Language of document : ECLI:EU:T:2019:815

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Novembru 2019 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati ma’ operazzjoni navali mmexxija fil-Mediterran ċentrali fl-2017 minn Frontex – Bastimenti użati – Rifjut ta’ aċċess – Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tas-sigurtà pubblika”

Fil-Kawża T‑31/18,

Luisa Izuzquiza, residenti f’Madrid (Spanja),

Arne Semsrott, residenti f’Berlin (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn S. Hilbrans, R. Callsen, avukati, u J Pobjoy, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), irrappreżentata minn H. Caniard u T. Knäbe, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur u J. Currall, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni CGO/LAU/18911c/2017 tal-Frontex, tal-10 ta’ Novembru 2017, li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar l-isem, il-bandiera u t-tip ta’ kull bastiment użat minnha fil-Mediterran ċentrali fil-kuntest tal-operazzjoni konġunta Triton bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Nihoul, li qed jaġixxi bħala President, J. Svenningsen u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (iktar ’il quddiem “Frontex”) ġiet stabbilita fl-2004 u hija attwalment irregolata mir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU 2016, L 251, p. 1).

2        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2016/1624, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, ikkostitwita, skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, minn Frontex u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri inkarigati mill-amministrazzjoni tal-fruntieri, hija intiża sabiex tiżgura l-amministrazzjoni Ewropea integrata tal-fruntieri esterni, li “(d)an jinkludi l-indirizzar tal-isfidi migratorji u t-theddidiet futuri potenzjali f’dawk il-fruntieri, u b’hekk jingħata kontribut biex tiġi indirizzata l-kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera, biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà interna fl-Unjoni, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat il-moviment liberu tal-persuni fi ħdanha”.

3        Frontex tgħin lill-aġenziji ta’ ġestjoni tal-fruntieri u mill-gwardjani tal-kosti tal-Istati Membri, b’mod partikolari billi dawn tal-aħħar jiġu kkoordinati permezz tal-“operazzjonijiet konġunti” mal-Istat Membru ospitanti u ma’ Stati Membri oħra. Ir-regoli tal-ingaġġ, ir-riżorsi, il-persunal, il-materjal u l-infrastrutturi użati mill-parteċipanti huma stabbiliti mill-pjan ta’ operazzjoni speċifiku għal kull operazzjoni.

4        Frontex bdiet l-operazzjoni Triton fil-bidu ta’ Novembru 2014, wara li rċeviet allokazzjoni baġitarja addizzjonali mill-Kummissjoni Ewropea.

5        L-operazzjoni Triton kienet intiża sabiex ittejjeb is-superviżjoni u l-kontroll tas-sigurtà tal-fruntieri grazzi għal pattulji komuni u għal tagħmir għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri. Iż-żona operattiva tagħha kienet tkopri l-ilmijiet territorjali tal-Italja u ta’ Malta kif ukoll żoni ta’ riċerka u ta’ salvataġġ partikolari għal dawn iż-żewġ Stati Membri u li jestendu sa 138-il mil nawtiku fin-Nofsinhar ta’ Sqallija.

6        L-operazzjoni Triton 2017, bdiet fl-1 ta’ Jannar 2017, u ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2018.

7        Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 2016/1624, “[Frontex] għandha tkun soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)] meta tittratta applikazzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti tagħha”.

8        Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2016/1624 jipprevedi s-segwenti:

“L-Aġenzija għandha twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni fuq inizjattiva proprja dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tagħha. Hija għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni preċiża u dettaljata dwar l-attivitajiet tagħha.

L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni ma għandhomx ikunu detrimentali għall-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari bl-iżvelar ta’ informazzjoni operazzjonali li, jekk tkun disponibbli għall-pubbliku, tista’ tippreġudika l-kisba tal-objettiv tal-operazzjonijiet. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni għandhom jitwettqu bla preġudizzju għall-Artikolu 50 u f’konformità mal-pjanijiet rilevanti ta’ komunikazzjoni u tixrid adottati mill-bord amministrattiv.”

9        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 2016/1624 jipprevedi is-segwenti:

“[Frontex] għandha tikkomunika fuq kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-kompiti tagħha fuq l-inizjattiva tagħha stess. Hija għandha tippubblika informazzjoni relevanti inkluż ir-rapport annwali tal-attività […], u għandha tiżgura, […] b’mod partikolari li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw malajr informazzjoni oġġettiva, komprensiva, affidabbli u li tinftiehem faċilment fir-rigward tal-ħidma tagħha. Hija għandha tagħmel dan mingħajr ma tiżvela informazzjoni operazzjonali li, jekk tinħareġ fil-pubbliku, tippreġudika l-ilħuq tal-objettiv tal-operazzjonijiet.”

