Language of document : ECLI:EU:T:2020:119

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Marzu 2020 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Programm ta’ għajnuna għat-tranżizzjoni professjonali barra mill-BĊE – Ċaħda ta’ talba għal parteċipazzjoni – Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà – Anzjanità meħtieġa differenti skont jekk membru tal-persunal jaqax taħt kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi jew doppja – Klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni skont it-tip ta’ impjieg – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑547/18,

Raivo Teeäär, resident f’Tallinn (l-Estonja), irrappreżentat minn L. Levi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn D. Camilleri Podestà u F. Malfrère, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tas‑27 ta’ Frar 2018 li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent għall-programm pilota ta’ għajnuna għat-tranżizzjoni professjonali barra mill-BĊE u, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tal-BĊE tat‑3 ta’ Lulju 2018 li tiċħad ir-rikors speċjali tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tas‑27 ta’ Frar 2018 u, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Nihoul, li qed jaġixxi bħala President, J. Svenningsen (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑1 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrent, Raivo Teeäär, daħal fil-kariga tiegħu fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), billi beda l-karriera tiegħu f’din l-istituzzjoni bħala espert tal-produzzjoni kkonfermat fi ħdan id-Direttorat “Biljetti tal-flus”. Waqt ir-reklutaġġ tiegħu, ir-rikorrent kellu 50 sena. Konformement mal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, huwa ġie kklassifikat fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G skont l-istruttura tas-salarji tal-BĊE, li taħtha taqa’ l-imsemmija funzjoni. F’din il-kategorija ta’ remunerazzjoni, huwa tqiegħed fl-iskala 136, fid-dawl tat-tul, tal-livell u tal-importanza tal-esperjenza professjonali tiegħu.

2        Minn meta ġie rreklutat, ir-rikorrent kien regolarment għamel progress fi ħdan il-kategorija ta’ remunerazzjoni tiegħu. F’Jannar 2011, wara seba’ snin u sitt xhur, huwa laħaq il-limitu massimu tagħha, li jikkorrispondi għall-iskala 169. Sussegwentement, ebda avvanz ma kien għadu possibbli f’din il-kategorija ta’ remunerazzjoni.

3        L-istruttura tas-salarji tal-BĊE tikkonsisti fi tnax il-kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi, indikati bl-ittri A sa L, u f’żewġ kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji, indikati bl-ittri E/F u F/G. Kull kategorija ta’ remunerazzjoni tinkludi diversi skali li jestendu b’valur minimu għal valur massimu ta’ remunerazzjoni. Il-kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji, bħall-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G, jikkorrispondu għall-klassifikazzjoni flimkien ta’ żewġ kategoriji ta’ remunerazzjoni sempliċi, f’dan il-każ il-kategorija ta’ remunerazzjoni F u l-kategorija ta’ remunerazzjoni G, b’tali mod li, f’termini ta’ dħul annwali, il-bidu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G jikkoinċidi ma’ dak tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F, filwaqt li l-limitu massimu tiegħu jikkoinċidi ma’ dak tal-kategorija ta’ remunerazzjoni G.

4        Konkretament, il-kategorija ta’ remunerazzjoni F tinkludi l-iskali 1 sa 98, il-kategorija ta’ remunerazzjoni G tinkludi l-iskali 1 sa 99 u l-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G tinkludi l-iskali 1 sa 169, fid-dawl tas-sovrappożizzjoni parzjali tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F u tal-kategorija ta’ remunerazzjoni G. Fil-fatt, l-iskali 71 sa 98 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F jikkorrispondu għall-iskali 1 sa 28 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni G.

5        Għaldaqstant, is-salarji marbuta mal-iskali 1 sa 98 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F jikkorrispondu għas-salarji marbuta mal-iskali 1 sa 98 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G u s-salarji marbuta mal-iskali 1 sa 99 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni G jikkorrispondu għas-salarji marbuta mal-iskali 71 sa 169 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G.

6        Il-klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal f’kategorija ta’ remunerazzjoni partikolari, sempliċi jew doppja, hija ddeterminata mit-tip ta’ pożizzjoni okkupata, kif jirriżulta minn dokument tal-BĊE intitolat “Attribuzzjoni ta’ pożizzjonijiet lill-kategoriji ta’ remunerazzjoni – Lista ta’ pożizzjonijiet ta’ impjieg ġeneriċi” (Allocation of Positions to Bands – List of Generic Job Titles). Għall-istess tip ta’ pożizzjoni, progress huwa possibbli biss fi ħdan il-kategorija ta’ remunerazzjoni hekk iddeterminata, jiġifieri minn skala għal skala iktar għolja tal-istess kategorija ta’ remunerazzjoni. Il-bidla fil-kategorija ta’ remunerazzjoni hija possibbli biss wara proċedura ta’ reklutaġġ fil-veru sens tal-kelma għal pożizzjoni differenti li taqa’ taħt din il-kategorija l-oħra ta’ remunerazzjoni (promozzjoni interna), ħlief għal promozzjoni eċċezzjonali “ad personam” jew ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni okkupata.

7        Abbażi tal-Artikolu 36.1 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE (SEBĊ) u tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE adotta l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-Impjieg”) permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 1998, emendata fil‑31 ta’ Marzu 1999 (ĠU 1999, L 125, p. 32). Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din it-tilwima, l-Artikolu 11(e) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jirrigwarda għajnuna fid-dawl tat-tranżizzjoni professjonali barra mill-BĊE (iktar ’il quddiem ċ-“CTS”) favur membri tal-persunal tal-BĊE li jirriżenjaw skont il-kundizzjonijiet u skont il-proċedura prevista mir-Regoli Applikabbli għall-Persunal tal-BĊE (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Applikabbli għall-Persunal”).

8        Sabiex jimplimenta għall-ewwel darba l-Artikolu 11(e) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/2012/NP18 tal‑24 ta’ Awwissu 2012 li temenda r-Regoli Applikabbli għall-Persunal fir-rigward tal-għajnuna għat-tranżizzjoni volontarja lejn karriera barra mill-BĊE, li daħħal l-Artikolu 2.3 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, li kien jistabbilixxi programm pilota għaċ-CTS, limitat għal massimu ta’ 50 persuna, li kien aċċessibbli matul is-snin 2013 u 2014. L-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal kien jiddisponi li l-membri tal-persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat li kienu baqgħu mill-inqas tmien snin konsekuttivi fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi jew tal-inqas tnax‑il sena konsekuttivi fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni doppja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-programm pilota għaċ-CTS.

