Language of document : ECLI:EU:C:2018:801

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Standards marbuta mal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew mill-persuni mingħajr Stat sabiex ikun jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3, 4, 10 u 23 – Applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati separatament minn membri ta’ familja waħda – Evalwazzjoni individwali – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ theddid li jaffettwa membru tal-familja fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni ta’ membru ieħor tal-familja – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-ażil jew il-protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Evalwazzjoni tal-motivi tal-persekuzzjoni – Parteċipazzjoni ta’ ċittadin tal-Azerbajġan fil-preżentazzjoni ta’ rikors kontra pajjiżu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Regoli proċedurali komuni – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami sħiħ u ex nunc – Motivi tal-persekuzzjoni jew elementi fattwali li ma ġewx żvelati quddiem l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni iżda invokati fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni adottata minn din l-awtorità”

Fil-Kawża C-652/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (Qorti Amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Nigyar Rauf Kaza Ahmedbekova,

Rauf Emin Ogla Ahmedbekov

vs

Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Fadoju u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Soloveytchik u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        L-applikazzjoni għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2        Din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nigyar Rauf Kaza Ahmedbekova u t-tifel tagħha, Rauf Emin Ogla Ahmedbekov, u Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Assistent Direttur tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, il-Bulgarija) dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn Ahmedbekova.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjat, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li fir-rigward tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        L-Artikolu 1, Taqsima A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève jiddefinixxi il-kelma “refuġjat” b’riferiment b’mod partikolari għall-probabbiltà ta’ persekuzzjoni.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2011/95

5        Id-Direttiva 2011/95 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, li jistabbilixxi:

“Għall-finijiet tal-[iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ asil li tinkludi

a)      status uniformi ta’ asil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni [Ewropea] kollha;

b)      status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali”.

6        Il-premessi 14, 16, 18, 24 u 36 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:

“(14)      L-Istati Membri għandu jkollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli mill-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, jew persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.

[…]

(16)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

[…]

(18)      “L-‘aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha.

[…]

(24)      Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

[…]

(36)      Membri tal-familja sempliċement minħabba r-relazzjoni tagħhom mar-refuġjat, normalment ikunu vulnerabbli għal atti ta’ persekuzzjoni f’manjiera li tista’ tkun il-bażi ta’ status ta’ refuġjat.”

7        L-Artikolu 2 tal-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

[…]

d)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

e)      ‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

f)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

g)      ‘status ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

h)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

i)      ‘applikant’ ifisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali;

j)      ‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

–        il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prassi tal-Istat Membru interessat tittratta koppji mhux miżżewġa b’mod paragunabbli għal koppji miżżewġa skont il-liġi li tirrigwarda ċittadini nazzjonali minn pajjiż terz;

–        it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali;

–        il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak il-benefiċjarju hu minuri jew mhux miżżewweġ;

k)      ‘minuri’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18-il sena;

[…]”

8        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

9        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi” u li jinsab fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżami ta’ Applikazzjonijiet għal Protezzjoni Internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[…]

4.      Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.”

10      Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni” u li jinsab fil-Kapitolu III ta’ din tal-aħħar, intitolat “Kwalifika Biex Wieħed Ikun Refuġjat”:

“1.      L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

a)      il-kunċett ta’ razza […]

b)      il-kunċett ta’ reliġjon […]

c)      il-kunċett ta’ nazzjonalità […]

d)      grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

–        membri ta’ dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih; u

–        grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li hija meqjusa bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru.

Skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristika komuni ta’ orjentament sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Aspetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan;

e)      il-kunċett ta’ opinjoni politika għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le.

2.      Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

11      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:

“1.      Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:

a)      hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra […];

[…]

2.      Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

a)      hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b)      hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

c)      hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.      Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.”

12      L-Artikolu 13 tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

13      Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, li huwa intitolat “Dannu serju” u li jinsab fil-Kapitolu V ta’ din tal-aħħar, intitolat “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”:

“Dannu serju jikkonsisti minn:

a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew;

b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

c)      theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

14      L-Artikolu 18 tad-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

15      L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma ta’ unità tal-familja”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2.      L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.

3.      Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.

4.      Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.

[…]”

 Id-Direttiva 2013/32

16      Id-Direttiva 2013/32 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(d) TFUE. Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-istabbiliment ta’ proċeduri komuni għall-għoti u l-irtir tal-istatus uniformi tal-ażil jew ta’ protezzjoni sussidjarja.

17      Il-premessi 12 u 60 ta’ din id-Direttiva jiddikjaraw:

“(12)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva hu li jiġu żviluppati aktar l-istandards għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali bl-għan li tiġi stabbilita proċedura komuni tal-asil fl-Unjoni.

[…]

(60)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali]. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata għal dan il-għan.”

18      L’Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95].”

19      Skont l-Artikolu 2 tal-istess direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

c)      ‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[…]

f)      ‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

g)      ‘rifuġjat’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [2011/95];

[…]

l)      ‘minorenni’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida taħt l-età ta’ 18-il sena;

[…]”

20      L-Artikolu 7 tal-Direttiva 2013/32 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull adult li jkollu kapaċità legali jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f’ismu stess.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li applikazzjoni tkun tista’ ssir minn applikant f’isem id-dipendenti tiegħu. F’dawn il-każijiet l-Istati Membri għandhom jiżguraw li adulti dipendenti jagħtu l-kunsens tagħhom għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni f’isimhom, u fin-nuqqas ta’ dan għandhom ikollhom l-opportunità li jagħmlu applikazzjoni f’isimhom stess.

Il-kunsens għandu jkun mitlub fiż-żmien li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni jew, mhux aktar tard minn meta ssir intervista personali mal-persuna adulta dipendenti. Qabel ma jkun mitlub kunsens, kull adult dipendenti għandu jkun informat fil-privat dwar il-konsegwenzi proċedurali rilevanti tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni f’ismu u dwar id-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni separata għall-protezzjoni internazzjonali.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li minorenni jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew f’ismu, jekk ikollu l-kapaċità legali li jaġixxi fi proċeduri taħt il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, jew permezz tal-ġenituri tiegħu jew membri adulti oħra tal-familja tiegħu, jew adult responsabbli għalih, kemm bil-liġi jew bil-prattika nazzjonali tal-Istat Membri ikkonċernat, jew inkella permezz ta’ rappreżentant.

