Language of document : ECLI:EU:C:2012:757

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-28 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑645/11

Land Berlin

vs

Ellen Mirjam Sapir,

Michael J. Busse,

Mirjam M Birgansky,

Gideon Rumney,

Benjamin Ben-Zadok,

Hedda Brown

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 1(1) – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Ħlas magħmul indebitament minn entità statali – Talba għal ħlas lura ta’ dan il-ħlas fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ konnessjoni – Rabta mill-qrib bejn it-talbiet – Konvenut iddomiċiljat fi Stat terz”






Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

B –   Id-dritt nazzjonali

1.     Il-liġi Ġermaniza għar-regolazzjoni ta’ kwistjonijiet patrimonjali mhux solvuti (Gesetz zur Regelung offener Vermögensfragen, iktar ’il quddiem il-“Vermögensgesetz”) 

2.     Il-liġi Ġermaniża dwar il-prijoritŕ għall-investimenti fil-każ ta’ dritt ta’ restituzzjoni skont il-Vermögensgesetz (Gesetz über den Vorrang für Investitionen bei Rückübertragungsansprüchen nach dem Vermögensgesetz, iktar ’il quddiem l-“Investitionsvorranggesetz”) 

III – Il-kawża prinċipali

IV – Id-domandi preliminari

V –   Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

VI – L-argumenti tal-partijiet fil-kawża

A –   L-ewwel domanda preliminari

B –   It-tieni domanda preliminari

C –   It-tielet domanda preliminari

VII – Il-kunsiderazzjonijiet legali

A –   L-ewwel domanda preliminari

1.     Ħtieġa ta’ interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “kwistjoni ċivili u kummerċjali”

2.     Rilevanza tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

3.     Il-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

a)     Is-sentenza LTU 

b)     Is-sentenza Rüffer 

c)     Is-sentenza Sonntag 

d)     Is-sentenza Baten 

e)     Is-sentenza Préservatrice Foncière TIARD 

f)     Evalwazzjoni globali tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell

4.     Żamma tal-linja ġurisprudenzjali elaborata fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001

a)     Is-sentenza Apostolides 

b)     Is-sentenza Realchemie Nederland 

5.     Applikazzjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali fil-kawża prinċipali

a)     In-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet

b)     Għan tal-kawża

6.     Konklużjoni provviżorja

B –   It-tieni domanda preliminari

1.     Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “marbuta mill-qrib” skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jew tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

a)     Interpretazzjoni awtonoma u stretta tal-kriterju “marbuta mill-qrib”

b)     Relazzjoni biżżejjed mill-qrib u riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli

c)     Kriterju tal-previdibbiltà, għall-konvenut, tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ konnessjoni

2.     Applikazzjoni tal-kriterji tal-ġurisprudenza fil-kawża prinċipali

a)     Relazzjoni biżżejjed mill-qrib u riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji

b)     Kriterju tal-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni, għall-konvenut, fil-każ ta’ konnessjoni

3.     Konklużjoni provviżorja

C –   It-tielet domanda preliminari

1.     Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

a)     Il-kliem tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

b)     Post l-Artikolu 6(1) fl-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001

c)     L-għan tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

2.     Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tas-sitwazzjonijiet li jinvolvu konvenuti ddomiċiljati fi Stati terzi?

3.     Konklużjoni provviżorja

VIII – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tat-18 ta’ Novembru 2011 tal-Bundesgerichtshof tidħol f’kuntest storiku li jmur lura għat-Tielet Reich, li matulu diversi Ġermaniżi vittmi ta’ persekuzzjonijiet kienu mġiegħla, ta’ spiss qabel ma emigraw, ibiegħu l-beni tagħhom bi prezz baxx, ħafna inqas mill-valur tagħhom. Dawn il-beni kienu nxtraw f’parti minnhom minn individwi (2) imma, għal uħud minnhom, spiċċaw fil-patrimonju tal-Istat jew ta’ persuni oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku.

2.        Fil-qrati Ġermaniżi, fil-kawża prinċipali hemm, bħala konvenuti, is-suċċessuri (li l-parti l-kbira minnhom jirrisjedu barra l-pajjiż) ta’ persuna li kienet vittma ta’ tali persekuzzjoni, u l-Land ta’ Berlin bħala rikorrent. Il-kwistjonijiet ta’ dritt sostantiv imqajma fil-kawża jirrigwardaw b’mod partikolari l-ammont tal-kumpens li dawn is-suċċessuri jistgħu jitolbu.

3.        Id-dritt nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jistabbilixxi proċedura kumplessa għall-finijiet tal-kumpens tal-vittmi ta’ dan it-tip ta’ persekuzzjoni. Il-proċedura għandha tiżvolġi parzjalment quddiem awtorità amministrattiva u parzjalment’ quddiem il-qorti kompetenti tal-ordinament ġudizzjarju u, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, hija intiża għar-restituzzjoni tal-assi patrimonjali jew biex jingħata lura lill-persuni leżi d-dħul mill-bejgħ tagħhom, li miegħu jista’ jiżdied ukoll il-ħlas ta’ kumpens addizzjonali.

4.        Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax is-sustanza tad-dritt imma tqajjem kwistjonijiet fundamentali dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (3).

5.        B’mod konkret, qed jiġi mistoqsi liema huma l-każijiet li għandhom jitqiesu ta’ materji ċivili u kummerċjali skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001. It-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Din id-dispożizzjoni tippermetti, fil-każ li jkun hemm diversi konvenuti, li jiġu mfittxija “fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom [i]kun domiċiljat”, bil-kundizzjoni li t-talbiet ikunu “marbuta mill-qrib” li jkun hemm interess li jinstemgħu u jiġu ddeterminati fl-istess żmien. Il-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifiki fuq is-sinjifikat ta’ din id-dispożizzjoni u fuq l-applikabbiltà tagħha għal sitwazzjoni fejn il-konvenuti mhux kollha jkollhom id-domiċilju tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Id-disa’, il-ħdax, it-tnax, il-ħmistax u d-dsatax-il premessi tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:

“(9) Konvenut li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru huwa ġeneralment suġġett għar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fit-terrirorju ta’ l-Istat Membru tal-qorti li teżamina l-każ, u konvenut li jkun domiċiljat fi Stat Membru li ma jkunx marbut b’dan ir-Regolament għandu jibqa’ suggett għal Konvenzjoni ta’ Brussel (4).

(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12) B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(15) Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.

(19) Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej …”

7.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

8.        L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

9.        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1) meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

3) fuq kontro-talba li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali;

…”

10.      L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

1) fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà.

2) fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal‑kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il‑validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom, il‑qrati ta’ l-Istat Membru li fih il‑kumpannija, persuna ġuridika jew għaqda jkollha s-sede tagħhom.

3) fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tad-dħul f’reġistri pubbliċi, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru;

4) fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l‑applikazzjoni għad-depożitu jew ir‑reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ.

5) fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih il-ġudizzju kien jew li għandu jiġi eżegwit”.

11.      L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. …”.

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Il-liġi Ġermaniza dwar s-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet patrimonjali mhux solvuti (Gesetz zur Regelung offener Vermögensfragen, iktar ’il quddiem il-“Vermögensgesetz”) (5).

12.      L-Artikolu 1(1) tal-Vermögensgesetz jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’dan il-mod:

“Din il-liġi tirregola d-drittijiet ta’ natura patrimonjali dwar l-assi patrimonjali li … ġew esproprijati u nnazzjonalizzati mingħajr kumpens …”

13.      L-Artikolu 1(6) tal-Vermögensgesetz jipprovdi li:

“Din il-liġi tapplika b’analoġija għad-drittijiet ta’ natura patrimonjali ta’ ċittadini u assoċjazzjonijiet li kienu ġew ippersegwitati matul il-perijodu inkluż bejn it-30 ta’ Jannar 1933 u t-8 ta’ Mejju 1945 għal raġunijiet razzjali, politiċi, reliġjużi jew filosofiċi u li, għal din ir-raġuni, tilfu l-patrimonju tagħhom wara bejgħ sfurzat, esproprjazzjonijiet jew b’mod ieħor …”.

14.      L-Artikolu 3(1) tal-Vermögensgesetz jistabbilixxi, għal dak li jirrigwarda r-restituzzjoni tal-assi patrimonjali:

“L-assi patrimonjali li kienu s-suġġett ta’ miżuri bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi u li kienu ġew innazzjonalizzati jew mibjugħin lil terzi għandhom jingħataw lura lis-suċċessuri wara li dawn iressqu talba, ħlief jekk dan huwa eskluż …”

2.      Il-liġi Ġermaniża dwar il-prijorità għall-investimenti fil-każ ta’ dritt ta’ restituzzjoni skont il-Vermögensgesetz (Gesetz über den Vorrang für Investitionen bei Rückübertragungsansprüchen nach dem Vermögensgesetz, iktar ’il quddiem l-“Investitionsvorranggesetz”) (6)

15.      L-Artikolu 1 tal-Investitionsvorranggesetz jipprovdi li:

“Il-proprjetajiet … li huma s-suġġett jew jistgħu jkunu s-suġġett ta’ drittijiet ta’ restituzzjoni skont il-Vermögensgesetz jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti iktar ‘l isfel, jiġu użati kollha jew parzjalment għal investimenti għall-finijiet speċifiċi. F’dan il-każ, is-suċċessur jirċievi kumpens skont din il-liġi”.