10      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 3, p. 331), permezz ta’ posta elettronika tal-1 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti, Luisa Izuzquiza u Arne Semsrott, ippreżentaw quddiem Frontex talba għal aċċess għal dokumenti li tinkludi informazzjoni relatata mal-isem, mat-tip u mal-bandiera tal-bastimenti kollha li hija kienet użat bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017 fil-Mediterran ċentrali fil-kuntest tal-operazzjoni Triton.

11      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Settembru 2017, ikkomunikata lir-rikorrenti fl-istess jum, Frontex irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tas-sigurtà pubblika.

12      F’din l-ittra, Frontex indikat is-segwenti:

“L-informazzjoni li tinsab fid-dokument mitlub tippermetti, flimkien ma’ informazzjoni li taqa’ fid-dominju pubbliku bħal dik disponibbli fuq is-sit internet www.marinetraffic.com, li wieħed isir jaf bil-pożizzjoni attwali tal-bastimenti tal-ippattuljar.

Jekk kienu fil-pussess ta’ din l-informazzjoni, netwerks kriminali involuti fit-traffikar illegali ta’ immigranti u t-traffikar tal-bnedmin jistgħu jkollhom għarfien taż-żoni u tal-ħinijiet tal-pattulja, u dan jippermettilhom li jadottaw il-mod tagħhom ta’ kif joperaw sabiex jevitaw is-sorveljanza tal-fruntieri u, għaldaqstant, li jaqsmu l-fruntiera esterna u jaċċedu b’mod irregolari għat-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Is-sorveljanza tal-fruntieri għandha l-għan li tiġġieled kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u tipprevjeni kull theddida għas-sigurtà interna tal-Istati Membri u għas-sigurtà pubblika.”

13      Permezz ta’ posta elettronika tad-29 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, talba konfermattiva.

14      Fit-talba konfermattiva tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li, l-ewwel nett, l-isem, il-bandiera u t-tip ta’ kull bastiment involut fl-operazzjoni Sophia tas-SEAE (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna) kienu ppubblikati b’mod proattiv online u b’mod attiv fil-medja, fit-tieni lok, l-isem, il-bandiera u tip ta’ kull bastiment involut fl-operazzjoni Triton 2016 kienu għalhekk aċċessibbli online u, fit-tielet lok, fit-12 ta’ Settembru 2017, Frontex kienet ippubblikat b’mod attiv fuq Twitter parti mill-informazzjoni mitluba.

15      Permezz tal-posta elettronika tas-17 ta’ Ottubru 2017, Frontex talbet terminu addizzjonali ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol abbażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

16      Permezz tad-deċiżjoni CGO/LAU/18911c/2017 tal-10 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), Frontex ikkonfermat ir-rifjut li tiżvela d-dokumenti mitluba għar-raġuni li “l-iżvelar ta’ dettalji dwar it-tagħmir tekniku użat fl-operazzjonijiet li għaddejjin bħalissa jippreġudika s-sigurtà pubblika”.

17      F’din l-ittra, Frontex iddikjarat mill-ġdid is-segwenti:

–        “[a]bbażi tal-informazzjoni inkluża fid-dokumenti mitluba, [jista’] jkun possibbli, billi jiġu kkombinati ma’ informazzjoni pubblikament disponibbli fuq ċerti siti Web/strumenti marittimi, li jsir jaf bil-pożizzjoni attwali tal-bastimenti li jkunu jippattuljaw,

–        [j]ekk jiksbu din l-informazzjoni, in-netwerks kriminali involuti fit-traffikar illegali ta’ immigranti u t-traffikar tal-bnedmin jistgħu jkollhom għarfien taż-żoni u tal-ħinijiet tal-pattulja, u dan jippermettilhom li jadottaw modus operandi tagħhom ta’ kif joperaw sabiex jevitaw is-sorveljanza tal-fruntieri u, għaldaqstant, li jaqsmu l-fruntiera esterna u jaċċedu b’mod irregolari għat-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

19      Fis-27 ta’ Marzu 2018, Frontex ippreżentat ir-risposta tagħha.

20      Fit-30 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika tagħhom.

21      Fl-20 ta’ Lulju 2018, Frontex ippreżentat l-kontroreplika tagħha.

22      Fl-1 ta’ Ottubru 2018, Frontex ressqet talba sabiex kawża tinstema’ bil-magħluq skont l-Artikolu 109(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fl-24 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba sabiex kawża tinstema’ bil-magħluq.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba sabiex kawża tinstema’ bil-magħluq.

24      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit.

25      Permezz ta’ miżura istruttorja prevista fl-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lil Frontex tipproduċi “kull dokument li jinkludi informazzjoni dwar il-kunjom, il-bandiera u t-tip ta’ bastimenti tal-vapuri kollha użati fl-operazzjoni Triton mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Awwissu 2017”, filwaqt li ppreċiżat li, skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, dawn ma humiex ikkomunikati lir-rikorrenti. Frontex, b’risposta għal din il-miżura ta’ investigazzjoni, ipprovdiet dokument wieħed, li kien fih l-informazzjoni kollha meħtieġa, fit-termini previsti.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2019.