[…]”

21      Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

“L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.”

22      L-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.”

23      L-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2011/95]. […]”

24      Skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

[…]”

25      L-Artikolu 33(2) ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli […] jekk:

[…]

e)      persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

26      Skont l-Artikolu 40(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.”

27      L-Artikolu 46 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

ii)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2);

[…]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

[…]”.

 Id-Direttiva 2013/33/UE

28      Il-premessi 9, 11 u 35 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), jistabbilixxi:

“(9)      Fl-applikazzjoani ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw konformità sħiħa mal-prinċipji tal-aħjar interessi tat-tfal u tal-għaqda tal-familja, skont il-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali], il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali rispettivament.

[…]

(11)      Għandhom ikunu stipulati standards għall-akkoljenza tal-applikanti li għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha.

[…]

(35)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 [ta’ din il-] Karta u trid tiġi implimentata b’dan il-mod.”

29      L-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva tipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien tlett ijiem minn meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata, l-applikant jingħata dokument maħruġ f’ismu jew isimha stess li jiċċertifika l-istatus tiegħu jew tagħha bħala applikant jew li jiddikjara li huwa jew hiia jista’/tista’ toqgħod fit-territorju tal-Istat Membru waqt li l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata.

[…]”

30      Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iżommu kemm jista’ jkun possibbli l-unità tal-familja kif hija preżenti fit-territorju tagħhom, jekk applikanti jkunu pprovduti b’akkomodazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Tali miżuri għandhom ikunu implimentati bi qbil mal-applikant.”

 Id-dritt Bulgaru

31      Fil-Bulgarija, l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali hija rregolata miz-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (liġi fuq l-ażil u r-refuġjati, iktar ’il quddiem iz-“ZUB”).

32      L-Artikoli 8 u 9 taz-ZUB essenzjalment jirriproduċu l-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2011/95.

33      Skont l-Artikolu 8(9) taz-ZUB:

“Huma […] meqjusa bħala refuġjati l-membri tal-familja ta’ stranġier li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat, sa fejn dan ikun kompatibbli mal-istatus personali tiegħu u fl-assenza taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 12(1).”

34      L-Artikolu 12(1) u (2) taz-ZUB jelenka ċ-ċirkustanzi li jipprekludu l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, fosthom l-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali.

35      L-Artikolu 32, intitolat “Proċeduri konġunti”, tal-Administrativnoprotsesualen kodeks (Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), jipprovdi:

“F’każ ta’ proċeduri li fihom id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet jirriżultaw minn sitwazzjoni fattwali unika u li fihom hija kompetenti waħda u l-istess awtorità amministrattiva, huwa possibbli li tinbeda u titmexxa proċedura unika li tikkonċerna diversi partijiet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

36      N. Ahmedbekova u binha, Rauf Emin Ogla Ahmedbekov, imwielda rispettivament fit-12 ta’ Mejju 1975 u fil-5 ta’ Ottubru 2007, huma ċittadini tal-Azerbajġan.

37      Fid-19 ta’ Novembru 2014, Emin Ahmedbekov (iktar ’il quddiem “E. Ahmedbekov”), il-konjuġi ta’ N. Ahmedbekova u missier Rauf Emin Ogla Ahmedbekov, ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-Darzhavna agentsia za bezhantsite (Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, Il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“DAB”), li ġiet miċħuda mill-assistent direttur ta’ din tal-aħħar bid-deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015. Nigyar Ahmedbekov ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (Qorti Amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija), li ġie miċħud minnha fit-2 ta’ Novembru 2015. Barra minn hekk, hija ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (Il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li, kif jirriżulta mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għal talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet miċħuda fil-25 ta’ Jannar 2017.

38      Fil-25 ta’ Novembru 2014, N. Ahmedbekova ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għaliha u għal binha, quddiem id-DAB. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015 mill-assistent direttur tad-DAB peress li ma kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 taz-ZUB.

39      N. Ahmedbekova ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Sofia-grad (Qorti Amministrattiva ta’ Sofia).

40      Fil-kuntest tar-rikors tagħha, hija tinvoka kemm il-persekuzzjonijiet li kien vittma tagħhom il-konjuġi tagħha min-naħa tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan kif ukoll ċirkustanzi li jikkonċernaw lilha individwalment.

41      F’dan l-aħħar rigward, N. Ahmedbekova issostni r-riskju li tiġi ppresegwitata minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħha, kif ukoll problemi ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol tagħha fl-Azerbajġan. N. Ahmedbekova tqis li r-riskju ta’ persekuzzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħha huwa mmanifestat b’mod partikolari mill-parteċipazzjoni tagħha fil-preżentata ta’ rikors kontra l-Azerbajġan quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll mill-parteċipazzjoni tagħha fid-difiża tal-persuni li diġà ġew ippresegwitati mill-awtoritajiet tal-Azerbajġan minħabba l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tad-difiża tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, hija attiva fil-kuntest tal-midja awdjoviżiva “Azerbaydzhanski chas”, li kienet tmexxi kampanja ta’ oppożizzjoni għar-reġim tal-poter fl-Azerbajġan.

42      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, kif għandhom jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati separatament minn membri ta’ familja waħda. Hija tistaqsi wkoll dwar jekk iċ-ċirkustanza li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali pparteċipa fil-preżentata ta’ rikors kontra l-pajjiż tal-oriġini tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Dirittijiet tal-Bniedem, tikkostitwixxix element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex tingħata l-protezzjoni internazzjonali.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Mill-Artikolu 78(1) u (2)(a), (d) u (f) [TFUE], kif ukoll mill-premessa 12 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva [2013/32], jirriżulta li r-raġuni sabiex applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li hija inammissibli prevista fl-Artikolu 33(2)(e) tal-istess direttiva, tikkostitwixxi regola li għandha effett dirett u li ma tistax ma tiġix applikata mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ li jkunu applikabbli dispożizzjonijiet iktar favorevoli tad-dritt nazzjonali, li jipprevedu l-eżami tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-perspettiva ta’ jekk l-applikant jissodisfax, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata protezzjoni sussidjarja, kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva?