9        Fit‑12 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrent applika għall-programm pilota għaċ-CTS (iktar ’il quddiem il-“kandidatura għaċ-CTS”). Skont il-proċedura, il-kandidatura għaċ-CTS kienet tinkludi avviż ta’ riżenja li tidħol fis-seħħ fit‑13 ta’ Diċembru 2014, bla ħsara għall-aċċettazzjoni ta’ din il-kandidatura. Flimkien mal-imsemmija applikazzjoni, ir-rikorrent bagħat nota li tispjega r-raġunijiet li għalihom huwa talab li l-kandidatura tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni minkejja l-fatt li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ tnax-il sena ta’ anzjanità prevista fl-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja.

10      Il-kandidatura għaċ-CTS ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2014, minħabba li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni tat-tul tas-servizz, peress li kien baqa’ fil-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja F/G għal inqas minn tnax‑il sena.

11      Fit‑8 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrent informa lid-dipartimenti kkonċernati tal-BĊE bid-deċiżjoni tiegħu li jirtira, b’effett mit‑18 ta’ Diċembru 2014.

12      It-talba għal eżami mill-ġdid prekontenzjuż tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura għaċ-CTS, ippreżentata mir-rikorrent fl‑14 ta’ Ottubru 2014, ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2014.

13      Ir-rikorrent ġie ammess għall-irtirar mit‑18 ta’ Diċembru 2014.

14      L-ilment imressaq mir-rikorrent fid‑9 ta’ Frar 2015 kontra d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2014 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2015.

15      Wara r-rikors ippreżentat mir-rikorrent fid‑9 ta’ Ġunju 2015 kontra d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2014, din ġiet annullata permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE (T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817), minħabba l-inkompetenza ratione materiae tal-awtur ta’ din id-deċiżjoni.

16      L-Artikolu 2.3 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal kif jirriżulta mid-Deċiżjoni ECB/2012/NP18, li stabbilixxiet il-programm pilota għaċ-CTS, tħassar bid-Deċiżjoni ECB/2017/NP19 tas‑17 ta’ Mejju 2017 li temenda r-Regoli Applikabbli għall-Persunal tal-BĊE fir-rigward tal-għajnuna għat-tranżizzjoni volontarja lejn karriera barra mill-BĊE. Din l-aħħar deċiżjoni stabbilixxiet programm ġdid għaċ-CTS, aċċessibbli mill‑1 ta’ Lulju sal‑31 ta’ Ottubru 2017, li jistabbilixxi kundizzjoni ta’ anzjanità uniformi ta’ tmien snin fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni.

17      B’eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE (T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817), il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE adotta, fis‑27 ta’ Frar 2018, deċiżjoni ġdida abbażi tal-Artikolu 2.3 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal fil-verżjoni inizjali tiegħu, li permezz tagħha ċaħad il-kandidatura għaċ-CTS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Ir-rikors speċjali kontra d-deċiżjoni kkontestata ppreżentat mir-rikorrent fit‑3 ta’ Mejju 2018 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tat‑3 ta’ Lulju 2018.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2018.

20      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jekk ikun il-każ, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tat‑3 ta’ Lulju 2018;

–        tikkundanna lill-BĊE jikkumpensa d-dannu materjali li kkawżatlu, stmat fl-ammont ta’ EUR 101 447, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata annwali tat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE miżjuda bi tliet punti perċentwali;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

21      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-prova prodotta fis-seduta mir-rikorrent

22      Waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreżenta dokument addizzjonali, li huwa ppreżenta bħala ittra indirizzata mill-BĊE lill-Kumitat tal-Persunal tiegħu qabel l-introduzzjoni fi ħdanu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja u bħala li tista’ tikkompleta t-tweġiba mogħtija minn dan tal-aħħar għall-mistoqsija bil-miktub li saritlu mill-Qorti Ġenerali dwar l-istorja u l-oriġini tal-ħolqien tal-imsemmija kategoriji ta’ remunerazzjoni. Meta ġie mistieden jippreċiża l-portata utli ta’ dan id-dokument, ir-rikorrent espona li dan jistabbilixxi li l-istabbiliment ta’ kategoriji ta’ remunerazzjoni doppja ma kellux iwassal għal effett negattiv għall-membri tal-persunal li jinsabu fuq nett fil-kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi G jew fil-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja F/G, filwaqt li l-istabbiliment taċ-CTS iwassal għal tali effetti għall-membri tal-persunal li jinsabu f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja.

23      Għandu jiġi kkonstatat li minn dawn l-ispjegazzjonijiet ma jirriżultax li d-dokument inkwistjoni għandu relazzjoni diretta mal-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar l-istabbiliment ta’ kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji. Peress li r-rikorrent għandu l-intenzjoni li jirreferi għalih sabiex isostni l-argument tiegħu dwar il-konsegwenzi sfavorevoli li, fil-fehma tiegħu, għandu ċ-CTS għall-membri tal-persunal li jinsabu f’sitwazzjoni identika għal tiegħu u li ma jallegax li dan id-dokument ma setax jiġi prodott mar-rikors, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa inammissibbli, konformement mal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq is-suġġett tar-rikors

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jadixxu lill-Qorti Ġenerali bl-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu u għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifika dwarhom, anki jekk, fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il‑Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-talbiet għal annullament

26      Ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu.

