Language of document : ECLI:EU:T:2010:354

Kawża T-539/08

Etimine SA u AB Etiproducts Oy

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Ambjent u protezzjoni tas-saħħa umana — Klassifikazzjoni, imballaġġ u ttikkettjar ta’ ċerti borati bħala sustanzi perikolużi — Direttiva 2008/58/KE — Direttiva 67/548/KEE — Regolament (KE) Nru 790/2009 — Regolament (KE) Nru 1272/2008 — Adattament tat- talbiet — Applikazzjoni ratione temporis tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li rikors ippreżentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jiġi bbażat fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Assenza

(ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 230 KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li persuna tkun individwalment ikkonċernata minn att ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Atti dwar proċeduri ta’ evalwazzjoni tar-riskji u ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi

(Artikolu 230 KE)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li persuna tkun individwalment ikkonċernata minn att ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Atti dwar proċeduri ta’ evalwazzjoni tar-riskji u ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

1.      It-Trattat FUE ma jipprovdi ebda dispożizzjoni tranżitorja speċifika li tirregola l‑kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwiex applikabbli għal proċeduri ġudizzjarji li kienu pendenti fl-1 ta’ Diċembru 2009. F’dak li jirrigwarda speċifikament il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tar-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu quddiem qorti tal-Unjoni, minn naħa, skont il-massima tempus regit actum, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat u li, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil-mument ta’ meta tiġi ppreżentata l-kawża, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors, li jista’ jiġi rrettifikat biss meta tali rettifika sseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors. Konsegwentement, peress li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annulament, jiġifieri fil-mument tal-preżentata kemm tar-rikors promotur kif ukoll tat-talba għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi għal annullament, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tiegħu kienu rregolati mill-Artikolu 230 KE, il-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrenti biex iressqu rikors għall-annullament tal-atti kkontestati għandha tiġi deċiża abbażi tal-imsemmi artikolu.

(ara l-punti 75, 76, 78)

2.      Meta deċiżjoni tolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed att ta’ natura ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi. Madankollu, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in‑numru jew saħansitra l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, meta jkun paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni. Għalhekk, l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi ta’ importazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni ta’ borati provenjenti minn Stat terz ma hijiex bħala tali ta’ natura li tindividwalizza lill-proprjetarju tal-imsemmi dritt, b’mod partikolari meta operaturi oħra jista’ jkollhom drittijiet analogi.

Peress li r-rikorrenti, li huma operaturi li għandhom drittijiet għall-operat ta’ minjieri tal-borati affettwati mill-att ta’ klassifikazzjonijiet ta’ dan il-prodott bħala sustanza perikoluża, naqsu milli jidentifikaw operaturi oħrajn li għandhom drittijiet analogi, naqsu wkoll milli jispeċifikaw ir-raġunijiet li għalihom dawn setgħu, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, jifformaw grupp limitat u, peress li naqsu barra minn hekk milli jistabbilixxu li l-klassifikazzjonijiet inkwistjoni kellhom l-għan jew il-konsegwenza li jaffettwaw il-portata tad-drittijiet esklużivi invokati, jekk mhux saħansitra l-effett li jipprekludu l‑eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, l-imsemmija rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, mill-att inkwistjoni.

Fil-fatt, il-klassifikazzjonijiet inkwistjoni ma jippreġudikawx id-drittijiet esklużivi tar-rikorrenti li jimportaw jew jikkumerċjalizzaw, fl-Unjoni, is-sustanzi abbażi ta’ borat. Il-fatt li dawn il-klassifikazzjonijiet huma ta’ natura li jagħmlu, jekk ikun il‑każ, l-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet esklużivi iktar diffiċli ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jindividwalizza lir-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, peress li dawn jaffettwaw, a priori, bl-istess mod lill-operaturi kollha li jeżerċitaw jew li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet li jinvolvu l‑importazzjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ sustanzi abbażi ta’ borat fl-Unjoni, indipendentement minn jekk dawn għandhomx jew le drittijiet esklużivi f’dan ir-rigward. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà li r rikorrenti jsofru żvantaġġ ekonomiku – anki kunsiderevoli – minħabba l-klassifikazzjonijiet ikkontestati ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li l-imsemmija klassifikazzjonijiet jindividwalizzawhom meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor li jista’ jkun espost għal konsegwenzi analogi. Fl-aħħar nett, lanqas iċ-ċirkustanza li operatur huwa l‑ikbar importatur ta’ borati fl-Unjoni ma tista’ tindividwalizzah meta mqabbel mal-operaturi l-oħrajn. Fil-fatt, operatur iżgħar li għandu drittijiet ta’ distribuzzjoni analogi għandu jkun espost għal diffikultajiet ekonomiċi paragunabbli, peress li l-imsemmija klassifikazzjonijiet jaffettwawhom kollha f’din il-kwalità u proporzjonalment skont id-daqs tagħhom u l-importanza tal-attività kummerċjali tagħhom marbuta mal-borati.

(ara l-punti 100, 101, 104-107)

3.      Il-fatt li persuna tintervjeni fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa ta’ natura li jindividwalizzaha fil-konfront tal-att inkwistjoni biss fil-każ fejn il‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ipprovdiet garanziji proċedurali favur din il‑persuna. Fir-rigward tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l‑ittikkettjar tas-sustanzi perikolużi, ir-regoli tal-proċedura rilevanti li jirregolaw il-proċess tal-adozzjoni tagħha ma jipprovdux tali garanziji proċedurali favur operaturi li jistgħu potenzjalment jiġu affettwati mir-riżultat ta’ proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548. Barra minn hekk, l‑Artikoli 6 sa 10 tar-Regolament Nru 793/93, dwar il valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti, li jirrigwardaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji, li hija distinta minn dik ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza, ma humiex applikabbli għall-proċedura ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża u għalhekk ma jistgħux jiġu invokati insostenn tal-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fil-proċedura. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux garanziji proċedurali applikabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża abbażi tad-Direttiva 67/548 jew tar-Regolament Nru 1272/2008, dwar il klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Konsegwentement, dawn id‑dispożizzjonijiet ma humiex tali li jindividwalizzaw lir-rikorrenti fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 230 KE, peress li dawn tal-aħħar ma humiex ir-riżultat tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93, iżda r-riżultat tal-proċeduri rispettivi distinti ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 u tar-Regolament Nru 1272/2008, li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti ma għandhomx tali garanziji.

(ara l-punti 109, 112, 114-116)