16.      L-Artikolu 16(1) tal-Investitionsvorranggesetz jipprovdi li:

“Jekk ir-restituzzjoni … tal-assi patrimonjali ma tkunx possibbli ... kull suċċessur jista’, wara li jiġi kkonstatat jew ppruvat l-intitolament tiegħu, jitlob ... il-ħlas ta’ somma ta’ flus f’ammont li jikkorrispondi mal-benefiċċji monetarji kollha li jirriżultaw mill-kuntratt li jakkumulaw mal-assi patrimonjali li jmorru lura għandu. Il-fondatezza ta’ talba bħal din tiġi kkonstatata ... b’deċiżjoni tal-Uffiċċju, fil-livell tal-Land jew tar-reġjun, għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet patrimonjali mhux solvuti. Fin-nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ ... (jew) jekk id-dħul mill-bejgħ ikun inqas mill-valur tas-suq tal-assi patrimonjali meta d-deċiżjoni li tikkontesta l-investiment prijoritarju issir eżekuttiva, ... is-suċċessur ikollu sena ... biex jitlob ġudizzjarjament il-ħlas tal-valur tas-suq ...”.

III – Il-kawża prinċipali

17.      Julius Busse kien il-proprjetarju ta’ biċċa art f’Berlin. Huwa kien ġie ppersegwitat mir-reġim nazzjonal-soċjalista u mġiegħel jittrasferixxi l-art lil terz. Sussegwentement l-art kienet ġiet esproprijata mir-Repubblika Demokratika Ġemaniża u wara inkluża, ma’ artijiet oħrajn li jappartjenu lill-Istat, f’operazzjoni ta’ konsolidazzjoni tal-art. Wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, din il-firxa ta’ art saret f’parti proprjetà tal-Land Berlin u f’parti proprjetà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li biegħuha lil investitur fid-9 ta’ Diċembru 1997.

18.      L-ewwel għaxar konvenuti huma suċċessuri legali ta’ Julius Busse. It-tielet, is-sitt, is-seba’ u d-disa’ konvenuti huma ddomiċiljati fl-Iżrael, il-ħames fir-Renju Unit, l-għaxar konvenuta tirrisjedi fi Spanja.

19.      Skont id-dritt nazzjonali, l-ewwel għaxar konvenuti ċertament ma setgħux jeżiġu r-restituzzjoni tal-art, imma setgħu jitolbu li jitħallsu tal-inqas s-sehem li jikkorrespondi mad-dħul mill-bejgħ tal-proprjetà, jew tal-valur tas-suq tal-beni. Dan l-obbligu ta’ ħlas ġie kkonstatat b’att amminsitrattiv tal-awtorità kompetenti.

20.      Din l-istess awtorità ordnat lil-Land Berlin, rikorrent fil-kawża prinċipali, biex jagħti lill-ewwel għaxar konvenuti s-sehem mid-dħul tal-bejgħ li jikkorrespondi mal-parti tal-art ta’ Julius Busse fil-proprjetà. Matul din l-operazzjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħa żball. Fil-fatt għamel l-iżball li ħallas lill-avukat inkarigat mir-rappreżentanza tal-ewwel għaxar konvenuti, fejn huwa l-ħdax-il konvenut fil-kawża prinċipali, il-prezz kollu kemm hu tal-bejgħ minflok is-sehem li kien tagħhom. L-avukat imbagħad qassam l-ammont sħiħ riċevut lill-ewwel għaxar konvenuti.

21.      Fil-kawża prinċipali, il-Land Berlin qed jitlob il-ħlas lura mingħand l-ewwel għaxar konvenuti tal-ħlas żejjed, li jikkalkola li jammonta għal EUR 2.5 miljun. Huwa fittixhom kollha quddiem qorti Ġermaniża, il-Landgericht Berlin, inkluż lill-avukat tagħhom li akkuża li rrenda ruħu responsabbli ta’ att illegali meta qassam is-somma inkwistjoni. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali oġġezzjonaw għall-fatt li l-Landgericht Berlin ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonalment fil-konfront ta’ numru minnhom, jiġifieri tat-tielet, il-ħames sas-seba’, id-disa’ u l-għaxar konvenuti. Barra minn hekk, huma jenfasizzaw li jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ somma ogħla mis-sehem tad-dħul mill-bejgħ li messhom (jiġifieri “drittijiet għal kumpens addizzjonali”), peress li f’dan il-każ is-sehem huwa ta’ valur inqas minn dak tas-suq tal-art.

22.      Permezz ta’ sentenza parzjali, il-Landgericht ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward tat-tielet, il-ħames sas-seba’, id-disa’ u l-għaxar konvenuti. Ir-rikorrent tilef l-appell. B’rikors għal “Reviżjoni” (fuq punt ta’ dritt), ir-rikorrent xtaq lil-Landgericht tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talbiet tiegħu, inklużi fir-rigward ta’ dawn il-konvenuti.

23.      Il-qorti tal-appell hija tal-fehma li l-qrati Ġermaniżi ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali biex jieħdu konjizzjoni tar-rikors kontra t-tielet, il-ħames sas-seba’, id-disa’ u l-għaxar konvenuti, għaliex ir-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex applikabbli. Hija tal-fehma li l-kawża ma hijiex ta’ dritt ċivili, imma ta’ dritt pubbliku, li dan l-istess regolament ma japplikax għaliha, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu. Fil-fatt, il-ħlas inkwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, u jitwarrab il-fatt li dan seħħ fuq il-bażi tad-deċiżjoni fuq il-konstatazzjoni tad-dritt ta’ ħlas lura tal-konvenuti.

IV – Id-domandi preliminari

24.      F’dan il-kuntest, saru dawn id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari:

1.      Talba għall-ħlas lura ta’ ammont imħallas indebitament tikkostitwixxi materja ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 fiċ-ċirkustanzi fejn Bundesland ordnat minn awtorità pubblika sabiex iħallas lil vittmi bħala kumpens parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ art iħallas minflok, indebitament, il-prezz tax-xiri kollu?

2.      Jistgħu talbiet jitqiesu marbuta mill-qrib skont kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 meta l-konvenuti jibbażaw ruħhom fuq talbiet ta’ kumpens addizzjonali li huma suġġetti biss għal determinazzjoni uniformi?

3.      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 japplika wkoll għal konvenuti li ma humiex domiċiljati fl-Unjoni Ewropea? Fil-każ li għal din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, dan japplika wkoll fejn, fl-Istat ta’ domiċilju tal-konvenut, skont konvenzjoni bilaterali mal-Istat li jiddeċiedi t-talba, ir-rikonoxximent tas-sentenza jista’ jiġi rrifjutat minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni?

V –    Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tat-18 ta’ Novembru 2011, ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Diċembru 2011.

26.      Il-Gvern Ġermaniż u Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.      Billi l-ebda parti fil-kawża ma talbet li ssir seduta, il-konklużjonijiet setgħu jiġu ppreżentati wara l-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2012.

VI – L-argumenti tal-partijiet fil-kawża

28.      Il-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet fil-prinċipju jaqblu fuq ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari.

29.      Kollha jikkunsidraw li l-ħlas lura ta’ ħlas magħmul indebitament, li qed jintalab fil-kawża prinċipali, jirrigwarda “materji ċivili” skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Huma jgħidu li hemm ukoll rabta mill-qrib bejn id-diversi talbiet, kif meħtieġ fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ fejn il-konvenuti jinvokaw id-drittijiet għal kumpens addizzjonali li dwarhom għandu jkun hemm deċiżjoni uniformi. Kollha jaqblu wkoll li jikkunsidraw li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għall-konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea.

A –    L-ewwel domanda preliminari

30.      Il-partijiet fil-kawża jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” għandu jiġi ddefinit b’mod awtonomu, bl-applikazzjoni ta’ metodi ta’ interpretazzjoni żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kriterju essenzjali huwa dak tal-eżerċizzju jew le ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

31.      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-ħlas lura tal-indebitu huwa ta’ materja ċivili anki fil-każ fejn il-Land, li suppost ħallas lura lil vittma parti biss mid-dħul ġej mill-bejgħ ta’ immobbli taħt dritt għal kumpens ikkonstatat minn awtorità amministrattiva, bi żball ħallas il-prezz kollu kemm hu tal-bejgħ, sa fejn id-dritt għal kumpens jaffettwa l-Land ikkonċernat minħabba sitwazzjoni ta’ dritt privat, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju.

32.      Il-Gvern Portugiż isostni, għal dak li jirrigwarda n-natura u s-suġġett tal-kawża, li din tirrigwarda sempliċement ir-rimbors ta’ ħlas magħmul indebitament. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma huwiex differenti minn persuna rregolata mid-dritt ċivili.