27      Permezz tal-ewwel żewġ motivi, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, dispożizzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tapplika fir-rigward tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u t-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

28      Sa fejn l-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal ma għandux jitqies bħala illegali, ir-rikorrent jippreżenta, sussidjarjament, żewġ motivi oħra, ibbażati, it-tielet wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tad-dmir ta’ premura u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

29      Ir-rikorrent isostni li l-kundizzjoni doppja ta’ anzjanità prevista fl-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal tikkostitwixxi differenza fit-trattament u li din id-differenza fit-trattament hija arbitrarja b’mod ġenerali, peress li tagħmel distinzjoni bejn il-membri tal-persunal li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi u dawk li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja, u, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-membri tal-persunal li, bħalu, laħqu l-limitu massimu ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni doppja qabel ma jkunu kisbu tnax‑il sena ta’ anzjanità f’din il-kategorija ta’ remunerazzjoni. Skont il-każ, sakemm il-previżjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ anzjanità differenti hija formalment iġġustifikata mill-eżistenza ta’ żewġ kategoriji differenti ta’ kategoriji ta’ remunerazzjoni, id-diskriminazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal flimkien mal-lista ta’ titoli ta’ pożizzjonijiet ta’ impjieg ġeneriċi, li tiddetermina, għal kull tip ta’ impjieg, il-kategorija ta’ remunerazzjoni, sempliċi jew doppju, li taqa’ taħtha.

30      Id-distinzjoni kontenzjuża hija arbitrarja b’mod ġenerali, peress li l-fatt li kategorija ta’ remunerazzjoni doppja tinkludi iktar skali minn kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi, bil-konsegwenza li l-persuni rreklutati f’kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi jilħqu b’mod iktar frekwenti l-limitu massimu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom, ma huwiex relatat mal-għanijiet taċ-CTS, li huma li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn karriera barra mill-BĊE, li jinkoraġġixxi rotazzjoni ikbar tal-persunal permanenti u li jiffavorixxi l-mobbiltà interna.

31      Id-distinzjoni hija partikolarment arbitrarja fir-rigward tal-membri tal-persunal li, bħar-rikorrent, jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja, iżda li ġew ikklassifikati, waqt ir-reklutaġġ tagħhom, fi skala li tinsab fil-parti ta’ din il-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja li tikkorrispondi għat-tieni waħda miż-żewġ kategoriji ta’ remunerazzjoni sempliċi li ngħaqdu sabiex jifformaw il-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja (jiġifieri l-kategorija ta’ remunerazzjoni G fil-każ tal-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja F/G). Fil-fatt, fid-dawl tan-numru ta’ skali li jisseparaw dawn il-membri tal-persunal mil-limitu massimu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja inkwistjoni, is-sitwazzjoni tagħhom hija identika, f’termini ta’ possibbiltajiet ta’ progress, għas-sitwazzjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi. Konsegwentement, id-distinzjoni kontenzjuża hija inadegwata meta mqabbla mal-għanijiet taċ-CTS. Dan il-każ ma huwiex eċċezzjonali, peress li dan jikkonċerna 18 % tal-membri tal-persunal irreklutati bejn l‑2010 u l‑2012.

32      Barra minn hekk, id-distinzjoni kontenzjuża tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-BĊE ma għażilx it-triq l-inqas restrittiva sabiex jilħaq l-għanijiet taċ-CTS. Fil-fatt, huwa seta’ jipprevedi, għall-membri kollha tal-persunal, kundizzjoni ta’ anzjanità marbuta mal-fatt li jkun intlaħaq il-limitu massimu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom mill-istess numru ta’ snin.

33      Fl-aħħar nett, id-distinzjoni kontenzjuża tirriżulta wkoll minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li ma tissodisfax l-għan li jiġu kkumpensati l-opportunitajiet ta’ karriera allegatament imnaqqsa tal-membri tal-persunal ikklassifikati f’kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi.

34      Il-BĊE jesponi li l-għan tal-programm pilota għaċ-CTS kien li jipproponi għajnuna bil-għan ta’ bidla fil-karriera tal-membri tal-persunal li kienu ilhom jaħdmu mal-BĊE għal żmien twil u li kienu baqgħu fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni, indipendentement min-numru ta’ skali li wieħed tela’, u mhux għall-membri tal-persunal li kienu laħqu l-limitu massimu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom u li għalhekk kienu weqfin. Id-distinzjoni kontenzjuża hija bbażata fuq il-fatt li l-kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji jammontaw għal madwar 50 % tal-iskali iktar milli l-kategoriji ta’ remunerazzjoni sempliċi. Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ persuna li tinsab f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja tista’ tiġi mqabbla biss ma’ dik tal-persuni li jinsabu fl-istess tip ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni.

35      Il-BĊE jammetti li l-korrelazzjoni bejn il-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja u l-eżistenza ta’ possibbiltajiet ta’ progress ikbar tikkorrispondi għal sitwazzjoni ordinarja standard, iżda jsostni li leġiżlatur ikun awtorizzat jibbaża ruħu fuq tali sitwazzjoni, mingħajr ma jkun obbligat li jipprevedi, barra minn hekk, sistemi ta’ eċċezzjonijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet atipiċi. Barra minn hekk, huwa jenfasizza li kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażliet ta’ natura politika li huwa jagħmel fil-kwalità tiegħu ta’ “leġiżlatur” sabiex ifassal il-kuntest ta’ dan il-programm pilota.

36      Fil-kuntest ta’ analiżi in concreto, il-BĊE jenfasizza, minn naħa, li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-programm pilota għaċ-CTS, 794 persuna kienu kklassifikati fil-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja F/G, 5 persuni kienu kklassifikati fil-kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi F u 7 persuni kienu kklassifikati fil-kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi G mingħajr ma’ waħda minn dawn is-7 persuni ma bbenefikat mill-programm pilota għaċ-CTS. Min-naħa l-oħra, kien ikun impossibbli li persuna rreklutata fil-kategorija ta’ remunerazzjoni G tkun tista’ tiġi ttrattata b’mod iktar favorevoli mir-rikorrent minħabba l-kundizzjoni ta’ anzjanità ta’ tmien snin applikabbli għall-membri tal-persunal ikklassifikati f’din il-kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi, peress li, fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi programm pilota, is-7 persuni li kienu jinsabu fil-kategorija ta’ remunerazzjoni G kienu ġew promossi, u mhux irreklutati, f’din il-kategorija ta’ remunerazzjoni.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta u applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, jeżiġi b’mod partikolari li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti, kif ukoll in-natura eventwalment komparabbli tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, bil-kundizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Meta tiġi kkonstatata differenza fit-trattament bejn żewġ sitwazzjonijiet komparabbli, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jinkisirx jekk din id-differenza tkun debitament iġġustifikata (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Dan huwa l-każ meta d-differenza fit-trattament tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mill-miżura li għandha l-effett li tistabbilixxi tali differenza u meta tkun proporzjonata għal dan il-għan. Meta l-awtorità regolatorja jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jkun limitat għal dak tal-iżball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta jistabbilixxi regoli dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sistema applikabbli għall-persunal li huwa jimpjega, il-BĊE għandu awtonomija wiesgħa minħabba l-indipendenza funzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Pflugradt vs BĊE, T‑178/00 u T‑341/00, EU:T:2002:253, punt 48). Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw l-interess tas-servizz, ikun xi jkun l-eżami li fil-kuntest tiegħu jew id-deċiżjoni li għaliha dan l-interess irid jittieħed inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T‑23/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:271, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’tali każ, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss fil-każ li l-miżura inkwistjoni tinkludi differenzazzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 72).

