Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2021 minn Enrico Falqui mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Tmien Awla Estiża) fil-5 ta’ Mejju 2021 fil-Kawża T-695/19, Enrico Falqui vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-391/21 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Enrico Falqui (rappreżentant: F. Sorrentino, A. Sandulli, avvocati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

l-annullament tas-sentenza Nru 1000680 tal-5 ta’ Mejju 2021 tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u, b’hekk, tan-nota tat-8 ta’ Lulju 2019 (u, jekk ikun il-każ, tal-abbozz ta’ deċiżjoni u tal-parir tas-Servizz Legali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni), kif ukoll il-ħlas lura ta’ somom miżmuma indebitament mill-pensjoni u l-kundanna tal-Parlament għall-spejjeż taż-żewġ livelli ta’ istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka ħames aggravji:

L-ewwel aggravju: ksur tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u d-9 ta’ Lulju 2008 msejħa “Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew”.

L-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 75 tad-deċiżjoni ċċitata iktar ʼil fuq. Dan l-artikolu ma jistabbilixxix, kif iddikjarat mill-Qorti Ġenerali, li l-hekk imsejħa regola tal-pensjonijiet imsemmija fl-Anness III tas-SID tkompli tapplika pro futuro għal pensjonijiet diġà mħallsa jew akkumulati fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut, u għalhekk li kwalunkwe bidla in peius tal-pensjonijiet nazzjonali trid tirrifletti fuq dawk mogħtija mill-Parlament, iżda, għall-kuntrarju, li l-pensjonijiet diġà mogħtija fuq il-bażi ta’ dik ir-regola huma intanġibbli fl-an u fil-quantum.

It-tieni aggravju: ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi u tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-proporzjonalità ma nkisrux. Fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi, dan inkiser bl-interpretazzjoni mogħtija mill-Parlament u mill-Qorti Ġenerali tar-regola tal-pensjoni identika diġà kkontestata fl-ewwel aggravju, filwaqt li, fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod żbaljat l-għan segwit mill-Kamra tad-Deputati Taljana permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/18 (tnaqqis fin-nefqa tal-pensjonijiet li jaqa’ fuq il-baġit tagħha) meta tqis li huwa leġittimu, mingħajr ma tirrealizza li, f’dan il-każ, dan l-iskop huwa irrilevanti, peress li ma hemm l-ebda rabta bejnu u s-sagrifiċċju impost fuq l-appellant.

It-tielet aggravju: ksur tal-prinċipju li skontu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jittrasponu, permezz ta’ rinviju awtomatiku, leġiżlazzjoni nazzjonali invalida.

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun applikata b’mod kompletament awtomatiku, irrispettivament mill-illeġittimità tagħha skont il-liġi nazzjonali u mingħajr ma l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu jistgħu jinvestigaw dan l-aspett. Min-naħa l-oħra, meta istituzzjoni tal-Unjoni tapplika, permezz ta’ rinviju, regolament nazzjonali, japplika l-prinċipju ġenerali dwar is-suġġett tar-relazzjonijiet bejn l-ordinamenti legali, fejn l-ordinament tar-rinviju jista’ jirreferi biss għar-regoli leġittimi tal-ordinament tal-oriġini, fil-konsistenza ġuridika li għandhom fl-ordinament tal-oriġini: jekk huma invalidi ma jistgħux jiġu applikati. Inkella, il-pożizzjoni tal-appellant tibqa’ mingħajr protezzjoni.

Ir-raba’ aggravju: żball fil-kunsiderazzjoni mħollija barra tar-regolamenti interni li seħħ bis-sentenza Nru 2/20 tal-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati italiana (il-Kunsill ta’ Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati Taljana).

Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li, bħala konsegwenza tas-sentenza Nru 2/20 tal-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill ta’ Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati), bħalissa, is-sistema interna – li l-Parlament Ewropew jixtieq japplika – hija maqsuma f’żewġ fażijiet: l-ewwel tikkonsisti fid-determinazzjoni mill-ġdid tal-annwalità skont il-kriterji ġenerali stabbiliti fid-Deċiżjoni 14/18; it-tieni fl-applikazzjoni mill-Uffiċċji tal-Kamra ta’ żidiet perċentwali fl-annwalità fuq talba ta’ parti u fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u tas-saħħa tal-persuna kkonċernata. Din is-sistema ma tidhirx li hija trasferibbli għal-livell Ewropew.

Il-ħames aggravju dwar it-talbiet meqjusa inammissibbli jew inammissibbli fl-ewwel istanza, kif ukoll l-ispejjeż tal-kawża.

Ir-rikorrent jinsisti fuq l-annullament, fejn ikun il-każ, tal-abbozz tad-deċiżjoni u l-parir tas-Servizz Legali li abbażi tiegħu aġixxa l-Parlament, kif ukoll fuq it-talba għall-ħlas lura ta’ somom miżmuma indebitament mill-pensjoni tiegħu u għall-kundanna tal-Parlament bl-ispejjeż tal-ewwel u t-tieni istanzi tal-kawża.

____________