Language of document : ECLI:EU:C:2023:483

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil‑15 ta’ Ġunju 2023 (1)

Kawża C118/22

NG

Proċedura amministrattiva

vs

Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri MVR - Sofia,

fil-preżenza ta’

Varhovna administrativna prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikoli 4, 5, 8, 10 u 16 – Żamma ta’ data ta’ persuna fiżika kkundannata għal reat intenzjonali sa mewtha – Persuna fiżika li tkun ġiet ikkundannata b’sentenza definittiva u sussegwentement irriabilitata – Ċaħda tat-talba għal tħassir – Neċessità u proporzjonalità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






1.        Għandna ninkwetaw dwar iż-żamma ta’ data personali fil-fajls tal-pulizija li jżommu lill-individwu rreġistrat, jekk ikun il-każ għal ħajtu kollha, fi status ta’ devjant soċjali, perikoluż għal dejjem? Ma għandniex, għall-kuntrarju, inkunu grati għal dawn in-noti tal-pulizija għall-konstatazzjoni tar-riżoluzzjoni min-naħa tal-investigaturi ta’ każijiet antiki mhux solvuti, illum magħrufin iktar bl-isem “cold cases”, għas-serħan kbir tal-familji tal-vittmi?

2.        Din il-kawża taqa’ preċiżament taħt dawn il-mistoqsijiet antagonisti li jirreferu għar-rikonċiljazzjoni tal-interess pubbliku marbut mal-ġlieda kontra l-kriminalità ma’ dak tal-individwu marbut mal-protezzjoni tad-data personali tiegħu u mar-rispett għall-ħajja privata tiegħu. Hija tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ipproċessar ta’ din id-data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi mid-dimensjoni ratione temporis tagħha, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2016/680 (2).

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

3.        Huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża l-Artikoli 4, 5, 8, 10 u 16 tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

B.      Iddritt Bulgaru

4.        L-Artikolu 26(1) u (2) taż-zakon za Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, iktar ’il quddiem iż-“ZMVR”) jipprovdi li:

“(1)      Meta jipproċessaw data personali b’rabta mal-attivitajiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ta’ żamma tal-ordni pubbliku u ta’ tmexxija ta’ proċeduri kriminali, l-awtoritajiet tal-Ministeru għall-Intern:

[…]

3.      jistgħu jipproċessaw il-kategoriji neċessarji kollha ta’ data personali;

[]

(2)      It-termini għaż-żamma tad-data msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-verifika perjodika tal-ħtieġa għall-ħażna tad-data għandhom jiġu ffissati mill-Ministru għall-Intern. Din id-data għandha titħassar ukoll bis-saħħa ta’ att ġudizzjarju jew deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali.”

5.        L-Artikolu 27 taż-ZMVR jipprovdi li:

“Id-data li tirriżulta mir-reġistrazzjoni tal-persuni fir-reġistru tal-pulizija li ssir fuq il-bażi tal-Artikolu 68 tintuża biss għal skopijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ta’ ġlieda kontra l-kriminalità u ta’ żamma tal-ordni pubbliku.”

6.        L-Artikolu 68 taż-ZMVR jipprovdi kif ġej:

“(1)      L-awtoritajiet tal-pulizija għandhom jirreġistraw fir-reġistru tal-pulizija lill-persuni li jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba reat intenzjonat suġġett għal azzjoni pubblika L-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-reġistru mill-awtoritajiet tal-pulizija.

(2)      Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija hija tip ta’ pproċessar ta’ data personali tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li sseħħ fil-kuntest ta’ din il-liġi.

(3)      Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija, l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom:

1.      jiġbru d-data personali dwar il-persuni msemmija fl-Artikolu 18 taż-[Zakon za balgaskite lichni dokumenti (il-Liġi dwar id-Dokumenti tal-Identità Bulgari)];

2.      jieħdu l-marki tas-swaba’ diġitali tal-persuni u jieħdu ritratti tal-persuni;

3.      jiġbru kampjuni għall-finijiet tal-ħolqien ta’ profil tad-DNA tal-persuni.

[]

(6)      Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija għandha titħassar fuq il-bażi ta’ ordni bil-miktub tal-kontrollur ta’ data personali jew tal-uffiċjali awtorizzati minnu, ex officio jew wara talba bil-miktub u motivata tal-persuna rreġistrata, meta:

1.      ir-reġistrazzjoni tkun saret bi ksur tal-liġi;

2.      il-proċeduri kriminali jitwaqqfu, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 24(3) tan-[Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)];

3.      il-proċeduri kriminali jkunu wasslu għal ħelsien;

4.      il-persuna tkun ġiet eżentata mir-responsabbiltà kriminali tagħha u tkun ġiet imposta fuqha sanzjoni amministrattiva;

5.      il-persuna tkun mietet, f’liema każ it-talba tkun tista’ ssir mill-eredi tagħha.

(7)      Il-modalitajiet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija u ta’ tħassir ta’ din ir-reġistrazzjoni għandhom jiġu stabbiliti b’regolament tal-Kunsill tal-Ministri.”

II.    Ilfatti li wasslu għall-kawża, ilproċedura filkawża prinċipali u ddomanda preliminari

7.        NG kien is-suġġett ta’ reġistrazzjoni fil-fajl tal-pulizija, li seħħet fil-kuntest ta’ proċedura istruttorja, minħabba xhieda falza, reat kriminali previst fl-Artikolu 290(1) tan-Nakazatelen Kodeks (il-Kodiċi Kriminali). Wara din il-proċedura, fit‑2 ta’ Lulju 2015, inħareġ att ta’ akkuża kontrih u, b’sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, ikkonfermata fl-appell b’sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2016, huwa ġie misjub ħati u ġie kkundannat għall-piena ta’ probation għal sena. Il-piena ġiet skontata fl‑14 ta’ Marzu 2018.

8.        Fil‑15 ta’ Lulju 2020, NG ressaq talba għat-tħassir ta’ din ir-reġistrazzjoni quddiem l-amministrazzjoni territorjali kompetenti tal-Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Ministeru għall-Intern, il-Bulgarija), filwaqt li pproduċa estratt tal-fedina penali tiegħu li jiċċertifika li ma kellux kundanni preċedenti.

9.        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Settembru 2020, l-awtorità amministrattiva kompetenti ċaħdet din it-talba minħabba li kundanna b’sentenza definittiva ma kinitx tagħmel parti mill-motivi għat-tħassir tar-reġistrazzjoni fil-fajl tal-pulizija, elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 68(6) taż-ZMVR, inkluż fil-każ ta’ riabilitazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 85 tal-Kodiċi Kriminali. Fit‑8 ta’ Ottubru 2020, NG ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija). Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2021, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

10.      NG ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija). L-aggravju prinċipali huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikoli 5, 13 u 14 tad-Direttiva 2016/680, li jgħid li l-ipproċessar ta’ data personali billi tinħażen ma jistax ikun għal żmien illimitat. Issa, fin-nuqqas ta’ motiv għat-tħassir tar-reġistrazzjoni fil-fajl tal-pulizija, persuna kkundannata ma tistax titlob, wara r-riabilitazzjoni tagħha, it-tħassir tad-data tagħha miġbura b’rabta mar-reat kriminali li għalih hija tkun skontat il-piena tagħha, b’mod li l-perijodu tal-ħażna ta’ din id-data jkun illimitat.

11.      Peress li għandha dubji dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-fajls tal-pulizija inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fil-kawża prinċipali u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2016/680], ikkunsidrat mal-Artikolu 13(2)(b) u (3) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jwasslu għal dritt prattikament mingħajr limiti għall-ipproċessar ta’ data personali mill-korpi kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali u/jew għar-rinunzja mis-suġġett tad-data tad-dritt tiegħu għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, għat-tħassir jew għall-qerda tad-data tiegħu?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

12.      Il-Gvern Bulgaru, Ċek, Irlandiż, Spanjol u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta li nżammet fis‑7 ta’ Frar 2023, instemgħu wkoll l-osservazzjonijiet orali tal-konvenut fil-kawża prinċipali, tal-Gvern Bulgaru, Irlandiż, Spanjol, Olandiż u dak Pollakk kif ukoll tal-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lapplikabbiltà tadDirettiva 2016/680

13.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis manifestament skontat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2016/680, pożizzjoni li jidhirli li tiġġustifika xi osservazzjonijiet.

14.      Minn qari konġunt tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/680, din tal-aħħar tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali magħmul mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid. L-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2016/680 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-ipproċessar ta’ data personali magħmul “matul attività li taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”. Il-premessi 12 u 14 ta’ din id-direttiva jippreċiżaw il-kontenut ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà billi jindikaw li hija tkopri b’mod partikolari l-attivitajiet li jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali, għad-differenza ta’ dawk li jikkonċernaw iż-żamma tal-ordni pubbliku meta dan il-kompitu ikun ikkonferit fuq il-pulizija jew fuq l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħra fejn dan ikun meħtieġ għas-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u għall-interessi fundamentali tas-soċjetà protetti mil-liġi, li jistgħu jwasslu għal reat kriminali.

15.      Filwaqt li interpretat l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 (3) li jipprevedi eċċezzjoni għall-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament ifformulata f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2016/680, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-ewwel dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 16 tal-imsemmi regolament, għandha titqies li għandha l-uniku għan li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament l-ipproċessar ta’ data personali magħmul mill-awtoritajiet statali fil-kuntest ta’ attività intiża li tippreżerva s-sigurtà nazzjonali jew ta’ attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija, b’tali mod li s-sempliċi fatt li attività tkun speċifika għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma huwiex biżżejjed sabiex din l-eċċezzjoni tkun applikabbli awtomatikament għal tali attività. Hija ppreċiżat li l-attivitajiet li għandhom bħala għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali jkopru, b’mod partikolari, dawk li għandhom l-għan li jipproteġu l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà (4).

16.      Issa, f’dan il-każ, id-data hija rreġistrata u miżmuma mill-pulizija skont l-Artikolu 68 taż-ZMVR, b’mod konformi mal-Artikolu 27 ta’ din il-liġi, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u taż-żamma tal-ordni pubbliku. Għaldaqstant jidher li l-fajl tal-pulizija inkwistjoni jikkostitwixxi database unika u ibrida, peress li jiġbor informazzjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ pproċessar li huwa intiż għal skopijiet distinti fosthom dak marbut mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2016/680. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-legalità taż-żamma tad-data li tinsab f’tali fajl ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva inkwantu din id-data tintuża biss għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, ħaġa li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika (5). Fl-istat tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li ż-żamma tad-data ta’ NG fil-fajl tal-pulizija, li tagħha huwa talab it-tħassir, tista’ titqies bħala pproċessar li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2016/680.

