Language of document : ECLI:EU:C:2018:474

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-20 ta' Ġunju 2018(1)

Kawża C256/17

Sandd BV

vs

Autoriteit Consument en Markt

fil-preżenza ta’:

Koninklijke PostNL BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi— Servizzi postali — Fornitur ta’ servizz universali — Prinċipji għal tariffi u trasparenza tal-kontijiet — Obbligu għall-fornitur ta’ servizz universali biex iżomm kontijiet separati għal kull wieħed mis-servizzi li jiffurmaw parti mill-obbligu tas-servizz universali — Tariffi postali orjentati lejn l-ispiża — Qligħ raġonevoli)






1.        Liema livell jew tip ta’ kontroll fuq il-fornituri ta’ servizz postali universali huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni Ewropea? Dawn huma sostanzjalment id-domandi li tagħmel ir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

2.        Livell ta’ kontroll pjuttost baxx huwa rrakkomandat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. Livell għoli ta’ kontroll huwa, għall-kuntrarju, sostnut mill-Gvern Pollakk. Il-Gvern Spanjol u dak Taljan jidhru li jinsabu x’imkien fin-nofs bit-tweġibiet tagħhom. Dawn il-gvernijiet kollha jibbażaw is-sottomissjonijiet tagħhom fuq il-kliem tad-Direttiva 97/67/KE dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (2).

3.        Ikkunsidrati minn perspettiva nazzjonali, kollha għandhom raġun.

4.        Hija s-sottomissjoni tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet li r-rekwiżiti imposti fuq l-Istati Membri bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni jiddependu intrinsikament fuq il-forma u l-firxa tal-obbligu tas-servizz universali magħżul minn kull Stat Membru. Barra minn hekk, fl-abbozzar tad-Direttiva 97/67 u d-diversi emendi tagħha, il-leġiżlatura tal-Unjoni ħalliet apposta ċerti aspetti li jikkonċernaw il-forniment ta’ servizzi postali mhux armonizzati minħabba l-ispeċifiċitajiet nazzjonali prevalenti.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Id-Direttiva 97/67 ġiet adottata bil-għan li progressivament is-suq għas-servizzi postali jinfetaħ għall-kompetizzjoni. Din ġiet emendata sostanzjalment f’żewġ okkażjonijiet, bid-Direttiva 2002/39/KE (3) u bid-Direttiva 2008/6/KE (4).

1.      Id-Direttiva 97/67 (kif emendata)

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67 jipprovdi għall-istabbiliment tas-servizz postali universali:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi il-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

[...]

4.      Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

–        l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa żewġ kilogrammi,

–        l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

–        servizzi għall-oġġetti reġistrati u oġġetti assigurati.

–        [...]”

7.        L-Artikolu 7 jirrigwarda l-finanzjament tas-servizzi universali u jgħid:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi universali billi jakkwistaw dawn is-servizzi skond ir-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż, [...] il-proċeduri kompetittivi ta’ djalogu jew dawk innegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt jew mingħajrha.

3.      Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta’ servizz universali, kif previsti minn din id-Direttiva, jinvolvu spiża netta, [...] u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali huwa jista’ jintroduċi:

(a)      mekkaniżmu maħsub biex jikkumpensa lill-impriża/i konċernata/i mill-fondi pubbliċi; jew

(b)      mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew l-utenti.

4.      Jekk l-ispiża netta tinqasam skond il-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond ta’ kumpens [...] .

[...]”

8.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 jgħid dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħu passi biex jiżguraw li t-tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill- forniment ta’ servizz universali jkunu jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

–        il-prezzijiet għandhom ikunu jistgħu tali li l-utenti jistgħu jifilħuhom, u għandhom ikunu tali li l-utenti kollha jkollhom aċċess għas-servizzi provduti, irrispettivament mis-sitwazzjoni ġeografika, u fid-dawl ta’ kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi. L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu il-forniment ta’ servizz postali mingħajr ħlas għall-użu minn persuni għomja jew b’vista mnaqqsa,

–        il-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispiża u jagħtu inċentivi għal forniment effiċjenti ta’ servizz universali. Kull meta jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati ma’ l-interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi għandha tkun applikata għat-territorju nazzjonali kollu tagħhom u/jew transkonfini għal servizzi pprovduti b’tariffa bil-biċċa u għal oġġetti postali oħra,

–        l-applikazzjoni ta’ tariffa uniformi ma għandhiex teskludi d-dritt ta’ fornitur (i) ta’ servizz universali li jikkonkludi/u ftehim individwali dwar prezzijiet ma’ l-utenti,

–        it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u non-diskriminatorji.

–        kull fejn il-fornituri tas-servizz universali japplikaw tariffi speċjali, per eżempju għal servizzi għal negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa jew konsolidaturi ta’ posta minn utenti differenti, huma għandhom japplikaw il-prinċipji tat-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni rigward it-tariffi u l-kondizzjonijiet assoċjati. [...]”

9.        L-Artikolu 14 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kontabilità tal-fornituri ta’ servizz universali ssir skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.      Il-fornitur(i) ta’ servizz universali għandu/hom iżomm/u kontabilità separata fis-sistemi ta’ kontabilità interni tagħhom sabiex jiddistingwu b’mod ċar bejn kull wieħed mis-servizzi u l-prodotti li jkunu parti mis-servizz universali u dawk li ma jkunux. Din il-kontabilità separata għandha tintuża bħala kontribut meta l-Istati Membri jikkalkolaw l-ispiża netta tas-servizz universali. Dawk is-sistemi ta’ kontabilità internagħandhom jitħaddmu fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż applikati koerentement u ġustifikati oġġettivament.

3.      Is-sistemi ta’ kontabilità msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jallokaw l-ispejjeż kif ġej:

(a)      spejjeż li jistgħu jiġu direttament assenjati għal servizz jew prodott partikolari għandhom jiġu assenjati b’dan il-mod;

(b)      spejjeż komuni, jiġifieri spejjeż li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal servizz jew prodott partikolari, għandhom jiġu allokati kif ġej:

(i)      kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ analiżi diretta ta’ l-oriġini ta’ l-ispejjeż infushom;

(ii)      meta ma tkunx possibbli analiżi diretta, għandhom jiġu allokati kategoriji ta’ spejjeż komuni fuq il-bażi ta’ rbit indirett ma’ kategorija oħra ta’ spejjeż jew grupp ta’ kategoriji ta’ spejjeż li għalihom hija possibbli assenjazzjoni jew allokazzjoni diretta; ir-rabta indiretta għandha tkun ibbażata fuq strutturi ta’ spejjeż komparabbli;

(iii)      meta la l-miżuri diretti u l-anqas dawk indiretti ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż ma jinstabu, il-kategorija ta’ l-ispejjeż għandha tiġi allokata fuq il-bażi ta’ allokatur ġenerali kkalkolat bl-użu tal-proporzjon ta’ l-ispejjeż kollha assenjati jew allokati direttament jew indirettament, minn naħa waħda, lil kull wieħed mis-servizzi universali u, minn naħa l-oħra, lis-servizzi l-oħra.

(iv)      l-ispejjeż komuni, li huma meħtieġa għall-forniment ta’ kemm is-servizzi universali kif ukoll is-servizzi mhux universali, għandhom jiġu allokati b’mod xieraq; għandhom japplikaw l-istess determinanti ta’ l-ispejjeż kemm għas-servizzi universali kif ukoll għal dawk mhux universali.

4.      Sistemi oħra ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż jistgħu jiġu applikati biss jekk ikunu kompatibbli mal-paragrafu 2 u jkunu ġew approvati mill-awtorità nazzjonali regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minn qabel bl-applikazzjoni tagħhom.

5.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li l-konformità ma’ waħda mis-sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż deskritti fil-paragrafi 3 jew 4 tiġi vverifikata minn korp kompetenti li jkun indipendenti mill-fornitur ta’ servizz universali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dikjarazzjoni dwar il-konformità tiġi ppubblikata perjodikament.

[...]

7.      Fuq talba, it-tagħrif dettaljat tal-kontabilità li jirriżulta minn dawn is-sistemi għandu jsir disponibbli b’mod kunfidenzjali lill-awtorità nazzjonali regolatorja u lill-Kummissjon.

8.      Meta Stat Membru ma jkunx għamel użu minn mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-provvista tas-servizz universali, kif permess mill-Artikolu 7, u meta l-awtorità nazzjonali regolatorja tkun sodisfatta li ebda wieħed mill-fornituri nominati tas-servizz universali f’dak l-Istat Membru ma jkun irċieva għajnuna mill-Istat, moħbija jew xort’oħra, u li l-kompetizzjoni fis-suq hija totalment effettiva, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

[...]”.

10.      L-Artikolu 22(3) jipprovdi, inter alia, li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi effikaċi fil-livell nazzjonali li permezz tagħhom kwalunkwe utent jew fornitur ta’ servizz postali li jkun affetwat minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonalijkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ l-appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti [...]”.

11.      L-Anness I tad-Direttiva 97/67 jagħti gwida fuq il-kalkolu tal-ispiża netta, jekk ikun hemm, tas-servizz universali. Dan jgħid, inter alia, li l-kalkolu tal-ispiża netta għandha tikkunsidra “kull element rilevanti ieħor, inkluż kwalunkwe benefiċċju intanġibbli u tas-suq li jkunu dovuti għal fornitur innominat ta’ servizz postali biex jipprovdi servizz universali, id-dritt għal qligħ raġonevoli u inċentivi għal effiċjenza fl-infiq”.