2)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva [2013/32], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(3) u mal-Artikolu 2(a), (c) u (g), kif ukoll mal-premessa 60 tal-istess direttiva, jirriżulta li hija inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata, f’isem minuri akkumpanjat, mill-ġenitur tiegħu, meta din l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq il-kwalità tal-wild bħala membru tal-familja ta’ persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

3)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva [2013/32], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(1) u mal-Artikolu 2(a), (c) u (g), kif ukoll mal-premessa 60 tal-istess direttiva, jirriżulta li hija inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isem persuna adulta meta din l-applikazzjoni tkun ibbażata, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti, esklużivament fuq il-kwalità tal-applikant bħala membru tal-familja ta’ persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u meta l-applikant ma jkollux, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni, id-dritt li jeżerċita attività bħala impjegat?

4)      L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [2011/95], ikkunsidrat flimkien mal-premessa 36 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-evalwazzjoni ta’ theddida raġonevoli ta’ prosekuzzjoni jew ta’ riskju reali ta’ dannu gravi għandha tkun ibbażata biss fuq fatti u ċirkustanzi li jikkonċernaw l-applikant?

5)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2011/95], ikkunsidrat flimkien mal-premessa 36 tal-istess direttiva u mal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva [2013/32], jippermetti ġurisprudenza nazzjonali ta’ Stat Membru li:

a)      tobbliga lill-awtorità kompetenti tevalwa fil-kuntest ta’ proċedura komuni l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tal-persuni li huma membri tal-istess familja meta dawn l-applikazzjonijiet ikunu bbażati fuq fatti komuni u, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjoni li hija biss persuna waħda minn dawn il-membri tal-familja li għandha l-kwalità ta’ refuġjat;

b)      tobbliga lill-awtorità kompetenti twaqqaf il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ membri tal-istess familja li, fil-kwalità individwali tagħhom, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal tali protezzjoni, sakemm tiġi konkluża l-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-membru tal-familja li tkun ibbażata fuq ir-raġuni li din il-persuna għandha l-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève;

u, b’mod partikolari, l-imsemmija ġurisprudenza hija konformi ma’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interessi superjuri tal-wild, mal-ħarsien tar-riunifikazzjoni tal-familja u mar-rispett tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, mad-dritt li l-individwu kkonċernat jibqa’ fl-Istat Membru sakemm tiġi evalwata l-applikazzjoni, fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali], tal-premessi 12 u 60 kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, tal-premessi 16, 18 u 36 kif ukoll l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, u tal-premessi 9, 11 u 35 kif ukoll l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva [2013/33]?

6)      Il-premessi 16, 18 u 36, kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2011/95], ikkunsidrati flimkien mal-premessa 24 u mal-Artikoli 2(d) u (j), 13 u 23(1) u (2) tal-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod konkret l-Artikolu 8(9) taż-[ZUB], li tipprovdi li għandhom jitqiesu bħala refuġjati anki l-membri tal-familja ta’ barrani li jkollu l-istatus ta’ refuġjat, sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus individwali tagħhom u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet taħt id-dritt nazzjonali li jeskludu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat?

7)      Mir-raġunijiet għal persekuzzjoni previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2011/95], jirriżulta li t-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Istat ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata jimplika li din il-persuna tagħmel parti minn grupp soċjali partikolari, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tal-istess direttiva, jew li tali tressiq ta’ kawża għandu jitqies bħala l-espressjoni ta’ opinjoni politika, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tal-istess direttiva?

8)      Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32], jirriżulta li l-qorti hija obbligata teżamina fid-dettall ir-raġunijiet ġodda għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali invokati fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li ma kinux tqajmu fir-rikors ippreżentat quddiem din il-qorti kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali?

9)      Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32], jirriżulta li l-qorti hija obbligata tevalwa l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 33(2)(e) tal-istess direttiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja ta’ rikors kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti protezzjoni internazzjonali, f’sitwazzjoni fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-applikazzjoni kienet evalwata mill-perspettiva ta’ jekk l-applikant jissodisfax, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet sabiex jingħata protezzjoni sussidjarja, kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq ir-raba’ domanda

44      Ir-raba’ domanda, li jeħtieġ li tiġi eżaminata fl-ewwel lok, tirrigwarda l-punt dwar jekk l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhiex tkun ibbażata “biss fuq fatti u ċirkustanzi li jikkonċernaw l-applikant”.

45      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda saret minħabba l-fatt li N. Ahmedbekova invokat b’mod partikolari theddid ta’ persekuzzjoni u ta’ danni serji fil-konfront tal-konjuġi tagħha.

46      Għaldaqstant, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li hemm lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jittieħed inkunsiderazzjoni theddid ta’ persekuzzjoni u ta’ danni serji fil-konfront ta’ membru tal-familja tal-applikant.

47      Sabiex tingħata deċiżjoni għal din id-domanda, jeħtieġ, qabelxejn jitfakkar li mill-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien mad-definizzjonijiet tal-kliem “refuġjat” u “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” inklużi fl-Artikolu 2(d) u (f) ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-protezzjoni internazzjonali prevista f’dik id-Direttiva għandha, bħala prinċipju, tingħata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li tkun tibża’ minħabba raġuni li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, iċ-ċittadinanza tagħha, l-opinjonijiet politiċi tagħha jew l-appartenenza tagħha f’ċertu grupp soċjali, jew li tkun suġġetta għal riskju reali li tiġi ssuġġettata għal danni serji, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva.

48      Id-Direttiva 2011/95 ma tipprovdix għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat minbarra dawk msemmija fil-punt preċedenti. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita kull deċiżjoni dwar l-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni individwali (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C-473/16, EU:C:2018:36, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tkun intiża li tiddetermina jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali status (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C-71/11 u C-99/11, EU:C:2012:518, punt 68).

49      Mis-sistema tal-għoti tal-istatus uniformi ta’ ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, rikjest mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, għandha l-għan li tiddetermina jekk l-applikant – jew, fejn applikabbli, il-persuna li fl-isem tagħha dan jippreżenta l-applikazzjoni – tibżax minħabba raġuni li tiġi personalment ippersegwitata jew hija suġġetta personalment għal riskju reali ta’ danni serji.

