Language of document : ECLI:EU:F:2007:203

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

21 ta’ Novembru 2007

Kawża F-98/07 R

Nicole Petrilli

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u għal miżuri provviżorji – Urġenza – Assenza”

Suġġett: Rikors, imressaq taħt l-Artikoli 242 KE, 243 KE, 157 KEEA u 158 KEEA, li permezz tiegħu N. Petrilli titlob, minn naħa, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ta’ l-20 ta’ Lulju 2007, li tiċħad it-talba tagħha, imressqa skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tikseb it-tiġdid tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ miżuri provviżorji.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Fumus boni juris – Urġenza – Natura kumulattiva

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2)

1.      Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ miżuri provviżorji rigward l-urġenza u l-fumus boni juris huma kumulattivi, b’mod illi talba għal miżuri provviżorji għandha tkun miċħuda meta kundizzjoni waħda minn dawn ma tkunx sodisfatta.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod ta’ kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, billi ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-evalwazzjoni tal-bżonn li jiġu ordnati miżuri provviżorji.

(ara l-punti 19, 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, ĠabraSP p. I-A-171 u II-783, punti 12 u 13

2.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji mhijiex li jiġi assigurat kumpens għal dannu, iżda li jiggarantixxi l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti, fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrenti, li dawn ikunu deċiżi u jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Hija l-parti li titlob il-miżuri provviżorji li għandha tressaq il-prova li turi li ma tistax tistenna deċiżjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma ssofri dannu ta’ din in-natura.

(ara l-punti 29, 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il-Kummissjoni, C‑65/99 P(R), Ġabra p. I-1857, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il-Kummissjoni, T-173/99 R, ĠabraSP p. I‑A-155 u II-811, punt 25 ; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BCE, T‑320/02 R, ĠabraSP p. I-A-325 u II-1555, punt 27

3.      It-telf ta’ opportunità li tokkupa post vakanti fi ħdan istituzzjoni Komunitarja tikkostitwixxi dannu ta’ natura materjali u mhux morali.

Dannu ta’ natura purament pekunjarju, bħala prinċipju, ma jistax jitqies bħala irreparabbli, jew anki diffiċilment reparabbli, billi jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri.

(ara l-punti 35, 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1993, D. vs Il‑Kummissjoni, T‑549/93 R, Ġabra p. II-1347, punt 45 ; 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T-10/02, ĠabraSP p. I-A-2-129 u II-A-2-609, punt 56, u l‑ġurisprudenza ċċitata