27      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lil Frontex għall-ispejjeż.

28      Frontex titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

29      Frontex tqis li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li t-talba ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kienet preċeduta u segwita minn serje ta’ talbiet imressqa separatament mir-rikorrenti (punt 33 tar-risposta), li jirrigwardaw, tal-inqas parzjalment, l-istess informazzjoni. Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti fir-realtà jridu jevitaw it-termini applikabbli għar-rikors, peress li d-deċiżjonijiet ta’ rifjut fir-rigward tat-talbiet l-oħra saru definittivi minħabba l-fatt li huma ma ġewx ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod ċar is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u d-digriet tat-2 ta’ Settembru 2009, E.ON Ruhrgas u E.ON Földgáz Trade vs Il-Kummissjoni, T‑57/07, mhux ippubblikat, EU:T:2009:297, punt 30).

31      Min-naħa l-oħra, rikors għal annullament intiż kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini mogħtija huwa inammissibbli (ara s-sentenza tat-11 ta’ Jannar 1996, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, C-480/93 P, EU:C:1996:1, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas-16 ta’ Marzu 1998, Goldstein vs Il-Kummissjoni, T-235/95, EU:T:1998:56, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fost it-talbiet simili ċċitati fil-punt 33 tar-risposta, hija biss it-talba tad-19 ta’ Ġunju 2017 li tat lok għal deċiżjoni preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-30 ta’ Ġunju 2017. Għaldaqstant, huwa biss fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni li d-deċiżjoni kkontestata jista’ jkollha natura konfermattiva.

33      Id-deċiżjoni kkontestata madankollu ma hijiex ta’ natura konfermattiva meta mqabbla ma’ dik tat-30 ta’ Ġunju 2017.

34      Fil-fatt, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, iż-żewġ talbiet ta’ aċċess jirrigwardaw informazzjoni differenti. It-talba tad-19 ta’ Ġunju 2017, li tat lok għad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, kienet tikkonċerna l-aċċess għal lista ta’ bastimenti li dak iż-żmien kienu użati minn Frontex fil-kuntest ta’ operazzjonijiet konġunti Triton u Poséidon, li fihom informazzjoni ddettaljata fuq il-flotta, inklużi l-ismijiet tal-bastimenti, is-sinjal tas-sejħa tagħhom, l-identifikazzjoni tas-servizz marittimu mobbli (MSSI), il-port tal-irmiġġ, il-veloċitajiet ta’ kruċiera, it-tip ta’ bastimenti u l-kapaċità tal-karburant, filwaqt li t-talba tal-1 ta’ Settembru 2017, li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata, kienet tirrigwarda l-isem, it-tip u l-bandiera ta’ dawn il-bastimenti matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017.

35      Għalkemm it-talba tad-19 ta’ Ġunju 2017 kienet tinkludi sewwa informazzjoni identika għal dik mitluba fl-1 ta’ Settembru segwenti, jiġifieri l-ismijiet, il-bnadar u t-tipi ta’ bastiment użati fil-kuntest tal-operazzjoni Triton, il-perijodu kkonċernat minn dawn it-talbiet kien differenti. Filwaqt li l-informazzjoni mitluba fid-19 ta’ Ġunju 2017 kienet tirrigwarda l-bastimenti użati fid-data ta’ din it-talba, it-talba tal-1 ta’ Settembru 2017 kienet tirrigwarda l-bastimenti użati matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017, u għalhekk tlestiet fil-mument tal-imsemmija talba. Barra minn hekk, l-ewwel waħda minn dawn it-talbiet tressqet minn Arne Semsrott, filwaqt li t-tieni waħda tressqet miż-żewġ rikorrenti.

36      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tal-1 ta’ Settembru 2017 hija differenti minn dik tad-19 ta’ Ġunju 2017, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni li tikkonferma dik tat-30 ta’ Ġunju 2017.

37      Konsegwentement, dan ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

38      Ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

39      L-ewwel motiv jinkludi żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jqisu li Frontex kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn hija ma eżaminatx jekk kull dokument mitlub jaqax taħt l-eċċezzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika, filwaqt li, fit-tieni parti, ir-rikorrenti jallegaw li Frontex kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

40      L-erba’ motivi l-oħra huma bbażati rispettivament fuq:

–        il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn id-deċiżjoni hija bbażata fuq fatti manifestament ineżatti: il-bastimenti użati fil-kuntest tal-operazzjoni Triton ma jistgħux jiġu segwiti b’mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inġenerali matul il-missjonijiet;

–        il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-bastimenti użati matul perijodu preċedenti ma jwassalx awtomatikament għal żvantaġġi għas-sorveljanza tal-fruntieri;

–        il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn parti mill-informazzjoni mitluba kienet diġà ġiet ippubblikata;

–        il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-eventwali riskju li netwerks kriminali jevitaw is-sorveljanza tal-fruntieri ma jiġġustifikax ir-rifjut li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar it-tip jew il-bandiera tal-bastimenti kkonċernati.