50      Minkejja li jirriżulta minn dak li ntqal li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tintlaqa’, bħala tali, peress li membru tal-familja tal-applikant għandu biża’ bbażata fuq persekuzzjoni jew huwa suġġett għal riskju reali ta’ danni serji, għall-kuntrarju jeħtieġ, kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jittieħed kont tal-tali theddid li jkun suġġett għalih membru tal-familja tal-applikanat sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant, minħabba r-rabta familjari tiegħu mal-imsemmija persuna mhedda, huwiex huwa stess espost għal theddid ta’ persekuzzjoni jew danni serji. F’dan ir-rigward, u kif enfasizzat fil-premessa 36 tad-Direttiva 2011/95, il-membri tal-familja ta’ persuna mhedda bħala regola ġenerali jkunu f’riskju li jsibu ruħhom, anki huma stess, f’sitwazzjoni vulnerabbli.

51      Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jittieħed inkunsiderazzjoni theddid ta’ persekuzzjoni u ta’ danni serji li jkun suġġett għalih membru tal-familja tal-applikant, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar, minħabba r-rabta familjari tiegħu tal-imsemmija persuna mhedda, huwiex ukoll espost għal tali theddid.

 Fuq il-ħames domanda

52      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalemt tistaqsi jekk id-Direttivi 2011/95 u 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u b’kont meħud tal-interess superjuri tal-minuri, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa separatament minn membri ta’ familja waħda jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura komuni jew li l-evalwazzjoni ta’ waħda minn dawn l-applikazzjonijiet tiġi sospiża sa ma tingħalaq il-proċedura ta’ eżami marbut ma’ applikazzjoni oħra minnhom.

53      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/32, kull persuna adulta li għandha l-kapaċità legali għandha tkun awtorizzata tressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isimha proprju. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, il-kelma “adult” għandha, fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “minorenni” mogħtija fl-Artikolu 2(l) ta’ din id-direttiva, tinftiehem bħala li tirreferi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-persuni mingħajr Stat li jkunu laħqu l-età ta’ tmintax-il sena.

54      Fir-rigward tal-minuri, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li dawn tal-aħħar għandhom jiġu awtorizzati jressqu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isimhom fl-Istati Membri li jagħtu lill-minuri il-kapaċità legali li jaġixxu fil-proċeduri u li għandhom, fl-Istati Membri kollha marbuta b’din id-direttiva, ikunu awtorizzati jressqu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali permezz ta’ rappreżentant adult, bħal ġenitur jew membru ieħor adult tal-familja.

55      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni la tipprekludi li diversi membri ta’ familja, bħal, fil-każ odjern, N. Ahmedbekova u Emin Ahmedbekov, iressqu kull waħda u wieħed minnhom applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u lanqas li xi ħadd minnhom iressaq l-applikazzjoni tiegħu wkoll għan-nom ta’ membru minuri tal-familja, bħal Rauf Emin Ogla Ahmedbekov.

56      Id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ma jispeċifikawx kif għandha tiġi ġestita l-konnessjoni possibbili bejn tali applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li jistgħu parzjalment ikunu jirrigwardaw fatti u ċirkustanzi identiċi. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra f’dan ir-rigward.

57      B’hekk, jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 timponi evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni, fit-tieni lok, li skont l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità familjari tkun tista’ tinżamm u, fit-tielet lok, li l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni tmexxi u tagħlaq, fl-iqsar żmien possibbli, eżami adegwat u eżawrjenti.

58      Mir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni individwali u minn eżami eżawrjenti tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jirriżulta li l-applikazzjonijiet mressqa separatament minn membri ta’ familja waħda, minkejja li jistgħu jiġu suġġetti għal miżuri intiżi sabiex tiġi ġestita kull konnessjoni possibbli, għandhom jiġu ssuġġettati għal eżami tas-sitwazzjoni ta’ kull persuna kkonċernata. Konsegwentement, dawn l-applikazzjonijiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni komuni.

59      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-punt dwar jekk hemmx lok li jitmexxew simultanjament il-proċeduri ta’ eżami marbuta mal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa separatament minn membri ta’ familja waħda jew jekk, għall-kuntrarju, huwiex konsentit li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni li tissospendi l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni sal-għeluq tal-proċedura ta’ eżami marbuta ta’ applikazzjoni oħra minnhom, hemm lok li jitqies, minn naħa, li f’każ bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih wieħed mill-membri tal-familja jinvoka b’mod partikolari theddid li kien jaffettwa membru ieħor tal-familja, jista’ jkun opportun li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jekk dan it-theddid seħħx, u li jiġi eżaminat fit-tieni lok, sa fejn dan ikun neċessarju, jekk il-konjuġi u l-wild ta’ din il-persuna mhedda jbatux ukoll huma stess, minħabba l-eżistenza ta’ rabta familjari, minn theddida ta’ persekuzzjoni jew ta’ danni serji.

60      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-regola stabbilita fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32 li skontha kull eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titmexxa sa tmiemha fl-iqsar żmien, kif ukoll fid-dawl tal-finalità ta’ din id-direttiva li tikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu pproċessati kemm jista’ jkun malajr (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C-585/16, EU:C:2018:584, punt 109), l-eżami tal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-membri tal-familja ma għandux jagħti lok għal sospensjoni tal-eżami tal-applikazzjoni ta’ membru ieħor ta’ din il-familja peress li dan l-aħħar imsemmi eżami jista’ jinbeda biss fil-mument li l-proċedura ta’ eżami marbut mal-applikazzjoni preċedenti jkun diġà ngħalaq bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni. Għall-kuntrarju, sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ ċelerità u sabiex tiġi ffaċilitata ż-żamma tal-unità familjari, jeħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet li joriġinaw minn membri ta’ familja waħda u li jippreżentaw konnessjoni bejniethom, jiġu adottati f’intervall ta’ żmien ravviċinat.

61      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li, f’każ li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni tikkonstata li persuna għandha biża’ fondata minn persekuzzjoni jew hija suġġetta għal riskju reali ta’ danni serji, hija għandha, bħala prinċipju, tkun kapaċi tevalwa f’terminu qasir jekk il-membri tal-familja ta’ din il-persuna humiex suġġetti huma wkoll, għal tali theddida minħabba rabta familjari li tgħaqqadhom. Din l-evalwazzjoni għandha tkun tista’ titmexxa, tal-inqas, għandha tibda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali lill-imsemmija persuna.