17.      Jeħtieġ, f’dan l-istadju, li jiġi enfasizzat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà kienet is-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li segwiet domanda minn qorti Bulgara responsabbli sabiex tevalwa r-rifjut ta’ persuna mixlija b’reat ta’ frodi fiskali milli tissuġġetta ruħha għall-ġbir tad-data tagħha. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari fuq il-legalità tal-ġbir tad-data fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, u ddeċidiet li dan tal-aħħar, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (ċ) kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tivverifika jew turi, minn naħa, jekk dan il-ġbir huwiex verament meħtieġ sabiex jintlaħqu għanijiet konkreti intiżi u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-għanijiet jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri li huma ta’ ndħil inqas għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data (6). Din il-kawża twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikollha teżamina l-legalità ta’ indħil separat, jiġifieri ż-żamma tal-informazzjoni li tirrigwarda lill-persuni fiżiċi kkundannati kriminalment identifikati b’isimhom u kunjomhom fil-fajl tal-pulizija inkwistjoni, li tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali magħmula minn awtorità pubblika kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien u tal-investigazzjoni ta’ reati kriminali, jiġifieri l-Ministeru għall-Intern Bulgaru, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (2) u tal-Artikolu 3(7)(a) tad-Direttiva 2016/680.

B.      Fuq irriformulazzjoni taddomanda preliminari

18.      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha l-obbligu li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati b’mod espliċitu fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-qrati nazzjonali (7).

19.      Il-fatti tal-kawża prinċipali jirrigwardaw talba għat-tħassir tar-reġistrazzjoni fil-fajl tal-pulizija ta’ data personali, imressqa minn persuna fiżika li, wara li kienet ġiet ikkundannata minħabba xhieda falza, skontat il-piena tagħha u ġiet irriabilitata fl‑14 ta’ Marzu 2020, jiġifieri kważi ħames snin wara r-reġistrazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti, ikkonfermata fl-ewwel istanza mid-deċiżjoni tal-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofia), li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-qorti tar-rinviju li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2016/680 għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni taż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija. Għaldaqstant, il-kawża prinċipali tikkonċerna b’mod ċar id-dritt għat-tħassir tad-data personali mingħajr dewmien żejjed, kif previst fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680, meta l-ipproċessar jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikoli 4, 8 jew 10 tagħha jew meta din id-data għandha titħassar sabiex jiġi osservat obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur.

20.      L-Artikolu 4(1)(c) u (e) tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali tkun, skont il-prinċipji rispettivi ta’ minimizzazzjoni ta’ din id-data u ta’ limitazzjoni taż-żamma tagħha , adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalihom hija tiġi pproċessata u miżmuma b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom hija tiġi pproċessata (8). Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, dan huwa ddedikat għal-legalità tal-ipproċessar, li hija kkundizzjonata mill-ħtieġa ta’ pproċessar magħmul għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ missjoni minn awtorità kompetenti, għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva u ta’ bażi legali Ewropea jew nazzjonali, fejn din tal-aħħar għandha tippreċiża tal-inqas l-għanijiet tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata, u l-iskopijiet tal-ipproċessar. Finalment, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, dan jiddetermina s-sistema legali tal-ipproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali, bħalma hija d-data bijometrika u ġenetika użata fil-fajls tal-pulizija għall-finijiet li tiġi identifikata persuna fiżika b’mod uniku.

21.      Għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma jissemmewx fid-domanda preliminari minkejja li huma manifestament rilevanti għall-finijiet tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi f’dan il-każ. Il-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 13(2)(b) u (3) tad-Direttiva 2016/680 li ma humiex parti mid-dispożizzjonijiet espressament imsemmija fl-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, li l-ksur tagħhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġġustifika l-implimentazzjoni tad-dritt għal tħassir mogħti lis-suġġett tad-data. Madankollu, dan id-dritt huwa rrikonoxxut ukoll meta d-data għandha titħassar sabiex ikun osservat obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, ħaġa li tista’ tikkorrispondi għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 13(2)(b) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri u rispettivament: l-iffissar tat-termini massimi għaż-żamma tad-data jew għar-rieżami perjodiku dwar il-ħtieġa ta’ tali żamma (9) u l-provvista mill-kontrollur lis-suġġett tad-data, f’każijiet partikolari, ta’ informazzjoni addizzjonali għal dik prevista fl-Artikolu 13(1) sabiex tippermettilu jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 13(3) jikkonċerna l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, miżuri leġiżlattivi intiżi li jittardjaw jew jillimitaw il-provvista tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2, jew li ma jipprovduhiex, ħaġa li ma tistax toħroġ minn obbligu legali impost fuq il-kontrollur.

22.      Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, fil-kawża prinċipali, qamet il-kwistjoni tal-informazzjoni ta’ NG fir-rigward tad-drittijiet tiegħu, peress li s-suġġett tad-data manifestament seta’ jeżerċitahom kif juri r-rikors li bih huwa adixxa lill-awtoritajiet amministrattivi u mbagħad ġudizzjarji li jikkonċerna ż-żamma tad-data tiegħu. Il-kwistjoni indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx, għaldaqstant, li teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) u (3) tad-Direttiva 2016/680. Għaldaqstant, huma b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikoli 4, 5, 8 u 10 ta’ din id-direttiva li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23.      Barra minn hekk, kif tipprovdi l-premessa 104 tagħha, id-Direttiva 2016/680 tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti fil-Karta, kif imħaddna fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Skont il-premessa 46 ta’ din id-direttiva, kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data għandha tikkonforma mal-Karta u mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) rispettivament, u b’mod partikolari għandha tosserva l-essenza tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. Jeħtieġ li jitfakkar li d-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma humiex prerogattivi assoluti, imma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. Għaldaqstant, jistgħu jsiru limitazzjonijiet sakemm, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikunu previsti mil-liġi u josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont dan l-aħħar prinċipju, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu meħtieġa u jekk effettivament ifittxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u l-leġiżlazzjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni (10).

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4, 5, 8, 10 u l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680, moqrija b’mod konġunt u fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ta’ data personali f’fajl tal-pulizija, li tinkludi d-data bijometrika u ġenetika tas-suġġett tad-data, sal-mewt tiegħu, u li ma tippermettilhux jikseb it-tħassir ta’ din id-data wara r-riabilitazzjoni li minnha huwa bbenefika wara l-kundanna kriminali tiegħu (11).

C.      Fuq iżżamma taddata personali għal finijiet ta’ infurzar talliġi

25.      Qabel neżamina l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-fajl tal-pulizija inkwistjoni, jidhirli neċessarju li tiġi analizzata l-problema taż-żamma tad-data għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi fid-dawl ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB.

26.      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2016/680 hija intiża li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tad-data personali solidu u koerenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, irrikonoxxut fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE, fejn dan id-dritt huwa marbut mill-qrib mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta (12). Għal dan il-għan, il-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2016/680 jistabbilixxu, rispettivament, il-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kif ukoll id-drittijiet tas-suġġett tad-data li kull ipproċessar ta’ tali data għandu josserva. B’mod partikolari, kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun konformi mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data u mal-leġittimazzjoni tal-ipproċessar stabbiliti fl-Artikoli 4 u 8 ta’ din id-direttiva. Peress li r-rekwiżiti li jinsabu f’din l-aħħar dispożizzjoni jikkostitwixxu espressjoni ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan l-artikolu (13).

27.      Fir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ għaldaqstant li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-“minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680 li jirrifletti l-prinċipju ta’ proporzjonalità (14). L-istess japplika għall-prinċipju ta’ limitazzjoni taż-żamma, li jinsab fl-Artikolu 4(1)(e) ta’ din id-direttiva, li jimplika li ssir evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-ipproċessar meta mqabbel mal-għan tiegħu, fid-dawl tal-mogħdija taż-żmien. Tkun tikser dan il-prinċipju ż-żamma tad-data għal żmien li jeċċedi dak li huwa neċessarju, jiġifieri għal perijodu itwal minn dak neċessarju għat-twettiq tal-iskopijiet li għalihom din id-data tkun inħażnet (15). Minn dan jirriżulta li anki pproċessar inizjalment legali ta’ data jista’ jsir, biż-żmien, inkompatibbli mad-Direttiva 2016/680 meta din id-data ma tkunx għadha neċessarja għat-twettiq ta’ tali skopijiet u li d-data għandha titħassar meta l-imsemmija skopijiet jitwettqu (16).

28.      Il-problema marbuta maż-żmien taż-żamma tad-data hija ttrattata wkoll fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680 fil-forma ta’ suppliment u preċiżazzjoni għar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tagħha (17). Kif jissemma fil-premessa 26 tal-imsemmija direttiva, sabiex jiġi ggarantit li d-data ma tinħażinx għal żmien iktar minn kemm huwa neċessarju, għandhom ikunu stabbiliti termini mill-kontrollur għall-fini tat-tħassir jew tar-rieżami perjodiku tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680, minn naħa, jagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jevalwaw u jiffissaw il-perijodu rilevanti taż-żamma u, min-naħa l-oħra, jipprevedi l-verifika regolari tal-ħtieġa li tinżamm id-data bħala alternattiva għall-iffissar a priori ta’ perijodu massimu għaż-żamma. Din it-tieni osservazzjoni jidhirli li għandha importanza ċerta f’din il-kawża, peress li tirrifletti r-rikonoxximent, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ żamma possibbli għal perijodu indefinit tad-data għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (18). Din il-konstatazzjoni għandha tkun marbuta mat-termini tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2016/680, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġi llimitat l-ipproċessar tad-data bħala alternattiva għat-tħassir tagħha, b’mod partikolari, fil-punt (b) tiegħu, meta d-data personali għandha tinħażen “għal finijiet ta’ evidenza”, ħaġa li turi li ma jeżistix dritt assolut għat-tħassir (19).

29.      Il-kwistjoni tal-legalità taż-żamma tad-data tinkludi neċessarjament dik tan-natura tagħha li tkopri f’dan il-każ, b’mod partikolari, il-marki tas-swaba’, ritratti, teħid ta’ kampjuni tad-DNA tal-persuna ssuspettata li wettqet reat jew ikkundannata kriminalment f’dan ir-rigward, peress li din it-tip ta’ data twassal sabiex l-ipproċessar jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li għalkemm is-sistema legali ddefinita b’din id-dispożizzjoni ma tinvolvix, għad-differenza ta’ dik prevista mill-Artikolu 9 tal-GDPR, projbizzjoni bħala prinċipju ta’ pproċessar li jirrigwarda tali data, dan l-pproċessar huwa permess “biss meta verament ikun meħtieġ”, sakemm ikun hemm garanziji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u meta dan ikun, b’mod partikolari, awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru.

30.      Skont il-ġurisprudenza, l-iskop tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 huwa li tiġi żgurata protezzjoni ikbar fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni u l-kuntest li fih tiġi pproċessata, jista’ jikkawża, kif jirriżulta mill-premessa 37 ta’ din id-direttiva, riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess li bih huwa fformulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, ir-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ tali data huwa awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi kundizzjonijiet imsaħħa għal-legalità tal-ipproċessar ta’ data sensittiva, fid-dawl ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) u (c) u mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, li jirreferu biss għall-“ħtieġa” ta’ pproċessar ta’ data li jaqa’, b’mod ġenerali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, minn naħa, l-użu tal-avverbju “biss” quddiem l-espressjoni “meta verament ikun meħtieġ” jenfasizza li l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, jista’ jitqies bħala meħtieġ biss f’numru limitat ta’ każijiet. Min-naħa l-oħra, in-natura “verament” meħtieġa ta’ pproċessar ta’ tali data timplika li din il-ħtieġa għandha tiġi evalwata b’mod partikolarment rigoruż (20).