2.      Id-Direttiva 2008/6

12.      Il-preambolu tad-Direttiva 2008/6 jgħid, inter alia, li:

“(38)      F’ambjent ta’ kompetizzjoni totali, huwa importanti, kemm għall-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz universali kif ukoll biex jiġi limitat ix-xkiel għas-suq, li t-tbegħid mill-prinċipju li l-prezzijiet jirriflettu l-kondizzjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali normali jseħħ biss sabiex jiġu protetti l-interessi pubbliċi. [...]

[...]

(40)      Fid-dawl ta’ l-ispeċifiċitajiet nazzjonali involuti fir-regolamentazzjoni tal-kondizzjonijiet li fihom il-fornitur ta’ servizz universali responsabbli għandu jopera f’ambjent totalment kompetittiv, jixraq li l-Istati Membri jitħallew liberi li jiddeċiedu l-aħjar mod kif jimmonitorjaw il-sussidji reċiproċi.

(41)      Fid-dawl tat-transizzjoni lejn suq totalment kompetittiv, u sabiex is-sussidji reċiproċi ma jitħallewx jaffetwaw il-kompetizzjoni b’mod negattiv, jixraq li l-Istati Membri jkomplu jkunu meħtieġa li jżommu l-obbligu li l-fornituri ta’ servizz universali jżommu kontijiet separati u trasparenti, soġġetti għall-adattamenti meħtieġa.

Dan l-obbligu għandu jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet relatati mas-servizz universali u għall-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet tas-suq ġusti sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex ikomplu jiżviluppaw punti ta’ referenza u linji gwida f’dan il-qasam, għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni armonizzata ta’ dawn ir-regoli.

L-obbligu ta’ kontabbiltà separata u trasparenti għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom b’informazzjoni ta’ kontabbiltà suffiċjentement dettaljata biex:

–        jiġu adottati deċiżjonijiet relatati mas-servizz universali;

–        tintuża bħala tagħrif meta jiġi determinat jekk l-obbligi tas-servizz universali imposti jinvolvux spiża netta u jirrappreżentawx piż finanzjarju inġust għall-fornitur ta’ servizz universali;

–        jiġi żgurat li t-tariffi applikati għas-servizz universali jkunu konformi mal-prinċipji tat-tariffi stabbiliti f’din id-Direttiva;

–        tiġi żgurata konformità mal-prinċipji dwar it-tariffi terminali kif stabbiliti f’din id-Direttiva; u

–        isir monitoraġġ ta’ kondizzjonijiet ġusti tas-suq sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva.”

B.      Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

1.      Postwet 2009

13.      L-Artikolu 22 tal-Postwet 2009 (l-Att Postali tal-Pajjiżi l-Baxxi) jeżiġi li l-fornitur tas-servizz postali universali jistabbilixxi sistema ta’ kontijiet distinti bejn l-ispejjeż u d-dħul tas-servizz postali universali u l-ispejjeż u d-dħul ta’ attivitajiet oħra. Tali informazzjoni tal-kontabbiltà għandha, ukoll, tkun disponibbli għall-Autoriteit Consument en Markt (l-Awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-Konsumaturi u s-Swieq; iktar 'il quddiem l-“ACM”).

14.      L-Artikolu 23(1) jobbliga lill-fornitur tas-servizz postali universali li jipprovdi lill-ACM rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tas-servizz postali universali. Dak ir-rapport għandu jinkludi kemm informazzjoni dwar il-kwalità tas-servizzi pprovduti kif ukoll ħarsa ġenerali tal-ispejjeż u d-dħul tas-servizz postali universali.

15.      L-Artikolu 25(2) jipprovdi wkoll li t-tariffi postali għandhom ikunu bbażati “fuq l-ispejjeż reali tas-servizz postali universali u qligħ raġonevoli”.

16.      Skont l-Artikolu 25(3), l-awtorità regolatorja għandha tikkalkula kull sena l-marġni tariffarju li jgawdi l-fornitur tas-servizz postali universali.

17.      L-Artikolu 25(5) jipprovdi li l-Ministru kompetenti jista’, għal kwalunkwe sena, permezz ta’ ordni ministerjali jistabbilixxi l-marġni tariffarju fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ad hoc fejn dan jitqies meħtieġ sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li t-tariffi għandhom ikunu bbażati fuq l-ispejjeż.

2.      Postregeling 2009

18.      Il-Postregeling 2009 (Regolament Postali tal-2009) huwa regolament ministerjali li fih hemm stabbiliti kriterji ddettaljati tas-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż ta’ fornituri ta’ servizz universali fis-settur postali.

19.      B’mod partikolari, ir-Regolament Postali tal-2009 jipprovdi standards għas-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż u, b’mod iddettaljat, id-diversi tipi ta’ spejjeż li għandhom jiġu attribwiti għas-servizz postali universali (Artikoli 7 u 8). Barra minn hekk, huwa jipprovdi kif jiġi stabbilit il-marġni tariffarju dwar l-obbligu tas-servizz universali (Artikoli 14 sa 14d).

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

20.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Sandd BV (iktar 'il quddiem “Sandd”), u Koninklijke PostNL BV (iktar 'il quddiem “PostNL”) huma t-tnejn attivi fis-settur postali kummerċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, PostNL hija maħtura bħala l-fornitur ta’ servizzi postali universali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

21.      Fil-25 ta’ Awwissu 2015, PostNL ppreżentat lill-ACM is-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż assoċjata mal-obbligu tas-servizz universali tagħha.

22.      F’deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2015, l-ACM, wara li ddeterminat li s-sistema ta’ kontabbilità tal-ispejjeż ta’ PostNL kienet tikkonforma mal-Artikoli 7 sa 7d tar-Regolament Postali tal-2009, iffissat il-marġni tariffarju għas-servizzi universali pprovduti minn PostNL, kif stabbilit fl-Artikoli 14 sa 14e Regolament Postali tal-2009. Sandd qajmet oġġezzjoni kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-marġni tariffarju bażiku, il-marġni tariffarju supplimentari u l-marġni tariffarju totali.

23.      Fl-14 ta’ Ġunju 2016, l-ACM iddikjarat li l-ilment ta’ Sandd kien infondat. Din tal-aħħar imbagħad ippreżentat appell mid-deċiżjoni tal-ACM quddiem il-qorti tar-rinviju.

24.      Sandd sostniet fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju li l-ACM kienet aċċettat b’mod żbaljat in-nuqqas ta’ separazzjoni tal-kontabbiltà fi ħdan is-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż ta’ PostNL bejn id-diversi servizzi fi ħdan is-servizzi postali universali għaliex kien kontra l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 97/67. Sandd sostniet ukoll li, fid-determinazzjoni tal-marġni tariffarju, l-ACM kienet offriet b’mod żbaljat lil PostNL marġni għat-teħid ta’ medja tat-tariffi għad-diversi servizzi. Dak il-marġni ma kellux jiġi offrut billi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 (kif ukoll id-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti) jistabbilixxu r-rekwiżit li d-diversi servizzi postali kollha għandhom ikunu bbażati fuq l-ispiża. Barra minn hekk, Sandd sostniet li fid-determinazzjoni tal-marġni tariffarju, l-ACM kienet, b’mod żbaljat, ħadet bħala l-punt tat-tluq tagħha qligħ legali fiss ta’ 11.11 %, li kien kontra l-premessa tad-Direttiva 97/67 li s-servizz universali għandu jkun orjentat lejn l-ispiża.

25.      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, ir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 14(2) tad-[Direttiva 97/67], kif emendata bid-[Direttiva 2008/6] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali [ta’ implementazzjoni] għandha tipprevedi li, fil-kontabbiltà interna tagħhom, il-fornituri tas-servizz postali universali għandhom iżommu kontabbiltà separata għal kull wieħed mis-servizzi u mill-prodotti li jaqgħu taħt dan is-servizz sabiex l-awtorità regolatorja tkun tista’ tagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, kull wieħed minn dawn is-servizzi u prodotti u, min-naħa l-oħra, is-servizzi u l-prodotti li ma jaqgħux taħt dan is-servizz, jew inkella din id-dispożizzjoni tirrikjedi unikament li l-kontabbiltà tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, is-servizzi u l-prodotti li jaqgħu taħt is-servizz postali universali u, min-naħa l-oħra, dawk li ma jaqgħux taħt dan is-servizz?

(2)      L-Artikolu 12, fil-parti inizjali u fit-tieni inċiż, tad-[Direttiva 97/67], kif emendata bid-[Direttiva 2008/6] għandu jiġu interpretat fis-sens li kull servizz distint li jagħmel parti mis-servizz postali universali għandu jkun orjentat lejn l-ispejjeż?

(3)      L-Artikolu 12, fil-parti inizjali u fit-tieni inċiż, tad-[Direttiva 97/67], kif emendata bid-[Direttiva 2008/6], li jeżiġi li l-prezzijiet ikunu orjentati lejn l-ispejjeż u jagħtu inċentivi għal provvista effiċjenti tas-servizz postali universali, jipprekludi l-applikazzjoni, għal żmien indeterminat, ta’ perċentwali fiss ta’ qligħ li għandu l-effett li jżid l-ispejjeż tas-servizz postali universali [b’teħid inkunsiderazzjoni] [...] tal-marġni tariffarju?”

26.      L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn Sandd, PostNL, il-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Gvern Spanjol, Taljan u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni. Sandd, PostNL, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tal-11 ta’ April 2018.

