Language of document : ECLI:EU:T:2018:822

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

22 ta’ Novembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ombudsman tal-Kummissjoni ‐ Awtorità tal-Ħatra kompetenti – Delegazzjoni ta’ kompetenza – Proċedura – Konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑688/16,

Mercedes Janssen-Cases, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn J.‑N. Louis u N. de Montigny, sussegwentement minn J.‑N. Louis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn C. Berardis-Kayser u G. Berscheid, sussegwentement minn C. Berscheid u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016 li taħtar lil W bħala Ombudsman tal-Kummissjoni u tan-nota tas‑16 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bir-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, D. Gratsias (Relatur), I. Labucka, A. Dittrich u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑1977, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddeċiediet li toħloq servizz ta’ medjazzjoni. L-għan ta’ dan is-servizz huwa li jipproponi mod, li ma huwiex burokratiku, għar-riżoluzzjoni tal-problemi li jinqalgħu f’kuntest professjonali sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu ta’ proċeduri prekontenzjużi u dawk kontenzjużi. It-twettiq effikaċi ta’ dan l-għan wassal lill-Kummissjoni li “tifformalizza” xi jfisser il-funzjonament tas-servizz inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2002) 601 tal‑4 ta’ Marzu 2002 dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa”). Skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-deċiżjoni, “[i]l-President tal-Kummissjoni għandu jaħtar l-Ombudsman abbażi ta’ proposta tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal u tal-Amministrazzjoni wara li jkun kiseb il-parir tal-Kumitat tal-Persunal”.

2        Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti, Mercedes Janssen-Cases, inħatret bħala Assistent Ombudsman, bħala parti mis-servizz ta’ medjazzjoni kkostitwit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

3        Minbarra r-responsabbiltajiet tagħha bħala Assistent Ombudsman, ir-rikorrenti aġixxiet bħala Aġent Ombudsman mit‑28 ta’ Frar 2013, imbagħad, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013, hija okkupat l-istess pożizzjoni fuq bażi ad interim fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Marzu 2013.

4        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2013, il-funzjoni ta’ konsulent prinċipali “ombudsman” sar funzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni bil-grad AD 13/AD 14.

5        Fl‑10 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2014/366 għall-impjieg ta’ ombudsman/kap ta’ diviżjoni għas-servizz ta’ medjazzjoni (grad AD 13/AD 14). Ir-rikorrenti ppreżentat il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni inkwistjoni fis‑27 ta’ Frar 2014.

6        Permezz ta’ nota tas‑7 ta’ Mejju 2014, indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) Riżorsi Umani u Sigurtà tal-Kummissjoni, il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni talab li jintbagħat il-curricula vitæ tal-kandidati magħżula kif ukoll it-tabella tal-punteġġi użata mill-Bord tal-Għażla. Il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal talab dawn l-elementi sabiex joħroġ l-avviż previst mill-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa bħala stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni.

7        Permezz ta’ nota tal‑20 ta’ Ġunju 2014, il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal talab lill-President tal-Kummissjoni li ma jadottax il-proposta għall-ħatra tal-pożizzjoni ta’ ombudsman tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà tal-Kummissjoni sakemm dan ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu fl-assenza ta’ komunikazzjoni tal-elementi mitluba.

8        Permezz ta’ nota tas‑17 ta’ Ottubru 2014, indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà, il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal ħareġ opinjoni negattiva fir-rigward tal-kandidat propost mill-imsemmija Direttur Ġenerali.

9        Permezz ta’ nota tat‑22 ta’ Lulju 2015, id-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li għalqet il-proċedura ta’ selezzjoni mingħajr il-ħatra tal-pożizzjoni ta’ ombudsman.

10      Fis‑16 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li televa l-funżjoni ta’ ombudsman għal konsulent prinċipali (grad AD 14/AD 15) kif ukoll li tapprova u li tippubblika avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-imsemmija pożizzjoni konformement mal-Artikolu 29(1)(a)(i) u (iii) tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-deċiżjoni, id-deċiżjoni li tippermetti li timtela din il-pożizzjoni tiġi adottata skont l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa. Fis‑7 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2015/1801 għall-pożizzjoni ta’ konsulent prinċipali bil-grad AD 14/AD 15 sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ ombudsman. L-imsemmi avviż ippreċiża li l-President tal-Kummissjoni jipproċedi bil-ħatra ta’ ombudsman abbażi ta’ proposta tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà wara li jkun kiseb il-parir tal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal.

