Language of document : ECLI:EU:F:2013:100

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

27 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑94/08 DEP

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ressqet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż tal-Kawża F‑94/08, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn L. Marcuccio lill-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑94/08, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, huwa stabbilit għal EUR 2 840.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Intaxxar — Preżentata tat-talba — Obbligu ta’ produzzjoni ta’ provi insostenn tat-talba fl-istadju ta’ kuntatt li jippreċedi l-preżentata tagħha — Assenza

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 92(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Kunċett — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Inklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91 (b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Intaxxar — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Spejjeż tal-avukati relatati max-xogħol imwettaq qabel ma l-kawża titressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni — Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91 (b))

4.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż sostnuti skont il-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86, 91 u 92)

1.      Fir-rigward ta’ kontestazzjoni dwar l-ispejjeż, fis-sens tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ebda dispożizzjoni ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura ma tobbliga lil parti li tiddokumenta t-talbiet tagħha fl-istadju ta’ kuntatt li jippreċedi l-preżentata ta’ talba għall-intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punt 21)

2.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet huma liberi li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan l-avukat taqa’ għaldaqstant taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni tkun marbuta turi li tali assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata.

Għalhekk, għalkemm il-fatt li istituzzjoni involviet avukat estern ma għandux konsegwenza fuq il-fatt li dawn l-ispejjeż, potenzjalment, jistgħu jinġabru, peress li xejn ma jippermetti li jiġu esklużi bħala prinċipju, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont li jista’ jinġabar in fine tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura.

(ara l-punti 26, 27)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il-Parlament, F‑7/08 DEP, punt 23

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑498/09 P-DEP, punt 13; 28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑278/07 P-DEP, punt 14

3.      Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom stess, iżda li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għal intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni la għandha tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament id-data tal-każ, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-każ, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti intervenjenti u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.

Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata ma jistax jiġi evalwat billi ma jitteħidx inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq mid-dipartimenti tagħha, anki qabel ma titressaq il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġetta għat-tressiq ta’ lment u taċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, id-dipartimenti tal-istituzzjoni, bħala prinċipju, huma involuti fit-trattament tat-tilwimiet, qabel ma dawn it-tilwimiet jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 28 sa 30)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il‑Parlament, F‑14/08 DEP, punt 22; Schönberger vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, u tas-27 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs BEI, F‑55/08 DEP, punt 41

4.      L-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-proċedura ta’ kontestazzjoni tal-ispejjeż ma jipprovdix, b’kuntrast mal-Artikolu 86 tal-imsemmija regoli, li tingħata deċiżjoni fuq l-ispejjeż fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża. Fil-fatt, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta jiddeċiedi fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-kontestazzjoni tal-ispejjeż ta’ istanza prinċipali, jiddeċiedi fuq l-ispejjeż li huma s-suġġett tal-kontestazzjoni u, separatament, fuq l-ispejjeż ġodda sostnuti fil-kuntest tar-rikors għal kontestazzjoni tal-ispejjeż, it-Tribunal jista’, jekk ikun il-każ, jiġi adit suċċessivament b’kontestazzjoni ġdida fuq spejjeż ġodda.

Madankollu, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu, meta jistabbilixxi l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet ta’ intaxxar tal-ispejjeż. Minbarra dan, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddetermina l-ammont tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż u li kienu indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jiġi evitat li jiġi adit ulterjorment b’kontestazzjoni ġdida tal-ispejjeż ġodda.

(ara l-punti 39, 40)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Schönberger vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; 22 ta’ Marzu 2012, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑5/08 DEP, punt 41