Language of document : ECLI:EU:C:2020:49

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fid-29 ta’ Jannar 2020 (1)

Kawża C762/18

QH

vs

Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria,

parti magħquda:

Prokuratura na Republika Bulgaria

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Haskovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Haskovo, il-Bulgarija))

Kawża C37/19

CV

vs

Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2003/88/KE — Artikolu 7 — Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Ħaddiem/a imkeċċi/ja illegalment minn xogħlu/ha u rreintegrat/a permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti — Esklużjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas mhux meħud għall-perijodu mit-tkeċċija sar-reintegrazzjoni — Nuqqas tad-dritt għal kumpens finanzjarju għal leave annwali mhux meħud għall-istess perijodu fil-każ ta’ terminazzjoni sussegwenti tar-relazzjoni ta’ impjieg”






I.      Introduzzjoni

1.        Hemm intitolament min-naħa ta’ ħaddiem/a għal-leave annwali mħallas fir-rigward tal-perijodu mid-data tat-tkeċċija sad-data tar-reintegrazzjoni fejn huwa stabbilit li tali ħaddiem/a ġie/t mkeċċi/ja illegalment minn dan l-impjieg? Din hija, essenzjalment, id-domanda li hija komuni għaż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari u li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2).

2.        It-talbiet saru f’żewġ settijiet ta’ proċeduri, l-ewwel bejn QH u l-Varhovenkasatsionen sad na Republika Bulgaria (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“VKS”), u t-tieni bejn CV u l-persuna li kienet timpjegaha preċedentement, Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo (iktar ’il quddiem “Iccrea Banca”). Anki jekk dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma kinux magħquda għall-partijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, il-kwistjonijiet li jqumu f’dawn il-proċeduri huma simili. Huwa, għaldaqstant, konvenjenti li tiġi ppreżentata konklużjoni unika fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kawżi.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, jipprovdi:

“1.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

2.      Id-Direttiva 2003/88

4.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jgħid kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impjieg tkun ġiet itterminata.”

B.      Id-dritt Bulgaru

5.        Skont l-Artikolu 224(1) tal-Kodeks na truda (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Industrijali”), “mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ħaddiem għandu jkun intitolat għal kumpens finanzjarju għal xi leave annwali mħallas mhux meħud […] sakemm id-dritt għal-leave ma jkunx skada.”

6.        L-Artikolu 354(1) tal-Kodiċi Industrijali jipprovdi li “perijodu li matulu ma eżistiet l-ebda relazzjoni ta’ impjieg għandu bl-istess mod jiġi rrikonoxxut bħala perijodu ta’ servizz […] [meta] l-ħaddiem jew l-impjegat kien mingħajr impjieg minħabba tkeċċija li ġiet iddikjarata illegali mill-awtoritajiet kompetenti: mid-data tat-tkeċċija sad-data tar-reintegrazzjoni tal-ħaddiem inkwistjoni.”

C.      Id-dritt Taljan

7.        Skont l-Artikolu 10 tad-Decreto legislativo 8 aprile 2003, n. 66, Attuazione delle direttive 93/104/CE e 2000/34/CE concernenti taluni aspetti dell’organizzazione dell’orario di lavoro (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 66 tat-8 ta’ April 2003 li jimplimenta d-Direttivi 93/104/KE (3) u 2000/34/KE (4) dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol) (GURI Nru 87, tal-14 ta’ April 2003), il-perijodu ta’ leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssostitwit b’pagament ta’ benefiċċji, minflok leave mhux meħud, apparti meta r-relazzjoni ta’ impjieg tkun ġiet itterminata.

8.        L-Artikolu 52 tal-Contratto collettivo nazionale di lavoro (iktar ’il quddiem il-“CCNL”) del 7.12.2000 per le Banche di Credito Cooperativo, Casse Rurali ed Artigiane (il-Ftehim Nazzjonali ta’ Nnegozjar Kollettiv tas-7 ta’ Diċembru 2000 għall-banek koperattivi, agrikoli, u tal-artiġjanat), li huwa applikabbli ratione temporis, jgħid li “d-dritt għal-leave ma jistax jiġi rrinunzjat. […] Jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tispiċċa, ħaddiem li ma użax, kompletament jew parzjalment, id-dritt għal-leave [akkumulat] tiegħu għas-sena kalendarja attwali […] għandu jkun intitolat għal pagament ta’ benefiċċji li jikkorrispondi għal remunerazzjoni tal-ġranet tal-leave annwali mhux meħuda. Jekk il-ħaddiem ma huwiex fis-servizz, il-perijodu ta’ leave mħallas dovut għandu jiġi mnaqqas bil-wieħed minn tnax għal kull xahar ta’ assenza […]”.