31.      Fit-tieni lok, nirrileva li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet fuq il-kwistjoni tal-legalità taż-żamma tad-data għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, dan għamlitu f’kuntesti leġiżlattivi u fattwali singolarment distinti minn dak ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (21) li d-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mid-Direttiva 2002/58/KE (22), li minnu jirriżulta li l-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala regola, li l-komunikazzjonijiet tagħhom u d-data relatata magħhom jibqgħu, fin-nuqqas tal-kunsens tagħhom, anonimi u ma jistgħux ikunu is-suġġett ta’ reġistrazzjoni, jipprekludi żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, b’mod preventiv, tad-data relatata mat-traffiku u mal-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, ikun xi jkun il-grad ta’ gravità tagħha, peress li din iż-żamma hija aċċettata biss, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-każ ta’ theddida serja, reali u attwali jew prevedibbli għas-sigurtà nazzjonali. Hija żiedet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, għall-kuntrarju, miżuri li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data li tirrigwarda l-identità ċivili tal-utenti u, għal perijodu limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament neċessarju, tal-indirizzi IP tagħhom, żamma speċifika tad-data ddelimitata, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u mhux diskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ suġġetti ta’ data jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament neċessarju, imma rinnovabbli u, iż-żamma mgħaġġla tad-data relattiva li jkollhom il-fornituri ta’ servizzi għal perijodu speċifiku, filwaqt li dawn il-miżuri kollha għandhom jiżguraw, b’regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali relatati magħha u li s-suġġetti tad-data jkollhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet użu wkoll mill-kriterju marbut mal-osservanza tal-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tat-trasferiment , taż-żamma u tal-użu tad-data li tinsab fir-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri ta’ titjiriet extra‑UE stabbiliti mit-trasportaturi tal-ajru (iktar ’il quddiem id-“data PNR”), bil-għan tal-prevenzjoni u tal-iskoperta ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza li peress li l-perijodu taż-żamma tad-data PNR jista’, skont il-Ftehim PNR UE‑Kanada, idum sa ħames snin, dan il-ftehim jippermetti li tinżamm informazzjoni fuq il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru għal perijodu partikolarment twil u li, għal dak li jirrigwarda l-passiġġieri tal-ajru li għalihom ma ġiex identifikat riskju fil-qasam tat-terroriżmu jew tal-kriminalità transnazzjonali serja mal-wasla tagħhom fil-Kanada u sat-tluq tagħhom minn dan il-pajjiż terz, ma jidhirx li, malli jerġgħu jitilqu, tkun teżisti rabta, anki jekk indiretta, bejn id-data PNR tagħhom u l-għan imfittex mill-ftehim inkwistjoni, li tkun tiġġustifika ż-żamma ta’ din id-data. Hija kkonkludiet għaldaqstant li ħażna kontinwa tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha wara li jitilqu mill-Kanada għall-finijiet ta’ aċċess eventwali għall-imsemmija data, indipendentement minn rabta kwalunkwe mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, ma kinitx iġġustifikata (24).

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, fuq il-validità u l-interpretazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/681 (25) li tobbliga lit-trasportaturi tal-ajru sabiex jittrasferixxu d-data ta’ kull passiġġier li jaqbad titjira extra‑UE, operata bejn pajjiż terz u l-Unjoni Ewropea, lill-Unità ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri tal-Istat Membru tad-destinazzjoni jew tat-tluq tat-titjira kkonċernata, sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità serja. Id-data PNR hekk ittrasferita tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni minn qabel mill-Unità ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri għal perijodu ta sitt xhur u tinħażen imbagħad għal ħames snin għall-finijiet ta’ eventwali evalwazzjoni sussegwenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li tista’ twassal għal analiżijiet magħmula matul perijodu kunsiderevoli, jew indefinit, għal dak li jirrigwarda persuni li jivvjaġġaw bl-ajru iktar minn darba kull ħames snin. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din id-direttiva tinvolvi ndħil ta’ ċertu gravità fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, inkwantu, b’mod partikolari, hija intiża li tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza kontinwa, mhux immirata u sistematika, li tinkludi l-evalwazzjoni awtomatizzata ta’ data personali tal-persuni kollha li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ trasport bl-ajru, filwaqt li tippermetti interpretazzjoni konformi mal-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ żamma inizjali ta’ sitt xhur, iż-żamma tad-data PNR ma tidhirx li hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju għal dak li jikkonċerna il-passiġġieri tal-ajru li għalihom la l-evalwazzjoni minn qabel, la l-eventwali verifiki magħmula matul il-perijodu ta’ żamma inizjali ta’ sitt xhur, u lanqas ebda ċirkustanza oħra ma żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi tali li jistabbilixxu riskju fil-qasam tar-reati terroristiċi jew tal-kriminalità serja li għandhom rabta oġġettiva, ta’ mill-inqas indiretta, mal-vjaġġ bl-ajru magħmul minn dawn il-passiġġieri. Għall-kuntrarju, hija qieset li, matul il-perijodu inizjali ta’ sitt xhur, iż-żamma tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha suġġetti għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva ma tidhirx, bħala prinċipju, li teċċedi l-limiti ta’ dawk li huwa strettament neċessarju.

34.      Għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza mfakkra hawn fuq, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, minn naħa, li b’kuntrast ma’ dak li jinsab stabbilit fil-qasam tal-ipproċessar tad-data fid-Direttiva 2002/58 (26), il-kunsens tas-suġġett tad-data ma jikkostitwixxix bażi legali għall-ipproċessar tad-data personali magħmul mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680. Kif ġie ppreċiżat fil-premessa 35 tagħha, fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti ta’ prevenzjoni, ta’ sejbien, ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali mogħtija lilhom b’mod istituzzjonali mil-liġi, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu jew jordnaw lil persuni fiżiċi jikkonformaw mat-talbiet magħmula lilhom. Min-naħa l-oħra, din il-kawża ma tirrigwardax iż-żamma u l-analiżi awtomatizzata ta’ “oċean ta’ data” (27) ġġenerata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew dak tat-trasport bl-ajru, maħżuna minn operaturi privati u ttrasferita lis-servizzi tal-investigazzjoni imma fajl tal-pulizija uniku li fih id-data ta’ persuni li fil-konfront tagħhom jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu reat, issuspettati u kkundannati kriminalment, taħt il-kontroll esklużiv ta’ awtorità pubblika u strettament kunfidenzjali.

35.      Il-partikolarità tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tipprekludi, fil-fehma tiegħi, kull traspożizzjoni pura u sempliċi tas-soluzzjonijiet adottati fil-ġurisprudenza sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, peress li din tirrigwarda partikolarment id-distinzjoni bejn l-għanijiet taż-żamma tad-data (salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, ġlieda kontra l-kriminalità serja jew kontra reati li ma jaqgħux taħt din tal-aħħar) u l-korrelazzjoni neċessarja bejn l-importanza ta’ dawn l-għanijiet u l-grad ta’ gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jista’ jiġi ġġustifikat (28). Fi kliem ieħor, id-dikjarazzjoni li tgħid li l-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali tista’ tiġġustifika biss indħil li ma jkunx ta’ natura serja (29) ma tistax tkun adottata f’dan il-każ, taħt piena li jitnaqqas ħafna l-effett utli tad-Direttiva 2016/680 u tal-istrumenti nazzjonali ta’ investigazzjoni/ta’ sigurtà pubblika, bħalma huwa l-fajl tal-pulizija inkwistjoni, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li l-għan tagħha jesprimi preċiżament in-neċessità li wieħed jipprova jipproċessa, b’mod proporzjonat, data għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2016/680, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jadotta regoli li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-qasam kopert minn din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-premessa 12 tipprovdi li l-attivitajiet imwettqa mill-pulizija jew minn awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi huma ffokati prinċipalment fuq il-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, mingħajr preċiżazzjoni oħra, inklużi l-attivitajiet tal-pulizija mwettqa mingħajr għarfien minn qabel dwar jekk inċident jikkostitwixxix reat kriminali jew le (30).

36.      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 7 tal-Karta, li jirrigwarda d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, fih drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, u li l-protezzjoni tad-data personali għandha rwol fundamentali għall-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, jeħtieġ li l-Artikolu 7 jingħata l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (31).

37.      Il-Qorti EDB tikkunsidra li l-protezzjoni tad-data personali għandha rwol fundamentali fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata sanċit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u li s-sempliċi fatt li tiġi rreġistrata data dwar il-ħajja privata ta’ individwu jikkostitwixxi ndħil fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8, indipendentement mill-fatt li l-informazzjoni rreġistrata tkun jew ma tkunx użata wara. Skont din il-qorti, id-dritt intern għandu b’mod partikolari jiżgura li din id-data tkun rilevanti u mhux eċċessiva fid-dawl tal-iskopijiet li għalihom tkun irreġistrata, u li hija tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal perijodu li ma jeċċedix dak li huwa neċessarju għall-iskopijiet li għalihom hija tkun irreġistrata. Id-dritt intern għandu jkun fih ukoll garanziji xierqa li jipproteġu b’mod effikaċi d-data personali rreġistrata kontra l-użu ħażin u abbużiv, filwaqt li joffri l-possibbiltà konkreta li jiġi ppreżentat rikors għat-tħassir tad-data rreġistrata. Il-Qorti EDB ħadet ħsieb, madankollu, tippreċiża li hija taf sewwasew li, sabiex jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom kif suppost, l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa joħolqu fajls li jikkontribwixxu b’mod effikaċi għall-infurzar tal-liġi u għall-prevenzjoni ta’ ċerti reati, b’mod partikolari l-iktar serji. Madankollu, tali dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu implimentati f’loġika eċċessiva ta’ massimizzazzjoni tal-informazzjoni li titqiegħed fihom u tal-perijodu taż-żamma tagħhom (32). Fuq dan l-aħħar punt, il-Qorti EDB tikkunsidra li l-assenza ta’ perijodu massimu għaż-żamma tad-data personali tal-persuni kkundannati ma hijiex neċessarjament inkompatibbli mal-Artikolu 8 tal-KEDB, imma li l-eżistenza u l-funzjonament ta’ ċerti garanziji proċedurali huma iktar u iktar meħtieġa f’dan il-każ (33).

D.      Fuq lindħil fiddrittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

38.      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 68 taż-ZMVR u mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Bulgaru waqt is-seduta, id-data msemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi, b’mod partikolari, l-istat ċivili tas-suġġetti tad-data, il-fatti kundannabbli li din tal-aħħar hija ssuspettata li wettqet jew li għalihom hija ġiet ikkundannata kriminalment, il-marki tas-swaba’ diġitali tagħha, ritratti, teħid ta’ kampjuni tad-DNA għall-finijiet tal-ħolqien ta’ profil. Peress li din id-data tinkludi għaldaqstant informazzjoni fuq persuni fiżiċi identifikati, l-ipproċessar differenti li hija tista’ tkun is-suġġett tiegħu jaffettwa d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ din id-data, bħalma huwa dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 8 tal-Karta minħabba l-fatt li jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali fis-sens ta’ dan l-artikolu u għandu, allura, jissodisfa neċessarjament ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data previsti fl-imsemmi artikolu (34).