41      It-tieni parti tal-ewwel motiv ser tiġi eżaminata fl-aħħar lok.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn Frontex ma eżaminatx jekk kull dokument mitlub jaqax taħt l-eċċezzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika

42      Ir-rikorrenti jallegaw li Frontex ma wettqitx, fid-deċiżjoni kkontestata, eżami individwali tad-dokumenti differenti li fihom l-informazzjoni mitluba sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

43      Frontex tqis li l-ewwel parti tal-ewwel motiv ma hijiex fondata u tenfasizza li r-rikorrenti talbu l-aċċess mhux għal dokumenti partikolari, iżda għal data, li tinsab f’dokumenti mhux iddeterminati.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħhom tal-1 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti talbu li jaċċedu għal “dokumenti li jkun fihom informazzjoni” dwar l-isem, it-tip u l-bandiera tal-bastimenti kollha użati minn Frontex bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017 fil-Mediterran ċentrali fil-kuntest tal-operazzjoni Triton 2017.

45      Fir-rigward ta’ tali talba, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-talbiet għal aċċess għandhom jirrigwardaw dokumenti u li, skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, it-talbiet għal aċċess għandhom isiru “b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument [mitlub]”.

46      Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, “[j]ekk applikazzjoni m’hijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess billi, per eżempju, tagħti tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti”.

47      Il-proċedura prevista fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża, prinċipalment, li tippermetti trattament mgħaġġel u faċli tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal dawn id-dokumenti u, sussidjarjament, li tevita, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li l-istituzzjoni jkollha volum ta’ xogħol sproporzjonat (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2018, Malta vs Il-Kummissjoni, T-653/16, EU:T:2018:241, punt 77; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C-127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 25, 27 u 28).

48      Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li, “[s]abiex id-drittijiet taċ-ċittadin taħt dan ir-Regolament isiru effettivi, kull istituzzjoni għandha tagħti aċċess pubbliku lil reġistru ta’ dokumenti”.

49      F’dan il-każ, Frontex ma żammitx reġistru ta’ dokumenti f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija lanqas ma stiednet lir-rikorrenti sabiex jippreċiżaw iktar it-talba tagħhom ta’ aċċess u ma għinithomx sabiex jagħmlu dan. Frontex lanqas ma tidher li pprovdiet mezzi oħra li jistgħu jgħinu lir-rikorrenti sabiex isibu, jiddeskrivu jew jiddefinixxu d-dokumenti rilevanti.

50      B’reazzjoni għal miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali, Frontex bagħtet dokument li jinkludi l-informazzjoni kollha mitluba mir-rikorrenti. Fis-seduta, hija indikat li kienet ħadet estratti minn din l-informazzjoni minn database elettronika, qabel ma kkompilathom fid-dokument trażmess lill-Qorti Ġenerali.

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kien jikkonċerna biss id-dokumenti eżistenti u effettivament fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata, id-distinzjoni bejn dokument eżistenti u dokument ġdid, fir-rigward tad-databases elettroniċi, għandha ssir abbażi ta’ kriterju adattat għall-ispeċifiċitajiet tekniċi ta’ dawn id-databases u b’mod konformi mal-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 li huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 4 u mill-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi ggarantit aċċess daqstant wiesa’ possibbli għad-dokumenti (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Typke vs Il-Kummissjoni, C-491/15 P, EU:C:2017:5, punti 31 u 35).

52      Għandha tiġi kklassifikata bħala dokument eżistenti l-informazzjoni kollha li tista’ tiġi estratta minn database elettronika fil-kuntest tal-użu normali tagħha bl-għajnuna tal-għodod ta’ tfittxija pprogrammati minn qabel, anki jekk din l-informazzjoni ma tkunx għadha ntweriet taħt din il-forma jew qatt ma kienet is-suġġett ta’ tfittxija mill-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Typke vs Il-Kummissjoni, C-491/15 P, EU:C:2017:5, punt 37).

53      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1049/2001, jistgħu jikkostitwixxu dokument minn informazzjoni li tinsab f’database billi jużaw l-għodod ta’ tfittxija eżistenti (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Typke vs Il-Kummissjoni, C‑491/15 P, EU:C:2017:5, punt 38).

54      Meta jiġi ġġenerat dokument li jkun fih tali informazzjoni, l-istituzzjoni jew l-aġenzija kkonċernata ma hijiex obbligata twettaq eżami individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li minnhom toriġina l-informazzjoni mitluba, peress li l-parti essenzjali hija li, bħalma kien il-każ f’din il-kawża, l-informazzjoni inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ tali eżami.

