Language of document : ECLI:EU:C:2017:862

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Novembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Benefiċjarji – Nazzjonalità doppja – Ċittadin tal-Unjoni li kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu – Dritt ta’ residenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-165/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Queen’s Bench (Qorti Amministrattiva), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Toufik Lounes

vs

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský, E. Levits, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. Lounes, minn P. Saini, barrister, kif ukoll minn R. Matharu, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, C. Crane u C. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Toufik Lounes u s-Secretary of State for the Home Department (is-Segretarju tal-Istat għall-Intern, ir-Renju Unit) dwar ir-rifjut li jinħareġ permess ta’ residenza lill-individwu kkonċernat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5 u 18 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw:

“(5)      Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. […]

[…]

(18)      Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

(b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2.      ‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)      ir-raġel jew martu;

[…]

3.      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

7        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

8        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(c)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

[…]

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

9        L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

[…]

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

10      Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fid-dritt tar-Renju Unit permezz tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (ir-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2006 (Żona Ekonomika Ewropea), iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2006”). Dawn ir-regolamenti jużaw il-kliem “ċittadin taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]” minflok il-kliem “ċittadin tal-Unjoni”.

11      Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 2 tal-imsemmija regolamenti kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ċittadin taż-ŻEE” bħala “kull ċittadin ta’ Stat taż-ŻEE”, bil-preċiżazzjoni li r-Renju Unit kien eskluż mill-kunċett ta’ “Stat taż-ŻEE”.

12      Wara żewġ emendi suċċessivi ta’ dawn l-istess regolamenti permezz tal-Immigration (European Economic Area) (Amendment) Regulations 2012 (2012/1547) (ir-Regolamenti Emendatorji dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) tal-2012 (2012/1547), iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti 2012/1547”), u sussegwentement permezz tal-Immigration (European Economic Area) (Amendment) (No 2) Regulations 2012 (2012/2560) (it-Tieni Regolamenti Emendatorji dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) tal-2012 (2012/2560), iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti 2012/2560”), dan l-artikolu jipprovdi:

“‘ċittadin taż-ŻEE’ tfisser kull ċittadin ta’ Stat taż-ŻEE li ma huwiex ukoll ċittadin Brittaniku”.

13      L-Artikoli 6, 7, 14 u 15 tar-Regolamenti tal-2006 jittrasponu, fid-dritt tar-Renju Unit, l-Artikoli 2, 7 u 16 tad-Direttiva 2004/38.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Matul Settembru 1996, is-Sinjura Ormazabal, ċittadina Spanjola, marret ir-Renju Unit sabiex tistudja hemmhekk. Hija ilha tirrisjedi hemmhekk minn dak iż-żmien u ilha taħdem full-time hemmhekk sa minn Settembru 2004.

15      Fit-12 ta’ Awwissu 2009, hija kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika permezz ta’ naturalizzazzjoni u ngħatat passaport Brittaniku, filwaqt li żammet ukoll in-nazzjonalità Spanjola tagħha.

16      Matul is-sena 2013, hija bdiet relazzjoni ma’ T. Lounes, ċittadin Alġerin li kien daħal fir-Renju Unit fl-20 ta’ Jannar 2010 b’viża ta’ viżitatur għal perijodu ta’ sitt xhur u li kien baqa’ fir-Renju Unit b’mod illegali wara dan il-perijodu. Is-Sinjura Ormazabal u T. Lounes iżżewġu bil-knisja fl-1 ta’ Jannar 2014, u wara biċ-ċivil f’Londra (ir-Renju Unit) fis-16 ta’ Mejju 2014. Huma ilhom minn dak iż-żmien jirrisjedu fir-Renju Unit.

17      Fil-15 ta’ April 2014, T. Lounes ressaq applikazzjoni quddiem is-Segretarju tal-Istat għall-Intern sabiex jikseb permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE, fuq il-bażi tar-Regolamenti tal-2006.

18      Fl-14 ta’ Mejju 2014, huwa rċieva notifika ta’ avviż indirizzat lil persuna li tista’ titkeċċa, flimkien ma’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mir-Renju Unit, minħabba li kien eċċeda l-perijodu ta’ residenza awtorizzat f’dan l-Istat Membru, bi ksur tal-kontrolli fil-qasam tal-immigrazzjoni.