39.      L-istess bħall-Qorti EDB li tgħid li s-sempliċi fatt li tiġi rreġistrata data dwar il-ħajja privata ta’ individwu jikkostitwixxi ndħil fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB (35), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ż-żamma tad-data tikkostitwixxi, fiha nfisha, indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, sanċiti bl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew jekk is-suġġetti tad-data jkunux sofrew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil jew jekk id-data miżmuma tkunx intużat jew le sussegwentement (36).

40.      Għal dak li jirrigwarda l-gravità tal-indħil li tikkostitwixxi ż-żamma, din tiġi stabbilita fid-dawl tan-natura ta’ ċerta data, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-data bijometrika u ġenetika li jinsabu fil-fajl tal-pulizija, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala kbar ir-riskji li jirrappreżenta l-ipproċessar ta’ data sensittiva għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 (37). F’dan ir-rigward, fil-premessa 23 ta’ din id-direttiva huwa ppreċiżat li, meta titqies il-kumplessità u s-sensittività tal-informazzjoni ġenetika, hemm riskju kbir ta’ użu abbużiv u użu mill-ġdid għal diversi finijiet mill-kontrollur. Għal dak li jirrigwarda l-premessa 51 tal-imsemmija direttiva, din tipprovdi li r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi jistgħu jirriżultaw minn ipproċessar ta’ data li jista’ jwassal għal dannu fiżiku, materjali jew dannu morali, b’mod partikolari, meta data ġenetika jew bijometrika tiġi pproċessata sabiex tiġi identifikata persuna b’mod uniku jew meta tiġi pproċessata data dwar kundanni kriminali u reati.

41.      Il-perijodu taż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija jikkontribwixxi wkoll għall-konstatazzjoni tal-gravità tal-indħil, fis-sens li din iż-żamma hija possibbli għal tul il-ħajja tal-persuna kkundannata kriminalment ħatja. Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-Artikolu 26(6) taż-ZMVR li d-data personali tista’ tiġi ttrasferita lil awtoritajiet kompetenti u lil destinatarji tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lil korpi u lil aġenziji tal-Unjoni Ewropea, lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali. Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, li jitfakkar li d-Direttiva 2016/680 għandha bħala għan li tiffaċilita l-fluss liberu tad-data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż il-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid fi ħdan l-Unjoni, u t-trasferiment ta’ tali data lejn pajjiżi terzi u lejn organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali u tal-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi (38). Infakkar, f’dan ir-rigward, li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jeżiġi, b’mod partikolari, li l-kontinwità tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali mogħti mid-dritt tal-Unjoni tiġi żgurata fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn pajjiż terz (39).

42.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvi ndħil ta’ gravità ċerta fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta inkwantu, b’mod partikolari, hija intiża li tistabbilixxi strument ta’ żamma kontinwa ta’ data sensittiva, li tista’ taqsam il-fruntieri tal-Istat ikkonċernat, tal-persuni kkundannati kriminalment.

E.      Fuq ilġustifikazzjoni talindħil

43.      Kif ġie espost, id-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux bħala li huma prerogattivi assoluti u mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn (40). Skont il-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jwettqu attivitajiet għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża s-salvagwardja kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu sakemm ikunu stipulati mil-liġi u jikkostitwixxu miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika filwaqt li jitqiesu kif mistħoqq l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata.

44.      Għal dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għaliha għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju filwaqt li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet leġittimi mfittxija, jeħtieġ li tintuża l-inqas waħda oneruża. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jiġi kkonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jsir ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tal-indħil li tinvolvi tali limitazzjoni u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (41).

1.      Fuq losservanza talprinċipju ta’ legalità

45.      Ir-rekwiżit li jgħid li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess l-portata tal-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni li tinkludi miżura li tippermetti tali ndħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’mod li l-persuni li d-data personali tagħhom ġiet ittrasferita jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tkun protetta b’mod effikaċi din id-data kontra r-riskji ta’ abbuż. Konsegwentement, il-bażi legali ta’ kull ipproċessar ta’ data personali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 għandha, kif wara kollox enfasizza l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 33 ta’ din id-direttiva, tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar għandhom ikunu f’pożizzjoni li jidentifikaw iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom il-portata tad-drittijiet li tagħtihom l-imsemmija direttiva tista’ tkun is-suġġett ta’ xi limitazzjoni (42).

46.      L-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ipprovdut fid-deċiżjoni tar-rinviju ssupplimentat mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit marbut mal-“kwalità” tal-liġi huwa ssodisfatt, peress li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata fi kliem suffiċjentement miftuħ sabiex din tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet ta’ sitwazzjonijiet (43).

47.      Għaldaqstant jidher li r-reġistrazzjoni u ż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija għandhom bħala skopijiet eżawrjenti, skont l-Artikolu 27 taż-ZMVR, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, il-ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku, fejn dan l-ipproċessar huwa intiż li jiffaċilita l-attività ta’ investigazzjoni operazzjonali deskritta b’mod iddettaljat fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi (44). Il-portata tal-ipproċessar fir-rigward tan-natura tar-reati li jaqgħu taħtha, tad-data kkonċernata, tal-kundizzjonijiet għall-ġbir tagħha, tad-databases li fihom din tiġi pproċessata u tat-tul taż-żamma tagħha hija stabbilita b’mod preċiż biżżejjed fl-Artikolu 68 taż-ZMVR u fl-Artikolu 28 tan-Naredba za reda za izvarshvane i snemane na politseyska registratsia (ir-Regolament dwar il-Modalitajiet ta’ Reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Pulizija u ta’ Tħassir ta’ din ir-Reġistrazzjoni, iktar ’il quddiem in-“NRISPR”). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, espliċitament u skont il-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, proċeduri sabiex tiġi ggarantita l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali kif ukoll il-qerda tagħha permezz ta’ informazzjoni pprovduta lis-suġġett tad-data, skont l-Artikoli 54 u 55 taż-Zakon za zashtita na lichnite danni  (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali), b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ dan is-suġġett tad-data li jitlob lill-kontrollur l-aċċess għad-data, ir-rettifika tagħha jew it-tħassir tagħha. F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet għat-tħassir, il-proċedura u l-effetti li jirrigwardaw lil dan tal-aħħar huma ppreċiżati fl-Artikolu 68 taż-ZMVR u fl-Artikoli 18 et seq. tan-NRISPR. Dawn id-dispożizzjonijiet huma fformulati bi preċiżjoni u ċarezza suffiċjenti sabiex jippermettu lid-destinatarji tal-liġi jadattaw l-aġir tagħhom u jissodisfaw b’dan il-mod ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (45).

2.      Fuq losservanza talkontenut essenzjali taddrittijiet fundamentali ggarantiti flArtikoli 7 u 8 tal-Karta

48.      Għal dak li jikkonċerna l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, in-natura tal-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-pulizija hija limitata għal aspett speċifiku ta’ din il-ħajja privata, li jirrigwarda l-passat kriminali tas-suġġett tad-data, ħaġa li ma tippermettix li jinstiltu konklużjonijiet li jikkonċernaw, b’mod ġenerali, il-ħajja privata ta’ dan is-suġġett, bħall-abitudnijiet tal-ħajja ta’ kuljum tiegħu, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji tiegħu, iċ-ċaqliq ta’ kuljum u oħrajn tiegħu, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali tagħha u ċ-ċrieki soċjali ffrekwentati minnu u, għaldaqstant, illi jiġi stabbilit il-profil tiegħu. Fir-rigward tal-kontenut essenzjali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, sanċit fl-Artikolu 8 tal-Karta, l-iżviluppi preċedenti juru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tillimita l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data u tipprevedi elenku eżawrjenti tad-data miżmuma u tar-regoli intiżi li jiżguraw l-aċċess, ir-rettifika u t-tħassir tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indħil li tinvolvi ż-żamma tad-data prevista minn din il-leġiżlazzjoni ma jippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali sanċiti fl-artikoli msemmija iktar ’il fuq (46).

3.      Fuq lgħan ta’ interess ġenerali u l-adegwatezza tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni fir-rigward ta’ dan l-għan

49.      Kif ġie kkonstatat f’dawn il-konklużjonijiet, id-data li ġejja mir-reġistrazzjoni tal-persuni fil-fajl tal-pulizija magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 68 taż-ZMVR tintuża għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u taż-żamma tal-ordni pubbliku. Il-Gvern Bulgaru indika li d-data tinġabar u tiġi pproċessata għall-finijiet tal-proċeduri kriminali li fil-kuntest tagħhom il-persuna kkonċernata ġiet mixlija kif ukoll sabiex tiġi pparagunata ma’ data oħra miġbura waqt investigazzjonijiet relatati ma’ reati oħra. Dan l-aħħar skop jikkonċerna wkoll il-paragun mad-data miġbura fi Stati Membri oħra (47).

50.      Dan l-ipproċessar jaqa’, skont dan il-gvern, taħt l-attività ta’ investigazzjoni operazzjonali deskritta fl-Artikolu 8 taż-ZMVR li l-iskopijiet tagħha huma ddefiniti kif ġej: il-prevenzjoni u s-sejbien tar-reati kriminali, tat-theddid għas-sigurtà nazzjonali u tal-ksur tal-ordni pubbliku; it-tfittxija ta’ persuni li jaħarbu mir-responsabbiltà kriminali tagħhom jew li ħarbu mill-eżekuzzjoni ta’ piena f’kawżi kriminali li jaqgħu taħt l-azzjoni pubblika, kif ukoll it-tfittxija ta’ persuni nieqsa; it-tfittxija ta’ oġġetti li huma s-suġġett jew l-istrument tat-twettiq ta’ reat kriminali jew li jistgħu jservu ta’ provi, kif ukoll it-tħejjija u ż-żamma tal-provi materjali u l-produzzjoni tagħhom quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika jikkostitwixxi interess ġenerali tal-Unjoni li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Mill-bqija, tali protezzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal‑libertà iżda wkoll għas-sigurtà u jiggarantixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti fl-Artikolu 5 tal-KEDB (48). Fil-kawża li tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-ġbir tad-data rreġistrata fl-istess fajl tal-pulizija Bulgaru, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar li dan l-ipproċessar li jikkonċerna persuni mixlija fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħhom ifittex l-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, b’mod partikolari dawk dwar il-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, li jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni. Hija żiedet li tali ġbir jista’ jikkontribwixxi għall-għan stabbilit fil-premessa 27 tad-Direttiva 2016/680, li abbażi tagħha, għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipproċessaw data personali, miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni, tas-sejbien, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi lil hinn minn dan il-kuntest, sabiex jiksbu għarfien aħjar tal-attivitajiet kriminali u jistabbilixxu rabtiet bejn id-diversi reati kriminali identifikati (49). Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw sewwasew għall-miżura ta’ żamma tad-data.

