Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Ottubru 2011 - Assaad vs Il-Kunsill

(Kawża T-550/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Nizar Assaad (Damasku, is-Sirja) (rappreżentanti: G. Martin, Solicitor, M. Lester u A. Sutton, Barristers)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011, tat-23 ta' Awwissu 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 218, p. 1), u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta' Awwissu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 218, p. 20), sa fejn l-isem tar-rikorrent ġie inkluż fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 2 u fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 tad-9 ta' Mejju 2011 ;

sussidjarjament, u bla ħsara għat-talba prinċipali, tħassar il-kliem "[j]iffinanzja lil Shabiha fir-reġjun ta' Latakia" inkluż fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 842/2011 u fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser id-drittijiet fundamentali tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, sa fejn:

Ir-rikorrent ma kienx informat minn qabel dwar l-inklużjoni tiegħu fil-miżuri kkontestati u lanqas ma kien informat meta dawn il-miżuri kienu adottati;

Ir-rikorrent ma ngħata ebda avviż dwar l-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħu jew dwar il-proposta għall-inklużjoni tiegħu f'dawn il-miżuri, u ma kellu ebda dritt għal smigħ fi proċess fejn dawn l-allegazzjonijiet setgħu jitqajmu u jitwieġbu debitament filwaqt li jiġu eżaminati b'mod rigoruż; u

Il-miżuri kkontestati ma jipprovdu ebda proċedura għall-komunikazzjoni lir-rikorrent tal-provi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-iffriżar tal-assi, jew li permezz tagħha r-rikorrent seta' jesprimi effettivament il-pożizzjoni tiegħu dwar dawn il-provi quddiem qorti jew tribunal li setgħu jevalwaw u jeżaminaw il-kummenti tiegħu u l-provi miġjuba kontrih.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut naqas milli jagħti lir-rikorrent raġunijiet suffiċjenti għall-inklużjoni tiegħu, sa fejn:

Ir-rikorrent ma ngħata ebda raġuni qabel il-pubblikazzjoni tal-miżuri kkontestati;

Ir-"raġunijiet għall-inklużjoni" ma jagħtux lir-rikorrent informazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista' jifhem għalfejn il-konvenut jikkunsidra li r-rikorrent għandu jiġi inkluż; u

Ma hemm ebda indikazzjoni ta' b'liema mod ir-rikorrent huwa allegatament responsabbli għar-repressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser, mingħajr ġustifikazzjoni u b'mod mhux proporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b'mod partikolari d-dritt ta' proprjetà tiegħu, id-dritt tiegħu li jiġġestixxi n-negozju tiegħu, id-dritt tiegħu għal reputazzjoni, u d-dritt tiegħu għal ħajja privata u tal-familja, sa fejn:

Il-miżuri kkontestati għandhom impatt kunsiderevoli u dewwiemi fuq id-drittijiet fundamentali tiegħu; u

Il-miżuri kkontestati ma humiex ġustifikati fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għar-rikorrent, u l-konvenut naqas milli juri li l-iffriżar totali tal-assi u l-projbizzjoni ġenerali fir-rigward tal-ivvjaġġar kienu l-inqas metodi onerużi sabiex jiġi żgurat oġġettiv leġittimu, u lanqas ma wera li l-ħsara kkawżata lir-rikorrent u lill-familja tiegħu hija ġustifikata u proporzjonata.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrent wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċieda li japplika dawn il-miżuri restrittivi għar-rikorrent, sa fejn:

Milli jidher il-konvenut ma wettaq ebda evalwazzjoni fir-rigward ta' jekk jistax jingħad li r-rikorrent kien effettivament "responsabbli" għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja;

Sussidjarjament, fl-eventwalità li twettqet tali evalwazzjoni, minn dak li r-rikorrent jista' jara, il-konvenut żbalja meta kkonkluda li l-inklużjoni tar-rikorrent fil-miżuri restrittivi kienet ġustifikata.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta' Mejju 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11).

2 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta' Mejju 2011, dwar mizuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1).