11      Ir-rikorrenti ppreżentat il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ ombudsman fis‑16 ta’ Ottubru 2015 u kienet fost it-tliet kandidati magħżula sabiex jipparteċipaw fl-eżamijiet u fl-intervisti previsti quddiem kumitat ta’ preselezzjoni kif ukoll quddiem il-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet. Billi W, li kien kap tas-servizz mediku mad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà, kien l-uniku kandidat li kellu l-kwalifiki meħtieġa, il-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet adotta, fil‑25 ta’ Frar 2016, opinjoni pożittiva fil-konfront tiegħu għall-pożizzjoni ta’ ombudsman.

12      Permezz ta’ nota tat‑13 ta’ Mejju 2016, indirizzata lil K. Georgieva, Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli b’mod partikolari għall-persunal, il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal wieġeb għat-talba għal opinjoni, ifformulata fl‑20 ta’ April 2016 mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà tal-Kummissjoni, dwar il-ħatra ta’ W bħala Ombudsman. F’dan ir-rigward, il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal ilmenta li t-talba għal opinjoni kienet tikkonċerna biss il-kandidat propost, jiġifieri li ma kienx jinkludi elementi dwar il-kandidati miċħuda u li għalhekk kien impossibbli għalih li joħroġ opinjoni utli.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni nnominat lil W bħala Ombudsman u, permezz ta’ nota tas‑16 ta’ Ġunju 2016, hija informat lir-rikorrenti bir-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

14      Fil‑15 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni ċaħdet l-imsemmi lment.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Settembru 2016, skont l-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

16      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li taħtar lil W għall-pożizzjoni ta’ Ombudsman.

17      Fis‑7 ta’ Ottubru 2016, skont l-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċeduri ġew sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda tal-ilment li r-rikorrenti kienet ippreżentat fil‑15 ta’ Settembru 2016. Il-proċedura tkompliet fis‑17 ta’ Jannar 2017, wara ċ-ċaħda espliċita tal-imsemmi lment.

18      Permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Frar 2017, Janssen-Cases vs Il‑Kummissjoni, (T‑688/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:107), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tinnomina lil W bħala Ombudsman.

19      Fuq proposta tal-Ħames Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat lura l-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Skont il-Linji gwida għas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-ħatra ta’ uffiċjali għolja ta’ Ottubru 2008, notifika għall-attenzjoni ta’ kandidat jew kandidati mhux magħżula tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, jekk din in-notifika għandha titqies bħala ċaħda formali tal-kanditatura inkwistjoni, li hija suġġetta għat-terminu għat-tressiq ta’ lment fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqa’ l-fatt li l-att li jtemm il-proċedura ta’ selezzjoni bl-għażla ta’ kandidat, l-uniku att previst fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, jipproduċi wkoll effetti legali, li ċ-ċaħda formali tiegħu msemmija hawn fuq hija l-konsegwenza inevitabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il‑Kunsill, 85/82, EU:C:1983:179, punt 40).

23      Minn dan isegwi li t-talbiet għal annullament kif ifformulati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors huma ammissibbli fl-intier tagħhom.

 Fuq il-mertu

24      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati:

–        fuq ksur tal-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa;

–        fuq ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

–        fuq użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura;

–        fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ġestjoni tajba, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-politika ta’ opportunitajiet indaqs.

25      L-argument espost mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kulleġġ tal-Kummissarji ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni li taħtar lil W bħala Ombudsman, peress li din id-deċiżjoni tappartjeni għall-President tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni minħabba konsultazzjoni irregolari mal-Kumitat tal-Persunal.

26      B’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa, il-ħatra tal-Ombudsman tal-Kummissjoni taqa’ taħt il-kompetenzi tal-President ta’ din tal-aħħar, li huwa l-Awtorità tal-Ħatra f’dan il-qasam speċifiku, konformement mal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-kompetenza tal-President tal-Kummissjoni hija msemmija fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li tat lok għall-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni, jiġifieri awtorità inkompetenti f’dan ir-rigward, li adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati mingħajr ma kienet ingħatat is-setgħa relatata minn qabel.