52.      Il-fatt li ż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija huwa pproċessar li jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali ta’ sejbien u, konsegwentement, ta’ prevenzjoni tar-reati kriminali jidhirli li diffiċli li jiġi kkontestat. Huwa evidenti li fajl tal-pulizija li jinkludi l-identitajiet ċivili, ir-ritratti, id-data bijometrika u ġenetika – u għaldaqstant il-karatteristiċi fiżiċi ta’ persuna uniċi u infalsifikabbli –, tal-individwi identifikati jikkostitwixxi għodda ta’ investigazzjoni totalment rilevanti għas-servizzi tas-sigurtà għall-finijiet tal-eluċidazzjoni tar-reati u l-identifikazzjoni tal-awturi tagħhom. F’dan is-sens, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tissodisfa kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan imfittex (50).

4.      Fuq innatura neċessarja u proporzjonata talindħil inkwistjoni

53.      Għalkemm iż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija inkwistjoni hija manifestament xierqa sabiex twettaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex, jibqa’ sabiex jiġi vverifikat jekk l-indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jirriżulta minn tali żamma, huwiex limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, fis-sens li l-għan ma jistax jintlaħaq b’mod raġonevoli b’mod daqstant effettiv permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas dawn id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, u jekk dan l-indħil huwiex sproporzjonat meta mqabbel ma’ dan l-għan, li jimplika, b’mod partikolari, ibbilanċjar tal-importanza tal-għan u tal-gravità tal-imsemmi ndħil (51).

54.      Fl-eżerċizzju ta’ dan il-kontroll, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-għan tal-fajl tal-pulizija, in-natura tar-reati kkonċernati u n-numru ta’ persuni li jistgħu jiġu rreġistrati fih, is-sensittività partikolari tad-data personali miġbura u l-perijodu taż-żamma tagħha, il-garanziji legali u/jew tekniċi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-konsultazzjoni tal-fajl u l-kontroll taż-żamma tad-data fih.

a)      Fuq lgħan talfajl

55.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Irlandiż sostna, essenzjalment, li ż-żamma tad-data setgħet tkun neċessarja għal finijiet ta’ kontroll relatat, li jservi l-interess pubbliku fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika. Għaldaqstant, l-informazzjoni li tinsab f’fajl tal-pulizija għandha tkun tista’ tiġi kkonsultata, mhux biss sabiex jiġu mfittxija l-awturi ta’ reati imma wkoll għal finijiet ta’ involviment tal-pulizija f’kuntest amministrattiv, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet magħmula qabel deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ jew ta’ awtorizzazzjoni li jikkonċernaw ċerti impjiegi pubbliċi jew sensittivi, fejn l-għan huwa li jiġi vverifikat li l-aġir tal-persuni kkonċernati ma huwiex inkompatibbli mal-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet.

56.      Waqt is-seduta, il-Gvern Bulgaru kkonferma dak li seta’ jiġi dedott mill-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 27 taż-ZMVR, jiġifieri li l-fajl tal-pulizija inkwistjoni huwa għodda ta’ għajnuna għall-investigazzjonijiet ġudizzjarji u mhux amministrattivi. Din il-konstatazzjoni għandha ċerta importanza, għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ persuna f’fajl ta’ preċedenti, fis-sens li l-inkonvenjenza ta’ reġistrazzjoni f’fajl ma hijiex akkumpanjata mill-impossibbiltà ta’ aċċess għal ċerti attivitajiet professjonali (52). Ir-reġistrazzjoni fil-fajl tal-pulizija inkwistjoni la hija sanzjoni u lanqas piena addizzjonali, fejn l-iskop tagħha huwa limitat b’mod ċar għall-investigazzjoni ġudizzjarja u l-użu tagħha huwa rriżervat għal servizzi suġġetti għal obbligu ta’ kunfidenzjalità.

57.      Jibqa’ l-fatt li dan huwa fajl wieħed li jservi għanijiet estremament vasti ta’ involviment tal-pulizija f’kuntest ġudizzjarju, li fih informazzjoni ddiversifikata, li tibda minn sempliċi informazzjoni dwar l-istat ċivili u tgħaddi għal data bijometrika u ġenetika, u li telenka individwi li ma jaqgħux taħt l-istess status proċedurali. Iktar milli l-istess ipproċessar wieħed li jinkludi l-informazzjoni kollha, ġie deċiż bħala preferibbli, f’leġiżlazzjonijiet oħra, li tiġi pprovduta pluralità ta’ fajls tal-pulizija li jfittxu skopijiet speċifiċi, li għandhom użu wieħed u li jirreġistraw tip ta’ data.

b)      Fuq irreati u s-suġġetti tad-data

58.      Iż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija tikkonċerna l-persuni mixlija u kkundannati għal reati intenzjonati suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio, fis-sens li l-akkuża titressaq mill-prosekutur pubbliku. Skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, huma esklużi minn din il-kategorija r-reati mhux intenzjonati, id-delitti u r-reati ta’ natura privata, kif ukoll ċerti reati li kienu s-suġġett ta’ sanzjoni amministrattiva. Diġà ġie rrilevat li l-parti l-kbira tar-reati previsti mill-Kodiċi Kriminali huma intenzjonali u kważi kollha huma suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio (53).

59.      Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tirreferix għal reati elenkati b’mod eżawrjenti, ma tagħmilx distinzjoni bejn ir-reati skont in-natura tagħhom, li hija stess hija marbuta mal-gravità tal-fatti u mal-piena applikabbli, lanqas ma tadotta kriterju relatat ma’ quantum preċiż ta’ piena ta’ priġunerija. Għaldaqstant, jinsab miġbur fi grupp wieħed u kbir aġir differenti li jikkostitwixxi ksur b’kundizzjoni, ċertament, marbuta man-neċessità tal-element intenzjonali, ħaġa li twassal a priori għall-esklużjoni tar-reati mhux serji ħafna li għalihom is-sempliċi twettiq materjali tal-fatti inkriminati huwa suffiċjenti (54) kif ukoll r-reati kkaratterizzati b’sempliċi imprudenza jew negliġenza. Mitlub waqt is-seduta jippreċiża l-kontenut tal-kategorija ta’ reati inkwistjoni, il-Gvern Bulgaru llimita ruħu sfortunatament sabiex jindika li dawn ma humiex biss reati li jistgħu jiġu ssanzjonati b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin.

60.      Għal dak li jirrigwarda l-individwi kkonċernati, jeħtieġ li jiġi osservat li l-ipproċessar tad-data inkriminat huwa limitat fir-rigward tal-età tas-suġġetti tad-data, peress li mill-Artikolu 4 tan-NRISPR jirriżulta li l-minuri ma humiex suġġetti għar-reġistrazzjoni fil-fajl tal-pulizija, ħaġa li tnaqqas daqstant in-numru ta’ persuni rreġistrati f’dan il-fajl. Il-miżura inkwistjoni tiddistingwi żewġ kategoriji ta’ individwi, jiġifieri, il-persuni mixlija u dawk ikkundannati kriminalment. Dawn il-persuni ġew identifikati minn qabel, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli u fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħala li huma ta’ theddida għas-sigurtà pubblika jew għaż-żamma tal-ordni pubbliku. L-Istati Membri għandhom il-fakultà li jieħdu miżuri ta’ konservazzjoni fir-rigward tal-persuni li, minħabba tali identifikazzjoni, huma mixlija, jiġifieri kategorija ta’ persuni li għalihom jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li wettqu reat kriminali, jew huma suġġett ta’ kundanna li tirrifletti l-fatt li r-responsabbiltà kriminali tagħhom ġiet ikkonstatata, sitwazzjonijiet li jistgħu jimplikaw riskju għoli ta’ reċidiva (55). Ir-reċidiva, mifhuma fis-sens komun l-iktar wiesa’ ta’ repetizzjoni ta’ reat, hija fenomenu li kull Stat Membru jipprova jkejjel u jipprova jifhem l-elementi kostituttivi tagħha, kompitu delikat peress li jiddependi mid-disponibbiltà ta’ data statistika oġġettiva u affidabbli li tikkonċerna d-delinkwenza. Meta din tkun teżisti, hija tista’ tiżvela li l-passat kriminali huwa komponent importanti tar-reċidiva (56).

61.      Jibqa’ meħtieġ li jiġi enfasizzat li l-persuni mixlija u d-data tagħhom huma intiżi li “jitneħħew” mill-fajl tal-pulizija meta l-proċeduri kriminali li jikkonċernawhom jingħalqu b’deċiżjoni ta’ twaqqif jew ħelsien skont it-termini tal-Artikolu 68 taż-ZMVR, ħaġa li taffettwa b’mod ċar in-numru ta’ persuni rreġistrati fil-fajl li l-Gvern Bulgaru ma kienx f’pożizzjoni li jikkomunika (57).

c)      Fuq innatura taddata u lperijodu ta’ żamma

62.      Għal dak li jikkonċerna d-data kkonċernata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-protezzjoni ikbar tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data sensittiva, hemm lok li l-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar jiżgura ruħu li dan l-għan ma jistax jiġi ssodisfatt bl-użu ta’ kategoriji ta’ data minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 (58). Kif ġie espost, id-data li ż-żamma tagħha hija prevista, hija manifestament tali li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, għas-sejbien jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati li jaqgħu taħt il-ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku. Bl-istess mod, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li dawn l-iskopijiet jistgħu jkunu ssodisfatti b’mod daqstant effikaċi biss bl-użu ta’ informazzjoni dwar l-istat ċivili jew ta’ immaġni fotografiċi tal-individwu kkonċernat mingħajr ma tiġi limitata eċċessivament il-kapaċità tal-investigaturi li jiċċaraw ir-reati abbażi ta’ paragun tad-data miġbura waqt l-investigazzjoni ma’ dik irreġistrata fil-fajl fl-okkażjoni ta’ investigazzjonijiet preċedenti (59). Fortunatament għadda ż-żmien fejn l-istqarrija kienet meqjusa bħala r-reġina tal-provi, peress li l-elementi miġbura mis-servizzi tal-pulizija teknika u xjentifika ssostitwixxew b’mod vantaġġuż fil-ġerarkija probatorja prova suġġetta għall-kawzjoni. Għaldaqstant huwa possibbli li jiġi konkluż li d-data kkonċernata hija kemm rilevanti u fl-istess ħin mhux eċċessiva fid-dawl tal-iskopijiet assenjati lill-ipproċessar.

63.      Jeħtieġ li jiġi rrilevat, barra minn hekk, in-nuqqas, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ta’ perijodu massimu preċiż iffissat għaż-żamma tal-informazzjoni rreġistrata fil-fajl, peress li d-data tinżamm biss matul il-proċeduri, li jingħalqu b’deċiżjoni ta’ twaqqif jew ta’ ħelsien għal ċerti persuni mixlija jew tul ħajjithom għall-persuni finalment ikkundannati. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fis-seduta mill-Gvern Bulgaru, li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, it-tneħħija tad-data sseħħ ex officio mal-mewt tas-suġġett tad-data, u l-eredi għandhom, barra minn hekk, id-dritt li jitolbu t-tħassir tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 68(6) taż-ZMVR. Għandu jiġi kkunsidrat li din is-sitwazzjoni tikkorrispondi, fir-rigward tal-istipulazzjonijiet fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680, għan-nuqqas ta’ ffissar ta’ termini xierqa għat-tħassir tad-data personali, fis-sens li l-kunċett ta’ terminu għandu neċessarjament jikkorrispondi għal perijodu espress fi snin, xhur jew jiem? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din l-istess dispożizzjoni tkun timplika, b’mod alternattiv, l-iffissar, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ termini għall-verifika perjodika tal-ħtieġa li tinżamm din id-data (60).