9.        Skont l-Artikolu 53 tal-istess ftehim, il-leave u/jew il-ġranet ta’ btala mogħtija għal “vaganzi pubbliċi mħassra” li ma ttiħdux matul is-sena kalendarja għandhom jiġu stabbiliti fuq bażi tal-iżjed remunerazzjoni reċenti pagabbli fis-sena rilevanti.

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Kawża C762/18

10.      Mill-1 ta’ Settembru 1985, QH kienet impjegata bħala għalliema tal-mużika fi skola primarja. Fid-29 ta’ April 2004, il-prinċipal tal-iskola ddeċieda li jittermina din ir-relazzjoni ta’ impjieg. QH appellat minn din id-deċiżjoni u b’sentenza finali tar-Rayonen sad Plovdiv (il-Qorti Distrettwali ta’ Plovdiv, il-Bulgarija) it-tkeċċija tagħha kienet meqjusa illegali u hija ġiet irreintegrata bħala impjegata.

11.      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2008, il-prinċipal tal-iskola għal darba oħra ttermina r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ QH, imma din id-darba, madankollu, hija ma appellatx kontra t-tkeċċija tagħha.

12.      Fl-1 ta’ Lulju 2009, QH ressqet kawża quddiem ir-Rayonen Sad Plovdiv (il-Qorti Distrettwali ta’ Plovdiv) kontra l-iskola, fejn talbet il-ħlas tal-ammont ta’ 7 125 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 3 641) li jirrappreżenta kumpens għal-leave annwali mhux meħud għal 285 jum, jiġifieri 57 ġurnata fis-sena għall-perijodu mit-30 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Novembru 2008. Barra minn hekk, hija talbet l-ammont ta’ BGN 1 100 (madwar EUR 562) bħala kumpens għall-ħlas tardiv fir-rigward tal-ewwel ammont għall-perijodu mit-30 ta’ Novembru 2008 sal-1 ta’ Lulju 2009. B’sentenza tal-15 ta’ April 2010 r-Rayonen sad Plovdiv (il-Qorti Distrettwali ta’ Plovdiv) ċaħdet dawn it-talbiet.

13.      QH ippreżentat appell quddiem l-Okruzhen Sad Plovdiv (il-Qorti Reġjonali ta’ Plovdiv, il-Bulgarija), li, b’sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza sa fejn din ċaħdet it-talbiet għall-kumpens. QH ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-VKS mis-sentenza tal-Okruzhen Sad Plovdiv (il-Qorti Reġjonali ta’ Plovdiv). Madankollu, b’deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011, il-VKS irrifjutat li taċċetta l-appell.

14.      Fir-rigward tal-kwistjoni sostantiva mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri jekk ħaddiem imkeċċi illegalment huwiex intitolat għal kumpens għal-leave annwali mħallas mhux meħud fuq bażi tal-Artikolu 224(1) tal-Kodiċi Industrijali għall-perijodu mid-data tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg sad-data tar-reintegrazzjoni fuq bażi ta’ sentenza li saret finali, il-VKS qalet li t-tweġiba mogħtija mill-Okruzhen Sad Plovdiv (il-Qorti Reġjonali ta’ Plovdiv) kienet skont il-ġurisprudenza vinkolanti tal-VKS. Skont din il-ġurisprudenza, fil-perijodu mid-data tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg sal-annullament tat-tkeċċija fuq bażi ta’ sentenza definittiva u r-reintegrazzjoni tal-ħaddiem/a imkeċċi/ja illegalment fir-rwol preċedenti tiegħu/tagħha, dan il-ħaddiem jew din il-ħaddiema effettivament ma wettaqx/ma wettqitx xogħol taħt ir-relazzjoni ta’ impjieg. Konsegwentement, għal dan il-perijodu ta’ żmien, l-imsemmi ħaddiem jew ħaddiema ma kienx/ma kinitx intitolat/a għal-leave annwali mħallas fuq bażi tal-Artikolu 224(1) tal-Kodiċi Industrijali.