27      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni lill-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-fajls tal-kandidaturi kollha inizjalment magħżula, il-konsultazzjoni mal-kumitat, previst mill-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa, ma kinitx regolari. Fil-fatt, il-konsultazzjoni inkwistjoni kellha l-għan li tipprovdi opinjoni informata lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà dwar il-merti, il-kompetenzi u l-profil tal-kandidati differenti. Issa, l-għoti ta’ opinjoni dwar l-uniku kandidat propost mill-President tal-Kummissjoni jneħħi l-effettività ta’ din il-konsultazzjoni u jibdilha f’sempliċi approvazzjoni tal-proposta tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà, li l-Kumitat Ċentrali tal-Persunal qatt ma kien aċċetta.

28      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ssostni li hija ddelegat is-setgħa li jinħatar l-Ombudsman lill-President tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa. Issa, xejn ma jipprekludi li l-Kummissjoni teżerċita din is-setgħa hija stess f’każ partikolari fejn, bħal f’dan il-każ, tieħu r-rwol ta’ Awtorità tal-Ħatra minħabba l-grad ta’ din il-pożizzjoni, konformement mad-deċiżjoni tagħha C(2013) 3288 final tal‑4 ta’ Ġunju 2013 dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (Kondizzjonijiet tal-Impjieg) lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (AHCC). Din id-deċiżjoni wasslet għal modifika impliċita speċifika tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ġabitx prova li hija ġarrbet dannu minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa ma jimponix lill-Kummissjoni li tikkonsulta l-Kumitat Ċentrali tal-Persunal dwar il-kandidaturi kollha inizjalment magħżula. Għall-kuntrarju, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kumitat Ċentrali tal-Persunal għandu jiġi kkonsultat biss dwar il-proposta ppreżentata lill-President tal-Kummissjoni mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà, li l-imsemmi kumitat innifsu jidher li aċċetta.

29      Fir-rigward tal-ewwel parti, mill-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa jirriżulta li l-President tal-Kummissjoni għandu jaħtar l-Ombudsman. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha titqies bħala att li bih il-Kummissjoni ddeterminat l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti f’dan il-każ fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa, hija “ddelegat” is-setgħa li jinħatar l-Ombudsman lill-President tagħha u tista’, għalhekk, teżerċita l-imsemmija setgħa hija stess meta jidhrilha.

31      Fil-fatt, delega ta’ kompetenza tikkostitwixxi att fejn l-awtorità li tiddelega ċċedi l-kompetenza ddelegata lill-awtorità delegata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, 10/56, EU:C:1958:8, p. 77 u 78). Id-delega ta’ kompetenza għalhekk għandha l-effett ta’ trasferiment ta’ kompetenzi, li jipprojbixxi lill-awtorità li tiddelega milli tagħmel użu mill-kompetenza ttrasferita, ħlief sabiex tivvizzja d-deċiżjoni tagħha minħabba nuqqas ta’ kompetenza. L-awtorità li tiddelega ma tistax teżerċita l-kompetenza mill-ġdid jekk tadotta att minn qabel li bih tkun qiegħda tirkupra l-kompetenza ddelegata. Fil-fatt, bl-istess mod li delegazzjoni ta’ kompetenza teħtieġ l-adozzjoni ta’ att espliċitu li jittrasferixxi s-setgħa ikkonċernat (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, 9/56, EU:C:1958:7, p. 42), il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li fuqu hija bbażata n-natura formali tal-kompetenza, jeħtieġ li r-revoka tagħha ssir permezz tal-adozzjoni ta’ att espliċitu.

32      Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-mekkaniżmu fejn tiġi ddeterminata l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi kklassifikat bħala delega ta’ kompetenza jew għandu jiġi assimilat ma’ tali delega, dan jinjora l-effett tar-rinunzja għall-kompetenza kkawżat minn tali “delega” li l-Kummissjoni tqis li hija kompetenti sabiex twettaq hija stess, minflok il-President tagħha, is-setgħa li jinħatar l-Ombudsman, meta hija tqis li huwa xieraq.

33      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont id-Deċiżjoni C(2013) 3288 final, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, adottata bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kulleġġ tal-Kummissarji huwa l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fir-rigward tal-ħatra ta’ konsulent prinċipali b’applikazzjoni tal-Artikolu 29(1)(a)(i) u (iii) tar-Regolamenti tal-Persunal.

34      Issa, kif ġie espost fil-punt 10 iktar ’il fuq, permezz tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li televa l-funżjoni ta’ ombudsman għal konsulent prinċipali (grad AD 14/AD 15).