55      Għalhekk l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn id-deċiżjoni hija bbażata fuq fatti manifestament ineżatti

56      Ir-rikorrenti jikkontestaw li, bħalma affermat Frontex fl-ittra tat-8 ta’ Settembru 2017 u fid-deċiżjoni kkontestata, huwa possibbli li jiġu segwiti l-bastimenti użati fil-kuntest tal-operazzjoni Triton permezz ta’ siti tal-internet marittimi miftuħa għall-pubbliku bħalma huwa marinetraffic.com. Il-bastimenti użati fil-kuntest tal-operazzjoni Triton huma mgħammra b’tagħmir li jinkludi Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (SIA) li tippermetti li jiġu kkomunikati, b’mod partikolari, isimhom, il-pożizzjoni tagħhom, il-veloċità u r-rotta tagħhom permezz ta’ trażmissjonijiet radjofoniċi għal stazzjonijiet jew bis-satellita. Madankollu, huma ma jipproċessawx l-informazzjoni SIA tagħhom meta jkunu fil-missjoni b’tali mod li jevitaw li jkunu jistgħu jiġu identifikati. Minħabba din il-prattika, l-informazzjoni dwar l-identità tal-bastimenti użati ma tistax tgħin lil terzi li jkollhom għarfien tal-pożizzjoni jew tal-abitudnijiet ta’ ppattuljar ta’ dawn il-bastimenti meta dawn ikunu fuq missjoni, b’mod partikolari sabiex jissorveljaw il-fruntieri. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-motiv invokat minn Frontex fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorrispondix għar-realtà.

57      Frontex tqis li dan l-argument ma huwiex fondat.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, bħalma jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 61; ara, ukoll, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T‑851/16, EU:T:2018:69, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Dan id-dritt ta’ aċċess huwa wkoll suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interessi pubbliċi jew privati (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 62, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 35).

60      B’mod iktar speċifiku, u b’mod konformi mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li tawtorizza lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ din tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni (sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 35).

61      Peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, EU:C:2007:75, punt 63, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 36) b’mod li s-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C-365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 36).

62      Fil-fatt, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet tikkomunika, hija għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tinvoka din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Il-Kunsill vs in’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 37).

63      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat sistema partikolari għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku, f’dak li jirrigwarda s-sigurtà pubblika, id-difiża u l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali kif ukoll il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru.

64      Fir-rigward ta’ dawn l-interessi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali tal-interessi pubbliċi kkonċernati, flimkien man-natura obbligatorja tar-rifjut ta’ aċċess li, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi opposta mill-istituzzjoni, meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument kien jikser dawn l-interessi, jagħti lid-deċiżjoni li għandha għalhekk tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta’ prudenza partikolari u li, f’dan il-każ, tali deċiżjoni teħtieġ għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 35, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 38).

65      B’hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprekludix li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet relatati mal-interess pubbliku previsti fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjoni kkonċernata jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudikax l-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni u, b’mod korrelattiv għal dan, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument abbażi ta’ waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, EU:C:2007:75, punt 64, u tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 40).

66      Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat f’dan il-każ jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, Frontex ipprovdietx spjegazzjonijiet plawżibbli dwar kif l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u jekk, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-allegat preġudizzju jistax jitqies li huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T-851/16, EU:T:2018:69, punt 41).

67      F’dan il-każ, il-motiv jikkontesta l-eżattezza materjali tal-affermazzjoni magħmula minn Frontex fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, jekk l-informazzjoni mitluba tiġi żvelata, din tista’ tiġi kkumbinata b’informazzjoni aċċessibbli fuq ċerti siti tal-Internet jew ta’ strumenti marittimi sabiex wieħed isir jaf il-pożizzjoni tal-bastimenti li jipparteċipaw fl-operazzjoni Triton.

68      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu, b’mod speċifiku, li ma huwiex possibbli li tiġi segwita l-pożizzjoni tal-bastimenti li jipparteċipaw fl-operazzjoni Triton 2017 grazzi għas-sit www.marinetraffic.com, iċċitat minn Frontex fl-ittra tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2017, peress li dawn il-bastimenti jitfu t-transponders tagħhom waqt il-missjonijiet tagħhom bil-konsegwenza li huma ma jemettu ebda sinjal li jippermetti li jiġu lokalizzati bis-saħħa ta’ dan is-sit.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Frontex waqt is-seduta, it-transponders tal-bastimenti li jipparteċipaw fil-missjonijiet organizzati minn Frontex ma jiġux mitfija b’mod sistematiku, matul dawn il-perijodi.