33.      Il-Kummissjoni tenfasizza min-naħa tagħha li l-kawża għall-ikrupru– allegatament – ta’ ħlas żejjed għandha titressaq quddiem il-qrati ċivili billi r-rikorrent ma jgawdi minn l-ebda prerogattiva li toħroġ mid-dritt komuni f’dan il-kuntest imma qed jaġixxi kif tagħmel persuna rregolata mid-dritt privat f’sitwazzjoni paragunabbli.

B –    It-tieni domanda preliminari

34.      Skont il-Gvern Ġermaniż, il-fondatezza tat-talba tal-Land Berlin tiddependi b’mod determinanti fuq jekk il-ħlas riċevut mill-konvenuti jistrieħx jew le fuq bażi legali. Dritt li jirriżulta mill-Vermögensgesetz jew mill-Investitionsvorranggesetz biss jista’ jitqies bħala bażi legali, fil-forma ta’ drittijiet għal kumpens addizzjonali. L-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet tiġi evalwata fir-rigward ta’ sitwazzjoni ġuridika li hija identika għall-konvenuti kollha, u tista’ tiġi kkonstatata biss b’mod uniformi għall-konvenuti kollha. Għalhekk, kemm il-kawża mressqa kif ukoll id-difiża, jiġifieri l-allegata eżistenza ta’ drittijiet għal kumpens addizzjonali, jistrieħu fuq bażi legali identika. Għalhekk hemm “rabta mill-qrib” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

35.      Il-Gvern Portugiż jikkunsidra wkoll li l-kawża għall-ikrupru u d-drittijiet għal kumpens magħmula kontra din it-talba huma marbutin tant mill-qrib li hemm interess biex jiġu deċiżi fl-istess ħin sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli. Il-fatt li dawn it-talbiet jistieħu fuq bażijiet legali differenti ma għandux ikun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

36.      Il-Kummissjoni l-ewwel nett tikkonstata, fil-kawża prinċipali, li ma tressqet l-ebda kontrotalba għal dak li jirrigwarda d-drittijiet għal kumpens addizzjonali u, għaldaqstant, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax. Il-fatt li d-drittijiet għal kumpens tqajmu kontra t-talba tar-rikorrent bħala eċċezzjoni ma jwarrabx ir-rabta mill-qrib meħtieġa mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 li teżisti indipendentement mill-bażijiet legali differenti, kemm fir-rigward ta’ ħlas lura tal-indebitu kif ukoll tar-responsabbiltà delittwali, peress li jikkonċernaw l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt.

C –    It-tielet domanda preliminari

37.      Skont il-Gvern Ġermaniż, mill-kliem tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika esklużivament għall-konvenuti ddomiċiljati fi Stat Membru. L-istruttura tar-regolament tipprekludi kull interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, in-natura derogatorja tiegħu teżiġi interpretazzjoni restrittiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 fih dispożizzjoni speċifika għall-konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru.

38.      Il-Gvern Portugiż jikkunsidra li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għal ko-konvenut iddomiċiljat barra mill-Unjoni u jirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza Réunion européenne et (7), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni [ta’ Brussell] għandu jiġi interpretat fis-sens li konvenut iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti ma jistax jiġi mfittex fi Stat kontraenti ieħor quddiem il-qorti adita b’talba mressqa kontra ko-konvenut iddomiċiljat barra mit-territorju ta’ kwalunkwe Stat kontraenti, minħabba l-fatt li l-kawża għandha natura indiviżibbli, u mhux biss konnessa”.

39.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tgħid li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1) u 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-persuni li ma humiex iddomiċiljati fi Stat Membru ma jistgħux jiġu mfittxija quddiem qorti taħt l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

VII – Il-kunsiderazzjonijiet legali

A –    L-ewwel domanda preliminari

40.      Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk il-kawża għall-ikrupru ta’ ħlas ’magħmul mingħajr bażi legali minn Bundesland fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali hijiex materja ċivili skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ukoll fil-każ fejn dan il-Bundesland, billi ġie ordnat minn awtorità biex iħallas lil persuna leża, bħala kumpens, parti mid-dħul ġej mill-bejgħ ta’ immobbli, ta lil din il-persuna, wara żball mhux intenzjonat, il-prezz kollu tal-bejgħ u wara talab ġudizzjarjament il-ħlas lura tal-ħlas żejjed.

41.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ppreċiżat xi tfisser “materji ċivili u kummerċjali” li hemm fir-Regolament Nru 44/2001. Għal dan l-iskop għandha tiġi eżaminata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni, imbagħad jiġi applikat dan it-tagħlim għal din il-kawża.

1.      Ħtieġa ta’ interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “kwistjoni ċivili u kummerċjali”

42.      Il-kunċett ta’ “kwistjoni ċivili u kummerċjali”, b’mod partikolari, b’kuntrast ma’ dak ta’ “materji amministrattivi”, li huwa msemmi wkoll fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-iskop, għandu jsir riferiment mhux għad-dritt ta’ wieħed mill-Istati Membri kkonċernati imma, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema tal-leġiżlazzjoni’ inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mill-kumpless ta’ sistemi ta’ dritt nazzjonali (8).

43.      Madankollu għandu jiġi osservat li, minħabba n-numru kbir ta’ ordinamenti ġuridiċi u d-differenzi bejniethom għal dak li jirrigwarda d-delimitazzjoni bejn id-dritt pubbliku u dak privat, huwa dejjem iktar diffiċli li jinstiltu prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri kollha (9).

44.      Madankollu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell toffri punti ta’ riferiment affidabbli biex wieħed jasal għas-sens tal-kunċett “materji ċivili u kummerċjali”.

2.      Rilevanza tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

45.      Mid-dsatax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jħaddan il-prinċipju ta’ “kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u … r-Regolament [Nru 44/2001]”. Dan ifisser li, sakemm il-kunċetti jikkoinċidu, ir-Regolament Nru 44/2001 jista’ jiġi interpretat b’riferiment għall-ġurisprudenza fuq id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (10).

46.      Peress li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” ġej mill-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għandha tiġi eżaminata l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett, tiġi studjata l-possibbiltà taż-żamma tiegħu fil-qafas tar-Regolament Nru 44/2001 u tiġi applikata f’din il-kawża.

3.      Il-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001

a)      Is-sentenza LTU (11)

47.      L-ewwel affermazzjoni ta’ prinċipju fuq il-kunċett ta’ materja ċivili u kummerċjali tinsab fil-punt 5 tas-sentenza LTU, li kienet tirrigwarda tariffi għal rotot, taħt l-użu ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, li organizzazzjoni ta’ sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru kienet awtorizzata tiġbor mingħand kumpanniji tal-ajru. L-organizzazzjoni kienet għamlet kawża għal dawn it-tariffi quddiem qorti kummerċjali Belġjana, imbagħad kienet talbet li s-sentenza tiġi ddikjarata eżekuttiva fil-Ġermanja.

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward iddeċidiet li “għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni deċiżjoni mogħtija f’kawża bejn awtorità pubblika u persuna privata, fejn l-awtorità pubblika tkun aġixxiet fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika".

49.      Għalhekk il-fatt li waħda mill-partijiet aġixxiet fl-“eżerċizzju tal-awtorità pubblika” li ġie kkunsidrat determinanti, b’ċertu mod bħala kriterju negattiv, sabiex tiġi eskluża li hemm materja ċivili u kummerċjali u, għaldaqstant ma tkunx applikabbli l-Konvenzjoni ta’ Brussell.

50.      Ċertament, is-sentenza LTU ma fiha l-ebda definizzjoni astratta u ġenerali ta’ x’għandu jinftiehem b’“eżerċizzju tal-awtorità pubblika”, imma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan kien il-każ f’kawża li, bħal dik bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, kienet “tikkonċerna l-irkupru ta’ tariffi dovuti minn persuna ta’ dritt privat lil korp nazzjonali jew internazzjonali ta’ dritt pubbliku bis-saħħa tal-użu ta’ stallazzjonijiet u servizzi tiegħu … Dan japplika b’mod partikolari meta r-rata tat-tariffi, il-metodi tal-kalkolu u l-proċeduri ta’ ġbir ikunu stabbiliti b’mod unilaterali fir-rigward tal-utenti …” (12).

51.      Għalhekk, f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ eżempju tipiku, ikkonkretizzat il-kunċett li fil-bidu kien estiż ħafna (13) u miftuħ tal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, u rabtitu mal-atti li għandhom natura intrisikament statali (14).

b)      Is-sentenza Rüffer (15)

52.      Is-sentenza Rüffer ssostni, f’dan ir-rigward, il-prinċipji tas-sentenza LTU. Il-kawża prinċipali kellha bħala għan kawża għal indennizz tal-Pajjiżi l-Baxxi kontra proprjetarju Ġermaniż ta’ vapur li kien għereq fl-ilmijiet interni Olandiżi, sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż għat-tneħħija tar-relitt (16).