35      Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex taħtar l-Ombudsman tal-Kummissjoni hija l-Kulleġġ tal-Kummissarji. F’dan il-kuntest, ir-referenza fid-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2015 għall-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa għandha tinqara li ma tirreferix għall-korp kompetenti sabiex jinħatar l-Ombudsman, iżda għar-rekwiżiti li dan il-korp, jiġifieri l-Kummissjoni, għandu josserva fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-ħatra tal-Ombudsman, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal. Ir-referenza f’dan is-sens fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għandha tinqara bl-istess mod.

36      Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016 li taħtar lil W bħala Ombudsman, filwaqt li din id-deċiżjoni, barra minn hekk, ittieħdet, kif jirriżulta mill-minuti tal‑2 173 laqgħa tal-Kummissjoni, fuq proposta tal-President tagħha. Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

37      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa, il-korp deċiżjonali għandu jaħtar l-Ombudsman “wara li jkun kiseb il-parir tal-Kumitat tal-Persunal”.

38      F’dan ir-rigward, kif ġie espost fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni kienet l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni li taħtar lil W bħala Ombudsman, ir-rekwiżiti proċedurali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa baqgħu applikabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-obbligu tal-korp deċiżjonali li jikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal skont din l-aħħar dispożizzjoni.

39      Kif issostni l-Kummissjoni stess, l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa għandu jiġi interpretat li jimponi li l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal issir mill-korp li għandu r-responsabbiltà li jieħu d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura. Barra minn hekk, minkejja li din il-konsultazzjoni tikkonsisti f’sempliċi dritt għal smigħ mingħajr ma tagħti lill-Kumitat tal-Persunal id-dritt ta’ kodeċiżjoni mal-korp deċiżjonali, din għandha tkun ta’ natura li dan jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-att adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, EU:T:2001:72, punti 89 u 90), li jimplika l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Frar 1987, Bonino vs Il‑Kummissjoni, 233/85, EU:C:1987:82, punt 5).

40      F’dan il-kuntest, l-effettività tal-konsultazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi żgurata biss jekk is-suġġett ta’ din tal-aħħar ikun jikkoinċidi mas-suġġett tal-evalwazzjoni tal-korp li jieħu d-deċiżjoni finali. Għalhekk, il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal għandha tikkonċerna l-istess kandidati bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-korp inkwistjoni kien imsejjaħ sabiex iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-effettività ta’ din il-konsultazzjoni tkun sfat fix-xejn jekk il-Kumitat tal-Persunal kien imsejjaħ sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu fir-rigward ta’ kandidat wieħed biss filwaqt li l-korp deċiżjonali ngħata l-kompitu li jevalwa diversi kandidati qabel ma jagħżel dak preferut.

41      F’dan il-każ, l-ewwel nett, mill-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet tal‑25 ta’ Frar 2016 jirriżulta li dan eżamina tliet kandidaturi u ddeċieda li jipproponi li jżomm dik ta’ W għall-pożizzjoni inkwistjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Huwa wkoll espost li l-imsemmi kumitat bagħat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji l-iskedi bil-punteġġi kif ukoll il-curricula vitæ tat-tliet kandidati.

42      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Awtorità tal-Ħatra, li tieħu d-deċiżjoni finali ta’ ħatra, għandha tkun tista’ tagħraf u tevalwa hija stess l-elementi li, f’kull stadju tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ selezzjoni, wasslu, fil-livelli amministrattivi differenti kkonsultati, bħall-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet, għall-adozzjoni ta’ opinjonijiet kif dawn ġew ippreżentati lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Qorti tal-Awdituri vs BF, T‑663/13 P, EU:T:2014:883, punt 25).

43      F’dan il-kuntest, il-minuti tal-2 173 laqgħa tal-Kummissjoni, li wasslet għad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016 li taħtar lil W, jindikaw, bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet tal‑25 ta’ Frar 2016, li l-Kulleġġ tal-Kummissarji rċieva l-fajls tat-tliet kandidati eżaminati minn dan tal-aħħar għall-pożizzjoni inkwistjoni. Skont l-istess minuti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet tal‑25 ta’ Frar 2016 u wettqet eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati fid-dawl tal-karatteristiċi tal-pożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-minuti inkwistjoni jindikaw li l-Kummissjoni qieset il-kompetenza tagħhom, l-effiċjenza tagħhom u l-kondotta tagħhom fis-servizz u li għażlet lil W għall-pożizzjoni.

