Rikors ippreżentat fis-16 ta' Frar 2012 - Mecafer vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-74/12)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Mecafer SA (Valence, Franza) (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2011) 8804, tas-6 ta' Diċembru 2011, sa fejn din tipprovdi għal rimbors parzjali biss tad-dazji antidumping li hija ħallset u żżomm illegalment ammonti supplimentari ta' rimbors tad-dazji antidumping li huma legalment dovuti lir-rikorrenti;
tordna li d-Deċiżjoni kkontestata tinżamm fis-seħħ sakemm il-Kummissjoni Ewropea tkun adottat il-miżuri neċessarji sabiex tkun konformi mas-sentenza li ser tingħata mill-Qorti Ġenerali u
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
L-ewwel motiv
Il-konvenuta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta applikat marġni ta' qligħ xieraq u raġonevoli ta' importatur tal-UE indipendenti u b'hekk naqset milli tistabbilixxi prezz konvinċenti għall-esportazzjoni sabiex jiġu kkalkulati ammonti korretti tad-dazji antidumping għar-rimbors, li wassal għal ksur tal-Artikoli 2(9) u 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 .
It-tieni motiv
Il-konvenuta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta naqqset id-dazji antidumping bħala spejjeż fil-kalkolu tal-prezz għall-esportazzjoni, u b'hekk naqset milli tistabbilixxi marġni ta' dumping konvinċenti sabiex jiġi kkalkulat l-ammont korrett tad-dazji antidumping li għandhom jiġu rimborsati, li wassal għal ksur tal-Artikoli 2(9) u (11), u 11(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1225/2009.
It-tielet motiv
- Il-konvenuta ma informatx mall-ewwel u b'mod adegwat lir-rikorrenti dwar l-eżiġenzi li għandhom jiġu ssodisfatti skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1225/2009, u b'hekk kisret id-dritt ta' difiża protett mid-dritt ġenerali tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju ta' amministrazzoni tajba stabbilit fid-dritt tal-Unjoni u msemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
____________1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat- 30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51)