Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Ottubru 2011 - Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-552/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro A.E. (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: E. Tzannini, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' r-rikors preżenti;

tannulla n-nota ta' debitu kkontestata;

tikkunsidra l-argumenti tagħha jekk hija tqis li l-ammonti, hekk kif deskritti fin-nota tagħha tas-17 ta' Ġunju 2011, għandhom jiġu rimborsati;

tannulla l-att ikkontestat ukoll fil-parti tiegħu li tirrigwarda t-tielet rata ta' pagament li ma tħallsitx;

tapplika tpaċċija bejn l-ammonti eventwalment rimborsabbli u dawk li qatt ma tħallsu għat-tielet rata ta' pagament, li baqgħu mhux imħallsa għall-aħħar ħames snin;

tiddeċiedi li r-rikors preżenti jammonta għal fatt li jitterrompi l-preskrizzjoni tad-dritt għall-ħlas tat-tielet rata ta' pagament;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kontenuta fin-nota ta' debitu Nru°3241109207 tad-9 ta' Settembru 2011 u li tirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-programm ta' riċerka Nru°510743 "WARD IN HAND".

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti:

abbuż ta' poter tal-Kummissjoni Ewropea, sa fejn din assimilat b'mod fittizju fuq livell ġuridiku l-fatt tan-nuqqas ta' għoti tal-karti tal-ħin man-nuqqas ta' konsenja ta' affarijiet li kellhom jingħataw, li tammonta għal imġieba li tikser il-kuntratt;

nuqqas ta' motivazzjoni tan-nota ta' debitu kkontestata u ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li skont dan, att li jikkawża preġudizzju għandu jindika l-motivazzjoni tiegħu fit-test tiegħu, sabiex ikun jista' jsir stħarriġ tal-legalità, peress li n-nota ta' debitu ma tinkludi ebda motivazzjoni;

nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-provi;

żball ta' liġi u ta' motivazzjoni peress li l-konvenuta ma kkunsidratx l-argumenti fattwali tar-rikorrenti u ċaħdithom b'mod abbużiv u mingħajr motivazzjoni;

ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi peress li l-konvenuta ma ħallsitx lir-rikorrenti, b'mod abbużiv, l-aħħar rata ta' pagament tal-programm u ġabet fix-xejn ix-xogħol kollu tagħha ta' riċerka, ħames snin wara l-għeluq tal-programm.

____________