Language of document : ECLI:EU:T:2020:313

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

8 ta’ Lulju 2020 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Sanzjoni pekunjarja amministrattiva imposta mill-BĊE fuq istituzzjoni ta’ kreditu għal ksur tal-Artikolu 77(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Modalitajiet ta’ pubblikazzjoni fis-sit Internet tal-BĊE – Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u Artikolu 132(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014”

Fil-Kawża T‑203/18,

VQ, irrappreżentata minn G. Cahill, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Koupepidou, E. Yoo u M. Puidokas, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Gurov u J. Bauerschmidt, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, A. Steiblytė, K.‑P. Wojcik u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ECB-SSM-2018-ESSAB-4, SNC-2016–0026 tal-BĊE tal-14 ta’ Marzu 2018, meħuda skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), sa fejn, minn naħa, huwa impona fuq ir-rikorrenti sanzjoni pekunjarja amministrattiva ta’ EUR 1 600 000, u, min-naħa l-oħra, huwa ddeċieda favur il-pubblikazzjoni ta’ din is-sanzjoni, mingħajr anonimizzazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Tomljenović, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, VQ, hija istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta, fid-dawl tal-importanza tagħha, għas-superviżjoni prudenzjali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

2        Fis-27 ta’ Diċembru 2016, l-unità ta’ investigazzjoni tal-BĊE bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 126(1) u (2) tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-“Regolament Qafas MSU”, ĠU 2014, L 141, p. 1). Ir-rikorrenti ġiet ikkritikata bil-fatt li wettqet tranżazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet tagħha stess, bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u s-7 ta’ Novembru 2016, mingħajr ma talbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti, bi ksur tal-Artikolu 77(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2) Skont l-Artikolu 521(1) u (2) tar-Regolament Nru 575/2013, din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2013, saret applikabbli biss mill-1 ta’ Jannar 2014.

3        Fl-10 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fuq id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

4        Fid-29 ta’ Ġunju 2017, l-unità ta’ investigazzjoni tal-BĊE bagħtet lir-rikorrenti abbozz ta’ deċiżjoni, sabiex tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja amministrattiva prevista ta’ EUR 1 600 000.

5        Fis-17 u fit-18 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub dwar dan l-abbozz ta’ deċiżjoni.

6        Fit-23 ta’ Novembru 2017, il-BĊE adotta deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), li permezz tagħha huwa, l-ewwel nett, iddeċieda li r-rikorrenti kienet wettqet ksur li jikkonsisti fil-ksur tal-obbligu li jinsab fl-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013, li tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti qabel ix-xiri mill-ġdid ta’ strumenti ta’ fondi proprji tal-grad 1, bit-twettiq tax-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet tagħha bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u s-7 ta’ Novembru 2016, it-tieni nett, huwa imponielha sanzjoni pekunjarja amministrattiva ta’ EUR 1 600 000 u, it-tielet nett, iddeċieda favur il-pubblikazzjoni ta’ din is-sanzjoni pekunjarja amministrattiva fis-sit Internet tiegħu, mingħajr ma ġie anonimizzat isem ir-rikorrenti.

7        Fit-22 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti talbet l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1), (5) u (6) tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2014/360/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47). Fil-25 ta’ Jannar 2018, inżammet seduta quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

8        Fil-21 ta’ Frar 2018, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ta opinjoni li tikkonstata l-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE.

9        Fl-14 ta’ Marzu 2018, il-BĊE adotta d-deċiżjoni ECB-SSM-2018-ESSAB-4, SNC-2016–0026, meħuda skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(7) ta’ dan l-istess regolament, ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2017, filwaqt li żammet kontenut identiku (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10      Fl-ewwel lok, il-BĊE kkonstata l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti. Huwa fakkret li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 575/2013, fl-1 ta’ Jannar 2014, mill-Artikolu 77(a) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-Artikolu 29(1) u mill-Artikolu 31(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU 2014, L 74, p. 8), jirriżulta li istituzzjoni ta’ kreditu li tixtieq tixtri mill-ġdid strumenti ta’ fondi proprji tal-grad 1 kellha tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritá kompetenti. Dan fakkar li huwa kien jikkostitwixxi l-awtorità kompetenti fis-sens ta’ dan ir-regolament, sa mill-4 ta’ Novembru 2014, peress li din il-funzjoni kienet preċedentement eżerċitata, fir-rigward tar-rikorrenti, mill-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja).

11      Il-BĊE rrileva li r-rikorrenti kienet ipproċediet għal xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet tagħha stess, mingħajr ma talbet l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti, fis-sens tar-Regolament Nru 575/2013. Huwa fakkar li, fis-16 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti kienet talbet lit-tim ta’ superviżjoni prudenzjali konġunta kjarifika dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 575/2013 għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-azzjonijiet tagħha stess, li għaliha l-imsemmi tim kien wieġeb fl-affermattiv fit-23 ta’ Marzu 2016. Huwa enfasizza li r-rikorrenti kienet madankollu kompliet twettaq xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet tagħha stess, mingħajr awtorizzazzjoni, mill-24 ta’ Marzu sas-7 ta’ Novembru 2016.