15.      QH sussegwentement ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rayonen Sad Haskovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Haskovo, il-Bulgarija) kontra l-VKS fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens għat-telf materjali sostnut mir-rikorrenti minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mwettaq mill-VKS fid-digriet tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011. Minbarra ksur tal-Artikolu 267 TFUE, QH tqis li l-VKS kellha tapplika l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tagħtiha d-dritt tagħha għal-leave annwali mħallas għall-perijodu li matulu hija ma setgħetx tibbenefika minnu bħala riżultat tat-tkeċċija illegali tagħha.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dubju dwar jekk il-ġurisprudenza tal-VKS kinitx kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, ir-Rayonen Sad Haskovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Haskovo) b’deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2018, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2018, issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni jew prassi nazzjonali li minnhom jirriżulta li ħaddiem li kien tkeċċa b’mod illegali u li mbagħad reġa’ ngħata x-xogħol tiegħu mill-qorti, ma huwiex intitolat għal-leave annwali mħallas fir-rigward taż-żmien bejn it-tkeċċija u l-għoti lura tax-xogħol tiegħu?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni u/jew prassi nazzjonali li minnhom jirriżulta li, fil-każ ta’ terminazzjoni sussegwenti tar-relazzjoni ta’ xogħol [impjieg], dan il-ħaddiem ma huwiex intitolat għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fir-rigward taż-żmien bejn it-tkeċċija preċedenti tiegħu u l-għoti lura tax-xogħol tiegħu?”

B.      Kawża C37/19

17.      CV, impjegata ta’ Iccrea Banca, ġiet imkeċċija fil-11 ta’ Lulju 2002 bħala riżultat ta’ proċedura ta’ sensji kollettivi. Sussegwentement għal appell ippreżentat minn CV, it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja) ordnat li hija tiġi rreintegrata u hija kompliet l-impjieg tagħha fis-6 ta’ Ottubru 2003.

18.      Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Ottubru u tal-15 ta’ Novembru 2003, Iccrea Banca keċċiet mill-ġdid lil CV b’effett immedjat u eżentatha mill-obbligu li tippreżenta perijodu ta’ notice. Dawn it-tkeċċijiet ġew sussegwentement iddikjarati illegali b’sentenzi li saru finali u CV għal darba oħra ġiet irreintegrata fil-pożizzjoni tagħha. CV kienet finalment imkeċċija fis-17 ta’ Settembru 2010.

19.      Sadanittant, CV ressqet kawża quddiem il-qrati Taljani sabiex tirċievi kumpens minn Iccrea Banca li jkopri l-leave annwali mħallas u leave għal “vaganzi pubbliċi mħassra”, akkumulat u mhux meħud fl-2003 u fl-2004 rispettivament.

20.      Fir-rigward tal-kwistjoni mressqa minn CV, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) iddikjarat li l-ebda pagament ta’ benefiċċji ma huwa dovut minflok leave akkumulat u mhux meħud fil-perijodu bejn it-tkeċċija u r-reintegrazzjoni għaliex il-pagament ta’ benefiċċji huwa neċessarjament konness ma’ “mistrieħ mitluf”, li ma kienx applikabbli għaliex CV ma ħadmitx waqt il-perijodu rilevanti.

21.      CV ippreżentat appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja). Wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, dik il-qorti enfasizzat ċerti aspetti rilevanti tal-ġurisprudenza nazzjonali tagħha dwar tkeċċija, ir-reintegrazzjoni u d-dritt għall-pagament ta’ benefiċċji minflok leave.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dubjuża dwar jekk din il-ġurisprudenza nazzjonali hijiex kompatibbli mal-Artikolu 31 tal-Karta u mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet, b’deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2018, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2019, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-[Karta], anki meqjusa separatament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali li fuq il-bażi tagħhom, fil-każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol [impjieg], id-dritt għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju għal-leave annwali miksub u li ma tteħidx (u għal arranġament ġuridiku bħall-imsejħa, “Festività soppresse” [vaganzi pubbliċi mħassra], simili min-natura u l-funzjoni tiegħu għal-leave annwali) ma huwiex irrikonoxxut, f’kuntest fejn il-ħaddiem ma setax jinvokah, qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, minħabba fatt illegali (tkeċċija kkonstatata illegali b’mod definittiv mill-qorti nazzjonali b’deċiżjoni li tordna l-istabbiliment mill-ġdid retroattiv tar-relazzjoni ta’ xogħol) imputabbli lill-persuna li timpjega, fil-limitu tal-perijodu dekorribbli bejn l-aġir ta’ din tal-aħħar u r-reintegrazzjoni sussegwenti?”

IV.    Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Fil-Kawża C‑762/18, osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn QH, mill-VKS, mill-Gvern Bulgaru, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Fil-Kawża C‑37/19, osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn CV, minn Iccrea Banca, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni.

24.      Ħlief għall-VKS u Iccrea Banca, dawn il-partijiet kollha ppreżentaw argumenti orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2019.

V.      Analiżi

A.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domandi

1.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C762/18

25.      L-ewwel nett, il-Gvern Bulgaru jissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina d-domandi magħmula mir-Rayonen Sad Haskovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Haskovo) sa fejn l-ewwel tkeċċija tar-rikorrenti saret fid-29 ta’ April 2004, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti ta’ Stat Membru fejn iċ-ċirkustanzi fattwali li għalihom japplika d-dritt tal-Unjoni seħħew qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea.

