Language of document : ECLI:EU:T:2013:503





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013 —
Pioneer Hi‑Bred International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑164/10)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament fl-ambjent — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq — Nuqqas tal-Kummissjoni li tressaq quddiem il-Kunsill abbozz ta’ deċiżjoni — Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni”

1.                     Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Intimazzjoni tal-istituzzjoni — Teħid ta’ pożizzjoni li ttemm in-nuqqas — Kunċett — Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 1999/468 — Proposta li tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament — Inklużjoni (Artikolu 265 TFUE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18, Artikolu 18; Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468, Artikolu 5) (ara l-punti 26, 27, 30-32)

2.                     Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Obbligu ta’ azzjoni li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Tressiq fil-ħin ta’ proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill għal deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 1999/468 — Astensjoni — Assenza ta’ ġustifikazzjoni — Nuqqas li tittieħed azzjoni (Artikolu 265 TFUE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18, Artikolu 18; Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468, Artikolu 5(4)) (ara l-punti 37, 42, 47, 52, 53, 58, 71, 80 u d-dispożittiv)

3.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Regoli proċedurali — Applikazzjoni diretta għall-proċeduri pendenti fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ (ara l-punt 73)

Suġġett

Talba għal dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 265 TFUE, li, billi naqset milli tressaq quddiem il-Kunsill abbozz ta’ miżuri li għandhom jiġu adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), u billi naqset milli tadotta kwalunkwe miżura oħra li skont l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tista’ tkun neċessarja sabiex tiżgura l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 6, p. 77), il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/18.

Dispożittiv

1)

Il-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, billi naqset milli tressaq quddiem il-Kunsill abbozz ta’ miżuri b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni.

2)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.