Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Ottubru 2011 - MIP Metro vs UASI Real Seguros (real,- BIO)

(Kawża T-549/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Plate u R. Kaase, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Real Seguros, SA (Porto, il-Portugall)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tissospendi l-proċeduri sad-deċiżjoni finali tal-Uffiċċju tat-Trade marks Portugiż dwar it-talba għal revoka li r-rikorrenti ppreżentat kontra r-reġistrazzjonijiet preċedenti tat-trade marks Portugiżi bin-Nri 249791, 249793 u 254390; fil-każ ta' ċaħda tat-talba għas-sospensjoni tal-proċeduri, tkompli l-proċeduri u:

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-17 ta' Awwissu 2011 fil-Każ R 115/2011-4; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedimenti ta' appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva internazzjonali "real,-Bio" rreġistrata bin-Nru W 983684, fl-aħdar, fl-abjad u fil-kannella, għal servizzi fil-klassi 36

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark verbali Portugiża "REAL" irreġistrata bin-Nru 249791, għal servizzi fil-klassi 36; it-trade mark verbali Portugiża "REAL SEGUROS", irreġistrata bin-Nru 249793, għal servizzi fil-klassi 36; it-trade mark figurattiva Portugiża rreġistrata bin-Nru 254390 li tinkludi l-element verbali "REAL", għal servizzi fil-klassi 36; diversi drittijiet mhux irreġistrati fejn qed jiġi invokat li huma protetti fl-Istati Membri kollha jew fil-Portugall

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell assuma b'mod żbaljat li jkun hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks invokati insostenn tal-oppożizzjoni.

____________