44      Issa, it-tielet nett, min-nota tat‑13 ta’ Mejju 2016, indirizzata mill-Kumitat Ċentrali tal-Persunal lill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli b’mod partikolari għall-persunal, jirriżulta li l-imsemmi kumitat kien irċieva talba għal opinjoni mingħand id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà fl‑20 ta’ April 2016, jiġifieri wara li ntbagħtet il-proposta tal-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet lill-Kulleġġ tal-Kummissarji, u li din it-talba għal opinjoni kienet tirrigwarda biss il-kandidat li l-ħatra tiegħu kienet proposta lill-Kulleġġ tal-Kummissarji u mhux it-tliet kandidaturi li kienu ntbagħtu lil dan tal-aħħar.

45      Il-Kummissjoni ma tikkontestax li kienu biss l-elementi relatati mal-kandidatura ta’ W li ntbagħtu għall-opinjoni tal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal. Konsegwentement, il-Kulleġġ tal-Kummissarji eżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fuq suġġett li ma kienx jikkoinċidi ma’ dak li kien ġie ddefinit għall-konsultazzjoni mal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma ġewx irrispettati r-rekwiżiti minimi li jiżguraw l-effett utli tal-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u sabiex dan ikun jista’ jagħti opinjoni dwar il-kandidati li l-awtorità deċiżjonali se tevalwa għall-finijiet tad-deċiżjoni finali tagħha.

47      Minn dan isegwi li, kif issostni r-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, id-deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016 li ħatret lil W bħala Ombudsman tal-Kummissjoni ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa fejn din tikkonċerna l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u għandha, għalhekk, tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma insostenn tar-rikors.

48      Peress li n-nota tas‑16 ta’ Ġunju 2016, li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet informata dwar l-għeluq tal-proċedura u l-eżitu negattiv fil-konfront tagħha, li qiegħda tiġi kkontestata wkoll (ara l-punti 13 u 22 iktar ’il fuq), hija espressament ibbażata fuq l-għażla ta’ kandidat ieħor u li d-deċiżjoni tal-għażla inkwistjoni hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa li jwassal għall-annullament tagħha, hemm lok ukoll li din in-nota tiġi annullata.

 Fuq it-talba għad-danni

49      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tan-numru ta’ kawżi li hija ttrattat bħala Assistent Ombudsman, bħala Aġent Ombudsman jew bħala Ombudsman fuq bażi ad interim, id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkawżaw dannu għar-reputazzjoni tagħha kif ukoll għall-kredibbiltà professjonali tagħha. Barra minn hekk, dawn iċaħħduha minn kull possibbiltà li tilħaq il-grad AD 14. Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, għal iktar minn tliet snin, hija eżerċitat l-imsemmija funzjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ inkwiet u ta’ inċertezza, hija tqis li kumpens ta’ EUR 100 000 huwa xieraq sabiex jikkumpensa d-danni morali u materjali attribwibbli għall-aġir tal-Kummissjoni.

50      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tenfasizza n-natura legali tal-azzjonijiet kollha tagħha, b’tali mod li l-ebda illegalità ma tista’ tiġi invokata insostenn tat-talba għad-danni inkwistjoni, li hija marbuta mill-qrib mat-talba għal annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

51      Fil-kawżi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, dritt ta’ kumpens huwa rrikonoxxut jekk tliet kundizzjonijiet ikunu preżenti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 42).

52      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni rabta kawżali bejn id-deċiżjonijiet ikkontestati u l-allegat dannu morali minħabba l-impressjoni maħluqa mill-imsemmija deċiżjonijiet li l-kandidat magħżul huwa iktar ikkwalifikat minnha.

53      Madankollu, il-fatt li kandidat ieħor seta’ jintgħażel għal pożizzjoni bħal dik inkwistjoni ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jippreġudika lill-kandidati li finalment ma ġewx magħżula. Fil-fatt, anki jekk din l-għażla timplika li kandidat ieħor kien jitqies li kien jistħoqqlu iktar f’din l-okkażjoni, dan il-fatt ma jinkludi l-ebda ġudizzju negattiv fil-konfront tal-kandidati oħra, iktar u iktar meta dawn waslu sal-punt li jiġu inklużi fil-lista eżaminata mill-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet, kif inhu l-każ tar-rikorrenti.

54      Fi kwalunkwe każ, jekk huwa veru li, insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet motiv, f’dan il-każ ir-raba’, dwar l-evalwazzjoni tal-merti tagħha meta mqabbla ma’ dawk ta’ W, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016 li taħtar lil dan tal-aħħar bħala Ombudsman hija annullata bis-saħħa ta’ din is-sentenza minħabba motiv invokat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv. F’dan il-kuntest, l-att li jinkorpora l-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni komparattiva tal-merti mwettqa f’dan il-każ għandu jiġi ddikjarat bħala null u bla effett konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u l-Kummissjoni issa hija obbligata li tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza konformement mal-Artikolu 266 TFUE.