53.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi kkunsidrat li dawn kienu konsegwenzi ta’ miżura tal-pulizija tax-xmajjar li ġeneralment jitqiesu bħala li jirrigwardaw awtorità pubblika, ma kklassifikatx dan ir-rikors bħala ta’ materja ċivili u kummerċjali (17). Hija qalet li l-kawża għal irkupru tal-ispejjeż tibbaża fuq dritt ta’ kreditu li għandu bħala sors tiegħu att ta’ awtorità pubblika; dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex tiġi kkunsidrata bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (18).

c)      Is-sentenza Sonntag (19)

54.      Is-sentenza Sonntag toriġina minn talba għad-danni mressqa mill-parti ċivili fil-kuntest ta’ proċess kriminali fl-Italja, kontra għalliem ta’ skola pubblika Ġermaniża li kien naqas mill-obbligu tiegħu ta’ viġilanza u li kien nstab responsabbli, b’dan il-fatt, ta’ mewta aċċidentali ta’ student matul ħarġa skolastika.

55.      Din id-darba wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-prinċipji tal-ġurisprudenza LTU u Rüffer, iċċitati iktar ’il fuq, imma tikkunsidra li l-fatt ikkontestat, f’dan il-każ, ma kienx marbut biżżejjed mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

56.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kawża ma toħroġx mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni ħlief meta l-persuna responsabbli li l-kawża tressqet kontriha għandha tiġi kkunsidrata bħala awtorità pubblika li aġixxiet fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Madankollu, anki jekk jaġixxi f’isem l-Istat, uffiċjal mhux dejjem ikun qed jeżerċita awtorità pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, fil-maġġoranza tas-sistemi legali tal-Istati Membri, l-imġiba ta’ għalliem fi skola pubblika, fil-funzjoni tiegħu ta’ superviżjoni tal-istudenti matul ġita skolastika, ma tikkostitwixxix manifestazzjoni ta’ awtorità pubblika, peress li din l-imġiba ma tikkorrispondix mal-eżerċizzju ta’ poteri li jeċċedu r-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Anki jekk id-dritt intern tal-Istat kontraenti ta’ oriġini tal-għalliem kkonċernat jikklassifika l-attività ta’ sorveljanza tal-imsemmi għalliem fil-konfront tal-istudenti bħala eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, dan il-fatt jibqa’ mingħajr effett fil-klassifikazzjoni tal-kawża prinċipali fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-konvenzjoni (20).

57.      Għalhekk, fis-sentenza Sonntag, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkretizzat il-kunċett ta’ “materji ċivili” billi jiġi stabbilit jekk hemmx l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika jew jekk, għall-kuntrarju, il-kompiti u l-prerogattivi kkontestati humiex fil-fatt differenti minn dawk ta’ persuna rregolata mid-dritt privat. F’dan it-tieni każ, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tibqa’ applikabbli, anki jekk teżisti, b’mod kemmxejn vag, rabta mal-azzjoni statali iżda li ma hijiex ikkaratterizzata minn eżerċizzju ta’ prerogattivi speċifiċi ta’ awtorità pubblika.

d)      Is-sentenza Baten (21)

58.      Is-sentenza Baten tidħol fl-istess linja ġurisprudenzjali: kawża għal indennizz fejn korp pubbliku jfittex persuna rregolata mid-dritt privat għall-irkupru ta’ somom li jkun ħallas bħala għajnuna soċjali lill-konjuġi ddivorzjat u lil wild ta’ din il-persuna, taqa’ taħt il-Konvenzjoni ta’ Brussell, sa fejn il-bażi u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din il-kawża huma rregolati mir-regoli tad-dritt komuni fir-rigward tal-obbligu ta’ manteniment. Madankollu meta kawża għal indennizz hija bbażata fuq dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-leġiżlatur ikun ikkonferixxi lil korp pubbliku prerogattiva għalih, din l-imsemmija kawża ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda “materja ċivili” (22).

59.      Il-klassifikazzjoni ta’ “materji ċivili u kummerċjali” għandha, għalhekk, tiġi eżaminata billi jiġu kkunsidrati l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan tagħha (23), bil-kriterju deċiżiv ikun dak jekk l-awtorità pubblika għandhiex jew le, fil-każ partikolari, prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

e)      Is-sentenza Préservatrice Foncière TIARD (24)

60.      Is-sentenza Préservatrice Foncière TIARD tikkonferma hija wkoll dan l-approċċ: tirrigwarda l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” azzjoni li biha Stat kontraenti jfittex persuna rregolata mid-dritt privat, għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ dritt privat ta’ garanzija li kien ġie konkluż sabiex persuna oħra tkun tista’ tipprovdi garanzija meħtieġa u ddefinita minn dan l-Istat, sakemm ir-relazzjoni legali bejn il-kreditur u l-garanzija, kif jirriżulta mill-kuntratt ta’ garanzija, ma tkunx tikkorrispondi mal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi fir-rigward tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (25).

f)      Evalwazzjoni globali tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell

61.      Meta tiġi osservata l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell essenzjalment skont l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan tagħha (26). Il-fatt li l-awtorità tkun aġixxiet fl-“eżerċizzju tal-awtorità pubblika”, skont il-ġurisprudenza LTU (27), li wassal biex tiġi nnegata l-preżenza ta’ “materji ċivili u kummerċjali” u għalhekk, li tittwarrab l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, huwa rrikonoxxut biss f’kundizzjonijiet stretti, billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiġix sodisfatta b’rabta kemmxejn vaga ma’ azzjoni tal-Istat li ma jkollhiex attributi speċifiċi ta’ awtorità pubblika (28).

62.      Kollox jiddependi mill-fatt jekk il-kompiti u l-kompetenzi eżerċitati mill-awtorità pubblika fil-kawża kkonċernata humiex distinti, fuq livell funzjonali, minn dawk ta’ persuni privati, jiġifieri jekk l-awtorità statali tirrikorrix għal prerogattivi ta’ setgħa pubblika (29). Jekk dan huwa l-każ – kif, perezempju kien għall-miżuri tal-pulizija tax-xmajjar inkwistjoni fil-kawża Rüffer – il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jkunx miftuħ. Jekk dan ma huwiex il-każ – bħal fis-sentenza Sonntag, fejn l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ viġilanza tal-għalliem ta’ skola pubblika ġie evalwat skont l-istess kriterji f’kuntest purament tad-dritt privat – il-kawża tirrigwarda “materji ċivili u kummerċjali” u l-Konvenzjoni ta’ Brussell tibqa’ applikabbli.

4.      Żamma tal-linja ġurisprudenzjali elaborata fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001

63.      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001, il-linja ġurisprudenzjali żviluppata dwar l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, imsemmija iktar ’il fuq, ġiet applikata direttament għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

a)      Is-sentenza Apostolides (30)

64.      Pereżempju tista’ tiġi ċċitata s-sentenza Apostolides (31), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-kriterji kollha elaborati qabel dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, u qalet dan li ġej: “L-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ ‘materja ċivili u kummerċjali’ twassal għall-esklużjoni ta’ ċerti sentenzi ġudizzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan tagħha…Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jaqgħu taħt dan il-kunċett, tkun ħaġa oħra meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika…Fil-fatt, il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fil-kawża, minħabba fl-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li jeċċedu dawk tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, teskludi t-tali kawża mill-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001…”.

b)      Is-sentenza Realchemie Nederland (32)

65.      Fis-sentenza Realchemie Nederland (33), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkretizzat il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa minn qorti Ġermaniża sabiex tiġi osservata sentenza dwar materji ċivili u kummerċjali. Din kienet multa li kienet ġiet iffissata fit-tiġdid ta’ digriet li kien ddeċieda l-projbizzjoni, taħt piena ta’ multa, f’materja ta’ privattivi, u qamet il-kwistjoni tal-possibbiltà tal-eżekuzzjoni tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

66.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għalkemm din il-multa tiġi imposta ex officio u titħallas mhux lill-kreditur imma lill-Istat, ir-Regolament Nru 44/2001 japplika għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti li tfisser kundanna għall-ħlas ta’ multa peress li l-kawża prinċipali li hija marbuta magħha tirrigwarda materji ċivili u kummerċjali kif iddefinit minn dan ir-regolament (34). Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika f’dan ir-rigward li l-“aspetti partikolari tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni Ġermaniża ma jistgħux … jiġu kkunsidrati bħala determinanti f’dak li jikkonċerna n-natura tad-dritt għal eżekuzzjoni Fil-fatt, in-natura ta’ dan id-dritt tiddependi minn dik tad-dritt suġġettiv skont il-ksur li għalih l-eżekuzzjoni ġiet ordnata, jiġifieri, f’dan il‑każ, id-dritt ta’ Bayer għall-isfruttament esklużiv tal-invenzjoni protetta mill-privattiva tagħha, li mingħajr ebda ambigwità jaqa’ taħt il-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001” (35) .

67.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet b’mod ċar liema huma r-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan tagħha li jikkostitwixxu l-kriterju determinanti u li l-partikolaritajiet purament proċedurali, li ma jaffettwawx in-natura tagħhom, ma humiex importanti fir-rigward tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001. Meta “kawża … għandha bħala għan li tissalvagwardja drittijiet privati u ma tippresupponix manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fil-kawża … ir-relazzjoni legali eżistenti [bejn il-partijiet] għandha tiġi kklassifikata bħala ‘relazzjoni legali ta’ dritt privat’ u għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’, fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001” (36).