12      Minn dan il-BĊE ddeduċa li r-rikorrenti ma kinitx osservat l-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u mal-Artikolu 31(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014, mill-1 ta’ Jannar 2014 sas-7 ta’ Novembru 2016 u li dan il-ksur twettaq minn tal-inqas b’negliġenza mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-23 ta’ Marzu 2016 u b’mod intenzjonali mill-24 ta’ Marzu sas-7 ta’ Novembru 2016.

13      Fit-tieni lok, il-BĊE impona sanzjoni pekunjarja amministrattiva ta’ EUR 1 600 000 fuq ir-rikorrenti, minħabba l-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur. Huwa enfasizza li għandu d-dritt, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jimponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva fil-każ ta’ ksur ta’ rekwiżit li jirriżulta minn atti rilevanti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni li għalih l-awtoritajiet kompetenti kellhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Huwa fakkar li, skont l-Artikolu 18(3) ta’ dan l-istess regolament, is-sanzjonijiet applikati kellhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

14      Bħala ċirkustanzi attenwanti, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti stess kienet informat lit-tim ta’ superviżjoni konġunta bl-aġir li jikkostitwixxi l-ksur u li, wara s-7 ta’ Novembru 2016, hija kienet osservat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013. Huwa ħa inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, matul il-perijodu tal-ksur, ir-rikorrenti, fid-dikjarazzjonijiet tagħha dwar ir-rekwiżiti tagħha ta’ fondi proprji, kienet korrettament naqqset ix-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet tagħha.

15      Huwa qies li sanzjoni pekunjarja amministrattiva ta’ EUR 1 600 000, li tirrappreżenta 0.03 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tar-rikorrenti, tikkostitwixxi sanzjoni proporzjonata.

16      Fit-tielet lok, il-BĊE ddeċieda li jippubblika s-sanzjoni pekunjarja amministrattiva imposta, mingħajr anonimizzazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti, fuq is-sit Internet tiegħu. Huwa fakkar, essenzjalment, li kemm mill-premessa 38 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338), u mill-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, jirriżulta li l-prinċipju kien dak tal-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi, sabiex jiġi ppreżervat l-effett dissważiv tagħhom. Huwa qies li r-rikorrenti ma kinitx uriet li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, li kien jippermetti l-pubblikazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva b’mod anonimu.

17      Fil-15 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti informat lill-BĊE li hija kellha l-intenzjoni li tippreżenta rikors għal annullament u talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-pubblikazzjoni tas-sanzjoni imposta.

18      Fl-20 ta’ Marzu 2018, il-BĊE informa lir-rikorrenti li huwa kellu l-intenzjoni li jippubblika s-sanzjoni pekunjarja amministrattiva bejn l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018 filgħaxija u l-Ħamis 22 ta’ Marzu 2018 filgħodu.

19      Fit-22 ta’ Marzu 2018 filgħodu, ir-rikorrenti informat lill-BĊE bl-intenzjoni tagħha li tippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u talba għal miżuri provviżorji. Fl-istess jum, il-BĊE ħallielha sat-23 ta’ Marzu 2018, fl-12:00, sabiex tippreżenta l-imsemmi rikors, u fin-nuqqas ta’ dan huwa kien ser jippubblika s-sanzjoni fis-sit Internet tiegħu fis-26 ta’ Marzu 2018.

20      Fit-8 ta’ Mejju 2018, is-sanzjoni pekunjarja imposta fuq ir-rikorrenti ġiet ippubblikata fis-sit Internet tal-BĊE.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba sabiex tikseb l-anonimat.

22      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, li fiha hija talbet, essenzjalment, lill-President tal-Qorti Ġenerali, prinċipalment, jissospendi l-eżekuzzjoni tal-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-pubblikazzjoni tas-sanzjoni pekunjarja amministrattiva imposta, u, sussidjarjament, jissospendi l-eżekuzzjoni tal-imsemmi punt 5 sa fejn kien jipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ din is-sanzjoni mingħajr anonimizzazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti.

23      It-talba tar-rikorrenti ġiet miċħuda bid-digriet tat-3 ta’ Mejju 2018, VQ vs BĊE (T‑203/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:261), u l-ispejjeż ġew irriżervati.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2018, il-President tat-Tieni Awla (kulleġġ ġudikanti preċedenti) laqa’ t-talba għall-anonimat imressqa mir-rikorrenti.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju u fid-9 ta’ Lulju 2018 rispettivament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-BĊE. Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-27 ta’ Lulju u tas-17 ta’ Awwissu 2018, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali (kulleġġ ġudikanti preċedenti) awtorizza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-BĊE sabiex iwieġeb mistoqsija u lill-partijiet l-oħra jippreżentaw l-opinjoni tagħhom. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini previsti.