26.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kif isegwi mill-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (5), id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni – bħad-Direttiva 2003/88 – huma vinkolanti fuq il-Bulgarija mid-data tal-adeżjoni tagħha, bir-riżultat li dawn japplikaw għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jibdew qabel l-adeżjoni tagħha (6).

27.      F’din il-kawża, huwa veru li l-ewwel tkeċċija inkwistjoni seħħet qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija. Ma huwiex ikkontestat, madankollu, li l-annullament ta’ din it-tkeċċija u r-reintegrazzjoni saru wara din l-adeżjoni. Għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tal-Gvern Bulgaru, jiena tal-opinjoni li d-domandi magħmula huma relatati mal-implikazzjonijiet legali tal-illegalità tat-tkeċċija u r-reintegrazzjoni konsekuttiva iktar milli mat-tkeċċija nnifisha. Bħala tali, dawn l-elementi u l-effetti legali tagħhom huma suffiċjentement awtonomi u huma b’mod ċar relatati ma’ avvenimenti li seħħew wara Jannar 2007 li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tassumi l-ġurisdizzjoni fil-kawża preżenti (7).

28.      Isegwi minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-argumenti mressqa mill-Gvern Bulgaru li jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja milli tisma’ d-domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom jiġu miċħuda. Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2003/88 hija applikabbli ratione temporis fir-rigward tal-effetti legali li jseħħu wara l-1 ta’ Jannar 2007.

29.      It-tieni nett, kemm il-VKS kif ukoll il-Gvern Bulgaru jargumentaw li, matul il-perijodu bejn id-data tal-ewwel tkeċċija tar-rikorrenti u d-data tar-reintegrazzjoni tagħha, ir-rikorrenti ma kinitx “ħaddiema” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 u għalhekk ma kinitx koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jew, b’mod ġenerali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk il-Qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar domandi preliminari.

30.      Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, id-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw preċiżament id-dritt għal-leave annwali mħallas b’konnessjoni mat-tkeċċija illegali ta’ ħaddiem/a u r-reintegrazzjoni tiegħu/tagħha fix-xogħol tiegħu/tagħha wara sentenza tal-qorti. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-perijodu bejn it-tkeċċija illegali ta’ ħaddiem/a u r-reintegrazzjoni tiegħu/tagħha fix-xogħol preċedenti tiegħu/tagħha għandux jiġi ttrattat bħala perijodu ta’ xogħol effettiv għall-għan li jiġi ddeterminat id-dritt għal-leave annwali mħallas tal-ħaddiem/a rreintegrat/a. Minħabba li d-dritt għal-leave annwali mħallas huwa previst fid-Direttiva 2003/88, huwa jaqa’ fil-kompetenza interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.      L-ammissibbiltà tad-domanda magħmula fil-Kawża C37/19

31.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan ikkontenda li d-domanda magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba l-kuntest fattwali inadegwat u n-nuqqas ta’ referenzi għal leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattiki speċifiċi u rilevanti.

32.      Wieħed għandu jżomm f’moħħu mill-bidu li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 267 TFUE, ma għandhiex il-kompitu li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ dritt domestiku mad-dritt tal-Unjoni jew tinterpreta leġiżlazzjoni jew regolamenti domestiċi, hija tista’ madankollu tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar dawk il-punti kollha li jistgħu jippermettu lil dik il-qorti li tiddetermina l-kwistjoni tal-kompatibbiltà għall-għanijiet tal-kawża li jkollha quddiemha (8).

33.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, filwaqt li huwa veru li din l-ispjegazzjoni li tirrigwarda l-aggravji kollha li fuqhom qiegħed jistrieħ l-appell pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tista’ toħloq konfużjoni, il-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) madankollu ċarament tidentifika l-aggravju li jirrigwarda d-domanda magħmula u ċ-ċirkustanzi li fihom issir din id-domanda. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju preċiżament tidentifika l-atti tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija neċessarja, kif ukoll il-ġurisprudenza nazzjonali li tista’ tkun kuntrarja għal dawn l-atti.

34.      Huwa għalhekk ċar minn dawn l-elementi tat-talba għal deċiżjoni preliminari li r-risposta għad-domanda magħmula hija bżonjuża għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju u hija, konsegwentement, ammissibbli.

B.      L-ewwel domanda fil-Kawża C769/18

35.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li minnhom jirriżulta li ħaddiem/a li tkeċċa/iet b’mod illegali u li sussegwentement ġie/t irreintegrat/a b’deċiżjoni ta’ qorti, ma huwiex/ma hijiex intitolat/a għal-leave annwali mħallas għall-perijodu bejn id-data tat-tkeċċija u r-reintegrazzjoni.