62      F’każ li l-awtorità responsabbli għad determinazzjoni tikkonstata li l-ebda membru tal-familja ma għandu biża’ fondata minn persekuzzjoni jew ma huwa suġġett għal ebda riskju reali ta’ danni serji, hija għandha, bħala prinċipju, tkun f’pożizzjoni li tadotta d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tagħha tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-istess jum.

63      Minn dan isegwi, fil-każ odjern, li ma jistax jiġi allegat li l-assistent direttur tad-DAB adotta d-deċiżjonijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni mressqa minn N. Ahmedbekova u fuq din imressqa minn E. Ahmedbekov fl-istess jum, peress li dawn l-applikazzjonijiet ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni komuni, fatt li għandu jiġi vverfikat mill-qorti tar-rinviju.

64      Fir-rigward, fl-aħħar, tad-domanda tal-qorti tar-rinviju fuq l-effett tal-interess superjuri tat-tfal u tal-Artikoli 7, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li dawn id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti minn din il-Karta għandhom ċertament jiġu osservati waqt l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, iżda ma jservux, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda preliminari, bħala insenjament speċifiku addizzjonali.

65      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għall-ħames domanda li d-Direttivi 2011/95 u 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa separatament minn membri ta’ familja waħda jiġu ssuġġettati għal miżuri intiżi sabiex tiġi ġestita kull konnessjoni possibbli bejniethom, iżda jipprekludu li dawn l-applikazzjonijiet jiġu ssuġġettati għal evalwazzjoni komuni. Dawn jipprekludu wkoll li l-evalwazzjoni ta’ waħda mill-imsemmija applikazzjonijiet tiġi sospiża sal-għeluq tal-proċedura ta’ eżami marbuta ma’ applikazzjoni oħra minnhom.

 Fuq is-sitt domanda

66      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistasqi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru ieħor li jipprovdi, f’każ ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil membru ta’ familja, għall-estensjoni tal-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni lil membri oħra ta’ din il-familja.

67      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 8(9) taz-ZUB jipprevedi tali estensjoni. Ma jistax jiġi eskluż li din id-dispożizzjoni tiġi, fil-kawża odjerna, applikata għal Rauf Emin Ogla Ahmedbekov kif ukoll għal E. Ahmedbekov. Fil-fatt, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li N. Ahmedbekova għandha, minħabba ċirkustanzi li jikkonċernawha individwalment bħal dawk imsemmija fil-punt 41 tas-sentenza odjerna, biża’ fondata minn persekuzzjoni, din il-konstatazzjoni, bħala prinċipju, għandha twassal għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat lil N. Ahmedbekova. Sussegwentement, skont l-Artikolu 8(9) taz-ZUB, dan l-istatut għandu, bħala prinċipju, jiġi estiż għall-membri tal-familja tagħha mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk teżistix biża’ fondata minn persekuzzjoni fi ħdan dawn tal-aħħar.

68      Hemm lok li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/95 ma tipprovdix għal tali estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil membri tal-familja tal-persuna li tkun ingħatat dan l-istatus. Fil-fatt, mill-Artikolu 23 ta’ din id-Direttiva jirriżulta li din tal-aħħar sempliċiment timponi fuq l-Istati Membri li jaddattaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li l-membri tal-familja, fis-sens previst fl-Artikolu 2(j) tal-imsemmija direttiva, tal-benefiċċjarju ta’ tali status ikunu jistgħu, jekk ikunu jissodisfaw individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istess status, igawdu minn ċerti vantaġġi, li jinkludu b’mod partikolari l-ħruġ ta’ permess ta’ soġġorn, l-aċċess għall-impjieg jew l-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom bħala l-għan tagħhom iż-żamma tal-unità familjari.

69      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk iż-żamma fis-seħħ ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 8(9) taz-ZUB hijiex awtorizzata mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, li tippermetti lill-Istati Membri jadottaw u jżommu “standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva”.

70      Minn dan il-kliem, moqri flimkien mal-premessa 14 tad-Direttiva 2011/95, jirriżulta li l-istandards iktar favorevoli previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu fl-attenwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat tista’ tgawdi mill-istatus ta’ refuġjat jew mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

71      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-ispeċifikazzjoni inkluża fl-imsemmi Artikolu 3, li kull standard iktar favorevoli għandu jkun kompatibbli mad-Direttiva 2011/95, ifisser li dan l-istandard ma għandux jippreġudika l-istruttura ġenerali jew l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Huma partikolarment ipprojbiti standards intiżi sabiex jiġi rikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet totalment nieqes minn kull rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C-542/13, EU:C:2014:2452, punti 42 u 44). Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għar-regoli li jirrikonoxxu tali status lil persuni li jaqgħu taħt kawża ta’ esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C-57/09 u C-101/09, EU:C:2010:661, punt 115).

72      Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikonoxximent awtomatiku, skont id-dritt nazzjonali, tal-istatus ta’ refuġjat favur membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus skont sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95, ma huwiex, a priori, nieqes minn kull rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali.

73      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-għoti eventwali ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil wild jew lil konjuġi ta’ N. Ahmedbekova bħala konsegwenza tar-rikonoxximent ta’ tali status mogħti lil din tal-aħħar kien jippreżenta, minħabba bżonn ta’ żamma tal-unità familjari tal-persuni kkonċernati, rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali li wasslet għal dan l-aħħar imsemmi rikonoxximent.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għas-sitt domanda li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil Stat Membru li jipprovdi, f’każ ta’ għoti, skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva, protezzjoni internazzjonali lil membru ta’ familja, għall-estensjoni tal-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni lil membri oħra ta’ din il-familja, dment li dawn ma jkunux jaqgħu taħt xi kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 12 tal-istess direttiva u li s-sitwazzjoni tagħhom tkun tippreżenta, minħabba l-bżonn ta’ żamma tal-unità familjari, rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

75      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li jeħtieġ li tingħata risposta konġunta għalihom, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-motiv ta’ inammissibbiltà stabbilit fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 ikoprix sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna adulta tressaq, għaliha u għall-wild minuri tagħha, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżistenza ta’ rabta familjari ma’ persuna oħra, li ressqet b’mod separat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

76      Kif ġie espost fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li huwa konsentit li membri ta’ familja jressqu separatament applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u li jinserixxu minuri, li jappartjeni lil din il-familja, f’waħda minn dawn l-applikazzjonijiet.