68.      Issa hemm bżonn li jiġu applikati dawn il-kriterji, kif ġbart fil-qosor hawn fuq, għall-kawża prinċipali u jiġi eżaminat jekk din tistax tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda “materji ċivili u kummerċjali” fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

5.      Applikazzjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali fil-kawża prinċipali

69.      Mill-ġurisprudenza kollha ċċitata preċedentement jirriżulta li sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, jeħtieġ li tiġi eżaminata n-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet, l-għan tal-kawża u, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk il-Land Berlin, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwiex qed jaġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fil-kuntest ta’ din il-kawża.

a)      In-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet

70.      L-ewwel nett għandha tiġi kkunsidrata r-relazzjoni legali bejn il-partijiet fl-oriġini tal-ħlas żejjed li issa huwa s-suġġett tal-kawża għall-irkupru.

71.      Kif tispjega l-qorti tar-rinviju (37), id-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens tal-Vermögensgesetz u tal-Investitionsvorranggesetz esposti fil-punti 12 u 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet japplikaw bl-istess mod għall-proprjetarji kollha ta’ immobbli suġġetti għal drittijiet, kemm jekk ikunu persuni rregolati mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat.

72.      Ċertament, il-proprjetarji kkonċernati ta’ spiss huma korpi statali, bħal f’dan il-każ ir-rikorrent, imma fosthom wieħed issib ukoll individwi, pereżempju benefiċjarji ta’ trasferimenti sfurzati ta’ immobbli jew ta’ impriżi taħt ir-reġim nażista. Kollha huma suġġetti għal regoli identiċi. Il-persuni pubbliċi f’dan il-kuntest ma jgawdu minn ebda prerogattiva, u lanqas pożizzjoni partikolari. A fortiori dan huwa l-każ meta dawn jipprovaw jikkumpensaw għall-iżbalji mwettqa biex jiġu sodisfatti d-drittijiet għal ħlas tal-persuni leżi bħal ? f’dan il-każ ? il-ħlas ta’ somma mħallsa żejjed. Il-persuna inkwistjoni għandha titfittex quddiem il-qrati ċivili għall-finijiet tar-rimbors tal-ħlas żejjed. Ma hemmx eċċezzjoni għall-proprjetarji li, bħal-Land Berlin, għandhom natura statali. F’dan il-kuntest, dawn ma jgawdu mill-ebda prerogattiva ta’ setgħa pubblika li teċċedi d-dritt komuni, imma huma suġġetti għall-istess sistema bħal kwalunkwe proprjetarju privat fl-istess sitwazzjoni.

73.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkunsidrat, kif jagħmlu essenzjalment il-Gvern Ġermaniż (38) u dak Portugiż (39) kif ukoll il-Kummissjoni (40), li r-relazzjoni legali bejn il-partijiet fl-oriġini tal-kawża prinċipali ma tippreżenta, min-natura tagħha, l-ebda karatteristika ta’ natura li tagħti lill-persuni pubbliċi kwalunkwe prerogattiva li tiddistingwihom minn persuni privati f’sitwazzjoni analoga.

74.      Għalhekk, min-natura tagħhom, ir-relazzjonijiet legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiffavorixxu klassifikazzjoni f’“materji ċivili u kummerċjali”. Kif josserva l-Gvern Ġermaniż (41), ma tantx huwa rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li l-obbligu ta’ ħlas inizjali li ta oriġini għall-iżball tal-ħlas kien ġie kkonstatat fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. Fil-fatt, din hija kwistjoni purament proċedurali li ma taffettwax in-natura tal-obbligu inizjali li jitħallas id-dħul mill-bejgħ lis-suċċessuri u, għalhekk, ma taffettwax in-natura tar-relazzjoni legali proprja bejn il-partijiet, speċjalment, kif tindika espressament il-qorti tar-rinviju, din il-proċedura tista’ tinvolvi bl-istess mod persuni privati.

b)      L-għan tal-kawża

75.      Fil-fehma tiegħi, la t-talba mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali u lanqas il-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-kawża ma għandhom xi partikolaritajiet li jirriflettu karatteristiċi speċjali tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

76.      Anzi bil-kontra: kif ġustament josserva l-Gvern Portugiż (42), l-għan tal-kawża ma jirrigwarda xejn iktar ħlief il-ħlas, bi żball, ta’ somma ikbar minn dik li kienet dovut mid-debitur, u li r-rimbors issa qed jintalab skont il-prinċipji tal-arrikkiment indebitu.

77.      Għalhekk dan kien żball banali ta’ ħlas, li jista’ jiġri f’kull mument fil-qafas tar-relazzjonijiet legali ta’ dritt privat u li l-fatt li jseħħ ma huwiex partikolarment marbut mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. Il-fatt li din il-“manuvra ħażina” fil-każ partikolari kienet ġiet ippreċeduta minn proċedura amministrattiva ma huwiex importanti u, b’mod partikolari, ma tagħti l-ebda dritt speċifiku statali lir-rikorrent.

78.      Barra minn hekk, dik il-proċedura amministrattiva ta’ qabel tirrigwarda biss il-ħlas ta’ ammont effettivament dovut, bl-eskużjoni ta’ dak imħallas iżżejjed ikkontestat, għalkemm il-kawża għall-ikrupru tiegħu ma tistax tiġi kkunsidrata, anki jekk għal dik ir-raġuni biss, bħala marbuta magħha inseparabbilment.

6.      Konklużjoni provviżorja

79.      Billi n-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-għan tal-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha l-Land rikorrent ma jaġixxix fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika imma huwa suġġett għall-istess regoli ta’ dritt ta’ persuna privata f’sitwazzjoni analoga, din il-kawża għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda “materji ċivili u kummerċjali” skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

80.      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-kawża għall-ikrupru ta’ ħlas magħmul mingħajr bażi legali minn Bundesland fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali hija materja ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-istess fil-każ fejn dan il-Bundesland, ordnat minn awtorità jagħmel ħlas lura lil persuna leża, bħala kumpens, parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ immobbli, ikun ta lil din il-persuna, wara żball mhux intenzjonat, il-prezz kollu kemm hu tal-bejgħ u wara jitlob ġudizzjarjament il-ħlas lura tal-indebitu.

B –    It-tieni domanda preliminari

81.      It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda essenzjalment il-ħames u d-disa’ konvenuti fil-kawża prinċipali, li għandhom id-domiċilju tagħhom rispettivament fir-Renju Unit u fi Spanja, imma ġew imfittxija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’qorti ġewwa Berlin.

82.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, għal dak li jirrigwarda dawn il-konvenuti, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi tirriżulta biss mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (43). Dan iwassalha biex tistaqsi dwar is-sinjifikat ta’ din id-dispożizzjoni li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ konnessjoni (44).

83.      Skont din id-dispożizzjoni “persuna [li tkun domiċiljata fi Stat Membru]” tista’, “meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti” tiġi mfittxija “fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat (45), sakemm it-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu ddeterminati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

84.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tiffoka fuq il-kriterju ta’ “marbuta hekk mill-qrib”.

85.      Hija tixtieq tkun taf jekk hemmx rabta mill-qrib bejn diversi talbiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, l-istess bħal fil-każ fejn il-konvenuti jinvokaw drittijiet għal kumpens addizzjonali li jridu jiġu ddeterminati biss b’mod uniformi.

86.      Il-konvenuti jenfasizzaw li fi kwalunkwe każ huma jistgħu jitolbu kumpens ogħla għas-sehem tad-dħul mill-bejgħ għaliex id-dħul mill-bejgħ huwa inqas mill-valur tas-suq tal-art, u li dawn id-drittijiet għal kumpens addizzjonali jipprekludu d-dritt invokat mir-rikorrent għall-irkupru ta' ammonti mħallsa indebitament.

87.      Qabelxejn hemm bżonn li jsiru żewġ preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward: l-ewwel nett, id-drittijiet għal kumpens addizzjonali invokati fil-kawża prinċipali ma kinux is-suġġett ta’ kontrotalba u għalhekk ma japplikax l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 li huwa intiż speċjalment għal din l-ipoteżi. It-tieni nett, kif ġustament rrimarkat il-Kummissjoni (46), il-qorti tar-rinviju fil-prinċipju ma tidhirx li tiddubita mill-eżistenza ta’ relazzjoni mill-qrib bejn it-talbiet taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, imma tidher li effettivament tagħmel id-domanda jekk id-drittijiet għal kumpens addizzjonali invokati mill-konvenuti jistgħux eventwalment jeliminaw aprijoristikament ir-rabta ta’ konnessjoni maħluqa b’din ir-relazzjoni mill-qrib.

88.      Għandhom jiġu eżaminati dawn iż-żewġ aspetti ? jiġifieri, minn naħa, it-talbiet u, min-naħa l-oħra, l-eċċezzjonijiet invokati kontrihom ? fil-kuntest ta’ viżjoni globali sabiex jiġi evalwat jekk is-sitwazzjoni proċedurali fil-kawża prinċipali tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

89.      Għaldaqstant ser neżamina, fl-ewwel lok, f’liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li t-talbiet huma marbuta mill-qrib bejniethom li jkun iktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien skont din id-dispożizzjoni. Għal dan l-iskop ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u tad-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li ppreċedietha. Imbagħad, fit-tieni lok, għandhom jiġu applikati għall-kawża prinċipali r-riżultati li jkunu segwew minn dan l-istudju, filwaqt li tiġi kkunsidrata b’mod partikolari r-relevanza tad-drittijiet għal kumpens invokati fil-kuntest tagħha.