64.      Għal dak li jirrigwarda d-data tal-persuni mixlija u meħuda inkunsiderazzjoni l-għażla tal-leġiżlatur Bulgaru sabiex ma jżommhiex fin-nuqqas ta’ kundanni kriminali wara l-proċeduri li jikkonċernawhom, il-perijodu neċessarjament aleatorju ta’ dawn tal-aħħar bilkemm tippermetti għażliet oħra, ħlief li jiġi fformalizzat terminu massimu sabiex jipprevjeni dewmien eċċessiv fil-proċeduri. Fir-rigward tal-persuni kkundannati, nikkunsidra li r-riferiment għall-mewt huwa fil-fatt dak ta’ limitu ta’ żmien, marbut mal-ħajja bijoloġika tas-suġġett tad-data, li jeskludi kull kwalifika ta’ perijodu indefinit jew bla limitu għaż-żamma tad-data (61). L-iskadenza taż-żamma hija predeterminata anki jekk id-data eżatta tagħha hija, mid-definizzjoni tagħha stess, mhux iddeterminata. Fi kwalunkwe każ, nirrileva li l-Gvern Bulgaru indika, waqt is-seduta, li teżisti verifika perjodika interna tar-reġistrazzjonijiet fil-fajl, li ssir f’dan il-każ kull tliet xhur, ħaġa li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680.

65.      Jibqa’ mhux ikkontestat li, skont l-età li fiha s-suġġett tad-data jkun irreġistrat fil-fajl u dik tal-mewt tiegħu, iż-żamma tad-data tista’ ddum ħafna, għal perijodu itwal minn dak previst sabiex tiġi kkonstatata reċidiva jew mit-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni pubblika għar-reat l-iktar serju (62). Dan il-perijodu ta’ żamma jsib madankollu ġustifikazzjoni fl-iskop ta’ involviment tal-pulizija f’kuntest ġudizzjarju tal-ipproċessar, li huwa dak li jinġabru indizji u provi sabiex jiġu identifikati l-awturi ta’ reati passati jew futuri, peress li r-riskju relatat mar-reati kriminali, kemm jekk ikunu serji jew le, huwa ta’ natura ġenerali u permanenti (63). Ir-riżoluzzjoni xi drabi tardiva ħafna ta’ kawżi mhux spjegati turi kemm id-diffikultà kbira li jaffaċċjaw is-servizzi tal-investigazzjoni u fl-istess ħin ir-rilevanza taż-żamma fuq perijodu twil tad-data bijometrika u ġenetika miġbura fil-fajls (64).

d)      Fuq leżistenza ta’ garanziji legali u tekniċi filqasam tażżamma u talaċċess għaddata

66.      Il-proporzjonalità tal-indħil li timplika ż-żamma tad-data li tinsab fil-fajl tal-pulizija ma tistax tiġi eżaminata indipendentement mir-regoli li jirregolaw l-aċċess għal dan il-fajl u l-istħarriġ tal-ġustifikazzjoni taż-żamma tad-data f’dan tal-aħħar. Skont il-Qorti EDB, meta Stat jagħti lilu nnifsu s-setgħa l-iktar wiesgħa ta’ żamma għal żmien indefinit, l-eżistenza u l-funzjonament ta’ ċerti garanziji effettivi jsiru determinanti. Għaldaqstant, id-dritt intern għandu jkun fih garanziji ta’ natura li jipproteġu b’mod effikaċi d-data personali rreġistrata kontra l-użi mhux xierqa u abbużivi u jippermetti t-tħassir ta’ din id-data meta ż-żamma kontinwa tagħha ssir sproporzjonata, b’mod partikolari billi joffri l-possibbiltà konkreta li jiġi ppreżentat rikors għat-tħassir tad-data rreġistrata (65).

1)      Fuq ilkundizzjonijiet għallkonsultazzjoni talfajl

67.      Mill-premessi 28, 56, 57 tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll mill-Artikoli 24, 25 u 29 tagħha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri intiżi sabiex id-data personali tiġi pproċessata b’mod li jiggarantixxi livell ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità xierqa, b’mod partikolari billi jiġi prekluż l-aċċess mhux awtorizzat għal din id-data u għat-tagħmir li jiżgura l-ipproċessar tagħha kif ukoll l-użu mhux awtorizzat ta’ din id-data u ta’ dan it-tagħmir. Dawn il-miżuri jinkludu ż-żamma, mill-kontrollur, ta’ reġistri li jistgħu jipprovdu lill-awtorità superviżorja, fuq talba tagħha, ċerta numru ta’ informazzjoni fuq l-ipproċessar tad-data magħmul kif ukoll reġistri għal ċerti operazzjonijiet ta’ pproċessar bħalma huma l-konsultazzjoni, it-trasferimenti u t-tħassir. Skont il-premessa 60 tad-Direttiva 2016/680, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri sabiex itaffi r-riskji, evalwati preċedentement, li huma inerenti għall-ipproċessar ikkonċernat, fejn dawn ir-riskji huma marbuta, b’mod partikolari, mal-iżvelar kif ukoll mal-aċċess mhux awtorizzat tad-data.

68.      Waqt is-seduta, il-Gvern Bulgaru rrefera għall-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fejn semma l-eżistenza ta’ korp ta’ regoli li jipprevedu, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ listi nominattivi ta’ uffiċjali li għandhom aċċess għad-data, il-ħtieġa għal kull utent li jindika l-ġustifikazzjoni għad-dritt ta’ aċċess tiegħu, l-identità tiegħu, id-data u l-ħin tal-aċċess (66). Dawn il-garanziji fir-rigward tal-kamp ta’ persuni awtorizzati li jikkonsultaw il-fajl u tal-modalitajiet ta’ konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar jidhru tali li jipprevjenu kull użu abbuż jew frawdolenti ta’ aċċess għall-fajls u għaldaqstant ksur eċċessiv tad-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ħaġa li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

2)      Fuq ilkontroll tażżamma taddata filfajl

69.      Huwa paċifiku li l-kontroll imsemmi, kif previst mill-Artikolu 68(6) taż-ZMVR, huwa ta’ natura doppja peress li jseħħ ex officio mill-awtoritajiet kompetenti, fil-forma ta’ awtokontroll, u fuq talba motivata tas-suġġett tad-data jew tal-eredi tiegħu, fejn ir-raġunijiet għat-tħassir ta’ reġistrazzjoni fil-fajl huma, fiż-żewġ każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni. Dawn ir-raġunijiet ma jinkludux is-sitwazzjoni ta’ individwu li kien is-suġġett ta’ riabilitazzjoni, li twassal għat-tħassir tal-kundanna kkonċernata mill-fedina penali tiegħu u hija biss ir-raġuni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 68(6) taż-ZMVR, li tikkonċerna reġistrazzjoni magħmula bi ksur tal-liġi, li tista’ tiġġustifika r-rikors għal tħassir ta’ persuna kkundannata kriminalment ppreżentat, bħal f’dan il-każ, matul ħajjitha u għaldaqstant qabel l-iskadenza tal-perijodu legali ta’ żamma stabbilita mal-mewt ta’ din il-persuna.

70.      Mistoqsi waqt is-seduta fuq il-portata tal-Artikolu 68(6) taż-ZMVR, fid-dawl tal-applikazzjoni tiegħu li ssir mill-awtoritajiet u mill-qrati kompetenti, il-Gvern Bulgaru ppreċiża li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti li tiġi mmodifikata reġistrazzjoni li tikkonċerna persuna mixlija li tkun saret skorretta wara klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat min-naħa tal-qorti. Huwa eskluda kull possibbiltà ta’ tħassir ta’ reġistrazzjoni fil-fajl wara riabilitazzjoni tal-persuna kkundannata. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-fajl inkwistjoni jikkostitwixxi għodda ta’ investigazzjoni intiża li tiffaċilita l-attività operazzjonali ta’ involviment tal-pulizija f’kuntest ġudizzjarju u mhux, propjament, fajl ta’ preċedenti kriminali bħall-fedina penali. Dawn iż-żewġ strumenti ma jservux l-istess iskop: wieħed huwa reġistru għall-użu esklużiv tal-investigaturi sabiex jippermettilhom, fuq żmien twil, jiċċaraw reati passati jew futuri, l-ieħor huwa intiż li jiggwida x-xogħol tal-qrati waqt l-għoti tal-piena kriminali f’kawża partikolari. Għaldaqstant, bil-benefiċċju tar-riabilitazzjoni li tkun wasslet għat-tħassir tal-kundanna kkonċernata mill-fedina penali, l-individwu jista’ jsib ruħu, jekk ikun il-każ, fis-sitwazzjoni ta’ persuna li wettqet reat għall-ewwel darba, li tista’ tibbenefika minn pieni inqas ħorox jew aġġustamenti tal-piena. Għaldaqstant, iż-żamma tad-data tal-persuna fil-fajl tibqa’ bħala prinċipju meħtieġa fid-dawl tal-għan iktar wiesa’ ta’ dan il-fajl relatat mas-sejbien, l-iċċarar u l-prevenzjoni tar-reati.

71.      Jibqa’ l-fatt li mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru jirriżulta li r-raġuni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 68(6) taż-ZMVR ma tkoprix evalwazzjoni tal-ħtieġa taż-żamma tad-data fid-dimensjoni ta’ żmien tagħha. Jidher li ma teżisti ebda dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u lanqas prattika amministrattiva jew ġudizzjarja, li jippermettu lill-awtorità kompetenti li tħassar, fil-kuntest tal-verifiki trimestrali, ir-reġistrazzjoni fil-fajl jew lill-individwu kkonċernat li jitlob it-tħassir tagħha jekk iż-żamma tad-data personali ma tibqax tidher meħtieġa fid-dawl taż-żmien li jkun għadda mir-reġistrazzjoni. Il-qorti tar-rinviju mitluba tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni taċ-ċaħda tat-talba għal tħassir ma tidhirx lanqas li tista’ tagħmel tali evalwazzjoni.