19      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2014, is-Segretarju tal-Istat għall-Intern informa lil T. Lounes bid-deċiżjoni tiegħu li jiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza kif ukoll bir-raġunijiet għal din iċ-ċaħda. Din l-ittra indikat, essenzjalment, li, b’riżultat tal-emenda tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-2006 permezz tar-Regolamenti 2012/1547 u 2012/2560, is-Sinjura Ormazabal ma baqgħetx titqies li hija “ċittadin[a] taż-ŻEE” fis-sens ta’ dawn l-ewwel regolamenti peress li kienet kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika fit-12 ta’ Awwissu 2009, u dan minkejja li kienet żammet ukoll in-nazzjonalità Spanjola tagħha. Għaldaqstant, hija ma baqgħetx tibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-imsemmija regolamenti kif ukoll mid-Direttiva 2004/38 fir-Renju Unit. Għalhekk, T. Lounes ma kienx intitolat għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE fuq il-bażi ta’ dawn l-istess regolamenti.

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, fil-fatt, li, qabel din l-emenda, iċ-ċittadini Brittaniċi li kellhom ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor taż-ŻEE, bħas-Sinjura Ormazabal, kienu, b’differenza minn dawk li ma kellhomx tali nazzjonalità doppja, meqjusa li huma ċittadini taż-ŻEE fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-2006 u għalhekk setgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija minn dawn ir-regolamenti. Madankollu, minn wara l-imsemmija emenda, dawn iċ-ċittadini ma baqgħux jitqiesu li huma ċittadini taż-ŻEE u għalhekk ma baqgħux jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet, b’tali mod li l-membri tal-familja tagħhom li huma ċittadini ta’ Stati terzi lanqas ma setgħu jinvokaw dritt ta’ residenza fir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ din il-kwalità.

21      T. Lounes ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014 imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

22      Dik il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-2006, kif emendat bir-Regolamenti 2012/1547 u 2012/2560, mal-Artikolu 21 TFUE u mad-Direttiva 2004/38.

23      F’dan ir-rigward, hija tosserva li, skont in-Nota ta’ spjega dwar ir-Regolamenti 2012/1547 kif ukoll skont l-espożizzjoni tal-motivi ta’ dawn ir-regolamenti u dik tar-Regolamenti 2012/2560, l-emenda tal-imsemmi Artikolu 2 kienet ir-riżultat tas-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, EU:C:2011:277), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma jkun uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li jkun irrisjeda dejjem fi Stat Membru wieħed li tiegħu jkollu n-nazzjonalità u li jkollu, barra minn hekk, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor.

24      Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, qabel kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika, is-Sinjura Ormazabal kienet użat il-libertà ta’ moviment tagħha u kienet kisbet dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bħala ċittadina Spanjola fuq il-bażi tal-imsemmija direttiva.

25      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju, essenzjalment, dwar jekk, kif isostni s-Segretarju tal-Istat għall-Intern, is-Sinjura Ormazabal tilfitx il-benefiċċju tad-Direttiva 2004/38 fir-Renju Unit b’effett mid-data tan-naturalizzazzjoni tagħha f’dan l-Istat Membru, jew jekk, kif isostni T. Lounes, is-Sinjura Ormazabal għandhiex tibqa’ titqies, minkejja li kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika, li hija “benefiċjarja” ta’ din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha, u għadha tista’ tinvoka f’dan l-istess Stat Membru d-drittijiet iggarantiti mill-imsemmija direttiva minħabba li żammet in-nazzjonalità Spanjola tagħha. Fil-fatt, fl-ewwel ipoteżi, T. Lounes ma jkunx jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fuq il-bażi tal-istess direttiva, filwaqt li, fit-tieni ipoteżi, huwa jkun jista’ jgawdi minn tali dritt.

