Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' April 2010 - Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-164/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Pioneer Hi-Bred International, Inc. (Johnston, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: J. Temple Lang, Solicitor u T. Müller-Ibold, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/18 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament, billi naqset milli tissottometti lill-Kunsill abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, u billi naqset milli tieħu kwalunkwe miżura oħra li skont l-iżvilupp tal-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet tista' tkun neċessarja sabiex tiżgura li d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva tiġi adottata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Fit-2 ta' Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat l-ewwel rikors tagħha skont l-Artikolu 232 KE 1 fejn sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni, bi ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/18/KE 2, sabiex tiżgura l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tikkonċerna n-notifika tar-rikorrenti dwar it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 li huwa reżistenti għall-insetti. Fil-21 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 1999/468, issottomettiet il-proposta għal deċiżjoni lill-kumitat regolatorju. Fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet qablu li, fid-dawl tas-sottomissjoni ta' proposta għal deċiżjoni, ir-rikors sar mingħajr skop u b'digriet tal-4 ta' Settembru 2009 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T-139/07.

F'dan ir-rikors ir-rikorrenti ssostni, skont l-Artikolu 265 TFUE, li l-Kummissjoni baqgħet ma għamlitx proposta dwar it-tqegħid fis-suq ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 li huwa reżistenti għall-insetti lill-Kunsill minkejja t-talba tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni naqset milli tissottometti abbozz ta' deċiżjoni dwar in-notifika tar-rikorrenti dwar is-sitt laqgħat tal-Kunsill dawr l-Ambjent li nżammu minn meta l-kumitat regolatorju ħareġ "ebda opinjoni" dwar il-proposta fil-25 ta' Frar 2009.

Ir-rikorrenti ssotni li taħt il-proċedura stabbilita fid-Direttiva, il-Kummissjoni hija obbligata tiżgura li tiġi adottata deċiżjoni dwar notifika u li din tiġi ppubblikata fi żmien it-terminu stabbilit fid-Direttiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li billi naqset milli tissottometti lill-Kunsill abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu, il-Kummissjoni naqset milli tiżgura li tali deċiżjoni tiġi adottata minkejja li r-rekwiżiti kollha fuq ir-rikorrenti u l-partijiet l-oħra taħt id-Direttiva kienu sodisfatti skont id-Direttiva.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li minkejja li l-Kummissjoni ntalbet tispjega l-pożizzjoni tagħha skont it-termini tal-Artikolu 265 TFUE hija naqset milli tagħmel hekk. Skont ir-rikorrenti, ir-raġunijiet tal-Kummissjoni talli naqset milli tissottometti abbozz ta' deċiżjoni lill-Kunsill huma irrelevanti u ma humiex ġustifikati. Fil-fehma tar-rikorrenti, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni għandu effetti ħżiena fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u kkawżalha telf speċifiku, ipprovat u kwantifikabbli.

____________

1 - Kawża T-139/07, Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni (ĠU 2007 C 155, p. 28)

2 - Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill, tat-12 ta' Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77)