70      Bil-maqlub, mid-dikjarazzjonijiet tal-Frontex jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fir-rikors, it-transponders installati fuq il-bastimenti huma kultant attivi, id-deċiżjoni li jinxtgħelu jew li jintfew hija f’idejn il-kmandant ta’ kull bastiment. Huwa dan tal-aħħar li għandu, fil-fatt, jiddetermina fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom il-batsiment jopera jekk ikun opportun, għal raġunijiet ta’ sigurtà, li jevita li jkun lokalizzat jew jekk, għall-kuntrarju, pereżempju sabiex tiġi evitata kolliżjoni jew sabiex jiġu ssalvagwardjati persuni f’diffikultà, li l-pożizzjoni tal-bastiment tidher fuq ir-radars tal-bastimenti l-oħra.

71      Barra minn hekk, skont Frontex, l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti hija suffiċjenti, anki meta s-sistema SIA ma tintużax, sabiex jiġi lokalizzat, u sussegwentement jiġi segwit bastimenti jekk din tiġi kkombinata, minn naħa, ma’ mezzi ta’ sorveljanza ta’ teknoloġija baxxa (low-tech), bħall-osservazzjoni tal-movimenti tal-bastimenti minn kosta jew minn bastiment jew bastimenti oħra, jew, min-naħa l-oħra, ma’ mezzi ta’ sorveljanza ta’ teknoloġija għolja (high-tech) bħall-użu ta’ drones, peress li l-użu ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ mezzi huwa mifruxa fost il-gruppi kriminali attivi f’ibħra internazzjonali jew f’żoni marittimi oħra.

72      F’każ li jillokalizzaw il-bastimenti, it-traffikanti jkollhom l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu evitati l-kontrolli intiżi sabiex jiġi evitat l-aċċess illegali fil-fruntieri.

73      Il-possibbiltà li tali bastimenti jistgħu jiġu lokalizzati mit-traffikanti tikkostitwixxi riskju li jaqa’ taħt is-sigurtà pubblika, f’kuntest fejn dawn it-traffikanti ma jeżitawx li jattakaw il-bastimenti, xi kultant b’armi tal-gwerra, jew li jagħmlu manuvri li jistgħu jipperikolaw l-ekwipaġġi u l-materjal.

74      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-argumenti invokati mir-rikorrenti, l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Frontex fid-deċiżjoni kkontestata jżommu l-plawsibbiltà tagħhom u juru, kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju prevedibbli, u mhux sempliċiment ipotetiku, għas-sigurtà pubblika, li jiġġustifika l-użu tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 63 sa 65, għandha tiġi rrikonoxxuta lil Frontex għall-implimentazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

75      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-bastimenti użati matul perijodu preċedenti ma jwassalx awtomatikament għal żvantaġġi għas-sorveljanza tal-fruntieri

76      Ir-rikorrenti jqisu li Frontex wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutatilhom l-informazzjoni mitluba peress li din l-informazzjoni kienet tikkonċerna l-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017, li kien diġà spiċċa meta ġiet ippreżentata t-talba tagħhom u a fortiori meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

77      Frontex tikkontesta l-motiv.

78      F’dan il-każ, it-talba għal aċċess ġiet ifformulata fl-1 ta’ Settembru 2017 u kienet tirrigwarda informazzjoni dwar il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017.

79      Ċertament, il-perijodu li miegħu kienet relatata l-informazzjoni mitluba kien jiskadi fil-mument tal-formulazzjoni tat-talba. Xorta jibqa’ l-fatt li din kienet tidħol fi spazju temporali itwal li matulu l-operazzjoni Triton 2017 kellha titmexxa u li, min-naħa tagħha, kienet tiskadi fil-31 ta’ Jannar 2018.

80      Peress li l-operazzjoni Triton 2017 kienet għadha għaddejja meta saret it-talba, ir-riskju li l-informazzjoni mitluba tiġi użata minn kriminali sabiex jiġi lokalizzat il-bastimenti li jipparteċipaw f’din l-operazzjoni wara t-30 ta’ Awwissu 2017 kompla jeżisti.

81      F’dan ir-rigward, ma hemm ebda raġuni li jiġi kkunsidrat li, kif jissuġġerixxu r-rikorrenti, il-flotta tal-bastimenti li tipparteċipa fl-operazzjoni Triton 2017 ġiet mibdula bejn il-31 ta’ Awwissu 2017 u l-1 ta’ Settembru ta’ wara.

82      Għaldaqstant, Frontex ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward meta rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

83      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn parti mill-informazzjoni mitluba kienet diġà ġiet ippubblikata

84      Ir-rikorrenti jqisu li Frontex wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma tathomx aċċess parzjali għall-informazzjoni mitluba minkejja li din l-informazzjoni kienet diġà ġiet żvelata minn qabel.