26      F’dan il-kuntest, dik il-qorti għandha dubju wkoll dwar jekk ir-risposta għal din id-domanda tkunx differenti skont jekk is-Sinjura Ormazabal kisbitx dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit bis-saħħa tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, qabel ma kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika, jew jekk hija kellhiex biss, f’dak il-mument, dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur bis-saħħa tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, it-tip ta’ dritt ta’ residenza li kienet tibbenefika minnu s-Sinjura Ormazabal qabel in-naturalizzazzjoni tagħha huwa s-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali u għad irid jiġi ddeterminat.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Queen’s Bench (Qorti Amministrattiva), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Meta persuna li għandha n-nazzjonalità Spanjola u hija ċittadin tal-Unjoni:

–        tmur tgħix fir-Renju Unit fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-moviment liberu skont id-Direttiva [2004/38]; u

–        tirrisjedi fir-Renju Unit fl-eżerċizzju tad-dritt li jipprovdilha l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 16 tad-Direttiva [2004/38]; u

–        sussegwentement tikseb iċ-ċittadinanza Brittanika, li hija tippossjedi flimkien maċ-ċittadinanza tagħha Spanjola bħala ċittadinanza doppja; u

–        bosta snin wara li tikseb iċ-ċittadinanza Brittanika, tiżżewweġ ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu tirrisjedi fir-Renju Unit;

hija u l-konjuġi tagħha t-tnejn li huma jibbenefikaw mid-Direttiva [2004/38] fis-sens tal-Artikolu 3(1) meta hija tirrisjedi fir-Renju Unit u għandha kemm iċ-ċittadinanza Spanjola kif ukoll dik Brittanika?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li, minn aspett formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, dan il-fatt ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kollha li jistgħu jkunu utli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti tkunx għamlet riferiment għalihom jew le fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, EU:C:2011:277, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet mogħtija fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx biss id-Direttiva 2004/38 iżda wkoll l-Artikolu 21(1) TFUE.

30      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 21(1) TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jkun uża l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, u jkun imbagħad kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jżomm ukoll in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, diversi snin wara, ikun iżżewweġ ċittadin ta’ Stat terz li miegħu jkun għadu jirrisjedi fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dan iċ-ċittadin jibbenefika minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jew tal-Artikolu 21(1) TFUE.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38

31      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/38 hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li ssaħħaħ dan id-dritt. Il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tenfasizza li, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat f’kundizzjonijiet oġġettivi ta’ dinjità, l-imsemmi dritt għandu jingħata wkoll lill-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C-202/13, EU:C:2014:2450, punti 31 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tagħti ebda dritt awtonomu lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkunu ċittadini ta’ Stat terz. B’hekk, l-eventwali drittijiet mogħtija lil dawn iċ-ċittadini permezz ta’ din l-istess direttiva huma dderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, minn interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din id-direttiva tirregola biss il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri li ma jkunux dak li jkollu n-nazzjonalità tiegħu u li din id-direttiva ma tippermettix li sservi ta’ bażi għal dritt ta’ resisdenza dderivat favur ċittadini ta’ Stat terz, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 37, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C-133/15, EU:C:2017:354, punt 53).

34      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u huma benefiċarji tad-drittijiet mogħtija minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jirrisjedu fi “Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru”, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 38).

35      It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 16(1) u (2) tagħha, jirreferu għad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u għad-dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja tiegħu jew fi “Stat Membru ieħor” jew fl-“Istat Membru ospitanti” (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      It-tielet nett, għalkemm, kif intqal fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva hija intiża li tiffaċilita u li ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-għan tagħha jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 33, kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 41).

37      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn, bis-saħħa ta’ prinċipju tad-dritt internazzjonali, Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih u sa fejn dawn għalhekk igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat, l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża li tirregola r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, hija lanqas ma hija intiża li tagħti, fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, dritt ta’ residenza dderivat lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin li jkunu ċittadini ta’ Stat terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, EU:C:2011:277, punti 29, 34 u 42, kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punti 42 u 43).

38      F’dan il-każ, huwa paċifiku li s-Sinjura Ormazabal, li hija ċittadina Spanjola, eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha billi marret u għexet fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu kellha n-nazzjonalità meta telqet minn Spanja u marret fir-Renju Unit matul is-sena 1996. Huwa paċifiku wkoll li hija kellha l-kwalità ta’ “benefiċjarju” tad-Direttiva 2004/38, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha, u li hija għexet fir-Renju Unit bis-saħħa tal-Artikolu 7(1), jew – kif barra minn hekk jidher li jirrikonoxxi l-Gvern tar-Renju Unit – tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, minn tal-inqas sakemm kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika permezz ta’ naturalizzazzjoni.

