Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' April 2010 - Niki Luftfahrt GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-162/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Niki Luftfahrt GmbH (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: H. Asenbauer, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea, tat-28 ta' Awwissu 2009, fil-Każ COMP/M.5540 - Lufthansa/Austrian Airlines, skont l-Artikolu 264(1) TFUE (li kien l-Artikolu 231(1) KE);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-28 ta' Awwissu 2009, K(2009)6690, li tiddikjara operat ta' konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.5540 - Lufthansa/Austrian Airlines). F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li l-ksib min-naħa ta' Deutsche Lufthansa AG tal-kontroll esklużiv tal-impriża Austrian Airlines, bil-kundizzjoni li jitwettqu l-impenji proposti minn Deutsche Lufthansa AG, huwa kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE.

Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, ir-rikorrenti, li topera kumpannija tal-ajru ffinanzjata minn fondi privati, issostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kisret it-Trattat KE (jew TFUE) u d-dispożizzjonijiet li jimplementawh. Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq definizzjoni tas-suq li tipprekludi l-evalwazzjoni tal-effetti negattivi kollha ta' din il-konċentrazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat l-effetti tal-konċentrazzjoni b'mod partikolari fuq ir-rotot tal-ajru lejn l-Ewropa tal-Lvant, b'mod li, f'dan ir-rigward, hemm fi kwalunkwe każ żball gravi u manifest ta' evalwazzjoni. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ma segwitx il-linji gwida dwar l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet orizzontali, skont ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi 1. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-konċentrazzjoni inkwistjoni jkollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni minħabba li jkun hemm tfixkil tal-kapaċità kompetittiva tal-kompetituri fis-swieq ikkonċernati, ma jkunx hemm operaturi oħra fis-swieq ikkonċernati u l-aċċess għas-suq fis-swieq ikkonċernati ma jkunx possibbli b'mod suffiċjentement faċli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-impenji proposti minn Deutsche Lufthansa AG u aċċettati mill-Kummissjoni mhumiex xierqa sabiex jipprekludu tfixkil sostanzjali għal kompetizzjoni effettiva.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 253 KE (Artikolu 296 TFUE) peress li l-Kummissjoni ma mmotivatx debitament id-deċiżjoni kkontestata inkwantu ma esponietx l-argumenti konkreti li abbażi tagħhom huwa eskluż tfixkil tal-kompetizzjoni fir-rotot tal-ajru lejn l-Ewropa tal-Lvant. Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatti mhumiex stabbiliti b'mod suffiċjenti.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni abbużat mill-poteri tagħha.

____________

1 - ĠU 2004, C 31, p. 5.