Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2008 - Etimine u Etiproducts vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-539/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Etimine SA (Bettembourg, il-Lussemburgu) u Ab Etiproducts Oy (Espoo, il-Finlandja) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla parzjalment il-miżuri kkontestati billi tannulla l-annotazzjonijiet fl-Anness 1G tal-miżura kkontestata relatati mas-sustanzi segwenti:

aċidu boriku; aċidu boriku, mhux raffinat naturali;

trijossidu tad-diboron; ossidu boriku,

tetraborat tad-dissodju anidru; aċidu boriku; melħ tad-dissodju; tetraboron eptaossidu tad-dissodju; idrat, aċidu ortaboriku, melħ tas-sodju,

tetraborat tad-dissodju dekaidrat; borax dekaidrat,

tetraborat tad-dissodju pentaidrat; borax pentaidrat.

Alternattivament, tannulla parzjalment il-miżuri kkontestati billi tannulla l-annotazzjonijet fl-Anness 1G tal-miżura kkontestata relatati mas-sustanzi segwenti:

trijossidu tad-diboron; ossidu boriku,

tetraborat tad-dissodju anidru; aċidu boriku; melħ tad-dissodju; tetraboron eptaossidu tad-dissodju; idrat, aċidu ortaboriku, melħ tas-sodju,

tetraborat tad-dissodju dekaidrat; borax dekaidrat,

tetraborat tad-dissodju pentaidrat; borax pentaidrat.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali, skont l-Artikolu 230 KE, tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta' Awwissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkjettar tas-sustanzi perikolużi1 safejn tikklassifika ċerti borati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni kemm fir-rigward tal-fertilità kif ukoll tal-iżvilupp.

Ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi in sostenn tat-talbiet tagħhom.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali press li l-miżura kkontestata ma tikkonformax mal-proċedura leġiżlattiva applikabbli u għalhekk tikser l-Artikoli 5 u 7 KE, l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE2 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.3

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' evalwazzjoni meta applikat il-kriterji ta' klassifikazzjoni tas-sustanzi tal-borati u għalhekk kisret id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE. Huma jsostnu li l-Kummissjoni m'applikatx jew naqset milli tapplika kif jixraq il-prinċipju tal-"użu u l-manipulazzjoni normali" ipprovdut fl-Anness VI tad-Direttiva 67/548/KEE, applikat illegalment il-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju filwaqt li, fil-fehma tar-rikorrenti, dawn huma irrilevanti fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tas-sustanzi taħt id-Direttiva 67/548/KEE u naqset milli tapplika jew applikat żbaljatament il-kriterju ta' "karattru xieraq" bi ksur tal-punt 4.2.3.3 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548/KEE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tagħti biżżejjed importanza lid-data epidemjoloġika u umana li ġiet sottomessa mir-rikorrenti u, konsegwentement, il-miżura kkontestata hija parzjalment ivvizzjata minn żball manifest ta' evalwazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni illegalment estrapolat data relatata ma' waħda mis-sustanzi tal-borati sabiex tikklassifika s-sustanzi tal-borati l-oħra u għalhekk il-miżura kkontestata għandha tkun parzjalment annullata minn tal-inqas safejn tikkonċerna s-sustanzi tal-borati l-oħra. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pprovdietx motivazzjoni xierqa skont l-Artikolu 253 KE peress li l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni sabiex tispjega r-raġunijiet għall-estrapolazzjoni tad-data.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 KE, peress li fil-fehma tagħhom, il-miżura kkontestata tmur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tikseb l-għanijiet ta' dik il-miżura.

____________

1 - ĠU L 246, p. 1

2 - Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1999, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi, ĠU 196, p. 1

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, ĠU L 184, p. 23