36.      Il-qafas li fih għandha ssir l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa issa stabbilit sew.

37.      L-ewwel nett, kif inhu apparenti mill-kliem tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 nnifisha, kull ħaddiem huwa intitolat għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, dritt li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies bħala prinċipju partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni (9). Barra minn hekk, dan id-dritt, li minnu jgawdu l-ħaddiema kollha, bħala prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni rifless fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104 u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwa issa espressament sanċit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (10). Isegwi, għalhekk, li d-dritt għal-leave annwali mħallas ma għandux jingħata interpretazzjoni restrittiva (11).

38.      It-tieni nett, huwa xieraq li jitfakkar l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, mogħti lil kull ħaddiem bl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li huwa dak li jippermetti kemm li l-ħaddiem/a jistrieħ/tistrieħ mit-twettiq ta’ xogħol li huwa/hija għandu jwettaq/għandha twettaq skont il-kuntratt ta’ xogħol u sabiex igawdi/tgawdi minn perijodu ta’ rilassament u rikreazzjoni (12). Dan l-għan, li jiddistingwi l-leave annwali mħallas minn tipi oħra ta’ leave b’għanijiet differenti, huwa madankollu, bbażat fuq il-premessa li l-ħaddiem/a effettivament ħadem/ħadmet matul il-perijodu ta’ riferiment (13).

39.      Fil-fatt, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799), “[…]l-għan li ħaddiem [jitħalla] jistrieħ jippreżumi li dan il-ħaddiem kien eżerċita attività li tiġġustifika, sabiex jiżgura l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu msemmija mid-Direttiva 2003/88, il-benefiċċju ta’ perijodu ta’ mistrieħ, ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni. Għaldaqstant, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas għandhom bħala prinċipju jiġu ddeterminati skont perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol […]” (14).

40.      It-tielet nett, huwa madankollu ċar li, fi kliem l-Avukat Ġenerali Mengozzi, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja “kisret ir-rabta li kien preżunt li hija sostanzjali bejn il-provvista ta’ xogħol effettiv, minn naħa, u d-dritt għal-leave annwali mħallas, min-naħa l-oħra” (15).

41.      Din ir-rabta nkisret għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għarfet li hemm ċerti ċirkustanzi li essenzjalment imorru lil hinn mill-kontroll tal-ħaddiem fejn id-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssuġġettat minn Stat Membru għal kundizzjoni li l-ħaddiem effettivament ħadem. Eżempji sal-lum jinkludu leave tal-mard (16) u leave tal-maternità (17). B’kuntrast, din il-ġurisprudenza ma tapplikax għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem/a li ħa/ħadet leave parentali matul perijodu ta’ riferiment (18) jew għal ħaddiem/a li l-obbligu tiegħu/tagħha li jaħdem/taħdem ġie sospiż (kif ukoll dak tal-persuna li timpjega li tħallas is-salarju tiegħu/tagħha) bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għal żero sigħat ta’ xogħol” (“Kurzarbeit Null”) (19).

42.      F’dan il-kuntest, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mir-Rayonen Sad Haskovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Haskovo) huwa għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem/a li ma setax/ma setgħetx jaħdem/taħdem minħabba tkeċċija illegali u sussegwentement irreintegrat/a fil-pożizzjoni tiegħu/tagħha b’sentenza tal-qorti hijiex “fundamentalment differenti” (20) minn dik ta’ ħaddiem/a li ma setax/ma setgħetx jaħdem/taħdem b’riżultat ta’ marda jew leave tal-maternità.

43.      B’kunsiderazzjoni tal-kriterji meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni li effettivament persuna tkun ħadmet waqt il-perijodu ta’ riferiment sabiex tibbenefika mil-leave annwali mħallas, jiena ma nemminx li s-sitwazzjoni ineżami f’dawn il-proċeduri hija fundamentalment differenti mil-leave tal-mard jew leave tal-maternità.

44.      Mill-ġurisprudenza li diġà ġiet esposta f’dawn il-konklużjonijiet wieħed jista’ fil-fatt jiddeduċi li l-kriterji li jirregolaw din l-eċċezzjoni huma essenzjalment, l-ewwel, li l-assenza mix-xogħol ma hijiex prevedibbli (21) u, it-tieni, li tmur lil hinn mill-kontroll tal-ħaddiem (22). Fi kliem ieħor, dak li għandhom komuni dawn is-sitwazzjonijiet huwa li jikkorrispondu mal-istati fiżiċi jew psikoloġiċi li huma mġarrba (23).