27      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid, li ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

28      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

29      Il-partijiet ma ressqux talba sabiex jinstemgħu waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali, imressqa skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, fit-terminu mogħti.

30      Il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara, skont l-Artikolu 277 TFUE, li l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 huwa legali u konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

32      Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Il-Kunsill jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità ppreżentata mir-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, bħala manifestament infondata.

 Id-dritt

34      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, tiddikjara, skont l-Artikolu 277 TFUE, li l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 huwa illegali u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

35      Din it-talba għandha tinftiehem bħala intiża sabiex tikkonstata, b’mod inċidentali, l-illegalità tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013. Għaldaqstant, huwa biss fil-kuntest tal-eżami tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità ppreżentata mir-rikorrenti skont l-Artikolu 277 TFUE.

36      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU u, it-tielet wieħed, essenzjalment, fuq ksur tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-kuntest ta’ dan it-tielet motiv, ir-rikorrenti teċċepixxi wkoll l-illegalità tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, fil-kuntest ta’ lment ibbażat, essenzjalment, fuq nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

37      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta

38      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kkonstata, fil-konfront tar-rikorrenti, ksur tal-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013, li jikkonsisti f’xiri mill-ġdid ta’ ċerti strumenti ta’ fondi proprji bażiċi tal-grad 1 mingħajr il-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti, li għaliha huwa impona sanzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013.

39      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija ma kinitx obbligata tosserva l-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013 sakemm ir-rekwiżiti kollha ta’ fondi proprji previsti fl-Artikolu 78(1) ta’ dan l-istess regolament ma kinux applikabbli. Minn dan hija tiddeduċi li, sa fejn ir-rekwiżit li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu riżerva ta’ fondi proprji prevista mid-Direttiva 2013/36, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 575/2013, huwa applikabbli fi Spanja biss mill-1 ta’ Jannar 2016, hija ma setgħetx twettaq ksur tal-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013 qabel din id-data. Minn dan jirriżulta, essenzjalment, li l-BĊE, bl-impożizzjoni fuqha ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva għal dan l-aġir, ibbaża ruħu fuq dispożizzjonijiet li għadhom ma humiex applikabbli tad-Direttiva 2013/36 u kiser kemm l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ggarantit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta.

40      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

41      Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, meta istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta, b’mod intenzjonali jew, b’negliġenza, jiksru rekwiżit skont atti rilevanti [direttament applikabbli] tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom għandu jkun hemm disponibbli penali pekunjarji amministrattivi għall-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji”.

42      Minn dan jirriżulta li, sabiex il-BĊE jkun jista’ jimponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-oriġini tal-ksur, li għandha tikkonċerna atti rilevanti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. It-tieni kundizzjoni hija marbuta mal-fatt li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom is-setgħa li jimponu sanzjoni amministrattiva pekunjarja għal dan il-ksur skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

43      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti sempliċement tikkontesta li l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 hija ssodisfatta, abbażi tal-argument espost fil-punt 39 iktar ’il fuq.

44      Tali argument ma jistax jintlaqa’.

45      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti, bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u s-7 ta’ Novembru 2016, wettqet xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet proprji kklassifikati fost l-istrumenti tagħha ta’ fondi proprji bażiċi tal-grad 1, mingħajr ma talbet minn qabel l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti, jiġifieri l-Bank ta’ Spanja, u sussegwentement, mill-4 ta’ Novembru 2014, il-BĊE.

46      Skont l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 575/2013, intitolat “Kondizzjonijiet għat-tnaqqis tal-fondi proprji”, huwa previst dan li ġej:

“1. Istituzzjoni għandha teħtieġ il-permess minn qabel tal-awtorità kompetenti biex tagħmel dawn li ġejjin jew wieħed minnhom:

(a)      tnaqqas, jifdi jew tixtri mill-ġdid strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 maħruġa mill-istituzzjoni f’mod li jkun permess skont id-dritt nazzjonali applikabbli;

(b)      twettaq ix-xiri, il-fidi, il-pagament lura jew ix-xiri mill-ġdid ta’ strumenti Addizzjonali ta’ Grad 1 jew ta’ strumenti ta’ Grad 2 kif applikabbli, qabel id-data tal-maturità kuntrattwali tagħhom.”

47      L-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 575/2013 jikkostitwixxi, għalhekk, dispożizzjoni ta’ att direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni li timponi fuq l-isituzzjonijiet ta’ kreditu l-obbligu li jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti qabel ir-rimbors jew ix-xiri mill-ġdid, b’mod partikolari, tal-istrumenti ta’ fondi proprji bażiċi tal-grad 1.

48      Barra minn hekk, l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 575/2013 għandu formulazzjoni inekwivoka li timponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-obbligu li jitolbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti, obbligu li huwa kkundizzjonat biss mis-sitwazzjonijiet previsti fil-punti (a) u (b) ta’ din l-istess dispożizzjoni, u mhux mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ atti oħra tal-Unjoni.