42      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, anki jekk f’sitwazzjonijiet partikolari għandhom jirriżultaw inkonvenjenzi okkażjonali mill-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġenerali u astratta, awtorità li għandha setgħa leġiżlattiva ma tistax tiġi kkritikata li użat, fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħha, kategorizzazzjoni, peress li ma hijiex diskriminatorja essenzjalment fir-rigward tal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, l-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal stabbilixxa differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal tal-BĊE skont jekk jaqgħux taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja jew kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi, billi jiddisponi li tal-ewwel, li jirrappreżentaw parti kbira mill-persunal, huma eliġibbli għall-programm pilota għaċ-CTS sa minn tnax‑il sena ta’ anzjanità fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom, filwaqt li l-anzjanità meħtieġa għat-tieni hija biss ta’ tmien snin.

44      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq, għandhom jiġu identifikati l-għan u l-għan tal-programm pilota għaċ-CTS, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjonijiet tal-persuni li jaqgħu taħt kategorija waħda jew kategorija oħra ta’ remunerazzjoni humiex komparabbli u, fl-affermattiv, jekk id-differenza fit-trattament ikkonstatata hijiex iġġustifikata jew le.

45      Fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, fit-tweġiba tal-BĊE għall-mistoqsija bil-miktub li saritlu mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-għanijiet taċ-CTS, din l-istituzzjoni indikat li ċ-CTS kien irriżulta minn riflessjoni sussegwenti għall-konstatazzjoni ta’ “sfida demografika” li kellha quddiemha. Huwa espona li, għal raġunijiet marbuta mal-kriterji ta’ reklutaġġ li kienu ġew implimentati meta ġie stabbilit, parti kbira mill-persunal tiegħu kienet ser tibqa’ stabbli matul perijodu relattivament twil, u sussegwentement kienet ser tirtira matul perijodu relattivament qasir.

46      Din is-sitwazzjoni kellha bħala konsegwenza, b’mod partikolari, li tillimita l-possibbiltajiet ta’ promozzjoni interna, f’kategorija ta’ remunerazzjoni ogħla, u, minħabba f’hekk, kienet ta’ natura li tiskoraġġixxi lill-membri tal-persunal li xtaqu jokkupaw funzjonijiet ġodda.

47      Wara r-riflessjoni mibdija wara l-konstatazzjoni ta’ dan il-fatt, il-BĊE ddeċieda li jadotta miżura speċifika intiża li tinkoraġġixxi t-tluq antiċipat ta’ parti mill-persunal, jiġifieri l-membri tal-persunal li għalihom il-probabbiltà li ħadmu għal żmien twil mal-BĊE filwaqt li baqgħu fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni kienet l-iktar qawwija, mingħajr ma ffoka din il-miżura fuq il-membri tal-persunal li kienu jinsabu fil-kategorija ta’ età kkonċernata mill-“isfida demografika”.

48      Għaldaqstant jidher li l-għan tal-istabbiliment tal-programm pilota għaċ-CTS kien li jiġu indirizzati b’mod preventiv diversi riskji li jistgħu jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-BĊE fil-futur ftit jew wisq qrib, billi jinħolqu b’mod antiċipat pożizzjonijiet vakanti b’mod li jippermetti r-reklutaġġ ta’ persuni ġodda u li jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ promozzjoni interna għall-persunal eżistenti. Peress li din il-miżura kienet tikkorrispondi għal rieda li jinżamm, jew li jittejjeb, il-livell ta’ kwalità tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE, hija kienet marbuta mal-interess tas-servizz.

49      F’dan il-kuntest, l-għan tal-programm pilota għaċ-CTS kien li jipprovoka t-tluq volontarju u antiċipat ta’ parti mill-membri tal-persunal li ħadmu ċertu numru ta’ snin fi ħdan il-BĊE u li baqgħu fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni filwaqt li jiddistingwi l-membri tal-persunal li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi minn dawk li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja, billi jiffavorixxi dan it-tluq fil-forma ta’ sostenn fi tranżizzjoni lejn karriera barra mill-BĊE, b’mod partikolari fuq il-livell finanzjarju. Għalkemm dan l-għan seta’ jitqies, mill-perspettiva tal-membri tal-persunal potenzjalment interessati minn bidla fil-karriera professjonali, bħala miżura favorevoli, xorta jibqa’ l-fatt li kien qabel kollox marbut mal-interess tas-servizz fid-dawl tal-għanijiet li huwa kien intiż li jservi.

50      Fl-istess ħin, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-BĊE espona wkoll li l-ħolqien tal-kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji kien prinċipalment intiż sabiex jippermetti żvilupp ta’ karriera fuq diversi snin għat-tipi ta’ pożizzjonijiet li fihom żvilupp f’livelli differenti ta’ eżerċizzju kien possibbli skont l-esperjenza miksuba. Dawn l-elementi ma ġewx ikkontestati mir-rikorrent, li llimita ruħu li jsostni waqt is-seduta li l-BĊE kien żgura li l-istabbiliment tal-kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji ma jkunx ta’ dannu għall-membri tal-persunal li dak iż-żmien kienu jħaddmu.

