Language of document : ECLI:EU:F:2010:158

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

9 ta’ Diċembru 2010

Kawża F‑83/05

Kristine Ezerniece Liljeberg et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Ġuristi lingwisti inklużi fuq lista ta’ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Diskriminazzjoni meta mqabbla mal-ġuristi lingwisti reklutati minn istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu K. Ezerniece Liljeberg u disa’ uffiċjali oħra, kollha ġuristi lingwisti tal-Kummissjoni, prinċipalment jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tagħhom tas-6 ta’ Ottubru 2004, inkwantu dawn jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad A*6, meta huma kellhom jiġu kklassifikati fil-grad A*7.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandhom ibatu nofs l-ispejjeż li huma ħallsu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 13(2); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Ħatra fi grad superjuri tal-karriera — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 13(2); Regolament tal-Kunsill 723/2004)

3.      Uffiċjali — Assenjazzjoni — Korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni — Assenjazzjoni f’pożizzjoni ta’ grad superjuri — Dritt għal klassifikazzjoni ġdida — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

4.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Trattament differenti għal diversi kategoriji ta’ membri tal-persunal fil-qasam tal-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal — Assenza ta’ diskriminazzjoni

5.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

6.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 13(2))

1.      Id-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni fi grad adottati mill-istituzzjonijiet oħra barra mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 13(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu miżuri li ma jistgħux jiġu invokati insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur, imwettaq mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fir-rigward tal-allegazzjoni li ġuristi lingwisti kklassifikati fil-grad A*6 mill-Kummissjoni huma ddiskriminati meta mqabbla ma’ dawk li għaddew mill-istess kompetizzjoni li ġew ikklassifikati fil-grad A*7 mill-istituzzjoni l-oħra, mill-Artikolu 13(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li kull istituzzjoni hija awtorizzata tiddetermina jekk hemmx lok li tikklassifika ġurista lingwista fil-grad A*7. Minn dan isegwi li l-uffiċjali reklutati minn istituzzjoni u kklassifikati f’dan il-grad skont din id-dispożizzjoni għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu taħt sitwazzjoni differenti minn dik ta’ uffiċjali reklutati minn istituzzjoni oħra li għażlet li ma tapplikax l-imsemmija dispożizzjoni.

Fil-fatt, il-fatt li jiġi inkluż fuq l-istess lista ta’riżerva ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għaliex, kif tfakkar, hija kull istituzzjoni li għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li jsir użu minn din id-dispożizzjoni biex tikklassifika ġurista lingwista fil-grad A*7. Sussegwentement, il-ġurisprudenza li dawk kollha li għaddew mill-istess kompetizzjoni huma fl-istess sitwazzjoni tikkonċerna r-reklutaġġ tal-uffiċjali mill-istess istituzzjonijiet u mhux minn istituzzjonijiet differenti. Fl-aħħar nett, għalkemm, skont il-prinċipju ta’ servizz pubbliku wieħed, kif stabbilit fl-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għal Regolamenti tal-Persunal uniku, tali prinċipju ma jfissirx li l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu użu identiku tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal meta, għall-kuntrarju, dawn l-istituzzjonijiet igawdu minn prinċipju ta’ awtonomija.

(ara l-punti 55, 58 u 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Settembru 1997, Gimenez vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, T‑220/95, ĠabraSP p. I‑A‑275 u II‑775, punt 72

2.      Meta amministrazzjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx bżonn li tuża dispożizzjoni, sabiex ma tipprivax l-imsemmija dispożizzjoni minn kull portata utli, l-amministrazzjoni għandha, fid-dawl tal-fatti partikolari li bihom hija kkonfrontata, tagħmel evalwazzjoni konkreta tal-applikazzjoni eventwali tad-dispożizzjoni kkonċernata.

Xorta jibqa’ l-fatt, skont it-termini tal-Artikolu 13(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-istituzzjonijiet jistgħu jirreklutaw uffiċjali bħala ġuristi lingwisti fil-grad A*7 jew AD 7, fatt li jimplika li l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li tapplika din id-dispożizzjoni u li l-uffiċjali ġodda reklutati ma għandhomx dritt suġġettiv għal tali klassifikazzjoni.

