Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Frar 2022 – AB vs Land Hessen

(Kawża C-64/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wiesbaden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AB

Konvenut: Land Hessen

Intervenjent: SCHUFA Holding AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 77(1), moqri flimkien mal-Artikolu 78(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data1 għandu jinftiehem fis-sens li l-konklużjoni tal-awtorità superviżorja li hija kkomunikata minn din l-awtorità lill-persuna kkonċernata

għandha n-natura ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar petizzjoni, bil-konsegwenza li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità superviżorja taħt l-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament ikun bħala prinċipju limitat għall-kwistjoni ta’ jekk din l-awtorità ttrattatx l-ilment, jekk investigatx b’mod adegwat dwar is-suġġett tiegħu u jekk informatx lil-lanjant bil-konklużjoni tal-eżami,

jew

għandha tinftiehem bħala deċiżjoni fuq il-mertu adottata minn awtorità, bil-konsegwenza li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni dwar ilment adottat minn awtorità superviżorja skont l-Artikolu 78(1) tal-imsemmi regolament, id-deċiżjoni fuq il-mertu għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ sħiħ minn qorti, fejn huwa magħruf li, f’każijiet partikolari, pereżempju fil-każ li titneħħa s-setgħa diskrezzjonali, il-qorti tista’ anki tobbliga lill-awtorità superviżorja tieħu miżura konkreta fis-sens tal-Artikolu 58 tal-istess regolament?

Il-ħażna ta’ data minn kumpannija privata li tipprovdi informazzjoni kummerċjali, ħażna li fil-kuntest tagħha data personali li toriġina minn reġistru pubbliku bħalma huma d-“databases nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 79(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza 1 tinħażen mhux fl-okkażjoni ta’ każ konkret iżda sabiex tkun tista’ tingħata informazzjoni fil-każ li tintalab, hija kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

(a) Id-databases paralleli privati (b’mod partikolari d-databases miżmuma minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali) li jinħolqu b’mod parallel mad-databases statali u li fihom id-data li toriġina minn dawn tal-aħħar (f’dan il-każ, pubblikazzjonijiet fil-qasam tal-insolvenza) tinħażen għal żmien itwal minn dak previst fil-kuntest strett tar-Regolament 2015/848, moqri flimkien mad-dritt nazzjonali, huma bħala prinċipju leġittimi?

b) Jekk il-punt (a) tat-tielet domanda għandu jingħata risposta fl-affermattiv, mid-dritt li wieħed jintesa previst fl-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament 2016/679 jirriżulta li din id-data għandha titħassar meta t-tul tal-ipproċessar previst għar-reġistru pubbliku jkun skada?

Sa fejn il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 jista’ jitqies bħala l-unika bażi legali għall-ħażna ta’ data mill-kumpanniji privati li jipprovdu informazzjoni kummerċjali, u dan anki fir-rigward tad-data maħżuna fir-reġistri pubbliċi, għandu jitqies li tali kumpannija għandha diġà interess leġittimu f’sitwazzjoni fejn ma tiħux id-data li toriġina mir-reġistru pubbliku f’okkażjoni konkreta iżda tieħu din id-data sabiex tkun sussegwentement disponibbli fil-każ li ssir talba għal informazzjoni?

Il-kodiċi ta’ kondotta approvati mill-awtoritajiet superviżorji konformement mal-Artikolu 40 tar-Regolament 2016/679 u li jipprevedu perijodi ta’ superviżjoni u ta’ tħassir li jmorru lil hinn mill-perijodi ta’ ħażna previsti għar-reġistri pubbliċi jistgħu jissospendu l-ibbilanċjar previst fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

1     ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9.