51      B’hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta mqabbla mal-kategoriji ta’ remunerazzjoni sempliċi, iż-żewġ kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji (E/F u F/G) jikkorrispondu oġġettivament għal karriera potenzjalment twila, li hija ta’ natura li tiffavorixxi l-istabbiltà tal-persunal li jokkupa pożizzjonijiet li għalihom l-esperjenza miksuba fl-eżerċizzju stess tal-funzjonijiet ikkonċernati fi ħdan l-istituzzjoni tista’ tikkostitwixxi vantaġġ għat-twettiq tal-missjonijiet tagħha, b’mod partikolari f’termini ta’ perizja, u għalhekk ta’ effikaċja u ta’ responsabbiltajiet assunti. Il-lista ta’ pożizzjonijiet ta’ impjieg ikkonċernati turi li dawn jikkorrispondu essenzjalment għal funzjonijiet tekniċi b’responsabbiltajiet (“esperti” għall-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G, “speċjalisti” jew “analisti” għall-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F), mingħajr ma huma funzjonijiet maniġerjali, li l-parti l-kbira tagħhom huma marbuta mat-twettiq tal-kompiti speċifiċi tal-BĊE. Dan kien b’mod partikolari l-każ tar-rikorrent, impjegat bħala espert fil-produzzjoni fi ħdan id-Direttorat “Biljetti tal-flus”.

52      Konsegwentement, is-sitwazzjonijiet taż-żewġ kategoriji ta’ persuni kkonċernati huma distinti minn element essenzjali mill-perspettiva tal-interess tas-servizz, jiġifieri li dawn jikkorrispondu għal tipi ta’ funzjonijiet differenti li l-BĊE ried li wħud minnhom jiġu eżerċitati minn persunal iktar stabbli. Għalhekk, peress li membru tal-persunal li jaqa’ taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja għandu, b’mod ġenerali, marġni ta’ progress ikbar fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tiegħu minn dak li jaqa’ taħt kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi, is-sitwazzjonijiet rispettivi tal-persuni li jinsabu f’kategorija ta’ remunerazzjoni waħda jew oħra ma jistgħux jitqiesu li huma komparabbli fir-rigward tal-iskop u tal-għan tal-programm pilota għaċ-CTS kif identifikati fil-punti 48 u 49. Fil-fatt, meta istituzzjoni tipprova żżomm fi ħdanha għal żmien pjuttost twil il-membri tal-persunal li jeżerċitaw ċerti tipi ta’ funzjonijiet, huwa koerenti li l-persuni kkonċernati ma jkunux imħeġġa b’mod daqshekk qawwi li jitilqu minnha b’mod prematur bħall-membri tal-persunal li jeżerċitaw tipi ta’ funzjonijiet li għalihom l-istess għan ma jeżistix. Din il-prekawzjoni hija ta’ natura li tikkontribwixxi għaż-żamma, jew saħansitra għat-titjib, tal-kwalità tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti ta’ din l-istituzzjoni u, konsegwentement, taqa’ taħt l-interess tas-servizz.

53      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jitqies li s-sitwazzjonijiet tal-membri tal-persunal li jinsabu f’kategorija ta’ remunerazzjoni waħda jew oħra huma komparabbli, id-differenza fit-trattament li jikkostitwixxi l-iffissar ta’ kriterju ta’ eliġibbiltà ta’ tnax‑il sena għal dawk li jeżerċitaw tip ta’ funzjonijiet li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja u kriterju ta’ eliġibbiltà mnaqqas għal tmien snin għal dawk li jeżerċitaw funzjonijiet li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi hija oġġettivament iġġustifikata, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq.

54      Barra minn hekk, il-mod li bih ġiet ikkunsidrata l-karatteristika tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt iż-żewġ kategoriji ta’ remunerazzjoni doppja identifikata fil-punt 51 iktar ’il fuq huwa proporzjonat, sa fejn id-differenza ta’ erba’ snin f’dak li jikkonċerna l-kriterju ta’ eliġibbiltà għall-programm pilota għaċ-CTS li teżisti bejn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għad-differenza tal-marġni ta’ progress fis-salarji li teżisti bejn kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi u kategorija ta’ remunerazzjoni doppja. Fil-fatt, mid-data li tinsab fil-punt 4 iktar ’il fuq jirriżulta li rapport matematiku bejn l-anzjanità ta’ tmien snin għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi u n-numru ta’ skali li fih tali kategorija ta’ remunerazzjoni, jiġifieri 99 skala, jikkorrispondi għal ftit inqas minn 14‑il sena ta’ anzjanità għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja, li tinkludi 169 skala.

55      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, għandu jiġi ammess li, peress li huwa kellu jistabbilixxi leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali f’qasam fejn huwa għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u ta’ awtonomija wiesgħa, il-BĊE, kif huwa jsostni, seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, jibbaża ruħu fuq sitwazzjonijiet standard, peress li ma huwiex marbut li jipprevedi barra minn hekk sistema ta’ eċċezzjonijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet atipiċi, bħal dik tar-rikorrent.

56      Fir-rigward tal-kriterju ta’ eliġibbiltà alternattiva li r-rikorrent jitlob it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu, ibbażat fuq il-fatt li laħaq il-limitu massimu ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni għal ċertu numru ta’ snin, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont it-tip ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan kien jikkorrispondi għal għażla oħra min-naħa tal-BĊE fil-kuntest tal-politika tiegħu ta’ ġestjoni tal-persunal.

57      Issa, kif ġie espost fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, minn naħa, meta jistabbilixxi regoli dwar kwistjonijiet dwar is-sistema applikabbli għall-persunal li huwa jimpjega, il-BĊE għandu awtonomija wiesgħa minħabba l-indipendenza funzjonali tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw l-interess tas-servizz, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika ta’ jekk l-għażliet magħmula jirriżultawx minn żball manifest.

58      F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 51 sa 54 iktar ’il fuq, il-kriterju ta’ anzjanità użat għall-programm pilota għaċ-CTS kien ibbażat fuq bażi oġġettiva u kien koerenti mal-istruttura tal-karrieri fi ħdan il-BĊE bbażata fuq it-tip ta’ impjieg eżerċitat.

59      Barra minn hekk, kif enfasizza l-BĊE, kriterju bbażat fuq il-fatt li ntlaħaq il-limitu massimu ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni seta’ jwassal sabiex ikunu eliġibbli għaċ-CTS membri tal-persunal irreklutati reċentement, iżda f’livell għoli ħafna ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni.