85      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, l-ewwel nett, fit-2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ppubblikat, fin-numru 22 tan-Noti Strateġiċi taċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika (CESP) il-mezzi navali li servew fil-kuntest tal-operazzjoni Triton 2016, fit-tieni lok, il-Kummissjoni u s-SEAE, rispettivament fl-2017 u fl-2016, ippubblikaw informazzjoni dwar il-bastimenti użati fil-kuntest tal-operazzjoni Sophia EUNAVFOR MED u, fit-tielet lok, Frontex, fl-2017, ippubblikat fuq Twitter l-isem, il-bandiera u t-tip ta’ diversi bastimenti użati għall-operazzjoni konġunta Triton 2017.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni ppubblikata ċċitata mir-rikorrenti ma hijiex paragunabbli għall-informazzjoni li huma talbu fl-1 ta’ Settembru 2017.

87      Qabel kollox, l-informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Frar 2017 fin-Noti Strateġiċi taċ-CESP kienet relatata mal-operazzjoni Triton 2016, li kienet tlestiet, filwaqt li l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti fl-1 ta’ Settembru 2017 kienet tikkonċerna l-operazzjoni Triton 2017, li kienet għadha pendenti.

88      Sussegwentement, l-operazzjoni Sophia EUNAVFOR MED ma hijiex operazzjoni mmexxija minn Frontex, iżda operazzjoni politikament ikkontrollata u strateġikament mmexxija mill-Kumitat politiku u ta’ sigurtà maħruġa mis-SEAE, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

89      Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppubblikata dwar din il-missjoni kienet tikkonċerna informazzjoni dwar is-sena 2016.

90      Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li ċerta informazzjoni ppubblikata minn Frontex fuq Twitter fl-2017 kienet tikkonċerna bastimenti użati fil-kuntest tal-operazzjoni Triton 2017, din l-informazzjoni ma tantx kienet numeruża u kienet relatata ma’ mumenti differenti, b’tali mod li ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ dik kollha li ġiet mitluba mir-rikorrenti fl-1 ta’ Settembru 2017, li kienet tikkonċerna l-flotta kollha użata fil-kuntest tal-operazzjoni Triton 2017 bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Awwissu 2017.

91      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm Frontex hija marbuta, skont l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 2016/1624, li tikkomunika mal-pubbliku dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-missjonijiet tagħha, hija ma tistax tiżvela informazzjoni operazzjonali li tista’ tkun ta’ preġudizzju għat-twettiq tal-għan tal-operazzjonijiet tagħha.

92      F’dan il-każ, l-informazzjoni invokata mir-rikorrenti ġiet ippubblikata minn Frontex fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ komunikazzjoni, li jimplika li, minn qabel, ikun ġie vverifikat li l-iżvelar tagħha kien kompatibbli mal-kompiti kollha li kienu jirriżultaw mill-mandat tagħha u li dan l-iżvelar eventwali jkun ġie bbilanċjat mal-bżonnijiet tas-sigurtà pubblika.

93      B’hekk, it-trażmissjoni, minn Frontex, ta’ messaġġi qosra minn Twitter li jkun fiha ċerta informazzjoni magħżula fil-kuntest tal-obbligi ta’ komunikazzjoni tagħha ma tistax titqies li tifforma preċedent li jġiegħelha tikkomunika informazzjoni li hija tqis li tipperikola s-sigurtà pubblika.

94      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-pubbliku seta’, abbażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni fuq l-operazzjoni Triton 2016, jipprevedi, b’mod eżatt, mill-inqas, in-numru u t-tip ta’ bastimenti użati matul is-sena ta’ wara.

95      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Xejn ma jippermetti, fil-fatt, li jiġi kkunsidrat, fil-mument meta l-informazzjoni li tirrigwarda s-sena 2016, li l-operazzjoni tkun organizzata, fl-2017, bl-istess numru u l-istess tip ta’ bastimenti. B’hekk, il-pubbliku ma setax, abbażi ta’ informazzjoni mxerrda fl-2016, iżomm informazzjoni preċiża dwar il-mod li bih ġiet organizzata l-missjoni fl-2017.

96      Barra minn hekk, l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti ma kinitx tirrigwarda biss in-numru u t-tip ta’ bastimenti użati matul l-operazzjoni Triton 2017, iżda wkoll fuq isimhom u l-bandiera tagħhom, li huma informazzjoni importanti għall-identifikazzjoni tal-bastimenti.

97      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-raba’ motiv ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-eventwali riskju li netwerks kriminali jevitaw is-sorveljanza tal-fruntieri ma jiġġustifikax ir-rifjut li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar it-tip jew il-bandiera tal-bastimenti kkonċernati

98      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li Frontex kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ma tathomx aċċess għall-informazzjoni dwar il-bandiera u t-tip tal-bastimenti użati fil-kuntest tal-operazzjoni Triton 2017.