45.      Il-kriterju tal-aħħar huwa wkoll espressament użat fl-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-24 ta’ Ġunju 1970 dwar il-leave annwali mħallas, kif riveduta, għall-assenzi li għandhom “jgħoddu bħala parti mill-perijodu ta’ servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, kif indikat fi premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 u kif diġà ntqal mill-Qorti tal-Ġustizzja f’bosta okkażjonijiet, il-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi interpretata din id-direttiva (24).

46.      Barra minn dan, sitwazzjonijiet li fihom l-eċċezzjoni hija rrikonoxxuta huma wkoll ikkaratterizzati minn ċerti restrizzjonijiet fiżiċi jew psikoloġiċi batuti mill-ħaddiem (25) jew mill-ħtieġa li tiġi protetta xi kundizzjoni bijoloġika speċifika (26).

47.      Dawn il-kriterji kollha jidhirli li huma milħuqa f’sitwazzjoni fejn ħaddiem/a jiġi/tiġi mkeċċi/ja illegalment iżda jiġi/tiġi iktar tard irreintegrat/a b’deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, ħaddiem/a f’tali pożizzjoni ma setax/ma setgħetx iwettaq/twettaq id-doveri tiegħu/tagħha għal raġuni li ma kinitx prevedibbli u li tmur lil hinn mill-kontroll tiegħu/tagħha.

48.      Iktar fundamentali, ma jidhirx ġust li l-ħaddiem/a li kien/et miċħud/a l-opportunità li jaħdem/taħdem waqt il-perijodu tat-tkeċċija minħabba atti li kienu, mid-definizzjoni tagħhom, illegali tal-persuna li timpjega, għandu/ha jbati/tbati bħala riżultat. Fi kliem ieħor, li kieku ma kienx għall-atti illegali tal-persuna li timpjega li rriżultaw fit-tkeċċija tal-ħaddiem/a inkwistjoni, dak il-ħaddiem jew dik il-ħaddiema kien/et jaħdem/taħdem waqt il-perijodu inkwistjoni u, minħabba f’dan, l-intitolament tiegħu/tagħha għal-leave annwali ma għandux ikun kompromess b’riżultat ta’ dan. F’dan il-kuntest, huwa tajjeb li jiġi mfakkar li l-persuna li timpjega għandha tiżgura li l-ħaddiema jkunu mogħtija l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali mħallas (27).

49.      Inżid ukoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deroga għall-persuni li jimpjegaw, li għandhom jaffaċċjaw ir-riskju li ħaddiem jista’ jakkumula perijodi eċċessivament kbar ta’ assenza u d-diffikultajiet fl-organizzazzjoni tax-xogħol li dawn il-perijodi jistgħu jikkawżaw, ma hijiex applikabbli (28).

50.      L-ewwel nett, din id-deroga tista’ biss tiġi applikata f’“ċirkustanzi speċifiċi” (29). It-tieni nett, persuna li timpjega li ma tippermettix li ħaddiem/a jeżerċita/teżerċita d-dritt tiegħu/tagħha għal-leave annwali mħallas għandha tbati l-konsegwenzi, u dan ifisser li kwalunkwe żball possibbli magħmul mill-persuna li timpjega f’dan ir-rigward huwa irrilevanti (30). Madankollu, għandu jiġi nnotat li dan huwa wkoll il-każ għal ħaddiem/a li ġie/t imkeċċi/ja illegalment. Fil-fatt, b’ċertu mod, dan/din il-ħaddiem/a ma tħalliex/tħallietx, minħabba żball min-naħa tal-persuna li timpjegah/a, li jeżerċita/teżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas fi żmien xieraq.

51.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk, ma nistax naċċetta li jeżistu ċ-“ċirkustanzi speċifiċi” espressament imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha preċedenti. Inkella, ir-riskju li l-persuna li timpjega, li tkun keċċiet ħaddiem illegalment, tkun eżentata mill-obbligi tagħha ma jistax jiġi eskluż. Madankollu, tali sitwazzjoni għandha tiġi evitata (31).

52.      Din l-interpretazzjoni tad-deroga hija wkoll skont il-prinċipju diġà msemmi li d-dritt fundamentali għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv. Isegwi li kwalunkwe deroga mis-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol stabbilita bid-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata b’mod li l-portata tagħha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi protetti minn din id-deroga.

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għalhekk nikkonkludi li, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li ħaddiem/a mkeċċi/ja illegalment għandu/ha jiġi/tiġi rreintegrat/a fix-xogħol tiegħu/tagħha, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza jew prassi li jipprevedu li dan/din il-ħaddiem/a ma huwiex/ma hijiex intitolat/a għal-leave annwali mħallas għall-perijodu mid-data tat-tkeċċija sad-data tar-reintegrazzjoni.