60      Barra minn hekk, tali kriterju kien ta’ natura li joħloq differenza oħra fit-trattament. Fil-fatt, mit-tweġibiet mogħtija mill-BĊE għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fost id-987 membru tal-persunal li kienu jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja fl‑1 ta’ Jannar 2013, kienu biss 161 li kienu ġew ikklassifikati waqt ir-reklutaġġ tagħhom fi skala li tikkorrispondi għal skala tal-kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi ogħla. Għaldaqstant, l-imsemmi kriterju ffavorixxa minoranza ta’ membri tal-persunal, jiġifieri dawk li, fost dawn il-161 persuna, kienu ġew ikklassifikati, waqt ir-reklutaġġ tagħhom, fi skala relattivament qrib tal-limitu massimu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja tagħhom. Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li progress annwali ta’ erba’ sa ħames skali tista’ titqies bħala normali b’riferiment għall-progress tar-rikorrent fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tiegħu (bidla mill-iskala 136 għall-iskala 169 f’7 snin u nofs), il-probabbiltà li membri tal-persunal ikklassifikati inizjalment fil-parti inferjuri ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni doppja jkunu eliġibbli kienet żgħira, jew ineżistenti.

61      Barra minn hekk, id-diffikultajiet irrilevati fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq, li kienu jeħtieġu li jiġu previsti dispożizzjonijiet supplimentari sabiex jiġu evitati każijiet mhux raġonevoli jew sabiex jiġu evitati differenzi kbar fit-trattament, jagħtu kreditu għad-dikjarazzjoni tal-BĊE li l-miżura kontenzjuża kienet tissodisfa l-għan li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u faċli li jiġu applikati.

62      Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni li tgħid li l-membri tal-persunal li laħqu l-limitu massimu tal-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom ma jkollhomx iktar prospetti ta’ karriera, li r-rikorrent jinvoka sabiex juri n-natura adegwata tal-kriterju alternattiv li huwa jirrakkomanda, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-prospetti kollha tal-karriera fi ħdan il-BĊE. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li dawn il-perspettivi jirriżultaw mhux biss mill-avvanz fl-iskala f’kategorija ta’ remunerazzjoni partikolari, iżda wkoll mill-evoluzzjoni f’diversi livelli ta’ eżerċizzju għal ċerti tipi ta’ funzjonijiet u, b’mod ġenerali, mill-possibbiltajiet ta’ promozzjoni interna, f’kategorija ta’ remunerazzjoni ogħla. Issa, dawn il-possibbiltajiet huma importanti għall-membri tal-persunal li jibbenefikaw minn esperjenza professjonali kbira, li huwa neċessarjament il-każ ta’ dawk li jinsabu fuq nett tal-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, wieħed mill-għanijiet imfittxija miċ-CTS huwa preċiżament li jiffavorixxi l-promozzjoni interna minħabba l-ftuħ ta’ pożizzjonijiet ikkawżata mit-tluq antiċipat ta’ ċerti membri tal-persunal li jokkupaw impjiegi li jaqgħu taħt kategoriji ta’ remunerazzjoni ogħla, b’tali mod li ċ-CTS fih innifsu huwa tweġiba għat-tip ta’ tħassib invokat mir-rikorrent.

63      Fl-aħħar nett, ma huwiex nieqes minn interess għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-kriterju ta’ anzjanità inkwistjoni li jiġi rrilevat li dan kien integrat fi programm pilota li kellu jkun suġġett għal evalwazzjoni a posteriori, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni ECB/2012/NP18 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 69).

64      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja hija komparabbli mas-sitwazzjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi fir-rigward tal-għan u tal-għanijiet taċ-CTS, ma jistax jitqies li kien jikkostitwixxi żball manifest il-fatt li jintuża, għall-programm pilota għaċ-CTS, il-kriterju ta’ anzjanità kontenzjuż, li b’hekk jidher li huwa ġġustifikat.

65      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal ma kienx kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u lanqas, sa fejn dawn il-kwistjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami separat, affettwat minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jew minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn dan kien jistabbilixxi limitu ta’ eliġibbiltà għall-programm pilota għaċ-CTS li jikkorrispondi għal tnax-il sena ta’ anzjanità għall-membri tal-persunal ikklassifikati fil-kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji filwaqt li dan il-limitu kien ta’ tmien snin ta’ anzjanità għal dawk ikklassifikati f’kategoriji ta’ remunerazzjoni doppji.

66      Għaldaqstant, dan l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal minħabba l-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta u tad-Direttiva 2000/78, minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

67      Skont ir-rikorrent, il-persuni li jinsabu fl-istess livell fil-kategoriji ta’ remunerazzjoni huma approssimattivament fl-istess kategorija ta’ età. Issa, peress li l-membri tal-persunal ikklassifikati f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja kellhom jistennew erba’ snin iktar sabiex ikunu eliġibbli għall-programm pilota għaċ-CTS minn dawk ikklassifikati f’kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi, ir-rikorrent isostni li huma kellhom ikunu ikbar minn dawn tal-aħħar sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-programm. Għaldaqstant, l-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jinkludi kundizzjoni ta’ età impliċita. Din tista’ tiġi analizzata bħala diskriminazzjoni bbażata direttament fuq l-età fir-rigward tal-membri tal-persunal ikklassifikati f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja u din id-diskriminazzjoni ma hijiex oġġettivament iġġustifikata, u dan għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv.

68      Il-BĊE jsostni li ma teżistix korrelazzjoni bejn l-età u l-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi jew il-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja, la bejn l-età u l-anzjanità f’kategorija ta’ remunerazzjoni, u lanqas bejn l-età u l-livell tal-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni. Għaldaqstant, ma hemmx differenza fit-trattament direttament jew indirettament marbuta mal-età.

69      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ġie kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 21) u li l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età hija stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta. Barra minn hekk, id-Direttiva 2000/78 mhux biss tikkostitwixxi sors ta’ ispirazzjoni aċċettat fil-kuntest tal-kontenzjuż dwar il-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-obbligi tal-awtorità regolatorja kompetenti fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, RK vs Il‑Kunsill, T‑11/17, EU:T:2019:65, punti 68 sa 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda barra minn hekk, fir-rigward tal-BĊE, torbot lil dan tal-aħħar skont l-Artikolu 9(c) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg.

