Language of document : ECLI:EU:F:2013:33

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Marzu 2013

Kawża F-131/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta – Tardività tar-rikors – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors imressaq skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu tal-1 ta’ Awwissu 2011. Il-preżentata permezz tal-posta tal-oriġinali tar-rikors li ġie ppreċedut b’faks, fil-5 Novembru 2012, fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ġiet riċevuta fl-istess jum, ta’ dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġnali tar-rikors ippreżentat bil-posta.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Firma bil-miktub ta’ avukat – Regola sostanzjali ta’ applikazzjoni stretta – Assenza – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, paragrafu 3 tal-Artikolu 19, u paragrafu 1 tal-Artikolu 21 u Anness I, Artikolu 17(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data tar-riċevuta tal-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

1.      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li kull rikorrent għandu jiġi rrappreżentat minn persuna awtorizzata għal dan l-iskop u li, għaldaqstant, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jieħdu konjizzjoni ta’ kawża biss permezz ta’ rikors iffirmat minn din tal-aħħar. Skont l-Artikolu 7(1), tal-Anness I ta’ dan l-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli wkoll quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Madankollu, la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jipprovdu għal ebda deroga jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu.

Fil-fatt, dan ir-rekwiżit tal-firma bil-miktub tar-rappreżentant tar-rikorrent jiggarantixxi, bil-għan ta’ ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li din ma tkunx xogħol l-avukat jew il-konsulent awtorizzat għal dan l-iskop. Għalhekk, dan tal-aħħar, bħala awżiljarju tal-ġustizzja jissodisfa rwol essenzjali, mogħti lilu mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jippermetti, permezz tal-eżerċizzju tal-ministeru tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għal-imsemmi Tribunal. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat bħala regola sostanzjali tal-proċedura u għandu jiġi applikat strettament, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 18 u 19)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑174/96 P, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Mejju 2007, Il‑Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punti 50 sa 52

2.      Fil-kuntest tal-kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-preżentata tal-oriġinali tal-atti proċedurali kollha fit-termini imposti, l-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jippermettix lir-rappreżentant tal-parti kkonċernata li jagħmel żewġ firem bil-miktub distinti, anki jekk ikunu awtentiċi, waħda fuq id-dokument mibgħut bil-faks lir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal u l-oħra fuq l-oriġinali li tkun mibgħuta bil-posta jew imwassla bl-idejn fl-imsemmi Reġistru.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-oriġinali tal-att, li ġie fiżikament ippreżentat fir-Reġistru fl-għaxart ijiem wara t-trażmissjoni tiegħu bħala kopja permezz ta’ faks fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma kellux l-istess firma li kienet tidher fid-dokument mibgħut bil-faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal waslu żewġ atti proċedurali distinti, kull wieħed minnhom kopert b’firma speċifika għalih anki jekk mill-istess persuna. Peress li t-trażmissjoni tat-test mibgħut permezz tal-faks ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ trażmissjoni tad-dokument mibgħut permezz tal-faks ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

Barra minn hekk, it-terminu għall-preżentata tar-rikors huwa ffissat mill-Artikolu 91(3) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma jistax jiġi dderogat mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant, huwa importanti li l-oriġinali tar-rikors jiġi stabbilit mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, it-trażmissjoni permezz tal-faks hija mhux biss mod ta’ trażmissjoni, iżda tippermetti wkoll li jiġi ppruvat li l-oriġinali tar-rikors riċevut fir-Reġistru ta’ dan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara t-terminu kien diġà ġie stabbilit fit-terminu għall-preżentata tar-rikors.

(ara l-punti 21 sa 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, punti 37 sa 43