Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Settembru 2008 - Csepeli Áramtermelő vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-370/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Csepeli Áramtermelő kft (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: Á. Máttyus, K. Ferenczi, B. van de Walle de Ghelcke, T. Franchoo, u D. Fessenko, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni safejn tiddentifika lil Csespel bħala benefiċjarja ta' għajnuna mill-Istat ikkunsidrata inkompatibbli mas-suq komuni, u sa fejn id-deċiżjoni tordna lill-Ungerija tirkupra din l-allegata għajnuna mill-Istat, bl-interessi, mingħand Csespel; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008)2223 finali, tal-4 ta' Ġunju 2008 (Każ C 41/2005 - spejjeż iżolati Ungeriżi), sa fejn tidentifika lir-rikorrenti bħala benefiċjarja ta' għajnuna mill-Istat ikkunsidrata inkompatibbli mas-suq komuni, u sa fejn id-deċiżjoni tordna lill-Ungerija tirkupra din l-allegata għajnuna mill-Istat, bl-interessi, mingħand ir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tressaq provi u tiġġustifika b'mod adegwat il-konklużjoni tagħha li l-arranġament għax-xiri ta' servizzi tal-enerġija (iktar 'il quddiem l-"arranġament inkwistjoni") konkluż bejn ir-rikorrenti - proprjetarja ta' impjant ta' ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Ungerija li finalment inxtrat minn Atel AG - u l-grossista tal-elettriku statali, Magyar Villamos Muvek Rt. (iktar 'il quddiem "MVM"), jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq dawn il-motivi:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 87(1) KE billi naqset milli tipprovdi raġunijiet u billi wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-arranġament inkwistjoni tar-rikorrent taha vantaġġ ekonomiku.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-arranġament inkwistjoni tar-rikorrenti joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali, sa fejn l-obbligu ta' rkupru mhuwiex ġustifikat fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-metodoloġija li applikat sabiex tikkalkola l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati.

____________