55      Minn dan isegwi li, fl-istat attwali tiegħu, l-allegat dannu morali invokat mir-rikorrenti ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ċert.

56      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda ta’ kandidatura tagħha illegalment ċaħħditha mill-possibbiltà li tilħaq il-grad AD 14.

57      Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li xejn ma jiggarantixxi li, fl-assenza tal-illegalità kkonstatata, ir-rikorrenti kienet ser tiġi magħżula għall-pożizzjoni inkwistjoni u lanqas li hija kienet, konsegwentement, ser tilħaq il-grad AD 14. Għaldaqstant, dan id-dannu ma għandux, fi kwalunkwe każ, rabta kawżali diretta mal-illegalità kkonstatata.

58      Barra minn hekk, sa fejn l-allegazzjonijiet inkwistjoni jistgħu jinftiehmu bħala intiżi għall-kumpens ta’ dannu li jirriżulta, mhux mid-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda mill-aġir tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2015/1801, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn huma inammissibbli minħabba nuqqas ta’ eżawriment tal-proċedura prekontenzjuża. Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li dan l-aġir kien marbut mill-qrib mad-deċiżjonijiet ikkontestati. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir inkwistjoni huwa, min-natura tiegħu, separat mill-għażla magħmula skont id-deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016 li taħtar lil W bħala Ombudsman. Konsegwentement, il-punti 192 sa 194 tal-ilment tar-rikorrenti dwar dan l-aġir għandhom jiġu analizzati bħala talba fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, din it-talba, li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ Jannar 2017 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), ma ġietx segwita minn ilment.

59      Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, pożizzjoni fuq bażi ad interim hija, ċertament, limitata għal sena, ħlief jekk il-pożizzjoni hija għas-sostituzzjoni ta’ uffiċjal li huwa sekondat għal pożizzjoni oħra fl-interess tas-servizz, imsejjaħ għal servizz militari jew assenti fuq leave tal-mard fit-tul. Huwa minnu wkoll li r-rikorrenti okkupat il-pożizzjoni ta’ Ombudsman fuq bażi ad interim mill‑1 ta’ Marzu 2013 sal‑1 ta’ Ottubru 2016 mingħajr ma r-raġunijiet li wasslu għall-pożizzjoni fuq bażi ad interim kienu fost dawk li jistgħu jiġġustifikaw l-estensjoni tagħha għal iktar minn sena.

60      Madankollu, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, mir-raba’ xahar tal-pożizzjoni fuq bażi ad interim, l-uffiċjal għandu dritt għal kumpens differenzjali, li jeskludi kull rabta kawżali ma’ dannu finanzjarju.

61      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-danni morali minħabba l-istat ta’ inċertezza li fih kienet tinsab ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ selezzjoni mibdija bis-saħħa tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2014/366 ingħalqet mingħajr l-għażla ta’ kandidat, li bbenefikat lir-rikorrenti, li ma kinitx il-kandidat propost dik id-darba u li setgħet, għalhekk, tkompli teżerċita l-funzjonijiet tagħha bħala Ombudsman fuq bażi ad interim. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti eżerċitat il-funzjonijiet tagħha waqt li l-proċedura mibdija permezz tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2015/1801 kienet għadha pendenti huwa inerenti f’kull sitwazzjoni li tinvolvi l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni sabiex timtela pożizzjoni. L-inċertezza maħluqa minn din il-proċedura kompetittiva hija wkoll inerenti f’tali sitwazzjoni għall-kandidati kollha li jipparteċipaw.

62      F’dan il-kuntest, il-fatt li l-kollegi tar-rikorrenti ma fehmux ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni ma kinitx lestiet il-proċeduri sabiex jinħatar l-Ombudsman fil-ħin ma huwiex, jekk dan jitqies li huwa stabbilit, ta’ natura li jippreġudika lir-rikorrenti.

63      Minn dan isegwi li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-parti l-kbira tat-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal15 ta’ Ġunju 2016 li tinnomina lil W bħala Ombudsman tal-Kummissjoni u n-nota tas16 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-Kummissjoni informat lil M. Janssen-Cases bir-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni għal din il-pożizzjoni huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Van der Woude

Gratsias

Labucka

Dittrich

 

      Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.