Peress illi l-Awtorità tal-Ħatra tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tiddeċiedi jekk tużax jew le l-Artikolu 13(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tikkonċerna klassifikazzjoni fi grad ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni għandha sempliċiment tivverifika jekk kienx hemm ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, jekk l-Awtorità tal-Ħatra bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq fatti materjali ineżatti jew mhux kompluti, jekk id-deċiżjoni hijiex ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter, minn żball ta’ liġi jew minn nuqqas ta’ motivazzjoni, jew saħansitra jekk l-Awtorità tal-Ħatra użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 75 sa 77)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 5 ta’ Ottubru 1995, Alexopoulou vs Il‑Kummissjoni, T‑17/95, ĠabraSP p. I‑A‑227 u II‑683, punt 21; 26 ta’ Ottubru 2004, Brendel vs Il‑Kummissjoni, T‑55/03, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑1437, punt 60; 15 ta’ Novembru 2005, Righini vs Il‑Kummissjoni, T‑145/04, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1547, punt 53; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 26 ta’ April 2006, Falcione vs Il‑Kummissjoni, F‑16/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑3 u II‑A‑1‑7, punt 49; 20 ta’ Settembru 2007, Giannopoulos vs Il‑Kunsill, F‑111/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑253 u II‑A‑1‑1415, punt 52

3.      Anki jekk uffiċjal jaċċetta li jaqdi kariga li hija ta’ grad superjuri minn dik attwalment tiegħu, il-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ma jagħti lill-uffiċjal ebda dritt għal klassifikazzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni tiegħu fi grad superjuri.

Fi kwalunkwe każ, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej ma timponi fuq l-amministrazzjoni l-ħtieġa li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni preċedenti ta’ dawl li għaddew minn sabiex tiddetermina l-klassifikazzjoni fil-grad tagħhom.

(ara l-punti 89 u 90)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Lulju 1973, Tontodonati vs Il‑Kummissjoni, 28/72, Ġabra p. 779, punt 8; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Mejju 1991, Jongen vs Il‑Kummissjoni, T‑18/90, Ġabra p. II‑187, punt 27; 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑623, punt 182; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 12 ta’ Marzu 2009, Arpaillange et vs Il-Kummissjoni, F‑104/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑57 u II‑A‑1‑273, punt 106

4.      Ma jistgħux jiġu kkontestati d-differenzi li jeżistu fir-Regolamenti tal-Persunal bejn id-diversi kategoriji tal-persuni impjegati mill-Unjoni, kemm bħala uffiċjali fil-vera sens tal-kelma, kif ukoll abbażi ta’ kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, peress illi d-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi għal ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni tal-Unjoni u għan-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li għandha bħala missjoni li twettaq.

(ara l-punt 93)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 17 ta’ Novembru 2009, Palazzo vs Il‑Kummissjoni, F‑57/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑437 u II‑A‑1‑2371, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni, billi pprovdietu b’assigurazzjonijiet preċiżi u konkordanti, nisslet fih aspettattivi fondati

Id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżumi li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, assigurazzjonijiet li jkunu preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, għandhom jiġu pprovduti lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li joħolqu stennija leġittima fil-persuna li lilha huma indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu skont ir-Regolamenti tal-Persunal u skont ir-regoli ġeneralment applikabbli jew, tal-inqas, l-eventwali irregolarità tagħhom ma tridx tkun ġiet innutata mill-uffiċjal raġonevoli u diliġenti u huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi għad-dispożizzjoni tiegħu u fil-kapaċità tiegħu li jagħmel il-verifiki meħtieġa.

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni f’grad, id-dikjarazzjonijiet eventwali magħmula mill-kap ta’ diviżjoni ma jistgħux jitqiesu bħala informazzjoni li tirriżulta minn sorsi awtorizzati u affidabbli, għaliex dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu esklużivament taħt l-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 98, 99 u 101)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il‑Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, point 70; 11 ta’ Lulju 2002, Wasmeier vs Il‑Kummissjoni, T‑381/00, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑677, punt 106 ; Righini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 130 u 131; 8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 146; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, F‑51/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑289 u II‑A‑1‑1533, punt 55; 11 ta’ Mejju 2010, Maxwell vs Il‑Kummissjoni, F‑55/09, punt 87

6.      Id-dmir ta’ premura jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproki li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan l-obbligu jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u, billi tagħmel hekk, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tad-dipartiment, iżda wkoll l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat. Il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-uffiċjali għandha dejjem tiġi limitata fl-osservanza tar-regoli fis-seħħ.

Id-dmir ta’ premura ma jistax ikollu bħala effett li jittrasforma l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 13(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal f’obbligu għall-amministrazzjoni. Konsegwentement, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma applikatx l-imsemmi Artikolu 13(2) ma jistax jikkostitwixxi bħala tali ksur tad-dmir ta’ premura.

(ara l-punti 110 u 111)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Forvass vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 54, u l-ġurisprudenza ċċitata; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 149