49      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-awtorità kompetenti ma setgħetx teżerċita l-istħarriġ tagħha skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 575/2013.

50      Ċertament, huwa minnu li l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 575/2013 huwa intiż li jippermetti lill-awtorità kompetenti teżerċita l-funzjoni, li l-Artikolu 78 ta’ dan l-istess regolament jafdalha, ta’ kontroll tal-effetti ta’ tnaqqis tal-fondi proprji previst minn istituzzjoni fuq l-osservanza tar-rekwiżiti minimi tagħha ta’ fondi proprji. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-awtorità kompetenti kienet f’pożizzjoni li twettaq tali kontroll fir-rigward tagħha, u dan sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36 dwar ir-riżerva ta’ fondi proprji.

51      Skont l-Artikolu 78(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013, intitolat “Permess superviżorju għat-tnaqqis tal-fondi proprji”, huwa previst dan li ġej:

“1. L-awtorità kompetenti għandha tagħti permess biex istituzzjoni tnaqqas, tixtri mill-ġdid, tixtri jew tifdi strumenti ta’ Grad 1 tal-Ekwità Komuni, Addizzjonali ta’ Grad 1 jew ta’ Grad 2 meta xi waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tiġi ssodisfatta:

[…]

(b)      l-istituzzjoni wriet għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-fondi proprji tal-istituzzjoni sejrin, wara l-azzjoni inkwistjoni, jeċċedu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 92(1) ta’ dan ir-Regolament u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinata ta’ kapital kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 128 tal-Direttiva 2013/36/UE b’marġni li l-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra li jkun meħtieġ abbażi tal-Artikolu 104(3) tad-Direttiva 2013/36/UE.”

52      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ tnaqqis tal-fondi proprji previsti minn istituzzjoni ssir fid-dawl tal-livell minimu ta’ fondi proprji li istituzzjoni ta’ kreditu għandu jkollha fuq il-bażi mhux biss tad-Direttiva 2013/36, iżda wkoll tar-Regolament Nru 575/2013.

53      Għalhekk, sa fejn ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kienu fis-seħħ mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-awtorità kompetenti kienet f’pożizzjoni li tivverifika l-effetti tax-xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-osservanza tar-rekwiżiti minimi tagħha ta’ fondi proprji, kif jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-BĊE ma kisirx l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment

55      Il-BĊE jqis li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn ġie ppreżentat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

56      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li huwa minnu li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta stretta miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sabiex jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ ilment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il-Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta impona fuqha sanzjoni pekunjarja amministrattiva fid-dawl, minn naħa, tad-dubji dwar il-portata tal-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013, tal-bona fide tagħha, tan-natura trasparenti tal-aġir tagħha, tal-osservanza tagħha tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u tan-natura komuni tal-prattika ta’ xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet proprji fi Spanja u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-eżistenza ta’ mezzi oħra inqas vinkolanti għad-dispożizzjoni tiegħu.

58      Għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, enfasizzat, fil-punt 48, il-fatt li l-BĊE kellu firxa ta’ strumenti għad-dispożizzjoni tiegħu, it-tieni nett, sostniet, b’mod partikolari fil-punti 49, 59 u 60, li kienu jeżistu dubji fir-rigward tal-portata eżatta tal-Artikolu 77(a) u tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 575/2013 u li ebda spjegazzjoni ma kienet ġiet ipprovduta dwar il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati u, it-tielet nett, sostniet, fil-punt 64, li, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva, il-BĊE ma setax jadotta fir-rigward tagħha l-interpretazzjoni li kienet sfavorevoli għaliha.

59      Għalhekk, minkejja li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma bbażatx ruħha espliċitament fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fir-rigward tagħha, is-sustanza tal-argumenti tagħha diġà kien fiha tali kritika. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jinsab fir-replika għandu jitqies li huwa l-estensjoni ta’ lment li jinsab fir-rikors, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment huwa, għaldaqstant, ammissibbli.

–       Fuq il-mertu tal-ilment

61      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE “jista’” jimponi sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi u li għalhekk ma huwiex obbligat jagħmel dan. Għaldaqstant, il-BĊE għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità mhux biss fid-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni, sabiex josserva l-Artikolu 18(3) ta’ dan l-istess regolament, li jippreċiża li s-sanzjonijiet applikati għandhom ikunu “proporzjonati”, iżda wkoll meta jiddeċiedi jekk il-ksur imwettaq jiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ sanzjoni.

63      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għażla tal-BĊE li jimponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva fuq ir-rikorrenti ma għandhiex in-natura sproporzjonata allegata mir-rikorrenti.