C.      It-tieni domanda fil-Kawża C762/18 u d-domanda fil-Kawża C37/19

54.      Bit-tieni domanda fil-Kawża C‑762/18 u bid-domanda fil-Kawża C‑37/19, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza jew prassi nazzjonali li bihom, malli kuntratt ta’ xogħol jittermina, id-dritt għall-ħlas ta’ kumpens għal-leave mħallas li ġie akkumulat iżda mhux meħud ma japplikax fil-kuntest fejn ħaddiem/a ma setax/ma setgħetx jieħu/tieħu l-leave qabel ma spiċċat ir-relazzjoni ta’ impjieg minħabba tkeċċija stabbilita bħala illegali minn qorti nazzjonali li ordnat stabbiliment mill-ġdid retroattiv tar-relazzjoni ta’ impjieg għall-perijodu biss bejn dak l-att illegali tal-persuna li timpjega u r-reintegrazzjoni sussegwenti.

55.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala dritt fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, billi dan id-dritt jinkludi wkoll l-intitolament għal ħlas (32).

56.      L-ewwel nett, isegwi li, fir-rigward ta’ ħaddiem/a li ma setax/ma setgħetx, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu/tagħha, jeżerċita/teżerċita d-dritt tiegħu/tagħha għal-leave annwali mħallas qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, il-pagament ta’ benefiċċji minflok leave li għalih kien/et intitolat/a għandu jiġi kkalkolat sabiex il-ħaddiem/a jitqiegħed/titqiegħed f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik li kien/et ikun/tkun fiha li kieku eżerċita/t dak id-dritt matul ir-relazzjoni ta’ impjieg (33). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa’ ddeċidiet, dan id-dritt għal pagament ta’ benefiċċji minflok leave annwali li ma tteħidx qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg huwa dritt inerenti għad-dritt għal-leave annwali “mħallas” (34).

57.      It-tieni nett, huwa wkoll ċar li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-intitolament għal pagament ta’ benefiċċji minflok leave ħlief għal dak li jirrigwarda l-fatt, l-ewwel, li r-relazzjoni ta’ impjieg intemmet u, it-tieni, li l-ħaddiem/a ma ħax/ma ħaditx il-leave annwali kollu li kien/et intitolat/a għalih fid-data ta’ meta din ir-relazzjoni ntemmet (35). Barra minn hekk, ir-raġuni għaliex ir-relazzjoni ta’ impjieg hija tterminata ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-intitolament għal pagament ta’ benefiċċji minflok leave previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 (36).

58.      Kif diġà ċċarajt, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ħaddiem/a imkeċċi/ja illegalment li ġie/t sussegwentement irreintegrat/a għandu/ha jkun/tkun intitolat/a għal-leave annwali mħallas għall-perijodu mid-data tat-tkeċċija sad-data tar-reintegrazzjoni. Isegwi, għalhekk, li r-risposta għat-tieni domanda hija, neċessarjament, li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom min-naħa tagħhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza jew prassi nazzjonali li jipprevedu li, ladarba r-relazzjoni ta’ impjieg tintemm, id-dritt għal pagament ta’ benefiċċji għal-leave mħallas miksub imma mhux meħud huwa miċħud f’kuntest fejn il-ħaddiem/a ma setax/ma setgħetx jieħu/tieħu l-leave qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg minħabba tkeċċija li ġiet stabbilita bħala illegali minn qorti nazzjonali li ordnat l-istabbiliment mill-ġdid retroattiv tar-relazzjoni ta’ impjieg għall-perijodu biss bejn dan l-att illegali mwettaq mill-persuna li timpjega u r-reintegrazzjoni sussegwenti.

59.      Jekk, madankollu, il-ħaddiem/a kiseb/kisbet impjieg ieħor fil-perijodu bejn it-tkeċċija illegali u r-reintegrazzjoni f’dik l-ewwel pożizzjoni, dan il-ħaddiem jew din il-ħaddiema ma jistax/tistax jitlob/titlob lill-ewwel persuna li timpjega l-pagament ta’ benefiċċji minflok leave li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ xogħol imwettaq fil-pożizzjoni l-ġdida. F’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, il-ksib ta’ pagament sħiħ ta’ benefiċċji minflok leave mill-ewwel persuna li timpjega jirriżulta f’kumulu ta’ intitolamenti ta’ leave annwali mħallas li ma jibqax jirrifletti l-għan effettiv tad-dritt għal-leave annwali mħallas.