39      Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kisba ta’ din iċ-ċittadinanza implikat, fir-rigward tas-Sinjura Ormazabal, bidla fis-sistema legali kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali u kemm fir-rigward tal-imsemmija direttiva.

40      Fil-fatt, minn dak iż-żmien is-Sinjura Ormazabal għexet f’wieħed mill-Istati Membri li tiegħu għandha n-nazzjonalità u għalhekk tibbenefika f’dan l-Istat Membru minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat konformement mal-prinċipju tad-dritt internazzjonali msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

41      Minn dan isegwi li, minn meta kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika, minn naħa, is-Sinjura Ormazabal ma baqgħetx tissodisfa d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, kif imfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva ma baqgħetx tirregola r-residenza tagħha fir-Renju Unit peress li din hija, min-natura tagħha stess, inkundizzjonata.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-Direttiva 2004/38 ma baqgħetx tapplika għas-sitwazzjoni tas-Sinjura Ormazabal minn meta din tal-aħħar ġiet innaturalizzata fir-Renju Unit.

43      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-fatt li s-Sinjura Ormazabal użat il-libertà ta’ moviment tagħha meta marret u għexet fir-Renju Unit u żammet in-nazzjonalità Spanjola tagħha minbarra ċ-ċittadinanza Brittanika. Fil-fatt, minkejja dawn iż-żewġ ċirkustanzi, jibqa’ l-fatt li, minn meta kisbet din iċ-ċittadinanza, is-Sinjura Ormazabal ma baqgħetx tirrisjedi “fi Stat Membru għajr […] l-istess Stat Membru [li tiegħu hija ċittadina]”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u, għalhekk, ma baqgħetx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” tal-imsemmija direttiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

44      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 37 ta’ din is-sentenza, il-konjuġi tagħha li huwa ċittadin ta’ Stat terz, T. Lounes, lanqas ma jaqa’ taħt dan il-kunċett u għalhekk ma jistax jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ din l-istess direttiva.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE

45      Peress li d-Direttiva 2004/38 ma tistax isservi ta’ bażi għal dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadin ta’ Stat terz f’sitwazzjoni bħal dik ta’ T. Lounes, għandu jiġi ddeterminat jekk tali dritt ta’ residenza jistax xorta waħda jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, b’mod partikolari, mill-Artikolu 21(1) TFUE, li jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jiċċaqlaq u li jirrisjedi b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara b’mod partikolari għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti fit-Trattati.

46      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, f’ċerti każijiet, li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma setgħux jibbenefikaw, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità, jistgħu madankollu jkollhom tali dritt fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punti 44 sa 50, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C-133/15, EU:C:2017:354, punt 54).

47      Madankollu, bl-istess mod bħad-Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tagħti ebda dritt ta’ residenza awtonomu lil tali ċittadin, iżda biss dritt idderivat minn dawk li jgawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C-40/11, EU:C:2012:691, punti 66 u 67, kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 36).

48      B’hekk, bħala prinċipju, dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jeżisti biss meta jkun meħtieġ sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv minn dan iċ-ċittadin tal-libertà ta’ moviment tiegħu. Għaldaqstant, il-finalità u l-ġustifikazzjoni ta’ tali dritt idderivat huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tiegħu ser jippreġudika, b’mod partikolari, din il-libertà kif ukoll l-eżerċizzju u l-effett utli tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jislet mill-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C-40/11, EU:C:2012:691, punt 68; tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 45, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C-165/14, EU:C:2016:675, punti 36 u 73).

49      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li essenzjalment isostni l-Gvern tar-Renju Unit, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, bħalma hija s-Sinjura Ormazabal, li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma tistax tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna minħabba s-sempliċi fatt li dan iċ-ċittadin, fil-kuntest ta’ din ir-residenza, kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu.

50      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li hemm rabta mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ persuni li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru u li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li tiegħu jkollhom ukoll in-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C-541/15, EU:C:2017:432, punt 34).

51      B’hekk, is-Sinjura Ormazabal, li hija ċittadina ta’ żewġ Stati Membri u li, fil-kwalità tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, eżerċitat il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, tista’ tinvoka d-drittijiet marbuta ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE, inkluż fir-rigward ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri.