64      Fl-ewwel lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 46 sa 54 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-portata tal-obbligi tar-rikorrenti setgħet b’mod ċar tiġi dedotta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda dubju raġonevoli fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni li setgħet tirrendi sproporzjonata l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva mill-BĊE fir-rigward tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

65      Fit-tieni lok, din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li r-rikorrenti kompliet bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħha wara li ġiet informata mit-tim ta’ superviżjoni prudenzjali konġunta bil-portata tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 77(a) tar-Regolament Nru 575/2013, fit-23 ta’ Marzu 2016, li wassal lill-BĊE sabiex jikkonkludi li l-ksur ma kienx, minn din id-data ’l quddiem, twettaq iktar b’negliġenza, iżda intenzjonalment.

66      Barra minn hekk, huwa ġustament li l-BĊE josserva fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li l-alternattivi għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja enfasizzati mir-rikorrenti, bħall-eżerċizzju tas-setgħat li huwa għandu abbażi tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1024/2013, huma irrilevanti fil-kuntest ta’ dan l-ilment, peress li dawn ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri xierqa fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-għan li għalih dawn is-setgħat ġew iddelegati lill-BĊE huwa li jkun jista’ jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mhux li jissanzjona l-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, T‑712/15, EU:T:2017:900, punt 212).

67      Għaldaqstant, il-BĊE ma kisirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ddeċieda li jimponi sanzjoni amministrattiva pekunjarja fuq ir-rikorrenti f’dan il-każ.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment u, konsegwentement, l-ewwel motiv ukoll, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU

69      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li huwa kien obbligat jippubblika s-sanzjonijiet amministrattivi li huwa jimponi mingħajr anonimizzazzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet tal-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU ma jkunux issodisfatti. Huwa qies li r-rikorrenti ma kinitx uriet li d-dannu li tista’ tikkawżalha l-pubblikazzjoni ta’ isimha assoċjat mas-sanzjoni imposta fuqha kien ta’ portata ikbar minn dik li kienet inerenti għal dan it-tip ta’ pubblikazzjoni.

70      Ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE, meta ddeċieda dwar il-pubblikazzjoni tas-sanzjoni pekunjarja imposta mingħajr anonimizzazzjoni ta’ isimha, kiser il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, peress li kkonkluda b’mod żbaljat li tali pubblikazzjoni ma kinitx ta’ natura li tikkawżalha dannu sproporzjonat.

71      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

72      Skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[i]l-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe penali msemmija fil-paragrafu 1, jekk tkunx ġiet appellata jew le, fil-każijiet ta’ u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni”.

73      Skont l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, huwa previst dan li ġej:

“1. Il-BĊE għandu jippubblika fuq il-websajt tiegħu mingħajr dewmien żejjed, u wara li d-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata, kull deċiżjoni li timponi penali amministrattiva, kif iddefinita fl-Artikolu 120, fuq entità taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti, inkluża informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-entità taħt superviżjoni kkonċernata, ħlief jekk pubblikazzjoni b’dan il-mod:

[…]

b)      jew inkella tikkawża, safejn tista’ tiġi stabbilita, ħsara sproporzjonata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjonijiet li jirrigwardaw penali amministrattivi għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonima. Alternattivament, meta dawk iċ-ċirkustanzi aktarx ikunu ser jintemmu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, il-pubblikazzjoni taħt dan il-paragrafu tista’ tiġi posposta għal dak il-perijodu ta’ żmien.”

74      Huwa inkwistjoni, fl-ewwel lok, is-sens li għandu jingħata lill-kundizzjoni li l-pubblikazzjoni tal-identità tal-entità li fuqha ġiet imposta sanzjoni għandha tikkawżalha “dannu sproporzjonat” sabiex l-imsemmija pubblikazzjoni ssir b’mod anonimu, skont l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU.

75      Skont ir-rikorrenti, din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li timplika bbilanċjar tal-gravità tal-aġir inkwistjoni fir-rigward tal-effetti tal-pubblikazzjoni, fid-dawl tan-natura repressiva ta’ tali pubblikazzjoni u għall-finijiet tal-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-entità kkonċernata.

76      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, isostni, essenzjalment, li l-gravità tal-ksur ma hijiex kunsiderazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU.

77      Sabiex jiġi ddeterminat is-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tiegħu, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li regolament ta’ implimentazzjoni għandu jkun suġġett, jekk possibbli, għal interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek, C‑376/11, EU:C:2012:502, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, sa fejn ir-Regolament Qafas MSU ġie adottat abbażi tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1024/2013, dan għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan tal-aħħar.

79      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li dan jistabbilixxi bħala prinċipju l-pubblikazzjoni ta’ kull deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva — mingħajr riferiment għall-gravità tal-ksur inkwistjoni — u li, fl-informazzjoni magħmula pubblika, hija inkluża l-identità tal-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali kkonċernata. Għalhekk, huwa biss bħala eċċezzjoni u f’żewġ każijiet elenkati b’mod eżawrjenti li d-deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi huma ppubblikati b’mod anonimu jew li l-pubblikazzjoni tagħhom tista’ tiġi mdewma.

80      Barra minn hekk, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU ma jsemmix il-grad ta’ gravità tal-ksur inkwistjoni bħala li jikkostitwixxi kunsiderazzjoni li tista’ tkun rilevanti fl-għoti tal-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni.

