużjoni

2. Fuq il-garanzija inkwistjoni

3. Fuq l-eżenzjoni mill-VAT

4. Fuq it-tqassim kontabbli tal-ispejjeż komuni għall-attivitajiet ta’ Post Danmark li jaqgħu taħt l-OSU u dawk li ma jaqgħux taħtu

5. Fuq iż-żieda tal-kapital tat23 ta’ Frar 2017

a) Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589

b) Fuq l-imputabbiltà taż-żieda tal-kapital tat23 ta’ Frar 2017

c) Fuq il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq

IV. Konklużjonijiet dwar ir-rikors kollu

V. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.