70      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-programm pilota għaċ-CTS ma kien fihom ebda riferiment dirett għall-età tal-membri tal-persunal.

71      Barra minn hekk, id-distinzjoni magħmula bejn il-membri tal-persunal skont it-tip ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni li jagħmlu parti minnu ma tinvolvi l-ebda involviment f’dak li jikkonċerna l-età tagħhom.

72      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-anzjanità f’kategorija ta’ remunerazzjoni, tkun xi tkun, tiddependi biss fuq il-mument li fih persuna tkun ġiet irreklutata jew, eventwalment, promossa f’kategorija ta’ remunerazzjoni.

73      Fir-rigward tas-sitwazzjoni li tikkorrispondi għal dik tar-rikorrent u li fuqha dan jibbaża r-rikors tiegħu, jiġifieri r-reklutaġġ f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-reklutaġġ huwa possibbli fi kwalunkwe stadju tal-karriera, b’mod partikolari fit-tieni parti tagħha, kif juri l-eżempju tar-rikorrent, iżda wkoll iktar kmieni fil-karriera, jew saħansitra fil-bidu tal-karriera.

74      Barra minn hekk, dan it-tieni każ huwa l-iktar frekwenti, peress li, kif jirriżulta minn data li toriġina mill-BĊE u riprodotta fis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent, mill-458 persuna rreklutata minn din l-istituzzjoni bejn l‑2010 u l‑2012, 82 % ġew ikklassifikati fl-ewwel parti ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni doppja.

75      Konsegwentement, huwa possibbli li dħul fis-servizz tal-BĊE, u għalhekk il-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni, seħħet kważi fi kwalunkwe stadju tal-ħajja professjonali u, għaldaqstant, fi kważi kull età li tikkorrispondi għal dan il-perijodu tal-eżistenza.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li membru tal-persunal, minħabba r-reklutaġġ tiegħu fil-bidu tal-karriera, kellu tnax‑il sena anzjanità f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja qabel ma laħaq l-età ta’ 40 sena, b’tali mod li kien ikun eliġibbli għall-programm pilota għaċ-CTS, u lanqas li membru tal-persunal, minħabba li ġie rreklutat jew promoss fi tmiem il-karriera, ma kienx kiseb tmien snin ta’ anzjanità f’kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi fl-età ta’ 55 sena, b’tali mod li dan ma kienx eleġibbli għal dan il-programm.

77      Ċertament, kien possibbli li, fil-każ ta’ żewġ persuni rreklutati fl-istess mument u fl-istess età, iżda waħda f’kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi u l-oħra f’kategorija ta’ remunerazzjoni doppja, waħda kienet eliġibbli għall-programm pilota għaċ-CTS u l-oħra ma kinitx. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma rriżultatx minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, iżda mill-mument tar-reklutaġġ u tat-tip ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni li jaqgħu taħtu, li hija ddeterminata mit-tip ta’ funzjoni eżerċitata, jiġifieri parametri indipendenti mill-età u li t-tieni waħda minn dawn ġiet ikkunsidrata bħala koerenti mal-għanijiet u mal-iskop taċ-CTS fil-kuntest tar-tweġiba għall-ewwel motiv.

78      Għall-bqija, minkejja li r-rikorrent jikkonkludi r-raġunament tiegħu fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fil-punt 80 tar-rikors, billi jiddikjara li ċ-CTS “jipprevedi għal differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età”, huwa jinvoka fil-punt 72 tar-rikors l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, b’tali mod li għandha tiġi eżaminata din l-aħħar eventwalità.

79      Konformement mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tkun tinvolvi żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji. Barra minn hekk, mill-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li r-rikonoxximent ta’ diskriminazzjoni għandu jkun ibbażat fuq fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta.

80      F’dan il-każ, mid-data f’ċifri li tinsab fil-bilanċ stabbilit wara l-għeluq taċ-CTS (Anness A.14) jirriżulta li l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura wasslet għat-tluq antiċipat ta’ 7 persuni ta’ inqas minn 45 sena, ta’ 15‑il persuna li għandhom bejn 45 u 54 sena u ta’ 23 persuna li għandhom iktar minn 54 sena. Dawn iċ-ċifri juru li, konkretament, il-kriterju kontenzjuż tal-anzjanità ma ffavorixxiex jew żvantaġġa, fost il-membri tal-persunal, dawk li jaqgħu taħt ċerta kategorija ta’ età.

81      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tista’ teżisti f’dan il-każ rabta bejn il-kriterju ta’ anzjanità u l-età, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, eventwali differenza fit-trattament tidher li hija ġġustifikata għall-istess raġunijiet, li jaqgħu taħt l-interess tas-servizz, bħal dawk esposti fil-punti 48 u 50 sa 54 iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tweġiba għall-ewwel motiv, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari bbażat fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, li huwa biss espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, RK vs Il‑Kunsill, T‑11/17, EU:T:2019:65, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal ma kienx jinkludi diskriminazzjoni minħabba l-età għad-detriment tal-membri tal-persunal li jaqgħu taħt kategorija ta’ remunerazzjoni doppja sa fejn kien jistabbilixxi limitu minimu ta’ eliġibbiltà għall-programm pilota għaċ-CTS li jikkorrispondi għal tnax‑il sena ta’ anzjanità għall-membri tal-persunal ikklassifikati fil-kategoriji ta’ remunerazzjoni doppja, filwaqt li dan il-limitu minimu kien ta’ tmien snin ta’ anzjanità għal dawk ikklassifikati fil-kategoriji ta’ remunerazzjoni sempliċi.