81      Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU jirriżulta li l-gravità tal-ksur imwettaq minn istituzzjoni ta’ kreditu ma hijiex kunsiderazzjoni rilevanti meta l-BĊE għandu jiddeċiedi dwar l-għoti tal-benefiċċju tad-deroga li tinsab fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) ta’ dan l-istess regolament.

82      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jipprovdi li “[i]l-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe penali msemmija fil-paragrafu 1, jekk tkunx ġiet appellata jew le”. Minn dan jirriżulta neċessarjament li kull sanzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi ppubblikata, indipendentement mill-gravità tal-ksur inkwistjoni.

83      It-tielet nett, din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva 2013/36.

84      Fil-fatt, sa fejn id-Direttiva 2013/36 tiddetermina s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-Regolament Nru 575/2013, hija tagħmel parti mill-kuntest ġuridiku li jagħmel parti minnu l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1024/2013, kif jixhdu r-riferimenti magħmula minn dan l-artikolu għall-“atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni”.

85      Skont il-premessa 38 tad-Direttiva 2013/36, “sabiex jiġi żgurat li tali penali amministrattivi jkollhom effett dissważiv, dawn għandhom normalment ikunu ppubblikati ħlief f’ċerti ċirkostanzi speċifikati biċ-ċar”. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur ried li, bħala prinċipju, kull sanzjoni tkun is-suġġett ta’ pubblikazzjoni, u dan sabiex jiġi żgurat effett dissważiv tal-imsemmija sanzjonijiet.

86      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 68 tad-Direttiva 2013/36, li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi mill-awtoritajiet kompetenti, isegwi fuq dan il-punt approċċ analogu għal dak tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, peress li, minn naħa, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll prinċipju ta’ pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti kollha, mingħajr riferiment għall-grad ta’ gravità tal-ksur inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, l-ebda riferiment għall-imsemmi grad ta’ gravità ma jinsab fl-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tinsab fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU dwar in-natura “sproporzjonata” tad-dannu kkawżat minn pubblikazzjoni mingħajr anonimizzazzjoni tal-entità inkwistjoni għandha ssir biss abbażi ta’ evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ tali assenza ta’ anonimizzazzjoni fuq is-sitwazzjoni tagħha, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ gravità tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tagħha.

88      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-enfasi, mir-rikorrenti, tan-neċessità li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

89      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħhom u li huma issa stabbiliti fil-Karta (ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Madankollu, fid-dawl tas-sens ċar ħafna kemm tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU kif ukoll tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, ma huwiex possibbli li wieħed jitbiegħed mill-interpretazzjoni li tirriżulta mill-punti 79 sa 87 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tat-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem, li ma jistax jiġi aċċettat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-17 ta’ Lulju 2015, EEB vs Il-Kummissjoni, T‑685/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:560, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ dispożizzjoni li s-sens tagħha huwa ċar u nieqes minn ambigwità, hija biss il-Qorti Ġenerali, f’każ li titressaq eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, li tista’ tistħarreġ il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

91      Issa, għalkemm ir-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, dan ma huwiex minħabba li din id-dispożizzjoni tipprevedi, bħala prinċipju, il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi, indipendentement mill-gravità tal-ksur, iżda biss, fil-kuntest tat-tielet motiv, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi l-pubblikazzjoni tal-imsemmija sanzjonijiet qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

92      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-BĊE kkunsidrax ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-pubblikazzjoni tas-sanzjoni, mingħajr anonimizzazzjoni, ma tikkawżax “dannu sproporzjonat” lir-rikorrenti fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud, preliminarjament, l-argument tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa dwar il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha.

94      Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li, bħalma ssostni r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE, fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti mill-BĊE, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-portata ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa hija strettament limitata, b’differenza għall-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, għad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita biss stħarriġ tal-legalità fuq l-applikazzjoni, mill-BĊE, tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU.

96      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-pubblikazzjoni tas-sanzjoni hija sproporzjonata fid-dawl tal-konsegwenzi sinjifikattivi tagħha, meta mqabbla mal-gravità mhux sinjifikattiva tal-ksur u mal-perijodu qasir tiegħu. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tenfasizza l-bona fide tagħha, in-natura trasparenti tal-azzjoni tagħha fis-suq u l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva. It-tieni nett, hija tikkunsidra li l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja amministrattiva huwa, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha. It-tielet nett, hija tenfasizza s-severità tal-effetti ta’ pubblikazzjoni, li twassal għal ħsara għar-reputazzjoni tagħha li twassal għal tnaqqis fil-valur tas-suq tal-azzjonijiet tagħha. Filwaqt li tagħmel riferiment għal studju tal-Università ta’ Oxford (ir-Renju Unit) dwar ir-riżultat ta’ ħsara għar-reputazzjoni kkawżata minn kampjun ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, hija ssostni li l-konsegwenzi negattivi fuq ir-reputazzjoni huma ferm ogħla, saħansitra mingħajr rabta, mal-ammont tas-sanzjoni. Għaldaqstant, ikun sproporzjonat li tiġi ppubblikata sanzjoni li ġiet limitata għal 0.03 % tad-dħul mill-bejgħ. Ir-rikorrenti tagħmel riferiment, barra minn hekk, għall-konsegwenzi tal-pubblikazzjoni ta’ sanzjoni imposta mill-BĊE fuq istituzzjoni ta’ kreditu oħra fuq il-valur tal-azzjonijiet tagħha.