1.      Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “marbuta mill-qrib” skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jew tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

90.      Jiena ppreżentajt b’mod iddettaljat il-karatteristiċi prinċipali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Painer (47) u hawnhekk nixtieq nillimita ruħi għall-punti l-iktar importanti kif ukoll għas-sentenza Painer (48) stess.

a)      Interpretazzjoni awtonoma u stretta tal-kriterju “marbuta mill-qrib”

91.      Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment teżiġi interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “marbuta mill-qrib” li jkun kemm awtonomu (49) kif ukoll strett, għaliex din hija regola speċjali li tidderoga mill-kompetenza tal-prinċipju tad-domiċilju tal-konvenut kif hemm fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001; din ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet stabbiliti b’mod espliċitu f’dak ir-regolament (50).

92.      Mis-sentenza Painer jirriżulta li, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fir-rigward tal-elementi kollha tal-proċess, l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet differenti mressqa quddiemha, jiġifieri tar-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk dawk it-talbiet jiġu deċiżi separatament (51).

b)      Relazzjoni biżżejjed mill-qrib u riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli

93.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li mit-tnax u l-ħmistax-il premessi tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li r-regola tal-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tal-istess regolament tibbaża, minn naħa, fuq ir-rieda li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġu evitati għalhekk deċiżjonijiet li kienu jkunu irrikonċiljabbli kieku l-kawżi kienu deċiżi separatament f’żewġ Stati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, min-naħa l-oħra, din ir-regola ma għandhiex tiġi interpretata b’mod li tippermetti lir-rikorrent li jressaq talba diretta kontra diversi konvenuti bl-uniku għan ikun li wieħed minn dawn il-konvenuti jitneħħa mill-qrati tal-Istat fejn huwa ddomiċiljat (52).

94.      Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ rabta mill-qrib, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li sabiex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontradittorji skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti diverġenza fis-soluzzjoni tal-kawża, imma jeħtieġ ukoll li din id-diverġenza tidħol fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt (53).

c)      Kriterju tal-previdibbiltà, għall-konvenut, tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ konnessjoni

95.      Fis-sentenza Painer, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll għall-ħdax-il premessa tal-Regolament Nru 44/2001, minn fejn jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà u jkunu artikolati fuq il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni skont id-domiċilju tal-konvenut, ħlief f’ċerti każijiet preċiżi fejn ikun iġġustifikat xi prinċipju ieħor ta’ rabta (54).

96.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fil-bażijiet legali bejn l-kawżi ppreżentati kontra d-diversi konvenuti ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, ostaklu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sakemm madankollu kien prevedibbli għall-konvenuti li kellhom ir-riskju li jiġu mfittxija fl-Istat Membru fejn tal-anqas wieħed minnhom għandu d-domiċilju tiegħu (55). Dan huwa iktar u iktar il-każ meta l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jkunu bbażati fuqhom l-azzjonijiet ippreżentati kontra d-diversi konvenuti ikunu essenzjalment identiċi (56).

2.      Applikazzjoni tal-kriterji tal-ġurisprudenza fil-kawża prinċipali

a)      Relazzjoni biżżejjed mill-qrib u riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji

97.      F’din il-kawża hawn sitwazzjoni waħda, fil-fatt u fid-dritt, li qiegħda fl-oriġini kemm tat-talbiet, ibbażati fuq il-ħlas lura tal-indebitu u, għal dak li jirrigwarda l-ħdax-il konvenut, fuq aġir illegali, u l-eċċezzjoni ta’ drittijiet għal kumpens addizzjonali mqajma kontrihom.

98.      Din is-sitwazzjoni unika hija artikolata madwar id-dritt għal kumpens invokat kontra persuni pubbliċi taħt il-Vermögensgesetz, u l-ħlas tas-somma kkontestata li ħadu l-ewwel disa’ konvenuti wara li nġabret mill-ħdax-il konvenut li kien qed jaġixxi bħala avukat ta’ dawn tal-aħħar, u li issa l-ħlas lura huwa s-suġġett ta’ azzjoni pendenti quddiem il-qorti ċivili.

99.      Il-fatt li r-rikorrent, fil-konfront tal-ħdax-il rikorrent, mhux qiegħed fil-kamp tal-ħlas lura tal-indebitu imma f’dak tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali ma jibdel xejn f’din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-konnessjoni tat-talbiet skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx neċessarjment bażi legali identika (57). It-talbiet invokati fil-kawżi differenti għandhom, f’dan il-każ, l-istess interess, jiġifieri r-rimbors tal-ammont imħallas żejjed bi żball.

100. Id-drittijiet għal kumpens addizzjonali li jridu l-konvenuti jidħlu perfettament f’din is-sitwazzjoni unika, fil-fatt u fid-dritt, li qegħdin fiha dawn it-talbiet. Għall-konvenuti hemm l-istess interess fir-rigward tat-talbiet invokati kontrihom. Kif josserva ġustament il-Gvern Ġermaniż (58), huwa biss dritt mill-Vermögensgesetz jew mill-Investitionsvorranggesetz li jista’ jipprovdi lill-konvenuti l-bażi legali li tista’ tiġġustifika l-ammont tal-ħlas li kienu rċivew; dan jiġi evalwat fil-konfront tal-konvenuti kollha fir-rigward tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt.

101. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju (59), din il-kwistjoni ma tistax tiġi deċiża “utilment … ħlief b’mod uniformi għall-konvenuti kollha”. Naħseb li għandha raġun indipendentement mill-punt jekk id-debituri humiex f’din il-kawża debituri in solidum jew, kif jidher li hija tal-fehma l-qorti tar-rinviju (60), debituri parzjali. Il-preżenza jew in-nuqqas ta’ drittijiet għal kumpens addizzjonali hija kwistjoni preliminari komuni għat-talbiet kollha, u li tiddetermina r-riżultat. Jekk din ma tiġix deċiża b’mod uniformi, hemm ir-riskju li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji. Deċiżjonijiet kontradittorji jwasslu għal frammentazzjoni inaċċettabbli ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt li, kif ġie deskritt preċedentement, hija fil-verità waħda.

b)      Kriterju tal-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni, għall-konvenut, fil-każ ta’ konnessjoni

102. Minħabba din is-sitwazzjoni unika, kien prevedibbli wkoll għall-konvenuti kollha li setgħu jiġu mfittxija fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif josserva ġustament il-Gvern Ġermaniż (61).

103. Il-konvenuti ddomiċiljati fi Stati Membri oħrajn u mhux fil-Ġermanja fil-fatt ma jistgħux jinjoraw ? sa fejn kienu rrappreżentati kollettivament minn avukat u flimkien mexxew kawża biex jiksbu kumpens ? li, fost is-suċċessuri, kien hemm ukoll persuni ddomiċiljati fil-Ġermanja u li t-talbiet imressqa kontra dawn tal-aħħar setgħu “jankraw”, għad-detriment tal-oħrajn, il-kawżi relatati fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti Ġermaniża, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, il-kawża ta’ llum hija differenti b’mod sinjifikanti mill-“aġir parallel mhux miftiehem” li, bl-oriġini tiegħu f’sitwazzjonijiet differenti, ma huwiex prevedibbli għall-konvenuti (62).

3.      Konklużjoni provviżorja

104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li jkun hemm rabta mill-qrib fost diversi talbiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, anki fil-każ meta l-konvenuti, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jinvokaw drittijiet għal kumpens addizzjonali li dwarhom għandu jkun hemm deċiżjoni uniformi.

C –    It-tielet domanda preliminari

105. It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-konvenuti ddomiċiljati f'Iżrael. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplikax ukoll għal konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea.

1.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

106. Skont il-metodi ta’ interpretazzjoni żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja (63), din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata skont il-kliem tagħha, filwaqt li jitqies postha fl-istruttura tar-regolament u tal-għanijiet tiegħu.

a)      Il-kliem tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

107. Mill-kliem stess tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li, infakkar, hija dispożizzjoni li teħtieġ interpretazzjoni stretta (64), li r-regola tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni stabbilita fil-każ ta’ konnessjoni tapplika biss għal persuna “li tkun domiċiljata fi Stat Membru”.

108. Għall-kuntrarju jirriżulta li l-konvenuti li huma ddomiċiljati f'Iżrael, jiġifieri mhux fi Stat Membru, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

b)      Post l-Artikolu 6(1) fl-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001

109. Kif josserva ġustament il-Gvern Ġermaniż (65), l-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001 tipprekludi kull interpretazzjoni li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) lil hinn minn kliemu.

110. L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa regola li tidderoga mill-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut u ma tippermettix, kif reġgħet enfasizzat espressament il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Painer (66), interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet maħsuba b’mod espliċitu minn dan ir-regolament.