83      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tad-dmir ta’ premura

84      Ir-rikorrent isostni li l-BĊE wettaq kemm żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura meta ma wettaqx eżami suffiċjentement fil-fond tal-implikazzjonijiet tal-kundizzjoni kontenzjuża tal-anzjanità, peress li din twassal għal distorsjoni fir-rigward tal-prinċipju stess tat-tranżizzjoni professjonali u diskriminazzjoni jew inġustizzja f’ċerti każijiet, u peress li ma interpretax l-Artikolu 2.3.1 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg b’mod li jiġu evitati dawn il-konsegwenzi. Dan seta’ b’mod partikolari jkun il-każ, fir-rigward tar-rikorrent, billi tiġi applikata l-leġiżlazzjoni l-ġdida, li ma tinkludix iktar distinzjoni skont il-kategoriji ta’ remunerazzjoni sempliċi jew doppji, fil-kuntest tal-miżuri li kienet tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE (T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817).

85      Il-BĊE jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv. Huwa jsostni b’mod partikolari li d-dmir ta’ premura huwa limitat mill-osservanza tar-regoli, b’tali mod li huwa ma setax japplika derogi mhux previsti mill-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u lanqas ma seta’ jinjora l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ dik li ssostitwixxietha.

86      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mit-tweġiba għall-ewwel motiv jirriżulta li dan il-motiv ma jistax jintlaqa’ sa fejn huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-kundizzjoni kontenzjuża tal-anzjanità twassal għal distorsjoni fir-rigward tal-prinċipju stess tat-tranżizzjoni professjonali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dmir ta’ premura jimponix fuq il-BĊE li jilqa’ l-kandidatura għaċ-CTS tar-rikorrent minħabba li, fil-każ tiegħu, il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà prevista fl-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal kienet twassal għal riżultat sfavorevoli u inadegwat.

87      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma kienet tipprevedi la eċċezzjoni u lanqas possibbiltà ta’ deroga mill-kundizzjoni ta’ anzjanità, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar kienet imposta fuq il-BĊE.

88      Fil-fatt, id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal tagħha, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija ma tiħux biss inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz, iżda wkoll l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Madankollu, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-membri tal-persunal għandha dejjem issib il-limitu tagħha fl-osservanza tar-regoli fis-seħħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑416/03, EU:T:2006:375, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Konsegwentement, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li applika l-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-kandidatura tar-rikorrent għall-programm pilota għaċ-CTS.

90      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal.

91      Ir-rikorrent isostni li l-kunċett ta’ “kategorija ta’ remunerazzjoni doppja” ma huwiex iddefinit b’mod ċar fil-qafas regolamentari applikabbli għall-persunal tal-BĊE u jenfasizza li l-kuntratt tiegħu ma kienx isemmi li l-“kategorija ta’ remunerazzjoni F/G” (F/G - Band) li fiha ġie kklassifikat kienet “kategorija ta’ remunerazzjoni doppja” (broadband). Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni, hemm lok li jitqies li r-rikorrent kien ikklassifikat f’kategorija ta’ remunerazzjoni sempliċi fis-sens tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u, għaldaqstant, li kellu jiġġustifika biss tmien snin ta’ anzjanità, b’tali mod li l-kandidatura tiegħu għall-programm pilota għaċ-CTS kienet ammissibbli.

92      Il-BĊE jsostni li l-punt 4 tal-Anness 1 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni doppja. Huwa jirrileva wkoll li l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg kienu espressament jagħmlu parti mill-kuntratt tar-rikorrent u li dan tal-aħħar kien assenjat kuntrattwalment għall-kategoriji ta’ remunerazzjoni F u G adjaċenti. Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti li l-kuntratt tar-rikorrent kien semma “kategorija ta’ remunerazzjoni F/G”, mingħajr ma ġie ppreċiżat li din kienet kategorija ta’ remunerazzjoni doppja.

93      Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni doppja huwa effettivament iddefinit fil-punt 4 tal-Anness 1 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg bħala “grupp ta’ żewġ kategoriji ta’ remunerazzjoni adjaċenti”. Din id-definizzjoni għandha titqiegħed f’relazzjoni mal-istruttura tas-salarji li tinsab fil-punt 1 ta’ dan l-anness, li tirriproduċi l-kategoriji A, B, C, D, E, F, E/F, G, F/G, H, I, J, K u L, li minnhom jirriżulta li huma biss il-kategoriji ta’ remunerazzjoni E/F u F/G li huma grupp ta’ żewġ kategoriji ta’ remunerazzjoni adjaċenti.

94      Issa, kif isostni l-BĊE, il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg kienu jagħmlu parti mill-kuntratt ta’ reklutaġġ tar-rikorrent, peress li kienu annessi mal-ittra tal-BĊE tad‑9 ta’ Frar 2004 li kienet tinkludi l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tiegħu, bħala parti integrali minn dan il-kuntratt.

95      Konsegwentement, il-kliem “F/G - Band” li jinsab fl-imsemmija ittra għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu l-klassifikazzjoni tar-rikorrent fil-kategorija ta’ remunerazzjoni doppja F/G, bħala espert tal-produzzjoni, indipendentement mill-fatt li l-kelma “doppja” (broad) ma ssemmitx.

96      Barra minn hekk, min-nota annessa mir-rikorrent mal-kandidatura tiegħu għall-programm pilota għaċ-CTS jirriżulta li dan kien interpreta b’dan il-mod l-ittra tal-BĊE tad‑9 ta’ Frar 2004 li kienet tinkludi l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tiegħu.

97      Konsegwentement, hemm ukoll lok li jiġi miċħud bħala infondat ir-raba’ motiv ippreżentat mir-rikorrent insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament u, għaldaqstant, it-talba għal annullament.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

98      Ir-rikorrent jitlob li l-BĊE jiġi kkundannat iħallsu somma li tikkorrispondi għall-għajnuna li huwa kien jirċievi f’każ li l-kandidatura tiegħu għall-proġett pilota għaċ-CTS tiġi aċċettata, stmat fl-ammont ta’ EUR 101 447, flimkien mal-interessi.

99      Il-BĊE jitlob li t-talbiet għad-danni jiġu miċħuda peress li, fil-fehma tiegħu, it-talbiet għal annullament li huma marbuta mill-qrib magħhom għandhom ukoll jiġu miċħuda.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talbiet għal kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta, bħal f’dan il-każ, ikunu marbuta strettament mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala infondati (sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 129, u tal‑14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 51).

101    Peress li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Raivo Teeäär huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Nihoul

Svenningsen

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Marzu 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.