97      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata gravità mhux sinjifikattiva tal-ksur imwettaq minnha, għar-raġunijiet esposti fil-punti 74 sa 91 iktar ’il fuq, dawn ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tar-rifjut tal-BĊE li jagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU.

98      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-effetti tal-pubblikazzjoni tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha, minnhom jirriżulta biss li l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollha effett negattiv fuq ir-reputazzjoni tagħhom. Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punt 85 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li din hija ċirkustanza li ttieħdet inkunsiderazzjoni, jew li hija saħansitra mfittxija, mil-leġiżlatur, meta ddeċieda dwar il-prinċipju tal-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, sabiex jiżgura n-natura dissważiva tagħhom.

99      Għalhekk, sabiex il-BĊE jkun obbligat japplika l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, l-effetti ta’ pubblikazzjoni, mingħajr anonimizzazzjoni, tas-sanzjoni għandhom ikunu jistgħu jaqbżu dawk li jirriżultaw mill-ħsara għar-reputazzjoni inerenti għal din il-pubblikazzjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda prova intiża sabiex turi li dan seta’ kien il-każ hawnhekk.

100    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta

101    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-BĊE, billi ppreveda l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kiser din id-dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta. Hija tressaq żewġ ilmenti f’dan ir-rigward. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, hija tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn dan imur kontra s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-kuntest tat-tieni lment, hija tikkritika, essenzjalment, lill-BĊE peress li ma interpretax u applika l-espressjoni “mingħajr dewmien żejjed” li tinsab fl-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU b’mod li tirrendi din id-dispożizzjoni konformi mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat, permezz tal-eċċezzjoni, fuq l-illegalità tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013

102    Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn jipprevedi regola ta’ pubblikazzjoni obbligatorja tas-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi, irrispettivament minn jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu tippreżentax rikors jew le, huwa kuntrarju għas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u għad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

103    F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-rifjut mill-BĊE li jilqa’ t-talba għal pubblikazzjoni anonima tas-sanzjoni għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju u li tali rikors isir mingħajr skop f’każ ta’ pubblikazzjoni tas-sanzjoni pekunjarja qabel ir-rikors. Minn dan hija tiddeduċi li l-BĊE ma jistax jippubblika s-sanzjoni pekunjarja qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

104    Il-BĊE, sostnut mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

105    Skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[i]l-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe penali msemmija fil-paragrafu 1, jekk tkunx ġiet appellata jew le”.

106    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, billi jipprevedi l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni, anki fil-każ li din tkun is-suġġett ta’ rikors, sempliċement japplika l-ewwel sentenza tal-Artikolu 278 TFUE, li tipprovdi li l-“azzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea ma ikollhomx l-effett ta’ sospensjoni”.

107    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ppreżentata mir-rikorrenti ma tistax tintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU kif interpretati b’mod konformi mal-Artikolu 263 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment

108    Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li t-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dan ġie ppreżentat, għall-ewwel darba, fir-replika.

109    Għandu jiġi rrilevat li, fl-argumenti ddedikati għat-tielet motiv fir-rikors, ir-rikorrenti ma llimitatx ruħha li ssostni li l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 kien imur kontra s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-punti 117 sa 122 tar-rikors, ġiet ikkritikata wkoll l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni adottati mill-BĊE tal-espressjoni “mingħajr dewmien żejjed” li tinsab fl-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU.

110    Għaldaqstant, l-argumenti inklużi fir-replika, li permezz tagħhom ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE kiser l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, kif interpretati konformement mal-Artikolu 263 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jitqiesu bħala l-estensjoni ta’ lment li jinsab fir-rikors, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq.

111    Għaldaqstant, dan l-ilment huwa ammissibbli.

–       Fuq il-mertu tal-ilment

112    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-Artikolu 263 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta. Minn dan jirriżulta li l-BĊE, meta jkun informat minn istituzzjoni ta’ kreditu bl-intenzjoni tagħha li tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li huwa adotta, għandu jippermettilha tibbenefika b’mod sħiħ mit-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament qabel ma jipproċedi bil-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fis-sit Internet tiegħu.