77      Il-motiv ta’ inammissabbiltà stabbilit fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna sitwazzjoni speċifika li fiha persuna li tkun responsabbli għal persuna oħra l-ewwel tagħti l-kunsens tagħha, skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, sabiex f’isimha titressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u sussegwentement tressaq hija stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

78      Bla ħsara għal kull verifika mill-qorti tar-rinviju, mid-deskrizzjoni tal-kawża prinċipali pprovduta minn din tal-aħħar jirriżulta li la N. Ahmedbekova u lanqas Rauf Emin Ogla Ahmedbekov ma jaqgħu f’din is-sitwazzjoni speċifika. Barra minn hekk, jidher li dan jgħid ukoll għal E. Ahmedbekov.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi applikat il-motiv ta’ inammissibbiltà stabbilit fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32.

80      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanza li wieħed mill-membri tal-familja jinvoka rabta familjari u jagħmel riferiment, fl-applikazzjoni tiegħu, għal ċerti fatti li huma wkoll deskritti fl-applikazzjoni mressqa minn membru ieħor ta’ din il-familja. Tali sitwazzjoni ma taqax taħt dik prevista fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32, iżda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipji li tfakkru u ġew speċifikati fir-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda.

81      Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda li l-motiv ta’ inammissibbiltà stabbilit fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 ma jkoprix sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna adulta ressqet, għaliha u għall-wild minuri tagħha, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżistenza ta’ rabta familjari ma’ persuna oħra, li ressqet b’mod separat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

 Fuq l-ewwel u d-disa’domanda

82      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għat-tieni u t-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u d-disa’ domanda.

83      Fil-fatt, permezz tal-ewwel u d-disa’ domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 għandux effett dirett u jistax jiġi applikat mill-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni marbuta ma’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali anki jekk l-awtur ta’ din id-deċiżjoni ma eżaminax l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi, l-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32, fi kwalunkwe każ, ma jistax japplika f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq is-seba’ domanda

84      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-parteċipazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-preżentata ta’ rikors kontra l-pajjiż tal-oriġini tiegħu quddiem il-Qort Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandhiex titqies, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivi ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, bħala li tipprova l-appartenenza ta’ dan l-applikant lil “grupp soċjali partikolari” fis-sens tal-paragrafu 1(d) ta’ dan l-artikolu jew bħala motiv ta’ persekuzzjoni abbażi ta’ “opinjoni politika” fis-sens tal-paragrafu 1(e) tal-imsemmi artikolu.

85      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/95 għandu jinqara konġuntement mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Skont dan il-paragrafu 2, fl-istima ta’ jekk applikant għandux biża’ minħabba raġuni ta’ persekuzzjoni ma huwiex importanti jekk l-applikant attwalment jipposjedix il-karatteristika marbuta mar-razza, mar-reliġjon, man-nazzjonalità, mal-appartenenza lil grupp soċjali partikolari jew mal-opinjonijiet politiċi li jattira l-persekuzzjoni, basta iżda li din il-karatteristika tkun attribwita lill-applikant mill-attur tal-persekuzzjoni.

86      Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni ta’ ċittadin tal-Azerbajġan fil-preżentata ta’ rikors kontra dan il-pajjiż quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bil-għan li jiġi kkonstatat ksur tal-libertajiet fundamentali mir-reġim li qiegħed fil-poter, tittraduċix ruħha f’”opinjoni politika” min-naħa ta’ dan iċ-ċittadin, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivi ta’ persekuzzjoni invokati fl-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa mill-imsemmi ċittadin, jekk jeżistux raġunijiet fondati għall-biża’ li l-imsemmija parteċipazzjoni tiġi pperċepita mill-imsemmi reġim bħala att ta’ nuqqas ta’ qbil fuq livell politiku li fil-konfront tiegħu huwa jista’ jipprevedi li jeżerċita xi ritaljazzjonijiet.

87      Meta jeżistu raġunijiet fondati għal biża’ li dan huwa l-każ, allura hemm lok li jiġi konkluż li l-applikant jissubixxi theddida serja u avverata ta’ persekuzzjoni minħabba l-espressjoni, minnu stess, tal-opinjonijiet tiegħu dwar il-politika u l-metodi tal-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, il-kunċett ta’ “opinjoni politika” li tinsab f’din id-dispożizzjoni tkopri tali sitwazzjoni.

88      Għall-kuntrarju, il-grupp ta’ persuni li fih ikun parti l-applikant tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, fejn applikabbli, meta dan jipparteċipa fil-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jistax bħala prinċipju jiġi kklassifikat bħala “grupp soċjali” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

89      Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “grupp soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, il-membri tal-grupp għandhom ikunu jikkondividu “karatteristika innata” jew “sfond komuni li ma jistax jinbidel”, jew inkella karatteristika jew twemmin “li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”. Min-naħa l-oħra, dan il-grupp għandu jkollu l-identità tiegħu proprja fil-pajjiż terz ikkonċernat peress li huwa pperċepit bħala li huwa “differenti” mis-soċjetà ta’ madwaru (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punt 45). Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ġew issodisfatti fil-kawża prinċipali.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-parteċipazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-preżentazzjoni ta’ rikors kontra l-pajjiż tal-oriġini tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala prinċipju, ma tistax titqies, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivi ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tal-Direttiva 2011/95, bħala li tipprova l-appartenenza ta’ dan l-applikant għal “grupp soċjali partikolari” fis-sens tal-paragrafu 1(d) ta’ dan l-artikolu, iżda għandha titqies bħala raġuni ta’ persekuzzjoni abbażi ta’ “opinjoni politika” fis-sens tal-paragrafu 1(e) tal-imsemmi artikolu jekk ikunu jeżistu raġunijiet fondati sabiex jitwemmen li l-parteċipazzjoni fil-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors hija pperċepita mill-imsemmi pajjiż bħala att ta’ nuqqas ta’ qbil fuq livell politiku li fil-konfront tiegħu huwa jista’ jipprevedi li jeżerċita xi ritaljazzjonijiet.

