Language of document : ECLI:EU:F:2009:151

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

10 ta’ Novembru 2009

Kawża F-93/08

N

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Definizzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu”

Suġġett: Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu N jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad‑deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tal-4 ta’ Marzu 2008, li tadotta definittivament ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ April 2007 u d‑deċiżjoni tal-President tal-Parlament, tal-25 ta’ Settembru 2008, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra l-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. N huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku – Rikors għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni – Uffiċjal assenjat mill-ġdid lil istituzzjoni oħra – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi rapport minn din l-istituzzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu li l-uffiċjal ikkonċernat jiġi informat bid-dokument li jistabbilixxi l-għanijiet assenjati lid-dipartiment tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Indipendentement mill-utilità tiegħu fil-futur, ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali tal-kwalità tax-xogħol li dan ikun wettaq. Tali evalwazzjoni ma hijiex biss deskrittiva tal-ħidmiet imwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinvolvi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet li l persuna evalwata tkun uriet fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha. Għalhekk, kull uffiċjal għandu dritt li x-xogħol tiegħu jiġi kkonfermat b’evalwazzjoni stabbilita b’mod ġust u ekwu. Konsegwentement, skont id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, uffiċjal għandu jkollu, fi kwalunkwe każ, id-dritt li jikkontesta rapport ta’ evalwazzjoni dwaru minħabba l-kontenut tiegħu jew minħabba li dan ma jkunx ġie stabbilit skont ir-regoli previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Għalhekk, it-trasferiment ta’ uffiċjal minn istituzzjoni għal istituzzjoni oħra, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mit-tieni istituzzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti mill-ewwel waħda, u promozzjoni tal-uffiċjal fi ħdan it tieni waħda ma humiex ta’ natura li jirrenduh mingħajr interess ġuridiku sabiex jaġixxi kontra rapport ta’ evalwazzjoni definittiv stabbilit mill-ewwel waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 46, 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il‑Kummissjoni, C‑198/07 P, Ġabra p. I‑10701, punti 44 u 45

2.      Mill-Artikoli 10 sa 12 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Parlament jirriżulta li din l-istituzzjoni għandha tikkomunika, matul l-intervista tal-evalwazzjoni, lil kull wieħed mill-uffiċjali jew membri tal-persunal tagħha dokument li jispeċifika l għanijiet assenjati, għas-sena li jmiss, lill-amministrazzjoni, lid-diviżjoni jew lid dipartiment tiegħu. Dan id-dokument jikkostitwixxi element essenzjali għall evalwazzjoni tas-servizzi mogħtija mill-uffiċjal jew mill-membru tal persunal fis-sena ta’ wara u għar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, jekk l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal jitlob dan matul l-intervista tal-evalwazzjoni, l-amministrazzjoni għandha tistabbilixxi dokument li jipprovdi iktar dettalji speċifiċi dwar l-għanijiet stabbiliti għalih personalment.

Uffiċjal għandu jiġi kkunsidrat li kien mgħarraf bl-għanijiet stabbiliti għas-sena li jmiss meta, matul laqgħa ġenerali, il-kap tad-diviżjoni jistabbilixxi l-għanijiet ġenerali tad-direttorat, l-għanijiet speċifiċi tad-diviżjoni jew tad-dipartiment tiegħu, kif ukoll l-għanijiet individwali tad-diversi uffiċjali, u meta tkun ġiet ikkomunikata u diskussa tabella li tistabbilixxi, għal kull uffiċjal jew membru tal‑persunal, ix-xogħol u l-għanijiet għas-sena li jmiss. Għalkemm, bħal fil-każ inkwistjoni, din it-tabella, minħabba l-kontenut tagħha u n-natura standardizzata tal-formulazzjonijiet użati, aktar telenka prinċipalment xogħlijiet li għandhom isiru milli tistabbilixxi għanijiet, tali tabella madankollu xorta tagħti lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal ikkonċernati ċerta direzzjoni u ċerti għanijiet li għandhom jintlaħqu u tista’, għalhekk, titqies li hija l-preżentazzjoni tal‑għanijiet fis-sens tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

(ara l-punti 64 u 66)