F.      Konklużjoni intermedjarja

72.      Jista’ jiġi kkunsidrat li l-kriterji użati għall-finijiet taż-żamma tad-data, deskritti iktar ’il fuq, huma ta’ natura suffiċjentement immirata, proporzjonata u speċifika u li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni josserva l-limiti ta’ dawk li huwa strettament neċessarju jew tal-ħtieġa assoluta? Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti risposta fin-negattiv għal din id-domanda minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

73.      Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-problema tal-ħtieġa taż-żamma tad-data personali tqum b’mod partikolari meta l-ipproċessar ta’ din id-data ikun awtorizzat, bħal f’dan il-każ, għal finijiet preventivi. F’dan ir-rigward, il-kriterju vera li jiġġustifika r-reġistrazzjoni u ż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija inkwistjoni hija l-perikolu li jippreżentaw is-suġġetti tad-data, ħaġa li timplika evalwazzjoni tar-riskji. Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni hija limitata biss għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ suspett jew tat-twettiq ta’ reat intenzjonali, kriterju li ma tantx huwa speċifiku jekk qatt kien hemm, peress li huwa element kostituttiv tar-reati, jiġifieri l-bażi stess tar-responsabbiltà kriminali. Għaldaqstant, is-sistema nazzjonali ta’ żamma jidhirli li tieħu inkunsiderazzjoni livell ta’ gravità minima fir-rigward tar-reat u tkopri diversità kbira ta’ reati kontra l-ordni soċjali, mingħajr ma hija meħtieġa a priori sanzjoni magħmula minn piena ta’ priġunerija, ħaġa li tippermetti li jiġi kkunsidrat li din tapplika tkun xi tkun in-natura jew il-gravità tar-reat (67). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Bulgara, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio hija, bħala prinċipju, kuntrarja għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, peress li tista’ twassal, b’mod indifferenzjat u ġġeneralizzat, għall-ġbir ta’ din id-data, peress li l-kunċett ta’ “reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio” huwa ta’ natura partikolarment ġenerali u jista’ japplika għal ħafna reati kriminali, indipendentement min-natura tagħhom u mill-gravità tagħhom (68).

74.      Għalkemm studji statistiċi jistgħu juru li l-passat kriminali huwa elementi importanti tar-reċidiva, huma jenfasizzaw ukoll l-eżistenza ta’ fatturi oġġettivi li jaggravaw ir-riskju ta’ reċidiva li huma marbuta, b’mod partikolari, mal-ġeneru, mal-età u man-natura tar-reat inizjali, ta’ termini ta’ ripetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur u tal-fatt li r-reat suġġett għar-reċidiva huwa marbut ħafna man-natura tar-reat li wassal għad-detenzjoni (69). Madankollu, billi tinżamm bħala kriterju għaż-żamma tad-data personali sa mewt is-suġġett tad-data, kull kundanna għal reat intenzjonali, inkluż l-ewwel wieħed (70), jidher li l-loġika wara l-ipproċessar ta’ din id-data hija dik ta’ viżwal partikolarment estensiv tal-perkors ta’ delinkwenza, kemm jekk jirrigwarda n-natura u/jew il-gravità tal-atti kriminali kif ukoll jekk jirrigwarda l-età tal-persuna ħatja. L-istess bħall-Qorti EDB, wieħed jista’ jistaqsi jekk din it-tip ta’ loġika, jekk wieħed jeħodha fl-estrem tagħha, twassalx sabiex fil-prattika tiġġustifika l-ħażna ta’ informazzjoni fuq il-popolazzjoni kollha u fuq il-qraba mejtin tagħhom, ħaġa li ċertament tkun eċċessiva u irrilevanti (71). Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sempliċi fatt li persuna tiġi mixlija għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio ma jistax jitqies bħala element li jippermetti, waħdu, li jiġi preżunt li l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha huwa verament meħtieġ fid-dawl tal-iskopijiet li huwa jkopri (72).

75.      Fit-tieni lok, jidher li d-data tinżamm indipendentement mill-ħtieġa li din tiġi maħżuna sa mewt is-suġġett tad-data. Meħuda inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tal-Artikolu 68(6) taż-ZMVR u l-interpretazzjoni li dan ingħata, l-awtoritajiet kompetenti ngħataw is-setgħa li jħassru d-data biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, mingħajr rabta mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ dan is-suġġett tad-data wara r-reġistrazzjoni fil-fajl. L-istess japplika loġikament għar-rikors għal tħassir, prevista fl-istess test, li huwa disponibbli għall-imsemmi suġġett, li ma huwiex ta’ natura suffiċjentement effettiv peress li ma jippermettix li jiġi vverifikat li l-perijodu taż-żamma tad-data huwa proporzjonat mal-għan tal-indħil inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kriterji differenti, bħalma huma n-natura u l-gravità tal-fatti kkonstatati, iż-żmien li ddekorra wara l-fatti, il-perijodu legali ta’ żamma li jkun għad irid jiddekorri jew l-età tar-rikorrent f’dan il-każ, u dan fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tiegħu, għal dak li jirrigwarda l-età li fiha dan wettaq il-fatti, l-aġir tiegħu minn dakinhar (integrazzjoni soċjali, ikkumpensar lill-vittmi), il-personalità tiegħu, peress li l-benefiċċju ta’ riabilitazzjoni jista’, f’dan il-kuntest, jikkostitwixxi element għall-evalwazzjoni globali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontroll li għandha, b’mod partikolari, il-persuna rreġistrata fil-fajl, jidher talment limitat li huwa kważi ipotetiku (73).

76.      Il-konstatazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq għandhom jiġu rrikonċiljati mal-fatt li tista’ tinżamm fuq perijodu twil ħafna data sensittiva u li l-fajl inkwistjoni jista’ joffri lill-utenti tiegħu funzjonalitajiet għall-użu tad-data, b’mod partikolari, ta’ identifikazzjoni, ta’ analiżi u ta’ rikonċiljazzjoni, intrużivi ħafna. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 68(3) taż-ZMVR, l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom, għall-bżonnijiet tar-reġistrazzjoni fil-fajl tal-pulizija, jieħdu kampjuni għall-finijiet tal-“ħolqien ta’ profil tad-DNA” tal-persuni u jieħdu ritratti tagħhom, immaġni li jistgħu, jekk ikun il-każ, tiġi applikata fir-rigward tagħhom it-teknika tar-rikonoxximent tal-wiċċ.

V.      Konklużjoni

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej lill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija):

L-Artikoli 4, 5, 8, 10 u l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqrija b’mod konġunt u fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ta’ data personali f’fajl tal-pulizija, li tinkludi d-data bijometrika u ġenetika, ta’ kull persuna kkundannata kriminalment għal reat intenzjonali, mingħajr differenzazzjoni oħra fir-rigward tan-natura jew tal-gravità tar-reat, u dan, sa mewt dik il-persuna, mingħajr possibbiltà ta’ kontroll taż-żamma tad-data li jkun hemm fih fid-dawl taż-żmien li ddekorra sa mir-reġistrazzjoni tal-istess data u, jekk ikun il-każ, tal-ksib sussegwenti tat-tħassir tal-istess data.

Il-verifika tal-proporzjonalità tal-perijodu taż-żamma tad-data mal-iskop tal-ipproċessar fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuna kkundannata tista’ tinkludi r-riabilitazzjoni li tkun għaddiet minnha dik il-persuna.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


4      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 61 sa 67). Fis-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 61), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan ta’ preżervazzjoni tas-sigurtà nazzjonali jikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà, permezz tal-prevenzjoni u r-repressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jistgħu jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l-Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi.


5      Tali verifika huwa minnu li tista’ tidher delikata sabiex titwettaq fil-prattika fil-preżenza ta’ fajl tal-pulizija uniku “li jiġbor kollox”, peress li r-reġistrazzjoni u ż-żamma tad-data tosserva loġika kemm retrospettiva kif ukoll prospettiva li ma tagħmilx neċessarjament differenza oġġettiva bejn l-ipproċessar inkwistjoni fuq il-bażi ta’ skop preċiż partikolari.


6      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 135). Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet qabel fuq kwistjoni ta’ kompatibbiltà tal-Artikolu 52(1) tal-Karta mal-leġiżlazzjoni Bulgara li għandha l-partikolarità li tirreferi għall-GDPR u ma’ dispożizzjoni tad-dritt intern li tittrasponi l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, mingħajr ma din tal-aħħar issir formalment referenza għaliha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika mill-awtoritajiet tal-pulizija fid-dawl tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħhom “għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku”, huwa awtorizzat mid-dritt ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva, sakemm id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jkollu bażi legali suffiċjentement ċara u preċiża sabiex jawtorizza l-imsemmi pproċessar, fejn ir-riferiment doppju msemmi iktar ’il fuq ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jikkontesta l-eżistenza ta’ tali awtorizzazzjoni, sakemm jirriżulta, b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u inekwivoku mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tad-dritt nazzjonali li l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u mhux tal-GDPR.


7      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI (C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 42).


8      L-osservanza tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2016/680, li jgħid li d-data għandha tinġabar għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawn l-iskopijiet ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ, sa fejn l-għan tal-ipproċessar sussegwenti għall-ġbir tad-data kkostitwit miż-żamma tagħha huwa identiku għal dak tal-ġbir.


9      L-Artikolu 26 taz-ZMVR jipprovdi li t-termini għaż-żamma tad-data personali jew għall-verifika perjodika tal-ħtieġa tal-ħażna ta’ din id-data għandhom jiġu ffissati mill-Ministru għall-Intern. Fis-seduta, il-Gvern Bulgaru indika li tali verifika sseħħ kull tliet xhur.


10      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105).


11      Nirrileva li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2016/680, li jgħid li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 16 jitwettaq skont id-dritt ta’ Stat Membru meta d-data personali tkun tinsab f’deċiżjoni ġudizzjarja jew rekord jew proċess ġudizzjarju li jkunu suġġetti għal ipproċessar matul investigazzjoni ġudizzjarja u proċeduri kriminali, ma jidhirlix li huwa rilevanti, peress li l-fajl inkwistjoni jikkostitwixxi għodda intiża li tiffaċilita l-attività operazzjonali tas-servizzi tal-investigazzjoni li l-persuna responsabbli minnhom huwa l-Ministru għall-Intern u mhux strument ġudizzjarju fis-sens strett tal-kelma, tat-tip minn dawk imsemmija iktar ’il fuq.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 75) u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 61).


13      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punti 62 u 69).


14      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 33), u tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 92).


16      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi (C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 54).


17      Din il-problema hija kkontemplata wkoll fil-premessa 26 u fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2016/680 li minnhom jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkontempla l-possibbiltà li tinżamm fit-tul data li hija s-suġġett ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet xjentifiċi, statistiċi jew storiċi, għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva sakemm ikun hemm garanziji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Din ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ, peress li ż-żamma tad-data fil-fajl tal-pulizija għandha skop purament operazzjonali, jiġifieri li tiffaċilita l-attività tas-servizzi tal-investigazzjoni għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tar-reati.


18      Wieħed jista’ jistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680 fihx forma ta’ kontradizzjoni loġika intrinsika. Fil-fatt, jista’ għaldaqstant ikun hemm, skont din id-dispożizzjoni, data personali pproċessata mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi li għaliha ma jkunx xieraq li jiġu ffissati termini għall-finijiet tat-tħassir tagħha imma iżda huwa meħtieġ, f’tali sitwazzjoni ta’ żamma temporanjament indefinita, li tiġi prevista verifika regolari mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-ħtieġa li tinżamm din id-data u possibbiltà ta’ tħassir, jekk iż-żamma ma tibqax iġġustifikata fid-dawl tal-iskop tal-ipproċessar. Madankollu, wieħed jista’ jifhem u jaċċetta li l-għan, leġittimu, huwa li jkun hemm fattur korrettiv intiż li jipprevjeni l-abbużi fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni intrużiva.