 Fuq it-tmien domanda

91      Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ protezzjoni internazzjonali hija obbligata teżamina l-motivi tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali li, peress li huma marbuta ma’ avvenimenti jew ma’ theddid li allegatament seħħ qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew anki qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġu invokati għall-ewwel darba matul il-proċedura tar-rikors.

92      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jispeċifika l-portata tad-dritt għal rikors effettiv li għandu jkollhom l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, kif previst mill-Artikolu 46(1) ta’ din id-direttiva, kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C-585/16, EU:C:2018:584, punt 105). Dan l-artikolu jispeċifika li l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva għandhom jiżguraw li, tal-inqas fl-ewwel istanza, il-qorti li quddiemha tiġi kkontestata d-deċiżjoni marbuta mal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”.

93      F’dan ir-rigward, il-kliem “ex nunc” jenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, elementi ġodda li jkunu ġew fid-deher wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni suġġetta għar-rikors. Fir-rigward tal-aġġettiv “sħiħ”, dan jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm l-elementi li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni ħadet jew kellha tieħu inkunsiderazzjoni kif ukoll dawk li avveraw ruħhom wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C-585/16, EU:C:2018:584, punt 111 u 113).

94      Għalkemm jirriżulta wkoll mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 li l-Istati Membri huma obbligati jaġġustaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’tali mod li l-ipproċessar tar-rikorsi previsti jkun jinkludi eżami, mill-qorti, tal-elementi fattwali kollha u tad-dritt li jippermettilha twettaq evalwazzjoni attwalizzata tal-każ ineżami (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C-585/16, EU:C:2018:584, punt 110), ma jirriżultax, għall-kuntrarju, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’, mingħajr ma jesponi ruħu għal eżami addizzjonali mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, ibiddel il-kawża tal-applikazzjoni tiegħu u b’hekk, il-parametri tal-każ ineżami billi jinvoka, matul il-proċedura tar-rikors, motiv ta’ protezzjoni internazzjonali li, filwaqt li huwa marbut ma’ avvenimenti jew theddid li allegatament ġraw qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità jew anki qabel il-preżentata tal-applikazzjoni, ma ġiex espost quddiem l-imsemmija awtorità.

95      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li mill-Artikolu 2(d) u (f) kif ukoll mill-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-protezzjoni internazzjonali tista’ tingħata minħabba biża’ fondata minn persekuzzjoni abbażi tar-razza, tar-reliġjon, tan-nazzjonalità, tal-appartenenza għal ċertu grupp soċjali, jew tal-opinjoni politika, b’dan illi kull wieħed minn dawn il-motivi huwa ddefinit, b’mod distint, fl-imsemmi Artikolu 10, jew inkella minħabba wieħed mid-danni serji elenkati fl-Artikolu 15.

96      Jeħtieġ ukoll jitfakkar li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, li hija organu amministrattiv jew kważi ġudizzjarju munit b’mezzi speċifiċi u minn persunal speċjalizzat fil-qasam, jikkostitwixxi fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2013/32, u li d-dritt tal-applikant li jikseb eżami sħiħ u ex nunc quddiem qorti, rikonoxxut mill-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi interpretat f’sens li jiddilwixxi l-obbligu ta’ dan l-applikant li jikkoopera ma’ din l-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C-585/16, EU:C:2018:584, punt 116).

97      Din il-fażi essenzjali quddiem l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni tkun waħda evitabbli li kieku, mingħajr l-ebda konsegwenza proċedurali, l-applikant ikun permess jinvoka, sabiex il-qorti tannulla jew tissostitwixxi d-deċiżjoni ta’ rifjut adottata minn din l-awtorità, motiv ta’ protezzjoni internazzjonali li, filwaqt li huwa marbuta ma’ avvenimenti jew ma’ theddid li kienu allegatament jeżistu diġà, iżda ma ġiex invokat quddiem l-imsemmija awtorità u għaldaqstant ma setax jiġi eżaminat minn din tal-aħħar.

98      Konsegwentement, meta wieħed mill-motivi ta’ protezzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza jiġi invokat għall-ewwel darba matul il-proċedura ta’ rikors u jkun marbut ma’ avvenimenti jew ma’ theddid li allegatament ġraw qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew anki qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, dan il-motiv għandu jiġi kklassifikat bħala “sottomissjoni ulterjuri” fis-sens tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32. Kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, tali klassifkazzjoni għandha l-effett li l-qorti adita bir-rikors għandha teżamina dan il-motiv fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni suġġett għar-rikors, bla ħsara madankollu għall-fatt li kull waħda mill-“awtoritajiet kompetenti”, li jinkludu mhux biss dik il-qorti iżda wkoll l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, għandu jkollha l-possibbiltà li teżamina, f’dan il-kuntest, l-imsemmija dikjarazzjoni ġdida.

99      Sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex, hija stess, il-possibbiltà li teżamina dikjarazzjoni ġdida fil-kuntest tar-rikors, hija l-imsemmija qorti li għandha tivverifika, skont ir-regoli tal-proċedura ġudizzjarja previsti mid-dritt nazzjonali tagħha, jekk il-motiv ta’ protezzjoni internazzjonali invokat għall-ewwel darba quddiemha ġiex invokat f’fażi mhux tardiva tal-proċedura tar-rikors u ġiex ippreżentat b’mod suffiċjentement konkret sabiex ikun jista’ jiġi debitament eżaminat.

100    Ladarba jirriżulta minn din il-verifika li l-qorti għandha l-possibbiltà li tintegra dan il-motiv fl-evalwazzjoni tagħha tar-rikors, hija għandha titlob, mingħand l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni u dan kollu f’terminu li jkun konformi mal-għan ta’ ċelerità segwit mid-Direttiva 2013/32 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C-585/16, EU:C:2018:584, punt 109), eżami tal-imsemmi, li r-riżultat u r-raġunijiet li jsostnuh għandhom jiġu kkomunikati lill-applikat u lill-qorti qabel ma din tal-aħħar tipproċedi bis-smigħ tal-applikant u tevalwa l-każ.