52      Id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni jinkludu d-dritt li jkollhom ħajja tal-familja normali fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li jibbenefikaw mill-preżenza, flimkien magħhom, tal-membri tal-familja tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, EU:C:2008:449, punt 62).

53      Il-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru, li mar u rrisjeda fi Stat Membru ieħor, jikseb, sussegwentement, in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu ma jistax jimplika li dan jiġi mċaħħad minn dan id-dritt, għaliex dan ikun imur kontra l-effett utli tal-Artikolu 21(1) TFUE.

54      Fil-fatt, fl-ewwel lok, dan iwassal li dan iċ-ċittadin jiġi ttrattat bl-istess mod bħal ċittadin tal-Istat Membru ospitanti li qatt ma jkun telaq minn dan l-Istat Membru, filwaqt li jiġi injorat il-fatt li l-imsemmi ċittadin eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu meta stabbilixxa ruħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u li dan żamm in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu.

55      Issa, Stat Membru ma jistax jillimita l-effetti li jirriżultaw mill-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari d-drittijiet li huma marbuta magħha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u li jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn ċittadin, tal-libertà ta’ moviment tiegħu.

56      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE, inklużi d-drittijiet idderivati li jgawdu minnhom il-membri tal-familja tiegħu, huma intiżi, b’mod partikolari, li jiffavorixxu l-integrazzjoni progressiva taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

57      Issa, ċittadin tal-Unjoni, bħalma hija s-Sinjura Ormazabal, li, wara li jkun mar, fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu, u wara li jkun irrisjeda għal diversi snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bis-saħħa u b’osservanza tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, jikseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, ikollu l-intenzjoni li jintegra ruħu b’mod dewwiemi fis-soċjetà tal-imsemmi Stat.

58      Kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk jitqies li tali ċittadin, li jkun ingħata drittijiet bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment liberu tiegħu, ikollu jirrinunzja għall-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari għad-dritt li jkollu ħajja tal-familja fl-Istat Membru ospitanti, għaliex ikun ipprova, permezz tan-naturalizzazzjoni f’dan l-Istat Membru, jintegra ruħu iktar fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, dan ikun imur kontra l-loġika ta’ integrazzjoni progressiva ffavorizzata minn din id-dispożizzjoni.

59      Barra minn hekk, minn dan kieku jsegwi li ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u li jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu jiġi, fir-rigward tal-ħajja tal-familja tiegħu, ittrattat b’mod inqas favorevoli minn ċittadin tal-Unjoni li jkun ukoll eżerċita din il-libertà iżda li jkollu biss in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu. B’hekk, id-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari d-dritt li jkollu ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz, jiddgħajfu skont kemm jintegra ruħu fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru u skont in-numru ta’ nazzjonalitajiet li jkollu.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-effett utli tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE jeżiġi li ċittadin f’sitwazzjoni bħal dik tas-Sinjura Ormazabal għandu jkun jista’ jibqa’ jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet misluta mill-imsemmija dispożizzjoni, wara li jkun kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, b’mod partikolari, għandu jkun jista’ jiżviluppa ħajja tal-familja mal-konjuġi tiegħu li jkun ċittadin ta’ Stat terz, bl-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar.

61      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza dderivat, dawn ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li jkollu n-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, għalkemm ma tkoprix sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, din id-direttiva għandha tiġi applikata b’analoġija għal din is-sitwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punti 50 u 61, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C-133/15, EU:C:2017:354, punti 54 u 55).

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jkun uża l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, u jkun imbagħad kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jżomm ukoll in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, diversi snin wara, ikun iżżewweġ ċittadin ta’ Stat terz li miegħu jkun għadu jirrisjedi fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dan iċ-ċittadin ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru inkwistjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Madankollu, huwa jista’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE, f’kundizzjonijiet li ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti tal-imsemmi dritt lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkollu n-nazzjonalità.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni Ewropea jkun uża l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, u jkun imbagħad kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jżomm ukoll in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, diversi snin wara, ikun iżżewweġ ċittadin ta’ Stat terz li miegħu jkun għadu jirrisjedi fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dan iċ-ċittadin ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru inkwistjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Madankollu, huwa jista’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE, f’kundizzjonijiet li ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti tal-imsemmi dritt lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkollu n-nazzjonalità.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.