Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-8 ta’ Frar 2023 – M-GbR vs Finanzamt O

(Kawża C-68/23, Finanzamt O)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M-GbR

Konvenut: Finanzamt O

Domandi preliminari

Ikun hemm vawċer b’użu uniku fis-sens tal-Artikolu 30a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva dwar il-VAT) 1 meta

għalkemm il-post tal-provvista ta’ servizzi li magħha huwa marbut il-vawċer ikun stabbilit sa fejn dawn is-servizzi jkunu intiżi sabiex jiġu pprovduti fit-territorju ta’ Stat Membru lil konsumaturi finali,

il-fizzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30b(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li tgħid li t-trasferiment tal-vawċer bejn persuni taxxabbli jgħodd, huwa wkoll, bħala provvista ta’ servizzi, li magħha huwa marbut il-vawċer, twassal għal provvista ta’ servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv (u għalhekk f’dan il-każ ikun hemm vawċer b’użi multipli): l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30b(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jgħid li l-provvista effettiva tas-servizzi li għaliha l-fornitur tas-servizzi jirċievi bħala korrispettiv jew parti minn tali korrispettiv vawċer b’użi multipli hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT, filwaqt li kull trasferiment preċedenti ta’ dan il-vawċer b’użi multipli ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud, jipprekludi obbligu ta’ taxxa stabbilit fuq bażi oħra (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Lebara, C-520/10, EU:C:2012:264)?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1065 tas-27 ta’ Ġunju 2016 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trattament tal-vawċers (ĠU 2016, L 177, p. 9).