101    F’dan il-każ, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċerti elementi tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu l-impressjoni li l-motiv ta’ biża’ fondata minn persekuzzjoni abbażi ta’ opinjoni politika, li fuqu hija bbażata d-domanda tal-qorti tar-rinviju, kien diġà ġie invokat quddiem id-DAB, għalkemm N. Ahmedbekova żiedet, matul il-proċedura tar-rikors, elementi fattwali addizzjonali sabiex issostni dan il-motiv.

102    Jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, N. Ahmedbekova żiedet, matul il-proċedura tar-rikors, mhux motiv ta’ protezzjoni internazzjonali, iżda elementi fattwali maħsuba sabiex isostnu iktar motiv li kien ġie invokat quddiem l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni u ġie miċħud minn din tal-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li f’tali każ, hija l-qorti adita bir-rikors li għandha tevalwa jekk l-elementi fattwali invokati għall-ewwel darba quddiemha humiex sinifikattivi u jippreżentawx xi sovrapożizzjoni mal-elementi li setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni. F’tali każ, il-premessi esposti fil-punti 97 sa 100 ta’ din is-sentenza għandhom japplikaw mutatis mutandis.

103    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għat-tmien domanda li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mar-riferiment għall-proċedura tar-rikors inkluża fl-Artikolu 40(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ protezzjoni internazzjonali, bħala prinċipju, hija obbligata tevalwa, bħala “sottomissjonijiet ulterjuri” u wara li tkun talbet eżami ta’ dawn tal-aħħar mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, il-motivi tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jew l-elementi fattwali li, filwaqt li huma marbuta ma’ avvenimenti jew ma’ theddid li allegatament ġraw qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut, jew anki qabel it-tressiq tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġu invokati għall-ewwel darba matul il-proċedura tar-rikors. Għall-kuntrarju din il-qorti ma hijiex hekk obbligata, jekk hija tikkonstata li dawn il-motivi jew dawn l-elementi ġew invokati f’fażi tardiva tal-proċedura tar-rikors jew ma humiex ippreżentati b’mod suffiċjentement konkret sabiex ikunu jistgħu jiġu debitament eżaminati, jew inkella, meta dawn ikunu elementi fattwali, jekk hija tikkonstata li dawn ma humiex sinifikattivi jew li huma insuffiċjentement distinti mill-elementi li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni diġà setgħet tieħu inkunsiderazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

104    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L’Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jittieħed inkunsiderazzjoni theddid ta’ persekuzzjoni u ta’ danni serji li jkun suġġett għalih membru tal-familja tal-applikant, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar, minħabba r-rabta familjari tiegħu tal-imsemmija persuna mhedda, huwiex ukoll espost għal tali theddid.

2)      Id-Direttiva 2011/95 u d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa separatament minn membri ta’ familja waħda jiġu ssuġġettati għal miżuri intiżi sabiex tiġi ġestita kull konnessjoni possibbli bejniethom, iżda jipprekludu li dawn l-applikazzjonijiet jiġu ssuġġettati għal evalwazzjoni komuni. Dawn jipprekludu wkoll li l-evalwazzjoni ta’ waħda mill-imsemmija applikazzjonijiet tiġi sospiża sal-għeluq tal-proċedura ta’ eżami marbuta ma’ applikazzjoni oħra minnhom.

3)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil Stat Membru li jipprovdi, f’każ ta’ għoti, skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva, ta’ protezzjoni internazzjonali lil membru ta’ familja, għall-estensjoni tal-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni lil membri oħra ta’ din il-familja, dment li dawn ma jkunux jaqgħu taħt xi kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 12 tal-istess direttiva u li s-sitwazzjoni tagħhom tkun tippreżenta, minħabba l-bżonn ta’ żamma tal-unità familjari, rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

4)      Il-motiv ta’ inammissibbiltà stabbilit fl-Artikolu 33(2)(e) tad-Direttiva 2013/32 ma jkoprix sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna adulta ressqet, għaliha u għall-wild minuri tagħha, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżistenza ta’ rabta familjari ma’ persuna oħra, li ressqet b’mod separat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

5)      Il-parteċipazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-preżentazzjoni ta’ rikors kontra l-pajjiż tal-oriġini tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala prinċipju, ma tistax titqies, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivi ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, bħala li tipprova l-appartenenza ta’ dan l-applikant għal “grupp soċjali partikolari” fis-sens tal-paragrafu 1(d) ta’ dan l-artikolu, iżda għandha titqies bħala raġuni ta’ persekuzzjoni abbażi ta’ “opinjoni politika” fis-sens tal-paragrafu 1(e) tal-imsemmi artikolu jekk ikunu jeżistu raġunijiet fondati sabiex jitwemmen li l-parteċipazzjoni fil-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors hija pperċepita mill-imsemmi pajjiż bħala att ta’ nuqqas ta’ qbil fuq livell politiku li fil-konfront tiegħu huwa jista’ jipprevedi li jeżerċita xi ritaljazzjonijiet.

6)      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mar-riferiment għall-proċedura tar-rikors inkluża fl-Artikolu 40(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ protezzjoni internazzjonali, bħala prinċipju, hija obbligata tevalwa, bħala “sottomissjonijiet ulterjuri” u wara li tkun talbet eżami ta’ dawn tal-aħħar mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, il-motivi tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jew l-elementi fattwali li, filwaqt li huma marbuta ma’ avvenimenti jew ma’ theddid li allegatament ġraw qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut, jew anki qabel it-tressiq tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġu invokati għall-ewwel darba matul il-proċedura tar-rikors. Għall-kuntrarju din il-qorti ma hijiex hekk obbligata, jekk hija tikkonstata li dawn il-motivi jew dawn l-elementi ġew invokati f’fażi tardiva tal-proċedura tar-rikors jew ma humiex ippreżentati b’mod suffiċjentement konkret sabiex ikunu jistgħu jiġu debitament eżaminati, jew inkella, meta dawn ikunu elementi fattwali, jekk hija tikkonstata li dawn ma humiex sinifikattivi jew li huma insuffiċjentement distinti mill-elementi li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni diġà setgħet tieħu inkunsiderazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.