III. Analiżi

27.      Id-Direttiva 97/67 ilha iktar minn għaxar snin mindu ġiet emendata l-aħħar bħala pass ieħor lejn il-liberalizzazzjoni tas-swieq postali fl-Unjoni Ewropea. Minn dakinhar, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tinterpreta dik id-direttiva fi ftit kawżi biss u qatt ma ntalbet tinterpreta l-Artikoli 12 jew 14 tad-Direttiva 97/67.

28.      It-tilwima preżenti, apparentement, ġiet ikkawżata minn biża’ min-naħa ta’ Sandd li PostNL tista’ tkun qed tissussidja xi wħud mis-servizzi tagħha li huma suġġetti għal kompetizzjoni bi qligħ miksub permezz tal-forniment ta’ servizz postali universali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Sandd u PostNL huma kompetituri diretti fil-provvista ta’ servizzi postali kummerċjali mhux kritiċi fil-ħin fil-Pajjiżi l-Baxxi u ż-żewġ kumpanniji għandhom netwerk ta’ kunsinna nazzjonali.

29.      Kif issottomettiet Sandd fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ispiża ta’ bolli standard maħruġa minn PostNL fil-qafas tal-obbligu tas-servizz universali ta’ din tal-aħħar żdiedet kontinwament matul l-aħħar snin minn EUR 0.44 fl-2010 għal EUR 0.78 fis-sena 2017. Madankollu, il-prezzijiet ta’ PostNL għal oġġett postali kummerċjali standard mhux kritiku fil-ħin baqgħu stabbli matul l-istess perijodu, u baqgħu taħt EUR 0.40. Sandd targumenta li din id-diverġenza fl-ipprezzar tista’ tiġi spjegata biss b’kalkolu selettiv jew mhux eżatt minn PostNL. B’hekk din timplika li PostNL tuża sussidji mis-settur tas-servizz universali sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħha fil-ksib ta’ klijenti kummerċjali. Sabiex tipprova tipprova dawn is-suspetti, Sandd issostni li għandha tingħata informazzjoni tal-kontabbiltà iktar iddettaljata lill-awtorità regolatorja nazzjonali minn PostNL. Rekwiżit li Sandd tislet mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/67. Sandd targumenta wkoll li tali sussidji jistgħu jiġu evitati għalkollox jekk il-prezzijiet għal kull servizz jew prodott offrut minn PostNL kienu orjentati lejn l-ispiża; rekwiżit impost mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.

30.      Ma’ daqqa’ ta’ għajn superfiċjali, l-argumenti ta’ Sandd jistgħu jidhru konvinċenti. Jew fi kliem ieħor, kif tista’ iktar informazzjoni ddettaljata dwar il-kontabbiltà u orjentazzjoni lejn l-ispiża iktar stretta pjuttost milli inqas tmur kontra t-tranżizzjoni mmonitorjata lejn suq kompletament kompetittiv previst mid-Direttiva 97/67? Madankollu, hija l-fehma tiegħi li l-argumenti ta’ Sandd ma jreġux meta jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-prinċipji ekonomiċi u l-għanijiet sottostanti l-arkitettura tas-servizz postali universali kif stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

31.      F’dan li ġej, jiena ser nippreżenta l-ewwel il-prinċipji u l-għanijiet li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 97/67 filwaqt li niddeskrivi wkoll il-limiti tas-suq intern għas-servizzi postali fl-Unjoni Ewropea. Imbagħad ser nittratta t-tliet domandi magħmula.

A.      Il-prinċipji u għanijiet li huma l-bażi tad-Direttiva 97/67

32.      F’Lulju 1995 il-Kummissjoni pproponiet għall-ewwel darba miżuri li jintroduċu regoli komuni għall-iżvilupp tas-settur postali u t-titjib tal-kwalità tas-servizz, kif ukoll il-ftuħ gradwali tas-swieq postali nazzjonali għall-kompetizzjoni b’mod ikkontrollat. Il-bażi tal-proposta kienet li tissalvagwardja s-servizz postali bħala servizz universali fit-tul. Dan kien biex jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għal servizzi postali ta’ ċertu kwalità bi prezzijiet aċċessibbli, anki f’żoni rurali jew b’popolazzjoni baxxa fejn it-tariffi ma jkoprux neċessarjament l-ispiża biex jiġi pprovdut is-servizz. Għal dik ir-raġuni l-idea kienet li jiġu rriżervati ċerti servizzi postali għall-fornitur tas-servizz universali li, għaldaqstant, ma kien jaffaċċja l-ebda kompetizzjoni f’dak is-settur. Il-ftuħ progressiv u gradwali tas-swieq postali f’dak is-sens ipprovda lill-fornituri tas-servizz universali bi żmien biżżejjed biex jimplimentaw il-miżuri meħtieġa ta’ modernizzazzjoni u ristrutturar filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw il-provvista tas-servizz universali taħt kundizzjonijiet finanzjarjament ibbilanċjati (5).

33.      Il-miżuri ġew adottati fil-forma tad-Direttiva 97/67 f’Diċembru 1997.

34.      Bħala l-pass li jmiss fil-ftuħ gradwali tas-swieq postali nazzjonali, id-Direttiva 2002/39 kienet tillimita iktar is-servizzi li setgħu jiġu rriżervati għall-fornitur tas-servizz universali u speċifikament introduċiet ukoll projbizzjoni fuq sussidji trażversali mis-settur irriżervat għas-settur mhux irriżervat.

35.      Fl-2006, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal tielet direttiva postali li iktar tard għaddiet bħala d-Direttiva 2008/6. Id-direttiva l-ġdida neħħiet kull servizz irriżervat u fetħet is-suq postali kollu (inklużi s-servizzi li għandhom jiġu koperti b’obbligu ta’ servizz universali) għall-kompetizzjoni. Madankollu peress li rrikonoxxiet l-ħtieġa li jiġu żgurati servizzi postali għal kulħadd bi prezzijiet aċċessibbli irrispettivament mill-profitabbiltà ekonomika għall-fornitur tas-servizz, l-obbligu tas-servizz universali nżamm. Peress li l-finanzjament ta’ dak l-obbligu ma kienx iktar possibbli permezz tas-servizzi rriżervati, saret dispożizzjoni fid-Direttiva 2008/6 għal modi oħra ta’ finanzjament ta’ servizzi universali f’dak li issa huwa l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, kif emendat.

36.      L-obbligu tas-servizz universali, kif inhu attwalment iddefinit mid-Direttiva 97/67, jinkludi l-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata ġewwa t-territorji tal-Istati Membri bi prezzijiet aċċessibbli għal oġġetti postali sa 2 kilogrammi u pakketti postali sa 10 kilogrammi, kif ukoll servizzi għall-oġġetti rreġistrati u oġġetti assigurati. Is-servizzi postali universali jinkludu wkoll il-provvista ta’ punti ta’ kuntatt u punti ta’ aċċess skont il-ħtiġijiet tal-utenti. Is-servizzi postali, b’mod partikolari l-ikklerjar u l-kunsinna, għandhom ikunu ggarantiti mhux inqas minn ħamest ijiem tax-xogħol fil-ġimgħa, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (6). Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-provvista b’xejn ta’ servizzi postali għal persuni għomja u b’vista mnaqqsa (7) jew rekwiżiti addizzjonali oħra għall-obbligu tas-servizz universali.

37.      Minħabba d-differenzi fil-kundizzjonijiet ġeografiċi, infrastrutturali u tas-suq bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar huma, sa ċertu punt, meħtieġa biex jispeċifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tas-servizz universali. Id-Direttiva 97/67 tipprovdi biss livell minimu ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti (8). L-Istati Membri jistgħu għalhekk jagħżlu li jtejbu l-obbligu tas-servizz universali; pereżempju, billi jżidu jum addizzjonali għall-kunsinni kull ġimgħa (9).

38.      Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jadottaw mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-provvista ta’ servizzi universali jew minn diversi għażliet ipprovduti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67 (10) jew inkella jagħżlu “kwalunkwe mezz ieħor” kompatibbli mat-Trattat (11), b’hekk jippermetti lill-Istati Membri jadattaw il-finanzjament tas-servizz postali universali għall-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti fit-territorju tagħhom.

39.      Fl-għażla tal-finanzjament tal-obbligu tas-servizz universali, l-Istati Membri għandhom iqisu medda ta’ kunsiderazzjonijiet. Mhux biss il-prerekwiżiti tas-servizz universali jiddependu ħafna minn fatturi speċifiċi għall-pajjiż bħall-ġeografija, id-densità tal-popolazzjoni u l-infrastruttura, id-Direttiva 97/67 barra minn hekk teżiġi li l-provvista tas-servizz universali tkun kost effiċjenti (12). Fit-twaqqif tal-obbligu tas-servizz universali, l-Istati Membri għalhekk għandhom iqisu l-bżonn li jipprovdu inċentivi għal effiċjenza ekonomika mar-rekwiżit li jiggarantixxu l-provvista ta’ servizzi universali, b’mod partikolari billi jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex ikun jista’ jaħdem f’kundizzjonijiet ibbilanċjati finanzjarjament (13).

40.      Għalkemm is-sussidju ta’ partijiet li ma jħallux profitt tas-servizz universali permezz ta’ settur irriżervat ġie abolit bid-Direttiva 2008/6, is-sussidji trażversali jibqgħu waħda mill-forom ewlenin ta’ finanzjament tal-obbligu tas-servizz universali fl-Istati Membri. Għalhekk il-fornituri tas-servizz universali jissussidjaw trażversalment partijiet li ma jħallux profitt tal-obbligu tas-servizz universali — bħal servizzi postali f’żoni b’popolazzjoni baxxa — permezz ta’ partijiet tal-obbligu tas-servizz universali li jħallu iktar profitt, li normalment jinstabu f’żoni b’popolazzjoni aktar għolja.