99      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, anki jekk jitqies li, fil-każ fejn l-informazzjoni mitluba tkun ġiet żvelata, ir-riskju jeżisti li netwerks kriminali jevitaw is-sorveljanza tal-fruntieri, huwa ma jiġġustifikax ir-rifjut li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar il-bandiera u dwar it-tip tal-bastimenti kkonċernati. Fil-fatt, l-identifikazzjoni ta’ bastimenti fuq is-siti internet issir bl-isem tal-bastiment, b’mod li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-bandiera u t-tip ta’ bastiment ma tippermettix li jiġu identifikati.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex ikkontestat li, fuq is-sit www.marinetraffic.com, iċċitat minn Frontex fl-ittra tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2017, l-identifikazzjoni tal-bastimenti ssir bl-isem tal-bastiment.

101    Fil-kontroreplika, Frontex madankollu sostniet li kienu jeżistu mezzi oħra ta’ kif il-bastimenti jiġu segwiti, b’mod partikolari soluzzjonijiet b’teknoloġija baxxa, bħalma huma s-sempliċi osservazzjoni tal-movimenti tal-bastimenti mill-kosta jew minn bastiment jew bastimenti oħra, jew b’mezzi ta’ sorveljanza b’teknoloġija għolja, bħalma huwa l-użu ta’ drones.

102    Huwa ċar li, għall-użu ta’ dawn il-mezzi l-oħra, ta’ informazzjoni bħall-bandiera u t-tip ta’ bastimenti jikkostitwixxu wkoll informazzjoni utli.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Frontex setgħet, fid-deċiżjoni kkontestata, tirrifjuta l-aċċess għall-isem tal-bastimenti kif ukoll għall-informazzjoni l-oħra mitluba, jiġifieri l-bandiera u t-tip tal-bastimenti kkonċernati mill-operazzjoni Triton 2017.

104    Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

105    Ir-rikorrenti jilmentaw li Frontex ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, kif informazzjoni dwar l-isem, it-tip u l-bandiera ta’ bastiment jippermettu lil terzi li jsegwuh fuq ċerti siti internet.

106    Frontex tqis li t-tieni parti tal-ewwel motiv hija infondata.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53, u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

109    F’dan il-każ, Frontex, fid-deċiżjoni kkontestata, esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni mitluba ma setgħetx tiġi żvelata. F’dan ir-rigward, hija sostniet li, jekk l-informazzjoni mitluba tiġi żvelata, ikun possibbli, billi din tiġi kkombinata ma’ informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq ċerti siti tal-internet jew ta’ strumenti marittimi, li wieħed isir jaf il-pożizzjoni tal-batsimenti pattuljanti u li, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, in-netwerks kriminali involuti fit-traffikar ta’ immigranti u t-traffikar tal-bnedmin, ikunu informati biż-żoni u l-ħinijiet tal-pattulja tal-bastimenti, u b’hekk jippermettilhom jadattaw il-modus operandi tagħhom sabiex jevitaw is-sorveljanza tal-fruntieri u, għaldaqstant, li jaqsmu l-fruntiera esterna u jaċċedu b’mod irregolari għat-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni.

110    Fihom infushom, dawn l-ispjegazzjonijiet jippermettu lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li għalihom l-aċċess għall-informazzjoni mitluba ġie rrifjutat lilhom u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li dawn jenfasizzaw kif, flimkien ma’ informazzjoni faċilment aċċessibbli, l-informazzjoni mitluba tista’ tintuża minn netwerks ta’ traffikanti sabiex tinħoloq sitwazzjoni fejn, b’mod raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, is-sigurtà pubblika tkun affettwata.

111    Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, Frontex kellha tindika kif l-informazzjoni mitluba, ladarba din tkun ġiet ipprovduta lilhom, setgħet tiġi użata, flimkien mas-siti tal-internet u tal-strumenti jew ta’ sorsi oħra disponibbli pubblikament, sabiex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni futura probabbli tal-bastimenti li jipparteċipaw fl-operazzjoni Triton.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjoni jew l-aġenzija konvenuta, meta tiġi kkonfrontata b’talba intiża sabiex tiżvela ċerta informazzjoni, ma hijiex obbligata, fil-motivi tal-att ikkontestat, li tiżvela l-elementi li għandhom bħala effett, jekk l-imsemmija informazzjoni tiġi żvelata, li jippreġudikaw l-interess pubbliku kopert mill-eċċezzjoni invokata minn din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T‑852/16, EU:T:2018:71, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Jekk tali obbligu jeżisti, l-istituzzjoni jew l-aġenzija, meta tipprovdi dawn l-ispjegazzjonijiet fuq l-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni mitluba, toħloq hija stess sitwazzjoni fejn, bl-aġir tagħha, is-sigurtà pubblika, li hija għandha bħala missjoni, b’mod partikolari, li tipproteġi, titqiegħed f’periklu.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni.

115    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

116    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

118    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub minn Frontex.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Luisa Izuzquiza u Arne Semsrott huma kkundannati għall-ispejjeż.

Nihoul

Svenningsen

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Novembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.