Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 taʼ Marzu 2013 - Zhejiang Heda Solar Technology vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-143/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Zhejiang Heda Solar Technology Co. Ltd (Fuyang, iċ-Ċina) (rappreżentanti: V. Akritidis u Y. Melin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata permezz ta' ittra tat-3 ta' Jannar 2013, Nru°H4/JN/Ref.t13.000011, li tinforma lir-rikorrenti li hija ma kinitx ser teżamina t-talba tar-rikorrenti li jiġilha rikonoxxut l-istatus ta' impriża li topera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru°1225/2009, fil-kuntest tal-proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, miftuħa fis-6 ta' Settembru 2012 (AD 590);

tiddikjara l-inapplikabbiltà għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti fil-kuntest ta' dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tar-Regolament (UE) Nru°1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 344, p. 1);

u konsegwentement, tordna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti eventwali sabiex iħallsu l-ispejjeż fl-intier tagħhom.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali, ta' aspettattivi leġittimi u ta' proporzjonalità, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tirtira b'mod retroattiv lir-rikorrenti d-dritt tagħha, diġà miksub, li t-talba tagħha għall-istatus ta' impriża li topera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq tkun eżaminata mill-Kummissjoni u dan mingħajr ma jkun hemm interess fundamentali li jiġġustifika tali irtirar.

____________