41.      Meta ma tarmonizzax il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż u lanqas il-finanzjament tal-obbligu tas-servizz universali f’suq kompletament kompetittiv, id-Direttiva 97/67 teħtieġ li jittieħdu għażliet ta’ politika importanti mill-Istati Membri. Il-leġiżlatura tal-Unjoni għaldaqstant tirrikonoxxi d-differenzi persistenti bejn id-diversi swieq postali nazzjonali.

42.      Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista ta’ servizz universali kif previst fid-Direttiva 97/67, kemm fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li fihom jingħataw is-servizzi universali u fil-finanzjament tas-servizz universali, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (14). Għall-kuntrarju ta’ dak implikat fis-sottomissjonijiet ta’ PostNL, dawn il-prinċipji ma jipprovdux biss gwida mhux vinkolanti, imma għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri meta jimmonitorjaw fornitur ta’ servizz universali. Dan terġa’ huwa iktar importanti peress li f’ħafna Stati Membri l-fornitur tas-servizz universali huwa l-operatur postali eżistenti, ħafna drabi proprjetà tal-Istat.

43.      Barra minn hekk, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri fit-twaqqif tas-servizz universali fit-territorju nazzjonali tagħhom hija mnaqqsa iktar bl-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari bir-regoli tiegħu dwar il-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (15). Fornitur ta’ servizz universali li jikser regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni jkun suġġett għal sanzjonijiet taħt id-dritt tal-Unjoni (16), indipendentement mill-arranġament magħżul għall-provvista ta’ servizzi universali mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jiżguraw li l-fornituri ta’ servizz universali ma jiksbux vantaġġi indebiti meta mqabbla mal-kompetituri (17).

44.      Fid-dawk tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar 'il fuq, issa ser nittratta d-domandi preliminari.

B.      L-ewwel domanda preliminari: rekwiżiti ta’ kontabbiltà li jirriżultaw mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/67

45.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi kemm għandha tkun iddettaljata l-kontabbiltà interna tal-fornitur ta’ servizz universali; jew b’mod iktar speċifiku, jekk id-Direttiva 97/67 teżiġix jew le li l-Istati Membri jimponu fuq fornituri ta’ servizz universali l-obbligu li jinżammu kontijiet separati għal kull servizz jew prodott individwali fis-servizz universali.

46.      Sandd tallega li d-differenza fil-prezzijiet bejn il-bolli maħruġa minn PostNL bħala parti mill-obbligu ta’ servizz universali tagħha u t-tariffa għal kull biċċa tas-servizzi kummerċjali ta’ din tal-aħħar tista’ tiġi spjegata biss b’kalkolu selettiv jew mhux preċiż tal-ispejjeż minn PostNL. Wara ċ-ċaħda tal-awtorità regolatorja tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-ilment ta’ Sandd f’dan is-sens, Sandd tidher li tissuġġerixxi fil-proċeduri prinċipali li l-kontabbiltà ta’ PostNL ma hijiex iddettaljata biżżejjed biex l-awtorità regolatorja nazzjonali tevalwa b’mod korrett l-allokazzjoni tal-ispiża ta’ PostNL bejn is-servizz universali u s-servizz mhux universali, billi l-fornitur tas-servizz universali jikkalkula biss l-ispejjeż ġenerali mġarrba mill-obbligu tas-servizz universali min-naħa, u l-ispejjeż ġenerali mġarrba minn attivitajiet kummerċjali min-naħa l-oħra. Sandd issostni li din il-prattika tal-kontabbiltà tikser l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/67 li jirrikjedi li fornituri ta’ servizz universali “iżomm/u kontabilità separata fis-sistemi ta’ kontabilità interni tagħhom sabiex jiddistingwu b’mod ċar bejn kull wieħed mis-servizzi u l-prodotti li jkunu parti mis-servizz universali u dawk li ma jkunux”.

47.      Sandd tifhem li dan ifisser li l-ispejjeż għal kull servizz jew prodott individwali għandhom jintwerew separatament fil-kontijiet interni tal-fornitur tas-servizz universali. Madankollu, PostNL issostni li jirriżulta mill-għanijiet, il-kuntest u l-oriġini tal-Artikolu 14 li l-ebda rekwiżit bħal dan ma jinstab f’dik id-dispożizzjoni.

48.      Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjoni inkwistjoni hija kemxejn ambigwa f’dan ir-rigward. Il-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 14 tirreferi għal “each of the services and products which are part of the universal service”. “Each” [kull] f’dan il-kuntest jista’ jinftiehem li jfisser jew “kull individwu” imma wkoll “kull wieħed” jew “kollha”. Din l-ambigwità ma tistax tissolva billi wieħed jirrikorri għal verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva 97/67. Filwaqt li xi lingwi jirriproduċu ekwivalenti ta’ “kull”, oħrajn jirreferu għal “is-servizzi u l-prodotti kollha” jew sempliċement jirreferu għal “minn naħa waħda, is-servizzi u prodotti li huma parti mis-servizz universali u, min-naħa l-oħra, is-servizzi u prodotti li ma humiex”, u b'hekk ma huwiex speċifikat iktar jekk is-separazzjoni tal-kontabbiltà għandhiex issir bejn kull servizz jew prodott individwali tas-servizz universali jew, pjuttost, bejn is-servizzi u l-prodotti tas-servizz universali inġenerali u servizzi u prodotti oħra offruti mill-fornitur tas-servizz universali.

49.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem użat f’verżjoni lingwistika waħda ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni ma jistax iservi bħala l-bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, jew inkella jservi biex tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra f’dak ir-rigward. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet li jeżistu fil-lingwi kollha tal-Unjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, fejn hemm diverġenza bejn żewġ verżjonijiet lingwistiċi ta’ test legali tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’riferiment għall-iskop u l-iskema ġenerali tar-regoli li hija tifforma parti minnhom (18).

50.      L-Artikolu 14 fil-forma attwali tiegħu seħħ permezz tad-Direttiva 2008/6 meta s-servizzi rriżervati kienu aboliti u ġew introdotti mekkaniżmi ġodda għall-finanzjament tal-obbligu tas-servizz universali. Id-dispożizzjoni tistabbilixxi ċerti rekwiżiti għall-kontabbiltà interna tal-fornituri tas-servizz universali.

51.      Minbarra li jobbliga lill-fornituri tas-servizz universali jżommu kontijiet separati għas-servizz universali u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, l-Artikolu 14 jipprovdi regoli dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż ikkawżati mis-servizz universali (19). Kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż għandhom jiġu assenjati direttament lil servizz jew prodott partikolari (20). Fejn dan mhux possibbli, l-ispejjeż għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ analiżi diretta tal-oriġini, rabta indiretta, jew allokatur ġenerali (21). L-ispejjeż komuni li huma meħtieġa għall-forniment kemm ta’ servizzi universali kif ukoll ta’ servizzi mhux universali għandhom jiġu allokati “b'mod xieraq” filwaqt li “għandhom japplikaw l-istess determinanti ta’ l-ispejjeż kemm għas-servizzi universali kif ukoll għal dawk mhux universali” (22).

52.      Fir-rigward tal-għan tad-dispożizzjoni, jirriżulta mit-tieni frażi tal-Artikolu 14(2) li l-informazzjoni tal-kontabbiltà meħtieġa mid-dispożizzjoni għandha tintuża “bħala kontribut meta l-Istati Membri jikkalkolaw l-ispiża netta tas-servizz universali”. L-Anness I tad-Direttiva 97/67 jipprovdi iktar gwida dwar il-kalkolu ta’ dik l-ispiża netta, “jekk ikun il-każ”. Għaldaqstant, il-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz universali għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti, inkluż “kwalunkwe benefiċċju intanġibbli u tas-suq” li jakkumula għall-fornitur tas-servizz universali (23). L-Anness I għalhekk jiċċara li l-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz universali ma huwiex sempliċi eżerċizzju ta’ kontabbiltà, imma pjuttost li hija meħtieġa evalwazzjoni globali tas-suq postali.

53.      Barra minn hekk, l-obbligu li jinżammu kontijiet separati fl-Artikolu 14 huwa maħsub “sabiex is-sussidji reċiproċi ma jitħallewx jaffetwaw il-kompetizzjoni b’mod negattiv” (24). L-informazzjoni dwar il-kontabbiltà hija sabiex tgħin lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom (i) jadottaw deċiżjonijiet relatati mas-servizz universali; (ii) jiddeterminaw jekk l-obbligi tas-servizz universali imposti jinvolvux spiża netta u jirrappreżentawx piż finanzjarju inġust għall-fornitur ta’ servizz universali; (iii) jiżguraw li t-tariffi applikati għas-servizz universali jkunu konformi mal-prinċipji dwar it-tariffi kif stabbiliti bid-Direttiva 2008/6; (iv) jiżguraw konformità mal-prinċipji dwar it-tariffi terminali kif stabbiliti fid-Direttiva 2008/6; u (v) jagħmlu monitoraġġ ta’ kundizzjonijiet ġusti tas-suq sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva (25).

54.      Dawk il-miżuri kollha jgħinu biex jintlaħaq għan ewlieni wieħed: it-tranżizzjoni lejn suq postali kompletament kompetittiv. Peress li s-swieq postali fl-Istati Membri ġew iffurmati tradizzjonalment minn monopolji, dik it-tranżizzjoni għandha sseħħ kemm b’mod gradwali kif ukoll taħt superviżjoni (26).