111. It-tieni nett, għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li r-Regolament Nru 44/2001, fl-Artikolu 4(1) tiegħu fih dispożizzjoni espressa eżattament dwar il-konvenuti li d-domiċilju tagħhom ma jkunx fi Stat Membru. Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun iddeterminata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Iżda la l-Artikolu 22, li jistabbilixxi ċerti ġurisdizzjonijiet esklużivi mingħajr kunsiderazzjoni ta’ domiċilju, u lanqas l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, li jirrigwarda ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, ma huma applikabbli f’dan il-każ, għalkemm għandu jiġi kkunsidrat, skont is-sistema li riedu l-awturi tar-Regolament Nru 44/2001, li l-bażi ta’ ġurisdizzjoni eventwali tal-qrati Ġermaniżi tinstab biss fil-liġijiet ta’ dan l-Istat Membru, imma mhux fir-Regolament Nru 44/2001 innifsu fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu huma, f’dan ir-rigward, eżawrjenti.

112. Wara kollox din il-konklużjoni hija konsistenti mad-disa’ premessa tar-Regolament Nru 44/2001, fejn il-konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fi Stat Membru huma ġeneralment suġġetti għar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita. A contrario sensu dan ifisser li r-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex intiż biex japplika għal dawn il-konvenuti, ħlief b’ċerti eċċezzjonijiet.

c)      L-għan tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001

113. L--ebda konklużjoni oħra ma tirriżulta minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura teleoloġika.

114. De lege lata, l-għan essenzjali tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkonsisti effettivament fit-tnaqqis għall-massimu, fl-interess tal-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, tal-possibbiltà ta’ kawżi simultanji sabiex jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.

115. Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni, fl-istruttura attwali tagħha, ma hijiex maħsuba biex tapplika f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konvenuti ddomiċiljati fi Stati terzi.

116. De lege ferenda, ma huwiex eskluż li din is-sitwazzjoni tista’ tevolvi billi l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010 għar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (67) b’mod ġenerali tiffavorixxi estensjoni tar-“regoli dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament għal konvenuti minn pajjiżi terzi”. Madankolu, ma jistax jingħad għalissa kif ser ikun l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 meta jiġi rriformulat, iktar u iktar meta l-proposta tal-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq hija limitata, f’dan r-rigward, għal emendi ta’ natura essenzjalment editorjali (68).

2.      Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għal sitwazzjonijiet li jinvolvu konvenuti ddomiċiljati fi Stati terzi?

117. Madankollu, uħud, fid-duttrina Ġermaniża, jaraw il-possibbiltà ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 meta konvenut wieħed, jew iżjed, mill-konvenuti ma jkunx iddomiċiljat fi Stat Membru, meta tal-inqas konvenut ieħor ikollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru (69). Fil-fehma tagħhom, kull analiżi oħra twassal biex jiġi stabbilit privileġġ inaċċettabbli favur persuni ddomiċiljati fi Stat terz, u dan ma huwiex l-għan tar-Regolament Nru 44/2001.

118. Iżda dan l-argument ma huwiex konvinċenti (70), għaliex ir-raġunament b’analoġija ma japplikax għar-regolament, bħal f’dan il-każ, fejn ma teżisti l-ebda lakuna regolatorja.

119. Ir-Regolament Nru 44/2001 effettivament irregola b’mod eżawrjenti l-kwistjoni ta’ persuni ddomiċiljati fi Stati terzi fl-Artikoli 4, 22 u 23, billi rrifera, għall-każijiet li ma jirrigwardawx dan l-istess regolament, għad-dritt nazzjonali kkonċernat rispettivament. Għaldaqstant xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli japplikaw, f’dan is-settur mhux rregolat bir-regolament, regoli ta’ ġuriżdizzjoni li huma tagħhom dwar il-persuni ddomiċiljati fi Stat Membru terz. Madankollu, ma jistgħux jestendu r-regolament lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

3.      Konklużjoni provviżorja

120. Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għal konvenuti li ma humiex ddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea.

121. Din ir-risposta negattiva tippermetti li titħalla sospiża l-bqija tad-domanda, li saret biss fl-ipoteżi li tingħata l-ewwel risposta pożittiva u fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’inhi s-sitwazzjoni, fid-dritt, meta sentenza, fuq il-bażi ta’ ftehim bilaterali mal-Istat li jkun ta d-deċiżjoni, tista’ ma tiġix irrikonoxxuta fl-Istat tad-domiċilju tal-konvenut minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li tatha.

122. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari, jidher li huwa mixtieq li jiġi ppreċiżat, għal kull bonfini, li l-problemi ta’ rikonoxximent fl-Istati terzi ftit li xejn jistgħu jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u fi kwalunkwe każ huwa r-rikorrent li għandu jassumi dan ir-riskju (71).

VIII – Konklużjoni

123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Bundesgerichtshof  kif ġej:

1)         Il-kawża għal irkupru ta’ ħlas magħmul mingħajr bażi legali minn Bundesland fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali tirrigwarda materja ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, anki fil-każ fejn dan il-Bundesland, billi ġie ordnat minn awtorità biex iħallas lil persuna leża, bħala kumpens, parti mid-dħul ġej mill-bejgħ ta’ immobbli, ta lil din il-persuna, wara żball mhux intenzjonat, il-prezz kollu kemm hu tal-bejgħ u wara talab ġudizzjarjament il-ħlas lura tal-ħlas żejjed.

2)         Hemm rabta mill-qrib fost diversi talbiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, anki fil-każ meta l-konvenuti, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jinvokaw drittijiet għal kumpens addizzjonali li dwarhom għandu jkun hemm deċiżjoni uniformi.

3)         L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ma japplikax għal konvenuti li ma humiex ddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


      


2 – Każ magħruf sew mill-pubbliku inġenerali huwa dak tan-nannu tal-artist Amerikan Billy Joel, Karl Amson Joel. Fl-1938 huwa kellu jbigħ l-impriża tiegħu lil imprenditur Ġermaniż li wara kellu suċċess bil-bejgħ bil-korrispondenza. Wara li ħarab fl-Isvizzera, il-bejjiegħ stenna flusu għalxejn. Kien biss wara li reġa’ ġie stabbilit l-Istat tad-Dritt fil-Ġermanja li rnexxielu jikseb mingħand l-akkwirent kumpens għat-telfa tal-impriża tiegħu.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 156/2012, tat-22 ta’ Frar 2012, li jemenda l-Annessi I sa IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001.


4      Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata suċċessivament mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u – verżjoni emendata – p. 77), il-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p . 1), u l-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU C 2005, p. 26).


5 – Fil-verżjoni kkonsolidata tad-9 ta’ Frar 2005 (BGBl. I p. 2005), emendata l-aħħar bl-Artikolu 3 tal-Liġi tat-23 ta’ Mejju 2011 (BGBl. I, p. 920).


6 – Fil-verżjoni kkonsolidata tal-4 ta’ Awwissu 1997 (BGBl. I p. 1996), emendata l-aħħar bl-Artikolu 5 tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. I p. 3230).


7 – Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, Ġabra p. I‑6511, punt 52).


8 – Ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1976, LTU (29/76, Ġabra 1976 p. 1541, punt 5). Fuq dan is-suġġett ara T. Hartley, “First Cases before the European Court”, European Law Review 1977, p. 57 etseq.


9 – Ara, f’dan ir-rigward, dwar is-sitwazzjoni legali wara l-adeżjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, ir-rapport imsejjaħ “Schlosser” (ĠU 1979, C 59, p. 71, 82), li jgħid li “[s]-sistemi legali tal-Istati Membri oriġinali jafu sewwa d-distinzjoni bejn materji ċivili u kummerċjali, minn naħa, u materji li jirrigwardaw id-dritt pubbliku, min-naħa l-oħra … [D]in id-distinzjoni ssir, inġenerali, skont kriterji analogi… [I]r-Renju Unit u l-Irlanda prattikament ma għandhomx din id-distinzjoni ? fis-seħħ fis-sistemi legali tal-Istati Membri oriġinali ? bejn id-dritt pubbliku u d-dritt privat”. Fuq din il-kwistjoni, ara wkoll lil C. Tirado Robles, La competencia judicial en la Unión Europea, Barcelona 1995, S. 14 f.


10 – Ara, fuq il-ħtieġa ta’ koerenza (fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 mqabbel mal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell), “fin-nuqqas ta’ kwalunkwe raġuni li timponi interpretazzjoni differenti taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni”, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, Ġabra p. I‑8111, punt 49) u tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, Ġabra p. I‑8421, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll A. Staudinger, fi: T. Rauscher, (taħt id-direzzjoni ta’), Europäisches Zivilprozess- und Kollisionsrecht, EuZPR/EuIPR, Sellier, Munich 2011, Einleitung Brüssel I-VO, punt 35, u B. Hess, “Methoden der Rechtsfindung im Europäischen Zivilprozessrecht”, IPRax 2006, 348 et seq.


11 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


12 – Sentenza LTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 4.