19      Din il-kawża tikkonċerna rifjut totali għat-tħassir li r-raġunijiet għalih għandhom jiġu pprovduti lir-rikorrent skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2016/680, li jipprevedi, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b'mod sħiħ jew parzjali, dan l-obbligu, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li jkunu ppreġudikati l-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali


20      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punti 116 sa 118). Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jinftiehem li l-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-legalità tal-ipproċessar tad-data sensittiva fil-kuntest tad-Direttiva 2016/680 għall-osservanza ta’ kriterju li jmur lil’hinn minn dak normalment adottat għal kull tip ta’ data fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, li jirrigwarda l-osservanza tal-limiti ta’ “dak li huwa strettament neċessarju” mill-ipproċessar inkwistjoni? Bi tweġiba għal osservazzjoni tal-Gvern Franċiż fuq il-fatt li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, jagħmel riferiment għall-każijiet fejn l-ipproċessar ta’ data huwa “strettament neċessarju”, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fil-punt 119 ta’ din is-sentenza. li din il-varjazzjoni terminoloġika ma tbiddilx in-natura tal-kriterju hekk imsemmi u l-livell ta’ rekwiżit meħtieġ, peress li dawn il-verżjonijiet lingwistiċi jiddefinixxu wkoll kundizzjoni msaħħa sabiex jiġi awtorizzat l-ipproċessar ta’ data sensittiva, li timplika evalwazzjoni iktar rigoruża tan-neċessità tiegħu milli fil-każ fejn id-data pproċessata ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu. Jibqa’ l-fatt li wieħed jista’ jistaqsi fuq din id-distinzjoni kunċettwali fil-livell ta’ intensità tal-ħtieġa tal-ipproċessar u d-diffikultà tal-implimentazzjoni tagħha f’kawża partikolari.


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791) u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258).


22      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).


23      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592), u s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491).


24      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592), punti 132, 204 u 205).


25      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132)


26      Sentenza tal-5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 35 sa 37). L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-paragun mas-sistema legali prevista mill-GDPR.


27      Tinière, R., Jurisprudence de la CJUE 2020: décisions et commentaires, Bruylant, Brussell, 2021, p. 130 sa 139.


28      Sentenzi tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 56 sa 59), u tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 148).


29      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 148).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal-ipproċessar ta’ data – Investigazzjoni preliminari) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punti 57 u 58).


31      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza) (C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 59).


32      Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2017, Aycaguer vs Franza (CE:ECHR:2017:0622JUD000880612, punti 33, 34 u 38), u Qorti EDB 18 ta’ Settembru 2014, Brunet vs Franza (CE:ECHR:2014:0918JUD002101010, punt 35).


33      Qorti EDB, 4 ta’ Ġunju 2013, Peruzzo u Martens vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2013:0604DEC000784108, punt 46), u Qorti EDB 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 88).


34      Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 122 u 123) u s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punti 94 u 95).


35      Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2017, Aycaguer vs Franza (CE:ECHR:2017:0622JUD000880612, punt 33).


36      Ara, b’analoġija is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et  (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 44).


37      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 127).


38      Ara l-premessi 4 u 7 tad-Direttiva 2016/680.


39      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 134).


40      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punti 63 u 64).


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 67) u tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 64).


42      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 65) u tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punti 54 sa 56). Huwa minnu li tali eżami sab postu fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ analiżi ddettaljata tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni, meta ma jkunx ikkunsidrat b’mod konġunt taħt iż-żewġ perspettivi marbuta mal-osservanza tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punti 114 u 117)). F’din il-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet ser niffoka fuq il-verifika tar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà stricto sensu.


43      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114).


44      Ara l-punti 33 sa 35 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru.


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et  (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 77).


46      Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 150), u, a contrario, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 51).


47      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 99).


48      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 149) u s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 123).


49      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punti 97 u 98). Il-Qorti EDB irrilevat, fil-kuntest tal-obbligu pożittiv li joħroġ mill-Artikoli 2 tal-KEDB, li l-interess pubbliku ta’ investigazzjoni u eventwalment ta’ ksib tal-prosekuzzjoni u l-kundanna tal-awturi ta’ atti illegali, diversi snin wara l-fatti, ġie rrikonoxxut b’mod stabbilit (sentenza EDB, 12 ta’ Ġunju 2014, Jelić vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2014:0612JUD005785611, punt 52).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 55).


51      Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 66).


52      B’mod ġenerali, il-preżenza fil-fajl ma timplika ebda obbligu pożittiv għas-suġġett tad-data.


53      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 78).


54      Reati frekwenti fil-qasam tar-reati tat-traffiku.


55      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et  (C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 77 u 78). Nirrileva li, fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 198), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li mid-Direttiva 2016/681 jirriżulta li l-kriterji użati għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri għandhom ikunu ddeterminati b’mod li jiġu mmirati, speċifikament, l-individwi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun hemm suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja msemmija f’din id-direttiva.


56      Skont il-bulettin Infostat Justice tal-Ministeru għall-Ġustizzja Franċiż, Nru 183, tat‑2 ta’ Lulju 2021, “Mesurer et comprendre les déterminants de la récidive des sortants de prison”, 86 % ta’ dawk li ħarġu mill-ħabs fl‑2016 kienu diġà kellhom entrata fil-fedina penali qabel il-kundanna li wasslet għad-detenzjoni tagħhom. Ir-rata ta’ reċidiva tiżdied man-numru ta’ kundanni preċedenti: huma biss 14 % minn dawk li ħarġu mill-ħabs li ma kellhom ebda kundanna fil‑ħames snin ta’ qabel dik li daħlu fil-ħabs li jerġgħu jwettqu reat dik is-sena, kontra 23 % ta’ dawk li kellhom kundanna u 63 % ta’ dawk li kienu ġew ikkundannati tal-inqas għaxar darbiet.


57      Din il-konstatazzjoni tirrifletti, mill-bqija, il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680 li jimponi fuq il-kontrollur, jekk ikun il-każ, u sa fejn possibbli, li jagħmel distinzjoni ċara bejn id-data tad-diversi kategoriji ta’ persuni kkonċernati b’mod li l-istess livell ta’ ndħil fid-dritt fundamentali tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom ma jkunx impost fuqhom mingħajr distinzjoni, tkun xi tkun il-kategorija li għaliha huma jappartjenu (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 83)).


58      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 126).


59      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 100). Nirrimarka wkoll li d-dekorriment taż-żmien ikun inevitabbilment ostaklu għal-lokalizzazzjoni tax-xhieda u għall-kapaċità ta’ dawn li jiftakru sew dak li jkun ġara.


60      Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53) jipprovdi li d-data personali pproċessata mill-Europol għandha tinżamm mill-Europol biss għall-perijodu meħtieġ u proporzjonat għall-iskopijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata d-data. Il-Europol għandha fil-każijiet kollha terġa’ tanalizza l-ħtieġa li d-data tibqa’ tinżamm sa mhux iktar tard minn tliet snin wara l-bidu tal-ipproċessar inizjali tad-data personali u tista’ tiddeċiedi li żżomm id-data sal-analiżi li tkun tmiss, li għandha ssir wara perijodu ieħor ta’ tliet snin, jekk ikun għadu meħtieġ li d-data tkompli tinżamm għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Jekk ma titteħidx deċiżjoni dwar jekk għandhiex tkompli tinżamm għal iktar żmien id-data personali, dik id-data għandha titħassar awtomatikament wara tliet snin.


61      Fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 79 sa 81), li tikkonċerna leġiżlazzjoni li tipprevedi żamma ta’ data li tieqaf ma’ mewt is-suġġett tad-data, saret distinzjoni bejn, min-naħa, id-DNA u, min-naħa l-oħra, il-marki tas-swaba’ kif ukoll ir-ritratti. Il-Qorti EDB ikkunsidrat li hija biss din l-aħħar data li kienet is-suġġett ta’ perijodu ta’ żamma simili għal żamma għal żmien indefinit. Min-naħa tiegħi, nirrileva li ebda data ta’ dan it-tip ma tista’, f’dan il-każ, tintuża ladarba jmut is-suġġett tad-data, filwaqt li huwa osservat li ż-żamma post mortem tad-DNA kienet tagħmilha teknikament possibbli li wieħed ifittex il-qraba tas-suġġett tad-data.


62      Barra mill-eżistenza ta’ reati impreskrittibbli, il-kwistjoni tar-relazzjoni tat-terminu ta’ żamma tad-data ma’ dak tal-preskrizzjoni tal-azzjoni pubblika għandha titpoġġa f’perspettiva, f’ċerti sistemi legali, minħabba l-mekkaniżmi ta’ sospensjoni jew ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni u tal-posponiment tal-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni għar-reati imsejħa abitwali, kontinwi jew moħbija kif ukoll għal ċerti reati li l-vittmi tagħhom huma minuri (posponiment sal-età maġġorenni tal-vittma). Jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-vjolenzi sesswali huma dawk li l-jiġu żvelati tardivament.


63      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et  (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 62).


64      Infakkar li l-Qorti EDB, fil-kuntest tal-obbligu pożittiv li joħroġ mill-Artikolu 2 tal-KEDB, irrikonoxxiet sewwasew l-interess pubbliku li ssir investigazzjoni u eventwalment li sseħħ il-prosekuzzjoni u l-kundanna tal-awturi ta’ atti illegali, diversi snin wara l-fatti (Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2014, Jelić vs Il‑Kroazja CE:ECHR:2014:0612JUD005785611, punt 52) u indikat li l-investigazzjoni fuq il-“cold cases” taqa’ wkoll taħt l-interess pubbliku, fis-sens ġenerali tal-ġlieda kontra l-kriminalità (Qorti EBD, 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 93).


65      Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2017, Aycaguer vs Franza (CE:ECHR:2017:0622JUD000880612, punt 38), u Qorti EBD, 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 88).


66      Il-perijodu ta’ żamma tat-traċċi tal-konsultazzjoni tal-fajl ma ġiex ippreċiżat.


67      Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 83).


68      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punti 128 u 129).


69      Bulettin Infostat Justice tal-Ministeru tal-Ġustizzja Franċiż, Nru 183, tat‑2 ta’ Lulju 2021, “Mesurer et comprendre les déterminants de la récidive des sortants de prison”.


70      Ir-reġistrazzjoni u ż-żamma sussegwenti tad-data fil-fajl jikkonċernaw, fil-fatt, lill-persuni li jkunu wettqu reat l-ewwel darba u mhux lil individwu diġà kkundannat darba jew iktar minn darba.


71      Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 89).


72      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 130). Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid (punti 132 u 133) li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jippermettix l-evalwazzjoni li tali ġbir kemm tad-data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, huwa “verament […] meħtieġ” fid-dawl tan-natura u l-gravità tar-reat li s-suġġett tad-data huwa ssuspettat li wettaq iżda wkoll ta’ elementi oħra rilevanti, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta possibbli tal-imsemmi reat ma’ proċeduri pendenti oħrajn, il-fedina penali jew il-profil individwali tal-persuna inkwistjoni. Wieħed jista’ jistaqsi jekk dan ir-rekwiżit ta’ individwalizzazzjoni approfondita huwiex kompatibbli ma’ dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva, man-natura sistematika u mal-livell ta’ astrazzjoni u ta’ ġeneralità li dawn jeħtieġu, intiżi li jistabbilixxu sistema ġenerali għaż-żamma tad-data personali f’fajl.


73      Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 94).