55.      F’monitoraġġ tat-tranżizzjoni lejn suq kompletament kompetittiv, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom għandhom rwol ċentrali (27). Id-Direttiva 97/67 sempliċement tikkostitwixxi qafas ta’ prinċipji ġenerali adottati fuq il-livell tal-Unjoni, bid-determinazzjoni tal-proċeduri eżatti taqa’ fuq l-Istati Membri, li għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu s-sistema l-iktar adattata għaċ-ċirkustanzi tagħhom (28). U ċ-ċirkustanzi fost l-Istati Membri jvarjaw.

56.      Pereżempju, l-ispiża netta tas-servizz universali tvarja b’mod kunsiderevoli fost l-Istati Membri (29). Dan huwa minħabba kundizzjonijiet tas-suq differenti kif ukoll għażliet ta’ politika prevalenti fl-Istati Membri. Pereżempju, l-ispiża netta tas-servizz universali tista’ tkun żero fejn il-benefiċċji (tanġibbli jew intanġibbli) li jirriżultaw mill-għoti tal-obbligu tas-servizz universali jistgħu jkunu ikbar mill-ispiża. Għalkemm il-fornitur tas-servizz universali jkun taħt l-obbligu li jipprovdi servizzi postali wkoll f’żoni ta’ spiża għolja, hemm ċerti benefiċċji tan-netwerk li tkun l-uniku fornitur li toffri servizzi postali fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, u mill-inqas ħamest ijiem fil-ġimgħa (30). F’pajjiżi li għandhom infrastruttura tajba, territorju faċilment aċċessibbli u li għandhom popolazzjoni għolja ħafna (bħall-Pajjiżi l-Baxxi), dawn il-benefiċċji tan-netwerk jistgħu jisbqu l-ispiża tal-provvista ta’ servizzi u prodotti anki f’żoni li jħallu inqas profitt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tinġema’ l-ebda spiża netta għall-fornitur ta’ servizz universali u, kif ġie rrilevat mill-Gvern Taljan, kwalunkwe rekwiżit ta’ kontabbiltà stretta żżejjed iżżid biss piż ekonomiku fuq il-fornitur tas-servizz universali mingħajr ma jipprovdi l-ebda benefiċċju. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-osservanza tiegħu hija espliċitament meħtieġa mid-Direttiva 97/67, u kontra l-għan tad-direttiva li jiġu pprovduti b’mod kost effiċjenti l-obbligi tas-servizz universali (31).

57.      Madankollu, fi Stati Membri fejn, minħabba kundizzjonijiet tas-suq, l-ispiża netta tal-obbligu tas-servizz universali hija pjuttost għolja u hija, barra minn hekk, iffinanzjata permezz ta’ fondi pubbliċi jew maqsuma bejn fornituri ta’ servizzi u/jew utenti postali, huma meħtieġa kontijiet ferm iktar iddettaljati sabiex l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk dawk il-kontribuzzjonijiet humiex użati għall-għan previst fid-Direttiva 97/67 (32).

58.      F’dak ir-rigward, id-Direttiva 97/67 hija verament strument ta’ armonizzazzjoni minima.

59.      Huwa għalhekk ukoll li l-obbligu ta’ fornituri ta’ servizz universali li jżommu kontijiet separati u trasparenti huwa suġġett għall-adattamenti meħtieġa (33).

60.      L-Artikolu 14(4) jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex japprovaw sistemi oħra tal-kontabbiltà tal-ispejjeż meta dawn tal-aħħar joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż applikati b’mod konsistenti u oġġettivament ġustifikabbli. Fid-dawl tal-preambolu tad-Direttiva 2008/6, dawk il-prinċipji jimplikaw il-provvista ta’ informazzjoni dwar il-kontabbiltà b’dettall suffiċjenti sabiex l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu jimmonitorjaw kif suppost it-tranżizzjoni lejn suq kompletament kompetittiv (34). L-eżistenza fis-suq ta' kompetitur wieħed jew iktar, fil-fehma tiegħi, turi l-fatt li s-suq huwa tassew diġà kompetittiv.

61.      Barra minn hekk, meta Stat Membru ma jkunx uża mekkaniżmu ta’ finanzjament u l-ebda għajnuna mill-Istat ma tingħata lill-fornitur tas-servizz universali, moħbija jew ta’ xorta oħra, id-Direttiva 97/67 saħansitra tħalli f’idejn l-awtorità regolatorja nazzjonali sabiex jitwarrbu kompletament kwalunkwe rekwiżiti tal-kontabbiltà fl-Artikolu 14 (35). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-monitoraġġ iddettaljat tal-kontabbiltà tal-fornitur ta’ servizz universali mill-awtorità regolatorja nazzjonali ma għadux iktar meħtieġ u minflok jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

62.      L-argument tal-Kummissjoni li informazzjoni tal-kontabbiltà ta’ dettall suffiċjenti hija possibbli biss b’kontabbiltà separata għal kull servizz jew prodott individwali huwa għalhekk simplifikazzjoni eċċessiva tal-kwistjoni u ma tistax tkun valida għas-servizz universali fl-Istati Membri kollha.

63.      Għalkemm il-premessa 29 tad-Direttiva 97/67 tobbliga lill-fornituri ta’ servizz universali li jdaħħlu fis-seħħ sistema ta’ kontabbiltà “li bihom l-ispejjeż ikunu jistgħu jiġu allokati għas-servizzi kemm jista’ jkun preċiżi”, għandu jitfakkar li dik il-verżjoni tad-direttiva xorta ppermettiet li l-Istati Membri jżommu settur irriżervat bħala mezz ta’ finanzjament tas-servizz universali. Wara l-emenda tal-2008, il-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tal-obbligu tal-kontabbiltà għall-fornituri tas-servizz universali jista’ jiġi ddeterminat biss mill-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom. Peress li l-Istati Membri issa jagħżlu l-finanzjament tas-servizz universali fuq il-bażi tar-rekwiżiti minimi previsti fid-Direttiva 97/67, huma għandhom jagħżlu wkoll l-eżattezza tas-sistema tal-kontabbiltà meħtieġa sabiex jiġi evitat kull piż ekonomiku mhux dovut fuq il-fornitur tas-servizz universali.

64.      Għalhekk jiena naqbel ma’ PostNL kif ukoll mal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, dak Taljan, u dak Spanjol li l-Istati Membri għandu jkollhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-livell ta’ dettall meħtieġ fil-kontijiet interni tal-fornitur ta’ servizz universali (36).

65.      Ta’ min isemmi hawnhekk li ċerti salvagwardji huma parti intrinsika tad-Direttiva 97/67 fid-dawl ta’ marġni diskrezzjonali wiesa’ tal-Istati Membri; bħall-awditu tal-fornitur ta’ servizz universali minn ditta tal-awditjar indipendenti preskritt minn dik id-direttiva (37).

66.      Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/67, moqri fid-dawl tal-iskema ġenerali u tal-iskop tiegħu, ma fih l-ebda obbligu ġenerali li jinżammu kontijiet separati għal kull servizz jew prodott individwali fi ħdan is-servizz postali universali. Għall-kuntrarju, id-dettall tal-informazzjoni ta’ kontabbiltà meħtieġ minn fornitur ta’ servizz universali huwa marbut intrinsikament maċ-ċirkustanzi speċifiċi li taħthom huma pprovduti servizzi postali universali f’kull Stat Membru, bħad-disinn tas-servizz universali, il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq u l-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq postali nazzjonali.

67.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/67 ma jimponix fuq l-Istati Membri d-dmir biex jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li fornituri ta’ servizz universali għandhom, fil-kontabbiltà interna tagħhom, iżommu kontijiet separati għal kull wieħed mis-servizzi u l-prodotti li jkunu parti mis-servizz universali.

C.      It-tieni domanda preliminari: il-prinċipju ta’ orjentazzjoni lejn l-ispiża fid-Direttiva 97/67

68.      It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk jirriżultax jew le mill-ewwel u mit-tieni inċiżi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 li t-tariffa għal kull servizz individwali li jifforma parti mis-servizz universali għandhiex tkun orjentata lejn l-ispiża, minflok il-forniment tas-servizz universali b’mod ġenerali.

69.      Fi kliem ieħor, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni dwar jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 jipprojbixxix sussidji trażversali bejn is-servizzi u prodotti varji pprovduti bħala parti minn obbligu ta’ servizz universali.

70.      Sandd, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jsostnu, billi jistrieħu fuq il-kliem tal-Artikolu 12, li t-tariffa għal kull servizz individwali pprovdut taħt l-obbligu tas-servizz universali għandha tkun immirata għall-ispiża. PostNL kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, Spanjol u Taljan, min-naħa l-oħra, jargumentaw li fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku tiegħu l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 ma għandux jiġi interpretat b’dak il-mod.

71.      Mingħajr ma tipprovdi definizzjoni dwar dak li jikkostitwixxi “servizz jew prodott” għall-finijiet tad-Direttiva 97/67, l-Artikolu 12 jeżiġi li t-“tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill-forniment ta’ servizz universali jkunu” jikkonformaw ma’ ċerti prinċipji. It-tariffi għandhom ikunu aċċessibbli, orjentati lejn l-ispiża u jagħtu inċentivi għal provvista ta’ servizz universali effiċjenti, kif ukoll ikunu trasparenti u nondiskriminatorji (38). Fl-istess ħin, l-Artikolu 12, l-ewwel nett, jippermetti lill-Istati Membri biex iżommu jew jintroduċu l-provvista ta’ servizz postali b’xejn għall-użu minn persuni għomja u b’vista mnaqqsa (39) u, it-tieni nett, biex jiddeċiedu li tariffa uniformi tiġi applikata ġewwa t-territorju nazzjonali kollu tagħhom u/jew b’mod transkonfinali (40). It-tielet nett, id-dispożizzjoni tissalvagwardja d-dritt li l-fornituri ta’ servizz universali jikkonkludu ftehimiet individwali dwar il-prezzijiet mal-utenti (41).