113    Ir-rikorrenti tfakkar li kienet informat lill-BĊE, fil-15 ta’ Marzu 2018, jiġifieri l-għada tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bl-intenzjoni tagħha li tippreżenta rikors u li titlob sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Hija tikkritika lill-BĊE li informaha, inizjalment, jiġifieri fl-20 ta’ Marzu 2018, li l-pubblikazzjoni kienet ser isseħħ bejn il-21 ta’ Marzu 2018 filgħaxija u t-22 ta’ Marzu 2018. Kien biss sussegwentement li l-BĊE ddeċieda li din il-pubblikazzjoni kellha ssir biss fis-26 ta’ Marzu 2018, bil-kundizzjoni li rikors ikun ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali qabel it-23 ta’ Marzu 2018. Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE, billi llimita t-terminu li fih hija setgħet tippreżenta r-rikors għal annullament tagħha u billi taha istruzzjonijiet kontradittorji fir-rigward tal-mument li fih kienet ser isseħħ il-pubblikazzjoni tas-sanzjoni pekunjarja amministrattiva, kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

114    Fil-punt 5.10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ddeċieda li s-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrent kellha tiġi ppubblikata, mingħajr anonimizzazzjoni, fis-sit Internet tiegħu, kif jeżiġi l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU.

115    Kif ġie indikat fil-punt 73 iktar ’il fuq, l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU jipprevedi li l-BĊE għandu jippubblika fis-sit Internet tiegħu “mingħajr dewmien żejjed […] kull deċiżjoni li timponi penali amministrattiva […] fuq entità taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti, inkluża informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-entità taħt superviżjoni kkonċernata”.

116    Barra minn hekk, kif diġà ssemma fil-punt 72 iktar ’il fuq, l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li, “[i]l-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe penali msemmija fil-paragrafu 1, jekk tkunx ġiet appellata jew le, fil-każijiet ta’ u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni.”

117    Kif tfakkar fil-punt 89 iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħhom u li issa huma inklużi fil-Karta.

118    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kellu japplika l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU billi jinterpretahom, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta, fis-sens li l-pubblikazzjoni, mingħajr anonimizzazzjoni, fis-sit Internet tal-BĊE, tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni meħuda fil-konfront tagħha ma setgħetx titwettaq qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, kif previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

119    Minn qari flimkien tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU jirriżulta li l-obbligu li huma jimponu fuq il-BĊE li jippubblika, bħala prinċipju mingħajr anonimizzazzjoni, id-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni għandu jiġi eżegwit “mingħajr dewmien żejjed” u “[indipendentement minn] jekk tkunx ġiet appellata jew le”, jiġifieri indipendentement mill-eżistenza ta’ eventwali rikors.

120    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 106 iktar ’il fuq, l-obbligu li għalhekk għandu l-BĊE sempliċement japplika l-preżunzjoni ta’ legalità marbuta, b’mod ġenerali, mal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni u tan-natura obbligatorja ta’ tali atti.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, “id-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju għandhom jiġu notifikati lil dawk li lilhom ikunu indirizzati u jkollhom effett minn meta ssir dik in-notifika”. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, li l-prinċipju tan-natura mhux sospensiva tar-rikorsi tagħha, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 278 TFUE, huwa manifestazzjoni tagħha, l-imsemmija atti jipproduċu effetti legali sakemm ma jkunux ġew irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 48, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 74)

122    L-obbligu tal-BĊE li jippubblika d-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni, bħala prinċipju mingħajr anonimizzazzjoni, fl-iqsar żmien possibbli u indipendentement mill-eżistenza ta’ eventwali rikors jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar u preċiż mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, mill-preżunzjoni ta’ legalità u min-natura obbligatorja tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni sabiex ma tkunx tista’ tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi, bħal dik mitluba mir-rikorrenti, mingħajr ma twassal għal interpretazzjoni contra legem li hija pprojbita mill-ġurisprudenza (ara l-punt 90 iktar ’il fuq).

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni konformi difiża mir-rikorrenti, li l-BĊE kellu jistenna l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament qabel ma jippubblika, mingħajr anonimizzazzjoni, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni li kienet ġiet imposta fuqha, ma tistax tiġi aċċettata, peress li tmur kontra l-formulazzjoni ċara u preċiża tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU, li jservu ta’ bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata.

124    Li kieku tali interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, is-sempliċi theddida ta’ rikors għal annullament, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Qafas MSU tkun timplika li dan tal-aħħar jiddiferixxi l-eżekuzzjoni tiegħu għal wara l-iskadenza tat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li jippreġudika għalhekk il-preżunzjoni ta’ legalità u n-natura obbligatorja tal-imsemmija deċiżjonijiet. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal azzjoni legali quddiem il-qorti tal-Unjoni ma jippreġudika, bħala prinċipju, bl-ebda mod il-preżunzjoni ta’ legalità u n-natura obbligatorja tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑404/97, EU:C:2000:345, punt 57; tat-22 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑261/99, EU:C:2001:179, punt 26, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 84).

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment u t-tielet motiv kif ukoll, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-BĊE, kif mitlub minn din tal-aħħar, inkluż l-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

127    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      VQ, għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inkluż dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Papasavvas

Tomljenović

Schalin

Škvařilová-Pelzl

 

      Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.