13 – Għal opinjoni kritika f’dan ir-rigward, ara P. F. Schlosser, EU‑Zivilprozessrecht, it-Tielet Edizzjoni, Verlag C. H. Beck, Munich 2009, Art. 1 EuGVVO, punt 10.


14 – Is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et (C‑292/05, Ġabra p. I‑1519), li tirrigwarda d-drittijiet għal kumpens ta’ vittmi ta’ operazzjonijiet tal-gwerra kontra l-Istat belliġeranti, tikkostitwixxi każ partikolarment impressjonanti f’dan ir-rigward. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-operazzjonijiet imwettqa mill-forzi armati jikkostitwixxu waħda mill-emanazzjonijiet karatteristiċi tas-sovranità tal-istat, b’mod partikolari billi jiġu deċiżi b’mod unilaterali u vinkolanti mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u jidhru bħala marbuta inseparabbilment mal-politika barranija u tad-difiża tal-Istati (punt 37 ta’ din is-sentenza); ara, fuq din il-kawża, P. Rogerson, f’U. Magnus, P. Mankowski, (taħt id-direzzjoni ta’), Brussels I Regulation, it-Tieni Edizzjoni, Sellier, Munich 2012, Art. 1 punt 12.


15 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer (814/79, Ġabra p. 3807); ara, fuq dan is-suġġett, T. Hartley, “Scope of the Convention: Public Law and Private Law”, European Law Review 1981, p. 215 et seq.


16 – Ara s-sentenza Rüffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punti 2 sa 7.


17 – Ibid., punti 9 sa 12.


18 – Ibid., punt 15.


19 – Sentenza tal-21 ta’ April 1993, Sonntag (C‑172/91, Ġabra p. I‑1963); ara, fuq dan is-suġġett, S. Kubis, “Amtshaftung im GVÜ und ordre public”, Zeitschrift für europäisches Privatrecht (ZEuP) 1995, p. 853 et seq.


20 – Ara s-sentenza Sonntag (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), punti 20 sa 26.


21 – Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten (C‑271/00, Ġabra p. I‑10489, punt 37); ara fuq dan is-suġġett D. Martiny “Unterhaltsrückgriff durch öffentliche Träger im europäischen internationalen Privat- und Verfahrensrecht”, IPRax 2004, p. 195 et seq.


22 – Sentenza Baten (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21), punt 37.


23 – Ibid., punt 29.


24 – Sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD (C‑266/01, Ġabra p. I‑4867).


25 – Sentenza Préservatrice Foncière TIARD (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24), punt 40; ara, fir-rigward ta’ din is-sentenza u tas-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C‑265/02, Ġabra p. I‑1543, punt 21), P. Rogerson, f’U. Magnus/P. Mankowski, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), Art. 1, punt 19.


26 – Ara espressament, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, ČEZ (C‑343/04, Ġabra p. I‑4557, punt 22).


27 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


28 – Ara wkoll f’dan is-sens, essenzjalment, Schlosser, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punt 10. Ara wkoll, fuq dan is-suġġett, ir-rapport imsejjaħ “Jenard” fuq il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 9).


29 – F’dan is-sens, Staudinger, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 3 u r-referenzi ċċitati.


30 – Sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, Ġabra p. I‑3571) u, fuq is-suġġett, H. P. Meidanis, “The Brussels I Regulation and the Cyprus problem before the Court of Justice: Comment on Apostolides v Drams”, European Law review 2009, p. 963 et seq.


31 – Sentenza Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punti 42 sa 45.


32 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland (C‑406/09, Ġabra p. I-9773) u, fuq is-suġġett, D. -C. Bittmann, “Die Vollstreckbarkeit von Ordnungsgeldbeschlüssen gemäß § 890 ZPO nach der EuGVVO”, Zeitschrift für Gemeinschaftsprivatrecht (GPR) 2012, p. 84 et seq.


33 – Għall-kawża prinċipali f’dan il-każ, ara s-sentenza Realchemie Nederland (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32), punti 18 sa 33.


34 – Ibid., punti 40 sa 43.


35 – Ibid., punt 42.


36 – Ibid., punt 41.


37 – Ara l-punt 10 tad-digriet tar-rinviju.


38 – Punti 22 sa 24 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


39 – Punti 12 sa 19 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż.


40 – Punti 23 sa 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


41 – Punti 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


42 – Ara l-punti 13 u 15 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Portugiż.


43 – Ara l-punt 4 tad-digriet tar-rinviju.


44 – Ara, fuq dan is-suġġett, il-konklużjonijiet tiegħi tat-12 ta’April 2011 fil-kawża Painer (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, Ġabra p. I-12533, punti 55 sa 102).


45 – Il-qorti tar-rinviju tidher li f’dan il-każ qed tikkunsidra li din il-kundizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ talba “li tankra” l-kawża fil-ġurisizzjoni tal-qorti ta’ Berlin, hija sodisfatta (ara l-punt 18 tad-digriet tar-rinviju), mingħajr ma għamlet preċiżazzjonijiet ulterjuri f’dan ir-rigward.


46 – Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punti 33 u 34.


47 – Konklużjonijiet tat-12 ta’ April 2011 fil-kawża Painer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punti 72 et seq).


48 – Sentenza preċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44.


49 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, Ġabra p. I‑6827, punt 29).


50 – Sentenza Painer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punt 74.


51 – Ibid., punt 83.


52 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, Ġabra p. 5565, punti 8 u 9), u tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 47.


53 – Sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport (C‑98/06, Ġabra p. I‑8319, punt 40), u Painer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punt 79. Indikajt fil-punti 96 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Painer li l-preżenza ta’ rabta mill-qrib tista’ teżisti meta ma jkunux aċċettabbli deċiżjonijiet kontradittorji, pereżempju għaliex il-konvenuti ikunu debituri in solidum jew għandhom proprjetà indiviża jew jekk l-eżitu tat-tieni talba jiddependi mis-soluzzjoni li ser tingħata lill-ewwel waħda.


54 – Sentenza Painer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punt 75.


55 – Sentenza Freeport (punt 53), punt 47. Fil-punti 91 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Painer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44), jiena ikkonkretizzajt dan il-kriterju tal-previdibbiltà billi rbattu maċ-ċirkustanza li sitwazzjoni fattwali komuni tkun fl-oriġini tat-talbiet.


56 – Sentenza Painer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punti 81 u 82.


57 – Ara fuq dan is-suġġett u fuq il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, B. Hess, Europäisches Zivilprozessrecht, C. F. Müller Verlag, Heidelberg 2010, §6 punt 85, kif ukoll Tirado Robles, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), p. 64 et seq.


58 – Ara l-punt 32 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


59 – Punt 16 tad-digriet tar-rinviju.


60 – Ibid.


61 – Punt 33 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


62 – Ara l-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Painer (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44).


63 – Ara, pereżempju, f’dan ir-rigward, is-sentenza Henkel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


64 – Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65 – Ara l-punti 38 sa 43 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.


66 – Sentenza Painer (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punt 74.


67 – COM(2010) 748 finali, p. 8; ara fuq dan is-suġġett, B. Hess, “The Brussels I Regulation: Recent case law of the Court of Justice and the Commission’s proposed recast”, Common Market Law Review 2012, p. 1075 et seq, b’mod partikolari, p. 1105, u, b’mod ġenerali, fuq ir-relazzjoni, de lege lata et ferenda, ma’ pajjiżi terzi, F. Netzer, Status quo und Konsolidierung des Europäischen Zivilverfahrensrechts, Mohr Siebeck, Tübingen 2011, p. 52 et seq.


68 – COM(2010) 748 finali, p. 27.


69 – Ara f’dan is-sens, diġà (fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell), R. Geimer, R. A. Schütze, Europäisches Zivilverfahrensrecht, L-Ewwel Edizzjoni, Verlag C. H. Beck, Munich 1997, Art. 6 punti 7 u 8, li jinvokaw raġunijiet ta’ ekwità u r-ratio conventionis, u (fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001) R. Geimer, f’ R. Geimer/R. A. Schütze, Europäisches Zivilverfahrensrecht, it-Tielet Edizzjoni, Verlag C. H. Beck, Munich 2010, Art. 6 punti 4 et seq, kif ukoll J. Kropholler, Europäisches Zivilprozessrecht, it-Tmien Edizzjoni, Verlag Recht und Wirtschaft, Frankfurt am Main 2007, Art. 6, punt 7, partikolarment in-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 u r-referenzi ċċitati, u S. Leible, f’Rauscher, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), Art. 6 Brüssel I-VO, punt 7 u r-referenzi ċċitati.


70 – Ara, fuq din il-kwistjoni, F. Brandes, Der gemeinsame Gerichtsstand: Die Zuständigkeit im europäischen Mehrparteienprozess nach Art. 6 Nr. 1 EuGVÜ/LÜ, Verlag Peter Lang, Frankfurt 1998, p. 91 et seq, b’mod partikolari, p. 95, H. Gaudemet-Tallon, Compétence et exécution des jugements en Europe: règlement 44/2001, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1988 et 2007), ir-Raba’ Edizzjoni, L.G.D.J., Pariġi 2010, p. 255.


71 – Ara S. Leible, f’Rauscher, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), Art. 6 Brüssel I-VO, punt 7 u referenzi ċċitati.