72.      Jirriżulta mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 12 li l-prinċipji elenkati fih għandhom jiġu applikati b’mod kumulattiv. Kif indikaw PostNL, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern Spanjol, teżisti ċerta tensjoni bejn il-prinċipju li l-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispiża u li dawn għandhom ikunu aċċessibbli. F’żoni ta’ spiża għolja, jekk it-tariffi jiġu kkalkulati strettament abbażi tal-ispiża, is-servizzi postali ma jkunux ikkunsidrati aċċessibbli. Fil-fatt, f’din id-dilemma tinsab ir-raġuni stess għaliex għandu jinżamm l-obbligu tas-servizz universali minkejja l-liberalizzazzjoni progressiva tas-swieq postali. Il-premessa għal obbligu ta’ servizz universali hija li s-servizzi jew il-prodotti inkwistjoni ma jkunux offruti fit-territorju kollu ta’ Stat Membru b’kundizzjonijiet tas-suq. Il-provvista ta’ xi servizzi fi ħdan is-servizz universali għalhekk jista’ jitwettaq biss b’telf jew bi spiża netta li taqa’ barra mill-istandards kummerċjali normali. Huwa għalhekk li d-Direttiva 97/67 tipprovdi għal mekkaniżmi għall-finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali fejn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi biss (42). Fil-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz universali, mhux biss jiġu applikati prinċipji ta’ kontabbiltà imma jiġu kkunsidrati wkoll benefiċċji intanġibbli u tas-suq (43).

73.      Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-Artikolu 12 isemmi l-prinċipju li l-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispiża flimkien mal-prinċipju li l-prezzijiet għandhom jagħtu inċentivi għal provvista effiċjenti ta’ servizz universali (44). Il-kelma “inċentiv” timplika li fornituri ta’ servizz universali ma għandhomx sempliċement jirkupraw l-ispejjeż.

74.      Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ orjentazzjoni lejn l-ispiża ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv u, barra minn hekk, ma jistax ikun espress biss bħala r-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ kontabbiltà.

75.      Allura, x’inhi t-tifsira u l-għan tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67?

76.      L-Artikolu 12, filwaqt li jibni fuq id-dispożizzjoni applikabbli preċedentement, iddaħħal fid-Direttiva 97/67 bħala emenda fl-2008 meta kienet inkisbet sitwazzjoni tas-suq iktar matura. Minn dakinhar, is-servizzi postali ġew offruti f’ambjent kompletament kompetittiv.

77.      Minn naħa, l-Artikolu 12 irid li “tiġi żgurata l-amministrazzjoni soda tas-servizz universali” (45). Ġestjoni soda tas-servizz universali timplika kemm li l-ispejjeż tal-oneri tal-obbligu tas-servizz universali jkunu bbażati fuq l-ispejjeż ta’ operazzjoni effiċjenti, iktar milli minn spejjeż li jistgħu jkunu għoljin iżżejjed minħabba prattiki ineffiċjenti tax-xogħol u/jew pagi għoljin iżżejjed u livelli oħra ta’ spejjeż (46), u li fornituri tas-servizz universali jkunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li ma jqegħdux piż finanzjarju inġust fuqhom (47).

78.      Min-naħa l-oħra, f’ambjent totalment kompetittiv, il-prezzijiet biex jiġu pprovduti servizzi postali universali għandhom, sa fejn ikun possibbli, “jirriflettu l-kondizzjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali normali”. Dan huwa sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq imma fl-istess ħin jiġi żgurat l-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz universali. Id-Direttiva 97/67 trid tikseb dan billi tkompli tippermetti lill-Istati Membri jimponu tariffi uniformi jew limiti fuq il-prezzijiet fuq il-fornituri tas-servizzi postali għal ċerti servizzi postali (48). It-tariffi uniformi jiżguraw li l-prezzijiet ikunu aċċessibbli wkoll f’żoni ta’ spejjeż għoljin filwaqt li fl-istess ħin iservu bħala inċentiv għall-effiċjenza fl-ispejjeż.

79.      Madankollu, kif indika l-Gvern Spanjol, l-impożizzjoni ta’ tariffa uniformi neċessarjament timplika li din tal-aħħar tiġi stabbilita b’riferiment għall-medja tal-ispejjeż tas-servizz universali. Inkella jkun materjalment impossibbli li tariffa uniformi bħal din tkun tista’ tirrifletti d-differenzi fl-ispejjeż u s-servizzi inklużi fis-servizz universali (49).

80.      Barra minn hekk, tariffi uniformi fil-forma ta’ “tariffi terminali” huma wkoll imposti għall-kunsinna ta’ posta u pakketti internazzjonali, kif imsemmi mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi matul is-seduta. Madankollu, b’differenza mit-tariffi terminali għal posta transkonfinali intra-Unjoni Ewropea (50), ir-rati terminali għall-kunsinna ta’ pakketti li joriġinaw f’pajjiżi terzi ma humiex iffissati fuq il-bażi tal-ispejjeż iġġenerati, imma bi ftehim internazzjonali b’tariffa għal kull biċċa li f’ħafna Stati Membri jinsabu taħt l-ispiża tal-kunsinna nazzjonali tal-pakketti (51). Peress li l-kummerċ elettroniku qed igawdi minn popolarità dejjem ikbar, in-numru ta’ pakketti internazzjonali bħal dawn qiegħed jiżdied b’mod kostanti. Jekk kull servizz individwali fi ħdan is-servizz universali kellu jkun orjentat lejn l-ispiża, it-tariffi għal pakketti nazzjonali x’aktarx ma jibqgħux aċċessibbli billi l-ispejjeż addizzjonali kkawżati minn pakketti internazzjonali li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jistgħu jiġu bbilanċjati biss b’dik it-tariffa.

81.      L-idea tas-sussidji — jew bħala sussidji trażversali bejn id-diversi servizzi postali pprovduti mill-fornitur tas-servizz universali jew bħala mekkaniżmu ta’ kumpens — hija għalhekk inerenti fl-arkitettura tal-obbligu tas-servizz universali kif stipulat fid-Direttiva 97/67. Dan huwa wkoll irrikonoxxut fl-Artikolu 7 ta’ dik id-direttiva li jipprovdi għal diversi mezzi ta’ finanzjament tal-provvista ta’ servizzi universali. Billi warrbet is-settur irriżervat, anki sussidji trażversali mis-settur mhux universali għas-settur universali jistgħu jkunu fattibbli għal tali finanzjament, sakemm dawn ma jaffettwawx ħażin il-kompetizzjoni (52). Id-Direttiva 2008/6 anki ssemmi espressament li l-profitti li jiġu minn attivitajiet barra l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali jistgħu jintużaw għall-finanzjament tas-servizz universali, sakemm dan isir f’konformità mat-Trattat (53). Meta jirrikorri għal sussidji trażversali, is-servizz universali jkun indipendenti minn finanzjament estern li, fl-aħħar mill-aħħar, jiżgura l-kompetittività tal-fornitur tas-servizz universali imma wkoll il-vijabbiltà fit-tul tas-servizz universali bħala tali (54).

82.      L-interpretazzjoni proposta minn Sandd u l-Kummissjoni, għalhekk, mhux biss tmur kontra l-iskema ġenerali tal-Artikolu 12, imma wkoll ir-raġuni tas-servizz universali. Sakemm l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ servizz universali hija neċessarja, is-servizzi postali ma jistgħux jiġu pprovduti bi prezzijiet strettament immirati għal spejjeż għal kull servizz individwali.

83.      Kemm PostNL kif ukoll il-Gvern Pollakk osservaw (għalkemm bi skopijiet differenti), li l-orjentazzjoni lejn l-ispiża għal kull servizz individwali hija, fi kwalunkwe każ, possibbli biss fejn jistgħu jiġu identifikati l-ispejjeż tal-provvista ta’ kull servizz individwali. Skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali, jista’ ma jkunx possibbli li jiġu attribwiti l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill- provvista ta’ obbligu ta’ servizz universali għal servizz speċifiku. L-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 97/67 anki jirrikonoxxi b’mod espliċitu li jista’ ma jkunx possibbli li jiġu assenjati spejjeż komuni direttament lil servizz jew prodott partikolari. Barra minn hekk, id-Direttiva 97/67 ma tipprovdix gwida ddettaljata biżżejjed dwar kif jiġu assenjati spejjeż komuni b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

84.      Dan tal-aħħar kien evidenti fil-kawża Post Danmark (55) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi jekk kienx jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fejn il-fornitur tas-servizz universali offra tnaqqis selettiv tal-prezz f’livell inqas mill-ispejjeż totali medji tal-impriża postali, imma ogħla mill-ispejjeż inkrementali medji tal-fornitur tas-servizz universali. Fir-riżoluzzjoni tad-domanda li saritilha, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament ħalliet id-dettalji tal-valutazzjoni korretta tal-ispejjeż komuni għall-awtoritajiet tal-Istat Membru (56).