60.      Dan imur ukoll oltre mill-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi bħal Dicu (37), jiġifieri li d-dritt tal-ħaddiem/a għal-leave annwali mħallas ma għandux jiġi kompromess minħabba avvenimenti li essenzjalment imorru lil hinn mill-kontroll tiegħu/tagħha. L-istess kif il-ħaddiem/a ma għandux/ma għandhiex ibati/tbati f’dan ir-rigward minħabba l-att illegali tal-persuna li timpjega li tkun keċċiet, il-ħaddiem/a lanqas ma għandu/għandha jiġi/tiġi ppremjat/a billi jingħata/tingħata pagament ta’ benefiċċji fir-rigward ta’ leave annwali mħallas li jkun ikbar minn dak li jkun/tkun intitolat/a għalih li kieku ma seħħitx it-tkeċċija fl-ewwel lok.

61.      Wieħed għandu jżid li, f’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, il-ħaddiem/a kellu/ha l-opportunità li jistrieħ/tistrieħ milli jwettaq/twettaq ix-xogħol meħtieġ taħt il-kuntratt ta’ xogħol ġdid jew għandu/ha, eventwalment, id-dritt li jirċievi/tirċievi pagament ta’ benefiċċji minflok leave mill-persuna l-ġdida li timpjega għall-perijodu ta’ xogħol imwettaq taħt dan il-kuntratt.

VI.    Konklużjoni

62.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mir-Rayonen Sad Haskovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Haskovo, il-Bulgarija) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:

(1)      Fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li ħaddiem/a mkeċċi/ja illegalment għandu/ha jiġi/tiġi rreintegrat/a fix-xogħol tiegħu/tagħha, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza jew prassi li jipprevedu li dan/din il-ħaddiem/a ma huwiex/ma hijiex intitolat/a għal-leave annwali mħallas għall-perijodu mid-data tat-tkeċċija sad-data tar-reintegrazzjoni.

(2)      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza jew prassi nazzjonali li jipprevedu li, ladarba r-relazzjoni ta’ impjieg tintemm, id-dritt għal pagament ta’ benefiċċji għal-leave mħallas miksub imma mhux meħud huwa miċħud fil-kuntest fejn il-ħaddiem/a ma setax/ma setgħetx jieħu/tieħu leave qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg minħabba tkeċċija li ġiet stabbilita bħala illegali minn qorti nazzjonali, li ordnat l-istabbiliment mill-ġdid retroattiv tar-relazzjoni ta’ impjieg għall-perijodu biss bejn dan l-att illegali mwettaq mill-persuna li timpjega u r-reintegrazzjoni sussegwenti, ħlief għal xi perijodu li matulu dan/din il-ħaddiem/a kien/et impjegat/a minn persuna li timpjega differenti.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.


3      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197).


4      Id-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27).


5      ĠU 2005, L 157, p. 203.


6      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Milivojević (C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 42).


7      Ara, a contrario, id-digriet tal-11 ta’ Mejju 2011, Semerdzhiev (C‑32/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:288, punti 27 u 29).


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger  (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 43), u tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 28).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 43); tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 54); u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 24).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 58). Ara wkoll, għal kwalifikazzjoni oħra tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala dritt fundamentali tal-ħaddiem, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 22), u tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 31).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 23), u tad-29 ta’ Novembru 2017, King  (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 58).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25); tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 27); u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 41).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 28).


14      Punt 28 tal-imsemmija sentenza.


15      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:195, punt 21).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 41); tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez  (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 20); u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 29).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punti 33 u 41).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 31).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin  (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 26).


20      Dan il-kliem huwa dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin  (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 27).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 51), u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 32). Ara wkoll, a contrario, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin  (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 29).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2017, King  (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 49), u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 32).


23      Ara, f’dan is-sens, Gardin, A., ‘Acquisition de droits à congés payés par un salarié en congé parental: l’assimilation à du temps de travail effectif ne s’impose pas, Note sous CJUE 4 octobre 2018’, Revue de jurisprudence sociale, 2/19, p. 83.


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punti 37 u 38); tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 32); u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 81).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger  (C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 51).


28      Dwar din id-deroga, ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS  (C‑214/10, EU:C:2011:761), u tad-29 ta’ Novembru 2017, King  (C‑214/16, EU:C:2017:914).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King  (C‑214/16, EU:C:2017:914, punti 55 u 56).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King  (C‑214/16, EU:C:2017:914, punti 61 u 63).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 43).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 60); tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 20); tad-29 ta’ Novembru 2017, King  (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 35); u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 39 u 58).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 61), u tad-29 ta’ Novembru 2017, King  (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 52).


34      Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 58 u 83), u  Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 72 u 75).


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 23), u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 44).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 28), u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 45).


37      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu  (C‑12/17, EU:C:2018:799).