85.      Għaldaqstant, għandhom ikunu l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji tagħhom, li jgawdu marġni kunsiderevoli fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 97/67 (57) u li huma wkoll “liberi li jiddeċiedu l-aħjar mod kif jimmonitorjaw il-sussidji reċiproċi” (58), li għandhom jiddeterminaw id-dettalji ta’ x’jinvolvi l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67. Dan jiddependi fuq l-ispeċifiċitajiet nazzjonali f’kull Stat Membru. Filwaqt li f’xi Stati Membri jista’ jkun possibbli li tiġi pprovduta l-biċċa l-kbira tas-servizzi postali b’tariffi mmirati għall-ispiża ta’ kull servizz individwali, fi Stati Membri oħra jistgħu jinħtieġu iktar sussidji trażversali minħabba l-perċentwali sinjifikattiva ta’ żoni bi spejjeż għoljin, kemm għal raġunijiet ġeografiċi, għal kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-obbligu tas-servizz universali, jew mod ieħor.

86.      Sandd targumenta li l-libertà li jkun hemm orjentazzjoni lejn l-ispiża biss għas-servizz universali inġenerali tispiċċa tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni u twassal biex il-kompetituri tal-fornitur tas-servizz universali jiġu ffaċċjati bi prezzijiet artifiċjalment baxxi u impossibbli li wieħed jikkompeti magħhom. Madankollu, dan l-argument ma jikkunsidrax il-fatt li minkejja l-libertà mogħtija lill-Istati Membri fit-twaqqif u l-monitoraġġ tas-servizz universali, azzjonijiet ta’ fornituri ta’ servizz universali, ġewwa jew barra l-obbligu tas-servizz universali, jibqgħu suġġetti għal regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minkejja l-fatt li xi wħud minn dawk is-servizzi huma rregolati (59). Fil-każ ta’ abbużi fil-prezzijiet minn fornitur ta’ servizz universali, ikun hemm rimedju legali disponibbli għall-kompetituri skont id-dritt tal-kompetizzjoni.

87.      Madankollu, is-sempliċi fatt li PostNL qed toffri s-servizzi tagħha lil utenti kummerċjali bi prezz pjuttost baxx filwaqt li l-prezzijiet tagħha għall-bolli żdiedu b’mod kontinwu f’dawn l-aħħar snin, mhux bilfors ifisser li qed tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni. Taħt il-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva 97/67, il-fornituri tas-servizz universali għandhom igawdu “aktar flessibbiltà fil-prezz f’konformità mal-prinċipju tal-kost-orjentazzjoni” (60). B’dan il-mod, il-fornituri tas-servizz universali għandhom spazju għal negozjati ma’ ċerti gruppi ta’ klijenti (61). Sakemm il-klijent jirrisjedi f’żona bi spiża baxxa, jew inaqqas il-kost involut fl-ipproċessar tal-posta tagħha (pereżempju, bl-issortjar minn qabel), huwa possibbli li PostNL toffri s-servizzi tagħha bi prezzijiet iktar baxxi filwaqt li fl-istess ħin tosserva l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12. Għall-kuntrarju, fid-determinazzjoni tal-prezz għall-bolli suġġetti għal tariffa uniformi u, f’xi Stati Membri, anki limitu fuq il-prezz, PostNL trid tqis li l-ittri li jkollhom dawk il-bolli jista’ jkollhom jiġu kkunsinnati anki lejn gżejjer imbiegħda.

88.      Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għalhekk għandha tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 ma għandux jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fuq fornituri ta’ servizz universali li kull servizz individwali li jifforma parti mis-servizz universali għandu jkun orjentat lejn l-ispiża. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jistgħu, madankollu, jimponu tali rekwiżit fuq fornituri ta’ servizz universali.

D.      It-tielet domanda preliminari: kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 97/67 għar-rata ta’ qligħ għal fornitur ta’ servizz universali

89.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 li l-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispiża u jagħtu inċentivi għal provvista effiċjenti ta’ servizz universali jipprekludix l-adozzjoni għal perijodu indeterminat ta’ rata ta’ qligħ fissa li permezz tagħha l-ispejjeż tas-servizzi postali universali jiżdiedu b’teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni tariffarju.

90.      Din id-domanda fil-fatt tqajjem żewġ kwistjonijiet distinti. L-ewwel nett, tqum il-kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ orjentazzjoni lejn l-ispiża fid-Direttiva 97/67 jipprekludix li fornituri tas-servizz universali jirkupraw qligħ mill-investimenti tagħhom meta jikkalkulaw l-ispejjeż li jirriżultaw mill-provvista ta’ servizz universali. It-tieni nett, it-tielet domanda preliminari tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jistabbilixxu rata ta’ qligħ għal perijodu ta’ żmien indeterminat skont id-Direttiva 97/67.

91.      Jirriżulta b’mod ċar mill-Anness I tad-Direttiva 97/67 li l-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz universali jinkludi “id-dritt għal profitt raġonevoli” min-naħa tal-fornitur tas-servizz universali (62). Barra minn hekk, kif issottometta l-Gvern Spanjol, ir-riferiment fit-tieni inċiż tal-Artikolu 12 li l-prezzijiet għandhom “jagħtu inċentivi għal forniment effiċjenti ta’ servizz universali” (enfasi miżjuda) jimplika li fornituri ta’ servizz universali huma intitolati għal iktar minn sempliċi rkupru ta’spejjeż (63).

92.      Madankollu, id-Direttiva 97/67 tibqa’ siekta dwar dak li jfisser “profitt raġonevoli”. Il-profitt bħala tali huwa msemmi biss indirettament meta d-direttiva tippreskrivi li l-għażla ta’ fornitur ta’ servizz universali għandha tkun għal tul ta’ żmien tali li jipprovdi “perijodu suffiċjenti għar-ritorn fuq l-investimenti”. Madankollu, dik l-għażla għandha tiġi rriveduta perijodikament mill-Istati Membri (64).

93.      Sandd targumenta, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra rregolati li jikkonċernaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (65), li l-kunċett ta’ “profitt raġonevoli” għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ qligħ fuq il-kapital investit. Peress li t-tariffi għall-provvista ta’ servizz universali għandhom ikunu mmirati għall-ispiża, iktar milli l-profitt, rata ta’ qligħ ibbażata fuq l-investimenti magħmula minn fornitur ta’ servizz universali tidher punt raġonevoli ta’ tluq biex jiġi ddeterminat profitt raġonevoli. Madankollu, il-konstatazzjonijiet għal qasam wieħed ta’ servizzi universali ma jistgħux jiġu sempliċementi trasposti għal oqsma oħra peress li kemm il-forma kif ukoll l-għan tal-obbligi ta’ servizz universali jvarjaw abbażi tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat.

94.      Fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-gwida pprovduta mill-Kummissjoni dwar kif għandu jiġi evalwat il-profitt raġonevoli għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (66). Il-komunikazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni jiddefinixxi l-“profitt raġonevoli” primarjament bħala “ir-rata tar-redditu fuq il-kapital […] fid-dawl tal-livell tar-riskju.” Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddikjara wkoll li l-“livell tar-riskju jiddependi fuq is-settur konċernat, it-tip ta’ servizz u l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu tal-kumpens” (67). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jistgħu jintużaw indikaturi oħra tal-livell ta’ profitt (68).

95.      Meta jitqiesu d-differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-finanzjament tas-servizz postali universali fost l-Istati Membri, għandu jkun hemm ukoll differenzi sinjifikattivi fil-livell ta’ riskju involut għall-fornitur tas-servizz universali. F’ċerti Stati Membri jista’ jkun ħafna iktar diffiċli li jinstab fornitur ta’ servizz postali li jkun lest li jieħu l-obbligu tas-servizz universali milli f’oħrajn. Sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-servizz universali, li hija waħda mill-għanijiet ewlenin tad-Direttiva 97/67, ir-rata ta’qligħ għal fornituri tas-servizz universali fl-Istati Membri preċedenti trid tkun ogħla minn dik f’tal-aħħar. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ profitt raġonevoli ma huwiex l-istess għall-Istati Membri kollha u, barra minn hekk, jeħtieġ evalwazzjoni fil-fond tal-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq postali nazzjonali.

96.      Is-silenzju tad-Direttiva 97/67 dwar ir-regoli ddettaljati għall-kalkolu ta’ profitt raġonevoli għandhom, għalhekk, jiġu interpretati, kif sostnut mill-Gvern Spanjol, bħala għażla konxja min-naħa tal-leġiżlatura tal-Unjoni li ma tarmonizzax dak l-aspett fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi profitt raġonevoli, fid-dawl tal-prinċipji elenkati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 u li l-profitt iddeterminat ma għandux jikkostitwixxi distorsjoni tal-kompetizzjoni (69).

97.      Issa ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk ir-rata ta’ qligħ għal fornitur ta’ servizz universali tistax tiġi ffissata għal perijodu indeterminat.

98.      Id-Direttiva 97/67 relattivament ftit tipprovdi gwida f’dan ir-rigward. Madankollu, billi l-għażla ta’ fornitur ta’ servizz universali għandha tiġi rriveduta perijodikament skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/67 (70), huwa ċar għalija li r-rata ta’ qligħ iffissata mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom għandha wkoll ta’ mill-inqas tiġi rriveduta perijodikament. Barra minn hekk, minħabba li dak li jikkostitwixxi rata ta’ qligħ raġonevoli jiddependi ħafna fuq il-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq postali nazzjonali, huwa raġonevoli li r-rata ta’ qligħ trid tiġi adattata kull meta jinbidlu l-kundizzjonijiet fis-suq. Sakemm rata ta’ qligħ tiġi rriveduta regolarment u tista’ tiġi adattata skont il-bidliet fis-suq, ma nara l-ebda raġuni għaliex ir-rata ta’ qligħ għall-fornitur tas-servizz universali ma setgħetx tiġi ffissata għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

99.      Għal dak il-għan, PostNL u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ċċaraw kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll waqt is-seduta li r-rata ta’ qligħ għal fornitur tas-servizz universali fil-Pajjiżi l-Baxxi hija rriveduta mill-ACM fuq bażi annwali u li l-intervent ministerjali annwali għall-adattament tal-marġnijiet tariffarji huwa possibbli wkoll. Huma jargumentaw li ma kienx meħtieġ li tiġi adattata r-rata ta’ qligħ mill-2011, parzjalment minħabba t-telf imġarrab minn PostNL għal bosta snin.

100. Barra minn hekk, f’ċirkustanzi fejn l-evalwazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tidher li ma hijiex korretta, l-utenti u l-fornituri tas-servizz postali affettwati minn tali deċiżjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw appell mid-deċiżjoni quddiem korp ta’ appell indipendenti (71), possibbiltà li Sandd użat biex tagħmel il-kawża prinċipali. B’dan il-mod, l-utenti u l-fornituri tas-servizz postali huma protetti minn deċiżjonijiet mhux korretti jew arbitrarji mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali minkejja d-diskrezzjoni sinjifikattiva mogħtija lil dawn tal-aħħar mid-Direttiva 97/67.

101. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 ma jipprekludix l-adozzjoni għal perijodu indeterminat ta’ rata ta’ qligħ fissa li permezz tagħha l-ispejjeż tas-servizzi postali universali jiżdiedu b’teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni tariffarju sakemm ir-rata ta’ qligħ tiġi rriveduta perijodikament u tista’ tiġi faċilment immodifikata. Fil-kalkolu ta’ profitt raġonevoli, madankollu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu l-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq postali nazzjonali u josservaw il-prinċipji mħaddna fl-Artikolu 12, u jiżguraw li l-marġni tariffarju awtorizzat ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq postali.

IV.    Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod li ġej:

(1)      L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji ma jimponix fuq l-Istati Membri obbligu ġenerali biex jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li fornituri ta’ servizz universali għandhom, fil-kontabbiltà interna tagħhom, iżommu kontijiet separati għal kull wieħed mis-servizzi u prodotti li huma parti mis-servizz universali.

Id-dettall tal-informazzjoni tal-kontabbiltà meħtieġa minn fornitur ta’ servizz universali jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi li taħthom is-servizzi postali universali huma pprovduti f’kull Stat Membru, bħad-disinn tas-servizz universali, il-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti u l-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq postali nazzjonali.

(2)      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 ma għandux jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fuq fornituri ta’ servizz universali li kull servizz individwali li jifforma parti mis-servizz universali għandu jkun orjentat lejn l-ispiża. Madankollu, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jistgħu jimponu tali rekwiżit fuq fornituri ta’ servizz universali.

(3)      Ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu introduttorju u t-tieni inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 li l-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispiża u jagħtu inċentivi għal provvista effiċjenti ta’ servizz universali ma jipprekludix l-adozzjoni għal perijodu indeterminat ta’ rata ta’ qligħ fissa li permezz tagħha l-ispejjeż tas-servizzi postali universali jiżdiedu b’teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni tariffarju sakemm ir-rata ta’ qligħ tiġi rriveduta perijodikament u tista’ tiġi faċilment immodifikata.

Fil-kalkolu ta’ profitt raġonevoli, madankollu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu l-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq postali nazzjonali u josservaw il-prinċipji mħaddna fl-Artikolu 12, u jiżguraw li l-marġni tariffarju awtorizzat ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq postali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71).


3      Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316).


4      Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU 2008 L 52, p. 3).


5      Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 97/67 kif ukoll il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/6.


6      Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67.


7      Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.


8      Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67.


9      Ara Costing and Financing of Universal Service Obligations in the Postal Sector in the European Union, Rapport finali EC DG XIII, National Economic Research Associates (NERA), Londra, Novembru 1998 (iktar 'il quddiem ir-“rapport NERA”), p. 3.


10      Ara l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 97/67. Għal diskussjoni ddettaljata, ara r-rapport NERA, p. 77 et seq.


11      Ara l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67. Dan jista’ jinvolvi, pereżempju, li l-fornituri tas-servizz kollha jkunu mitluba jissodisfaw parti mill-obbligu tas-servizz universali. Għal diskussjoni ddettaljata, ara Geradin, D. u Humpe, C., “The Liberalisation of Postal Services in the European Union: An Analysis of Directive 97/67” f’Geradin, D. (ed.), The Liberalization of Postal Services in the European Union, Kluwer Law International, Den Haag – Londra – New York, 2002,paġni 99 sa 119.


12      Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.


13      Ara l-premessa 38 tad-Direttiva 2008/6. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C‑162/06, EU:C:2007:681, punti 31 u 45.


14      Ara l-Artikoli 4(2) u 7(5) tad-Direttiva 97/67.


15      Ara l-premessa 41 tad-Direttiva 97/67. Ara wkoll l-Artikoli 11a, 14(8), 22(1) u (2) ta’ dik id-direttiva.


16      Ara l-premessi 16 u 41 tad-Direttiva 97/67. Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172.


17      B’mod partikolari, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni tfittex li tiżgura li l-kumpens għal fornituri ta’ servizz universali minn fondi pubbliċi ma jaqbiżx l-ispiża netta li fil-fatt tkun saret. Ara, pereżempju, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-24.11.2016 u tal-01.08.2014, Hellenic Post (ELTA) (SA. 35608), u tal-04.12.2015, Poste Italiane (SA.43243).


18      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel, C‑277/16, EU:C:2017:989, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.


19      Ara l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 97/67.


20      Ara l-Artikolu 14(3)(a) tad-Direttiva 97/67.


21      Ara l-Artikolu 14(3)(b)(i) sa (iii) tad-Direttiva 97/67.


22      Ara l-Artikolu 14(3)(b)(iv) tad-Direttiva 97/67.


23      Ara t-tielet paragrafu tal-Parti B tal-Annex I tad-Direttiva 97/67.


24      Ara l-ewwel paragrafu tal-premessa 41 tad-Direttiva 2008/6.


25      Ara t-tielet paragrafu tal-premessa 41 tad-Direttiva 2008/6.


26      Ara t-tieni paragrafu tal-premessa 41 tad-Direttiva 2008/6.


27      Ara l-premessa 47 tad-Direttiva 2008/6.


28      Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 97/67 kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Express Line, C‑148/10, EU:C:2011:654, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29      Ara r-rapport NERA, paġni 63 sa 67.


30      Ara r-rapport NERA, paġni 96 u 97.


31      Ara l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 97/67 kif ukoll il-premessa 51 tad-Direttiva 2008/6 li jgħid li “...Il-talbiet għal informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jimponu piż żejjed fuq l-impriżi.”


32      Ara l-premessa 28 tad-Direttiva 2008/6.


33      Ara l-premessa 41tad-Direttiva 2008/6.


34      Ara t-tieni u t-tielet paragrafi tal-premessa 41 tad-Direttiva 2008/6.


35      Ara l-Artikolu 14(8) tad-Direttiva 97/67.


36      Ara wkoll l-Artikolu 22a(2) tad-Direttiva 97/67.


37      Ara l-Artikolu 15 tad-Direttiva 97/67.


38      Ara l-ewwel, it-tieni u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.


39      Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.


40      Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 12 kif ukoll il-premessa 38 tad-Direttiva 97/67.


41      Ara t-tieni u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.


42      Ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67 flimkien mal-premessa 26 tad-Direttiva 2008/6.


43      Ara t-tielet paragrafu tal-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 97/67.


44      Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.


45      Ara l-premessa 26 tad-Direttiva 97/67.


46      Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 kif ukoll ir-rapport NERA, p. vii.


47      Ara lArtikolu 7(3) tad-Direttiva 97/67 u l-Artikolu 14 TFUE li jgħid: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 93, 106 u 107 ta’ dan it-Trattat, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta’ l-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dawn il-prinċipji u jistabbilixxu dawn il-kondizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri skond it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.” (enfasi miżjuda).


48      Ara l-punt 71 iktar ’il fuq.


49      Ara l-punt 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol.


50      Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva 97/67.


51      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali” (id-Direttiva 97/67/KE kif emendata bid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE) (SWD(2015) 207 final), paġni 34 u 35, kif ukoll Gerardin, D. u Humpe, C., op.cit., paġni 107 sa 111.


52      Ara l-premessa 41 tad-Direttiva 2008/6. B’kuntrast, il-premessa 28 li kienet tapplika qabel tad-Direttiva 97/67.


53      Ara l-premessa 26 tad-Direttiva 2008/6.


54      Ara lpremessa 12 tad-Direttiva 2008/6.


55      Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172.


56      Aras-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 38 u 39.


57      Ara l-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq.


58      Ara l-premessa 40 tad-Direttiva 2008/6.


59      Ara l-premessi 16 u 41 tad-Direttiva 97/67 kif ukoll il-punt 43 iktar 'il fuq.


60      Ara l-premessa 39 tad-Direttiva 2008/6.


61      Ara t-tielet inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.


62      Ara t-tielet paragrafu tal-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 97/67 inkonnessjoni mal-premessa 29 tad-Direttiva 2008/6.


63      Ara l-punt 73 iktar ’il fuq.


64      Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 97/67.


65      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Repubblika Ċek u Vodafone Repubblika Ċeka, C‑508/14, EU:C:2015:657, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172.


66      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Repubblika Ċek u Vodafone Repubblika Ċeka, C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 42, li tirreferi għall- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C  8, p. 4) (iktar 'il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012 L 7, p. 3).


67      Ara l-punt 61 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.


68      Ara l-punt 34 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta' servizz pubbliku (2011)” (ĠU 2012, C 8, p. 15).


69      Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.


70      Ara l-punt 92 iktar ’il fuq.


71      Ara l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/67.